EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0502

Kawża C-502/13: Rikors ippreżentat fit- 18 ta’ Settembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

OJ C 344, 23.11.2013, p. 49–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/49


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

(Kawża C-502/13)

2013/C 344/86

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac, C. Soulay, aġenti)

Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li billi applika rata ta’ VAT ta’ 3 % għall-kotba diġitali (jew kotba elettroniċi), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 96 sa 99, 110 u 114 tad-Direttiva tal-VAT (1), moqrija flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva u r-regolament ta’ implementazzjoni tagħha (2);

tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka lment wieħed biss insostenn tar-rikors tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva tal-VAT mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, mill-1 ta’ Jannar 2012, tissuġġetta l-provvista ta’ kotba elettroniċi għal rata mnaqqsa ħafna ta’ 3 %.

Skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT hija inkompatibbli mal-formulazzjoni tal-Artikoli 96 u 98 tad-Direttiva tal-VAT, sa fejn din ir-rata tista’ tapplika biss għall-kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espliċita tal-provvista ta’ kotba diġitali fl-imsemmi anness, dawn ma jistgħux jibbenefikaw minn rata mnaqqsa ta’ VAT. Barra minn hekk, dan huwa ikkonfermat mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) li jeskludi espliċitament il-benefiċċju ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT fuq is-servizzi pprovduti b’mod elettroniku, kif ukoll mill-adozzjoni mill-Kumitat tal-VAT tal-linji gwida li permezz tagħhom ir-rati mnaqqsa ta’ VAT ma japplikawx għall-provvista ta’ kotba diġitali.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li r-rata mnaqqsa ta’ 3 %, jiġifieri rata li hija inqas mir-rata minima ta’ 5 % stabbilita fl-Artikolu 99 tad-Direttiva tal-VAT, għall-provvista ta’ kotba diġitali, ma hijiex koperta mid-deroga prevista fl-Artikolu 110 tad-Direttiva tal-VAT, u lanqas ma tikkonforma mal-Artikolu 114 ta’ din l-istess direttiva.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

(2)  Regolament (UE) Nru 282/2011, tal-15 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva tal-VAT (ĠU L 77, p. 1).


Top