EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0354

Kawża C-354/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Cluj (ir-Rumanija) fit- 22 ta’ Lulju 2014 – SC Capoda Import Export SRL vs Registrul Auto Român, Bejan Benone Nicolae

OJ C 361, 13.10.2014, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Cluj (ir-Rumanija) fit-22 ta’ Lulju 2014 – SC Capoda Import Export SRL vs Registrul Auto Român, Bejan Benone Nicolae

(Kawża C-354/14)

2014/C 361/05

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SC Capoda Import Export SRL

Konvenuti Registrul Auto Român, Bejan Benone Nicolae.

Domandi preliminari

1)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 TFUE, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva [Qafas]) (1), u l-Artikolu 1(t) u (u) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 (2), jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 1(2) tal-Ordonanţa Guvernului (Digriet Governattiv) Nru 80/2000, sa fejn tistabbilixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, f’sitwazzjoni fejn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li, għall-moviment liberu (bejgħ, distribuzzjoni) ta’ prodotti u ta’ oġġetti ta’ konsum ġodda li jaqgħu fil-kategorija ta’ prodotti u oġġetti li jikkonċernaw is-sigurtà fit-toroq, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni kontra s-serq ta’ vetturi tat-triq, huwa meħtieġ li jew il-bejjiegħ/id-distributur/in-negozjant jippreżenta ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat ieħor għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni maħruġ mill-manifattur, jew li nkella, meta l-bejjiegħ/id-distributur/in-negozjant ma jkunx kiseb tali ċertifikat jew ma jkollux tali ċertifikat fil-pussess tiegħu, huwa meħtieġ li titwettaq il-proċedura għall-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni quddiem il-Registrul Auto Român (ir-reġistru tal-vetturi Rumen) u li jinkiseb ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni maħruġ mir-RAR, u dan fid-dawl tal-fatt li, anki jekk il-bejjiegħ/id-distributur/in-negozjant ikollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni tal-partijiet li jkun għaddiehulu d-distributur ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni, liema distributur jiddistribwixxi b’mod liberu dawn il-partijiet fit-territorju ta’ tali Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, dan iċ-ċertifikat jitqies li ma huwiex suffiċjenti sabiex ikunu permessi ċ-ċirkolazzjoni/il-bejgħ/id-distribuzzjoni b’mod liberu tal-merkanzija inkwistjoni?

2)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod preċiż, l-Artikolu 34 TFUE, li jikkonċerna l-kunċett ta’ “miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva”, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46/KE u l-Artikolu 1(t) u (u) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, sabiex tkun permessa l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ prodotti u ta’ oġġetti ta’ konsum ġodda li jaqgħu fil-kategorija ta’ prodotti u oġġetti li jikkonċernaw is-sigurtà fit-toroq, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni kontra s-serq ta’ vetturi tat-triq, ma huwiex suffiċjenti ċ-ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni li jkun ingħata mid-distributur ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ prodotti u ta’ oġġetti ta’ konsum ġodda li jaqgħu fil-kategorija ta’ prodotti u oġġetti li jikkonċernaw is-sigurtà fit-toroq, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni kontra s-serq ta’ vetturi tat-triq, fid-dawl tal-fatt li dan id-distributur ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni jiddistribwixxi b’mod liberu dawn il-partijiet fit-territorju ta’ tali Stat Membru tal-Unjoni, u fid-dawl tal-fatt li, inkonformità mal-imsemmi ċertifikat, il-partijiet inkwistjoni jistgħu jiġu kkumerċjalizzati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea?


(1)  ĠU L 263, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002, tal-31 ta’ Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158).


Top