EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XX1207(04)

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “The Digital Agenda for Europe — Driving European growth digitally” ( “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – Inmexxu t-tkabbir Ewropew b'mod diġitali” )

OJ C 358, 7.12.2013, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 358, 7.12.2013, p. 13–13 (HR)

7.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 358/17


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “The Digital Agenda for Europe — Driving European growth digitally” (“L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – Inmexxu t-tkabbir Ewropew b'mod diġitali”)

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni jista' jinstab bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 358/10

I.   L-introduzzjoni

1.1.   Il-konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-18 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “The Digital Agenda for Europe — Driving European growth digitally” (“L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – Inmexxu t-tkabbir Ewropew b'mod diġitali”, li minn hawn 'il quddiem ser tissejjaħ “il-Komunikazzjoni”) (1).

2.

Qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, il-KEPD ingħata l-possibilità li jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni. Laqa' l-fatt li wħud mill-kummenti tiegħu ttieħdu f'kunsiderazzjoni f'din il-Komunikazzjoni.

3.

Fid-dawl tal-importanza tas-suġġett, il-KEPD iddeċieda li jadotta din l-Opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.

1.2.   L-għanijiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Komunikazzjoni u l-għan tal-Opinjoni tal-KEPD

4.

Il-Komunikazzjoni hija proposta mill-Kummissjoni bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020. Timxi id f'id mal-Aġenda Diġitali adottata fid-19 ta' Mejju 2010 (2). L-għan ta' din il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar l-Aġenda Diġitali huwa li tkompli ssaħħaħ it-tmexxija diġitali Ewropea u sabiex tgħin jitlesta s-Suq Diġitali Uniku sal-2015.

5.

Il-Komunikazzjoni tidentifika seba' oqsma politiċi ewlenin fejn il-Kummissjoni ser tkun qed tagħmel sforzi partikolari biex tippermetti u tistimola l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali:

Ekonomija Ewropea bla fruntieri – is-Suq Uniku Diġitali

Tħaffif tal-innovazzjoni fis-settur pubbliku

Provvista u domanda għal internet ferm veloċi

Cloud computing

Fiduċja u sigurtà

Intraprenditorija u impjiegi u ħiliet diġitali

Lil hinn mir-RŻI (3): Aġenda industrijali għal teknoloġiji abilitanti essenzjali

6.

Il-KEPD jilqa' l-azzjonijiet politiċi proposti bil-għan li jistimolaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda min-negozji u individwi. Madankollu, il-KEPD jisħaq li dawn il-miżuri jridu jsiru flimkien ma' attivitajiet xierqa biex jiġi żgurat ir-rispett tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza.

7.

Uħud mill-isfidi ewlenin għall-protezzjoni tad-dejta mqajma fil-kuntest tal-azzjonijiet politiċi tal-UE fil-qasam tal-Aġenda Diġitali diġà ġew enfasizzati u analizzati mill-KEPD fl-Opinjoni tiegħu tat-18 ta' Marzu 2010 fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-2010 dwar l-Aġenda Diġitali (4). B'mod partikolari, il-KEPD saħaq fuq il-bżonn li tiġi inkorporata privatezza fid-disinn u privatezza prestabbilita fit-tfassil tal-ICT il-ġodda. Għalhekk, f'din l-Opinjoni l-KEPD ser jiffoka fuq l-għoti ta' kummenti dwar l-oqsma li jeħtieġu azzjoni ulterjuri identifikati fil-Komunikazzjoni.

III.   Il-konklużjonijiet

26.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li ngħatat xi attenzjoni lejn il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta fil-Komunikazzjoni. Madankollu, il-KEPD jisħaq li r-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa mill-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jimplimentaw inizjattivi previsti fl-Aġenda Diġitali. B'mod partikolari:

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma xeħtitx enfasi importanti fl-introduzzjoni tagħha fuq l-importanza tar-rispett tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta fl-iskjerament tal-azzjonijiet previsti fiha. Għaldaqstant jiġbed l-attenzjoni tal-kontrolluri tad-dejta fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati r-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta fid-disinn u fl-iskjerament ta' ICT ġodda għall-ambjent diġitali;

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma rreferietx għall-qafas legali attwali dwar il-protezzjoni tad-dejta stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, u għall-proposta għal Regolament ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, li fih ir-regoli u l-prinċipji relevanti li għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni għall-iskjerament ta' ICT fl-ambjent diġitali;

jiddispjaċih li l-prinċipju ta' “privatezza fid-disinn”, li jsir obbligu legali skont l-Artikolu 23 tar-Regolament propost dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, ma ġiex enfasizzat fil-Komunikazzjoni. Għalhekk ifakkar lill-kontrolluri u lid-disinjaturi tal-ICT dwar il-ħtieġa li jinkorporaw il-privatezza fid-disinn fl-iżvilupp ta' ICT ġodda għall-ambjent diġitali;

jirrakkomanda sabiex l-istrumenti tar-R&Ż jintużaw bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-Ewropa fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' privatezza fid-disinn fid-dixxiplini relevanti kollha u li l-programmi ta' ħidma u s-sejħiet għall-proposti jieħdu dan l-għan f'kunsiderazzjoni;

jisħaq li l-interoperabilità ta' databases nazzjonali għandha tiġi pprattikata biss billi jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-iskop. Barra minn hekk ifakkar lill-Kummissjoni li għandu jkun hemm bażi legali xierqa għall-użu tal-interoperabilità bħala mezz biex jitħaffef il-qsim tad-dejta, flimkien ma' salvagwardji xierqa ta' protezzjoni tad-dejta;

jirrakkomanda li l-KEPD jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Rakkomandazzjoni dwar is-salvagwardja tal-internet miftuħ għall-konsumaturi;

ifakkar lill-kontrolluri u l-utenti li, filwaqt li l-cloud computing jippreżenta sfidi speċifiċi f'termini ta' protezzjoni tad-dejta, ġiet ipprovduta gwida estensiva minn awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dejta dwar l-applikazzjoni tal-liġi attwali dwar il-protezzjoni tad-dejta u mill-KEPD dwar l-impatt tar-Regolament propost dwar il-Protezzjoni tad-Dejta fuq dawk l-isfidi. Din il-gwida għandha tiġi kkonsultata sabiex titrawwem fiduċja fost l-individwi u l-klijenti, li min-naħa tagħha ser tiżgura l-iskjerament b'suċċess ta' mezzi teknoloġiċi ġodda.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2013.

Peter HUSTINX

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 784 final.

(2)  COM(2010) 245 final.

(3)  Jiġifieri “Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni”.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il- “Promozzjoni tal-Fiduċja fis-Soċjetà tal-Informazzjoni bit-Trawwim tal-Protezzjoni u tal-Privatezza tad-Dejta”, 18 ta' Marzu 2010, disponibbli fuq il-websajt tal-KEPD fuq http://www.edps.europa.eu


Top