EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1604

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq” COM(2014) 28 final – 2014/0012 (COD)

OJ C 311, 12.9.2014, p. 55–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq”

COM(2014) 28 final – 2014/0012 (COD)

2014/C 311/08

Relatur Ġenerali: is-Sur Ranocchiari

Nhar is-6 ta' Frar 2014 u nhar is-18 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009, fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq

COM(2014) 28 final – 2014/0012 (COD).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-498a Sessjoni Plenarja tiegħu tad-29 u t-30 ta’ April 2014 (seduta tad-29 ta' April) li jaħtar lis-Sur Ranocchiari bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’150 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE minn dejjem kien favur il-miżuri kollha li, anke fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu, u b’mod aktar ġenerali biex tittejjeb il-kwalità tal-arja.

1.2

Madankollu, din il-proposta qajmet xi tħassib rigward il-mod ta' kif u meta irid jinkiseb it-tnaqqis kif speċifikat hawn taħt f'din l-Opinjoni.

1.3

B’mod partikolari, jinħass in-nuqqas u saħansitra, f’xi każijiet, il-lakuni ta’ valutazzjoni tal-impatt xierqa ta’ xi wħud mill-miżuri proposti; nuqqasijiet u lakuni manifestament inkonsistenti mal-prinċipju tar- “regolamentazzjoni intelliġenti”, kif sħaqna ripetutament għal dawn u kwistjonijiet oħra soċjali, ekonomiċi u ambjentali importanti.

1.4

Ir-rikors eċċessiv għall-użu tal-atti delegati iqajjem tħassib simili. Dawn, minħabba r-rilevanza tagħhom, ma jidhrux li huma “elementi mhux essenzjali” ta’ regolament, għalhekk eliġibbli biex jiġu inklużi fil-kategorija ta’ atti delegati.

1.5

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda:

li ma jintużawx atti delegati meta l-evidenza u l-istudji diġà mwettqa kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll min-NU/KEE (1) jippermettu l-applikazzjoni immedjata ta’ xi miżuri ppjanati (eż. żieda fil-massa għal ċerti vetturi ħfief kif ukoll l-esklużjoni tal-vetturi li jaħdmu bil-gass mill-kejl tal-ammonja).

li jsiru analiżijiet tal-impatt ċari u komprensivi għall-miżuri l-oħra kollha proposti li jidhru defiċjenti f’dan ir-rigward u li jidher li hemm ix-xewqa li jiġu żviluppati permezz tal-użu tal-atti delegati.

1.6

Fil-fehma tal-KESE, dan li ssuġġerixxa hawn fuq jippermetti lill-koleġiżlaturi valutazzjoni aktar informata, kompluta u trasparenti tal-proposta li tal-inqas bi tnaqqas, jekk mhux telimina għalkollox it-tħassib imsemmi hawn fuq.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta għandha l-għan li tagħmel serje ta' emendi għal żewġ Regolamenti fis-seħħ:

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6);

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI).

2.2

Il-Kummissjoni tistenna li din il-proposta tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa u, permezz ta' xi dispożizzjonijiet previsti, tissimplika l-leġislazzjoni attwali.

2.3

Fir-rigward tal-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief, l-iktar tibdil importanti huwa:

2.3.1

minbarra l-valutazzjoni attwali tal-emissjonijiet tas-CO2 għandha tiżdied ukoll dik tal-metan, u b'hekk tinkiseb data ġdida li hija l-ekwivalenti tal-massa totali tas-CO2; Din il-miżura tippermetti wkoll li jiġu riveduti l-limiti tal-emissjonijiet tal-idrokarburi totali (THC) li bħalissa jikkonsistu mill-emissjonijiet tal-metan (CH4) u ta' idrokarburi li ma fihomx metan (NMHC) bit-tneħħija tal-valutazzjoni speċifika tal-emissjonijiet tal-metan. Dan kollu għandu jħaffef l-introduzzjoni tal-vetturi bil-gass naturali fis-suq, minħabba li jekk dan ma jsirx, diffiċli li dawn jirrispettaw il-limiti tat-THC;

2.3.2

ir-reviżjoni tal-limiti għall-emissjonijiet tal-egżost f'temperatura ambjentali baxxa (Euro 6);

2.3.3

l-allokazzjoni ta' limitu separat għall-emissjonijiet tal-NO2 (dijossidu tan-nitroġenu) li s'issa kien inkluż fit-total tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx);

2.3.4

ir-reviżjoni tal-metodu tat-tkejjil tal-materja partikolata bl-introduzzjoni wkoll ta' limitu ġdid fuq l-għadd ta' partiċelli li hija magħmula minnhom;

2.3.5

ir-reviżjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tal-aċċess illimitat għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs.

2.4

Għall-vetturi tqal l-iktar bidliet importanti jirrigwardaw:

2.4.1

id-definizzjoni mill-ġdid tal-limitu tal-massa massima għall-estensjoni tal-applikabbiltà tal-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief (Reg. 715/2007) ukoll għal dawk il-vetturi li skont il-varjanti ta' kostruzzjoni tagħhom jistgħu jaqgħu fl-ambitu ta' applikazzjoni tal-leġislazzjoni kemm dwar il-vetturi ħfief kif ukoll dawk tqal, biex jiġi evitat ir-rekwiżit ta' ċertifikazzjoni doppja fuq l-istess vettura; Dan jista' jkun possibbli billi jppermetti lill dawn il-vetturi li jilħqu t-toqol totali mal-art ta' 5  000 kg, mingħajr tnaqqis tal-livell ta' protezzjoni ambjentali;

2.4.2

il-limitu ta' emissjonijiet ta' ammonja (NH3) huwa impost fil-preżent fuq il-vetturi tqal kollha. Tabilħaqq ir-riskju ta' rilaxx ta' ammonja, (li tintuża fis-sistemi għall-kontroll tal-emissjonijiet) huwa preżenti fil-vetturi diżil li jużaw dawn is-sistemi. Dan ir-riskju ma jeżistix għall-magni li jaħdmu bil-petrol jew bil-gass naturali u l-Kummissjoni tipproponi l-liberazzjoni ta' dan il-limitu għall-karozzi tal-linja u l-vetturi heavy-duty li jaħdmu bil-gass naturali kkompressat (CNG), sikurament iktar ekoloġiċi, li inkella jkollhom jiffaċċjaw żieda mhix meħtieġa fl-ispejjeż.

2.5

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq il-Kummissjoni titlob li tadotta atti delegati biex teżerċitahom mingħajr limitu ta' żmien mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

3.1

Il-KESE ikollu jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-forma ta' din il-proposta, dwar il-modi ta' implimentazzjoni tagħha kif ukoll l-iskedar ta' dawn il-miżuri.

3.2

L-ewwel nett l-istruttura stess tar-Regolament li fih iddaħħlu varji emendi rigward vetturi ħfieħ u tqal f'att leġislattiv uniku, approċċ li ma jaqbilx mar-regoli tar-“regolamentazzjoni trasparenti u intelliġenti” li kien wieħed mill-impenji meħud mir-Regolament CARS 21 (2) li reġa' ġie sostnut f'CARS 2020, u l-ħidma fuqu għandha għaddejja (3).

3.3

Il-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument f'ħafna każi jidher li għandu nuqqasijiet jew anke lakuni f'uħud mill-miżuri proposti li kieku jkollhom effett importanti f'termini tal-prezz tal-vetturi.

3.4

Għal darba oħra, il-Kummissjoni talbet li tuża l-atti delegati (madwar għaxra) b'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE u għaldaqstant li tnaqqas il-kontenut konkret tal-att leġislattiv, jiġifieri r-Regolament.

3.4.1

Għandu jingħad ukoll f'dan ir-rigward li xi wħud mir-raġunijet tal-proposta li għalihom huwa stipulat l-użu ta' atti delegati huma relatati mal-emissjonijiet tal-vetturi u l-limiti tagħhom. Kwistjonijiet li dejjem ġew miftiehma mill-koleġislaturi propju minħabba r-relevanza tagħhom u huwa diffiċli li dawn jiġu kkunsidrati “elementi mhux essenzjali” ta' regolament u li għalhekk jistgħu jaqgħu fil-kategorija ta' atti delegati.

3.4.2

Fl-opinjonijiet tiegħu, il-KESE qajjem diversi drabi l-argument tar-rikors eċċessiv għall-atti delegati u ġabar fil-qosor xi aspetti problematiċi f'rapport reċenti (4), li, juri l-marġni ta' manuvra dejjem aktar wiesgħa tal-Kummissjoni, u jqajjem mistoqsijiet dwar it-trasparenza tas-sistema, l-użu korrett tal-proċeduri u l-effettività tal-mekkaniżmi ta' kontroll.

4.   Konsiderazzjonijiet speċifiċi

4.1

Dwar l-inklużjoni tal-metan (CH4) bħala ekwivalenti tas-CO2 (ara punt 2.3.1), il-KESE huwa dubjuż ħafna peress li dan ikun jirrikjedi reviżjoni tal-leġislazzjoni attwali dwar is-CO2 (ir-Regolament 443/2009 u r-Regolament 510/2011). L-għanijiet indikati f’dawn ir-Regolamenti ġew stabbiliti mingħajr ma tqiesu l-ekwivalenti tas-CO2 u l-introduzzjoni possibbli tiegħu tirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt għal reviżjoni xierqa tar-Regolamenti. L-inklużjoni tal-ekwivalenti tas-CO2 se jkollu konsegwenzi anke għall-konsumatur, kemm f’termini tar-reviżjoni tat-tassazzjoni fl-Istati Membri fejn it-taxxa hija bbażata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll għar-riskju li jħawdu lill-utenti li bħalissa huma mdorrija bit-tikkettar tal-emissjonijiet tas-CO2. Dan kollu għal bidliet marġinali mill-valuri tas-CO2 mkejla bħalissa (iż-żieda tkun inqas minn 1gr/km), u b’ħafna kumplikazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

4.2

Fir-rigward tal-limiti għall-emissjonijiet tal-egżost f'temperaturi ambjentali baxxi (punt 2.3.2) il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni possibbli tal-limiti tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt estensiva u bir-reqqa li tinkludi l-monossidu tal-karbonju (CO) u l-idrokarburi u mhux biss l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u d-dijossidu tan-nitroġenu (NO2).

4.3

Anki fil-każ tad-dijossidu tan-nitrogenu (punt 2.3.3), tniġġis ta' importanza partikolari speċjalment fiż-żoni urbani, id-deċiżjoni li jiġi stabbilit limitu speċifiku permezz ta' atti delegati għandha tkun sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa.

4.4

Rigward ir-reviżjoni tal-kejl tal-materja partikolata (punt 2.3.4), il-KESE jinnota li bl-introduzzjoni tal-limitu tal-għadd ta' partiċelli (ir-Regolament 692/2008), il-limitu tal-massa tal-materja partikolata tnaqqas minn 5,0 mg/km għal 4,5 mg/km propju biex jaqbel mal-għadd ta' partiċelli. Il-proposta tidher li mhix ġustifikata u hija f'kontradizzjoni ma' dak li reċentament ikkonferma l-Grupp ta' Ħidma tan-NU/KEE (5) (li l-Kummissjoni hija parti minnu), li m'hemmx bżonn li jiġu riveduti l-proċeduri għall-materja partikolata.

4.5

Dwar l-aċċess għall-informazzjoni (punt 2.3.5), il-KESE jfakkar li skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 715/2007, il-Kummissjoni kellha tfassal, sat-2 ta' Lulju 2011, rapport dwar dan is-suġġett, iżda fil-fatt dan għadu ma tfassalx. Huwa ovvju li kull deċiżjoni tista' tittieħed biss wara li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jkunu raw ir-rapport ikkonċernat.

4.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-flessibilità li qed tingħata f'termini ta' limiti ta' emissjonijiet għal ċerti vetturi ħfief li, ladarba jitlestew, hemm riskju li jidħlu fil-kategorija tat-tqal u għalhekk ikunu jeħtieġu approvazjoni doppja (punt 2.4.1). L-introduzzjoni tal-limitu ta' 5000 kg tal-partikolati PTT tal-vetturi jidher koerenti mal-limiti eżistenti ta' 2840 kg bħala massa ta' riferiment. Għaldaqstant ma jidhirx ġustifikat ir-rikors għall-atti delegati għall-aġġornamenti tal-proċedura tal-prova. Il-KESE jidhirlu li din il-proposta, diġà diskussa, għandha tidħol fis-seħħ dalwaqt, anke bħala norma tranżitorja, mingħajr rikors għall-proċedura tal-atti delegati. Dan minħabba li l-miżura se tapplika għal perjodu limitat, għax hija mistennija dalwaqt l-approvazzjoni tal-proċedura l-ġdida min-NU/KEE f'Ġinevra: Id-WLTP (World Light Duty Test Procedure) se tirrevedi l-proċeduri ta' ttestjar għall-vetturi ħfief kollha u, skont il-Kummissjoni, se tibda tapplika mill-2017.

4.7

Fl-aħħar nett, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fuq il-proposta li l-vetturi li jaħdmu bil-gass jiġu eżentati mill-kejl tal-ammonijaka (punt 2.4.2), billi din hija korrezzjoni ta' dispożizzjoni li tiddiskrimina l-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali (CNG). L-argument diġà kien tqajjem waqt id-diskussjoni tar-Regolament 595/2009 iżda dan kien injurat mingħajr raġuni fil-kitba tar-Regolament stess.

Brussell, 29 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  CARS 21, Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21, COM (2007) 22 final

(3)  CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa, COM (2012) 636 final.

(4)  Rapport ta' informazzjoni INT/656 tat-18/09/2013“Regolamentazzjoni aħjar: atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati”.

(5)  Il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa, li għandha l-uffiċċju prinċipali f'Ginevra, li fost il-ħidma tagħha, għandha l-kompitu li tallinja r-regolamenti tekniċi fil-livell globali bil-parteċipazzjoni tat-58 pajjiż firmatarju u tal-UE (WP 29).


Top