EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XX1207(02)

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21”

OJ C 358, 7.12.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 358, 7.12.2013, p. 11–11 (HR)

7.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 358/13


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21”

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 358/08

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fis-6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-“Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21” (il-Komunikazzjoni) (1). Din il-Proposta ntbagħtet lill-KEPD għal konsultazzjoni fis-7 ta’ Diċembru 2012.

2.

Qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, il-KEPD ingħata l-possibilità biex jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni. Ħa pjaċir bil-fatt li wħud mill-kummenti ttieħdu f'kunsiderazzjoni fil-Komunikazzjoni.

1.2.   Għanijiet u kamp ta' applikazzjoni tal-Komunikazzjoni u l-iskop tal-Opinjoni tal-KEPD

3.

Il-Komunikazzjoni stabbilixxiet Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika għall-2012-2020. Il-Pjan ta' Azzjoni jippreżenta l-fehma li t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) applikati għall-kura tas-saħħa u l-benesseri jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini individwali u jwittu t-triq għall-innovazzjoni fis-swieq tas-saħħa u l-benessri.

4.

Din l-Opinjoni tal-KEPD għandha tinqara fid-dawl tal-importanza dejjem ikbar tas-Saħħa-e fis-soċjetà tal-informazzjoni f'evoluzzjoni u tad-dibattitu attwali fuq il-politiki fi ħdan l-UE dwar is-Saħħa-e. L-Opinjoni tiffoka b'mod partikolari fuq l-implikazzjonijiet tad-dritt fundamentali ta' protezzjoni tad-dejta għal inizjattivi tas-Saħħa-e. Tikkummenta wkoll fuq l-oqsma identifikati fil-Komunikazzjoni li fihom għandhom jittieħdu azzjonijiet ulterjuri.

3.   Konklużjonijiet

33.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li nxteħtet attenzjoni speċifika fuq il-protezzjoni tad-dejta fil-Komunikazzjoni proposta, iżda identifika xi lok għal iktar titjib.

34.

Il-KEPD jisħaq li r-rekwiżiti ta' protezzjoni tad-dejta għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq mill-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jimplimentaw inizjattivi fil-qasam tas-Saħħa-e. B'mod partikolari:

jisħaq li d-dejta personali pproċessata fil-kuntest tal-ICT tas-Saħħa-e u l-benesseri spiss tkun relatata ma' dejta dwar is-saħħa, li teħtieġ livell ogħla ta' protezzjoni tad-dejta u tixħet dawl fuq il-gwida li diġà ngħatat lill-kontrolluri u lill-proċessuri fil-qasam;

josserva li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-qafas legali attwali dwar il-protezzjoni tad-dejta stipulat fid-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, li fih il-prinċipji relevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta li japplikaw bħalissa u jfakkar lill-Kummissjoni li dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati għal kwalunkwe azzjoni li għandha tittieħed fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju sakemm jidħol fis-seħħ ir-Regolament rivedut propost dwar il-Protezzjoni tad-Dejta;

josserva li l-importanza tad-drittijiet ta' aċċess u informazzjoni tas-suġġett tad-dejta fil-kuntest tas-Saħħa-e mhijiex ċara fil-Komunikazzjoni. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-kontrolluri attivi fil-qasam tas-Saħħa-e lejn il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni ċara lill-individwi dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom f'applikazzjonijiet tas-Saħħa-e;

josserva li d-disponibilità tal-gwida fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' pproċessar tas-Saħħa-e li jseħħu fil-qafas legali attwali ma ġietx enfasizzata fil-Komunikazzjoni b'referenzi speċjali għad-dokumenti relevanti u jirrakkomanda sabiex il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, li fih huma rappreżentati l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta, u lill-KEPD fit-tħejjija tat-tali gwida;

jirrakkomanda li l-KEPD jiġi kkonsultat qabel ma l-Kummissjoni tadotta Green paper fuq qafas tal-UE applikabbli għas-saħħa-m u applikazzjonijiet tal-mobajl dwar is-saħħa u l-benessri;

josserva li l-Komunikazzjoni ma tisħaqx li kwalunkwe estrazzjoni ta' dejta bl-użu ta' dejta dwar is-saħħa mhux anonima hija aċċettabbli biss f'ċirkostanzi ferm limitati u diment li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta jitqiesu bir-reqqa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-kontrolluri lejn dan il-fatt;

jisħaq li l-ħruġ ta' profili għandu jsir f'ċirkostanzi ferm limitati u diment li jiġu ssodisfati rekwiżiti stretti dwar il-protezzjoni tad-dejta (eż. kif stipulat fl-Artikolu 20 tar-Regolament propost dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfakkar lill-kontrolluri dwar dan l-obbligu importanti.

ifakkar lill-Kummissjoni li kwalunkwe ħidma fil-ġejjieni fl-oqsma ta' tħaffif ta' tnedija usa' li tappoġġja l-ħiliet u l-għarfien tal-utenti għandha ssir filwaqt li jiġu osservati kif xieraq il-prinċipji ta' protezzjoni tad-dejta;

jirrakkomanda sabiex il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-dejta fil-kuntest tal-iżvilupp ta' Qafas komuni Ewropew dwar l-Interoperabilità tas-Saħħa-e, qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni ulterjuri;

jitlob lill-Kummissjoni sabiex meta teżamina l-interoperabilità tar-rekords tas-saħħa, tistħarreġ jekk jistgħux jiġu varati inizjattivi leġiżlattivi possibbli fil-livell tal-UE, peress li jemmen li interoperabilità bħal din tkun ta' benefiċċju minn bażi legali soda, li tkun tinkludi salvagwardji speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 736 finali.


Top