EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0103

Kawża C-103/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja) fl- 4 ta’ Marzu 2014 – Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB vs Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos u Lietuvos valstybė

OJ C 142, 12.5.2014, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja) fl-4 ta’ Marzu 2014 – Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB vs Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos u Lietuvos valstybė

(Kawża C-103/14)

2014/C 142/34

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Vilniaus apygardos administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bronius Jakutis, Kretingalės kooperatinė ŽŪB

Konvenuti: Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos, Lietuvos valstybė

Partijiet oħra fil-proċedura: Lietuvos Respublikos Vyriausybė, Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerija

Domandi preliminari

1)

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell tal-pagamenti diretti, fl-Istati Membri l-ġodda tal-Unjoni u f’dawk li ma humiex Stati Membri ġodda, għall-finijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009 (1), applikat flimkien mal-Artikoli 7 u 121 tal-imsemmi regolament:

a)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009, applikat flimkien mal-Artikoli 10(1) u 121 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 5 000 kien ta’ 90 % fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda?

b)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, dan ifisser li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda ma laħaqx dak tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, fid-dawl tal-kontenut u tal-għanijiet tal-Artikoli 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009?

c)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 (“filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)”) u fid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2, li jipprevedu li l-paragun tal-pagamenti diretti jsir fuq bażijiet differenti – il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda jiġi evalwat mingħajr ma tiġi applikata l-modulazzjoni (90 %, skont l-Artikolu 121), filwaqt li dak fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda jiġi evalwat wara l-applikazzjoni tal-modulazzjoni [100 % – 10 %, skont l-Artikolu 7(1)(d)] –, imorru kontra l-Att ta’ Adeżjoni u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kompetizzjoni leali u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll kontra l-għanijiet tal-politika agrikola komuni stipulati fl-Artikolu 39 TFUE?

2)

Fir-rigward tal-ksur tal-Att ta’ Adeżjoni u ta’ ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni bl-Artikolu 10(1) u bl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll bl-atti tad-dritt tal-Unjoni adottati abbażi tagħhom:

a)

L-Artikolu 10(1), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 (“filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)”) u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tal-imsemmi regolament, (“b’kont meħud, mill-2012, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”), kif ukoll id-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2 u d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2012)4391 finali, adottati fuq il-bażi tagħhom, imorru kontra l-Att ta’ Adeżjoni, li la jipprevedi modulazzjoni tal-pagamenti diretti, la t-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari fl-Istati Membri l-ġodda, u lanqas sena li minnha l-pagamenti diretti jiġu preżunti bħala li saru indaqs fl-Istati Membri l-ġodda u f’dawk li ma humiex Stati Membri ġodda?

b)

L-Artikolu 10(1) u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll id-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2 u d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2012)4391 finali, sa fejn, skont il-kliem tagħhom u skont l-għanijiet tagħhom, il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti u t-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari huma applikati fl-2012 fl-Istati Membri l-ġodda, li jirċievu għajnuna diretta nettament iżgħar minn dik li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, imorru kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kompetizzjoni leali u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll kontra l-għanijiet tal-politika agrikola komuni stipulati fl-Artikolu 39 TFUE, b’mod partikolari dak li tiżdied il-produttività tal-bidwi?

c)

L-emenda tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 (“b’kont meħud, mill-2012, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”) li seħħet b’rettifika (ĠU 2010, L 43, p. 7) (li permezz tagħha ma twettqitx korrezzjoni ta’ natura teknika, iżda bdil tal-kontenut tad-dispożizzjoni fuq il-mertu – huwa preżunt li, fl-2012, il-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda kienu daqs dawk fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda), imorru kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kompetizzjoni leali u ta’ nondiskriminazzjoni?

d)

It-tifsira tal-kelma “dydis” [livell] użata fl-Artikolu 1ċ imsemmi fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6, intitolat “Agrikoltura”, A, tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni hija l-istess bħal dik tal-kelma “lygis” [“livell”] użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009?

3)

Id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni u d-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2, li ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma humiex immotivati (dawn ġew adottati biss abbażi tal-preżunzjoni li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda kien indaqs għal dak fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda), imorru kontra l-Att ta’ Adeżjoni u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba? Jekk iva, l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi annullat minħabba ksur tar-Regolament Nru 73/2009 u tal-Att ta’ Adeżjoni?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16)


Top