EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3273

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Futur tat-teknoloġiji għall-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (CCS)” COM(2013) 180 final

OJ C 341, 21.11.2013, p. 82–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Futur tat-teknoloġiji għall-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (CCS)”

COM(2013) 180 final

2013/C 341/19

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar is-27 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa

COM(2013) 180 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’168 vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Konklużjonijiet

1.1

Il-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE għandha tirrikonoxxi u tirrispondi għas-swieq globali u l-ftehimiet internazzjonali. Hija għandha tiżviluppa wkoll tweġibiet meta s-swieq ifallu milli jindirizzaw il-prijoritajiet soċjali u n-nuqqas ta' koerenza politika.

1.2

Id-dibattitu dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS) huwa eżempju tat-tensjonijiet preżenti f'inizjattiva politika bħal din.

1.3

Is-suq globali tal-enerġija attwali mhux qed jikkunsidra l-effetti esterni kbar u ta' ħsara involuti f'żieda kbira fl-użu tal-karburanti fossili kollha, b'mod partikolari l-impatt fuq is-saħħa pubblika u l-akkumulazzjoni atmosferika tal-gassijiet b'effett ta' serra. L-inizjattivi politiċi globali għad irid ikollhom effett sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-karbonju.

1.4

Is-CCS joffru proċess teknoloġiku li jista' potenzjalment ikun risposta għall-mistoqsija fundamentali tal-politika tal-klima: qabel ma nirrilaxxaw tant dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera tagħna, li jiġġenera tant tibdil qerriedi fil-klima, huwa possibbli li naħżnu l-karbonju bl-istess rata li biha nakkwistawh u nużawh?

1.5

L-inizjattiva politika tas-CCS hija meqjusa element vitali fil-ġlieda kontra d-dgħufijiet tas-suq, madanakollu ltaqgħet ma' bosta ostakli. Il-kważi falliment tal-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (minħabba l-għamla dgħajfa tagħha, ir-riċessjoni u n-nuqqas ta' ftehim globali dwar il-politika tal-klima u l-ipprezzar tal-karbonju) hedded il-programm.

1.6

Madanakollu l-każ favur l-iżvilupp tas-CCS sa ma jsiru għażla vijabbli, mifruxa fuq skala kbira u li tista' tintuża, jibqa' wieħed interessanti ħafna iżda biex jintlaqa' hemm bżonn li jsiru bosta affarijiet li huma identifikati f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet

1.7

Hemm bżonn li jsir sforz massimu sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar politika ta' stabbilizzazzjoni tal-klima, inkluż programm effettiv, li fuqu jkun sar ftehim u li jiġi implimentat, dwar l-ipprezzar tal-karbonju sabiex il-konsum tal-karburanti fossili u b'konsegwenza l-emissjonijiet tas-CO2 jibdew jiġu limitati bil-mod il-mod, u għandu jkun hemm fondi għall-prevenzjoni u l-azzjoni kontra l-impatt li dan ser ikollu.

1.8

Irrispettivament minn ftehim bħal dan, għandu jkompli għaddej programm attiv ta' proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS sabiex jingħeleb it-tħassib li qajjem il-pubbliku. Il-benefiċċji potenzjali - fit-teknoloġija, il-kollaborazzjoni industrijali, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, id-definizzjoni statutorja u regolatorja u t-tnaqqis fl-ispejjeż huma raġunijiet kbar għalfejn għandu jkompli jsir iktar żvilupp. Il-KESE jqis li dan il-programm għandu importanza strateġika kbira bħala wieħed li ser iwitti t-triq għall-użu.

1.9

Programm bħal dan jista' jibbenefika ħafna jekk jitpoġġa f'kuntest ta' djalogu pubbliku bi profil għoli u koordinat fil-livell Ewropew dwar il-futur tas-sistema sħiħa tal-enerġija u l-bżonn li ssir tranżizzjoni lejn futur b'livell baxx ta' karbonju. L-aċċettazzjoni tal-pubbliku tibqa' kwistjoni vitali għall-iżvilupp tal-infrastruttura tas-CCS.

1.10

F'dan il-kuntest, il-kwistjonijiet tal-effettività meta jitqabblu ma' strateġiji oħra b'livell baxx ta' karbonju, inkluż l-użu mill-ġdid tas-CO2, analiżi dettaljata ta' kwistjonijiet ta' riskju kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni kollha jistgħu jiġu kkunsidrati.

1.11

Kwalunkwe politika li timmira li tippromovi s-CCS ser teħtieġ finanzjament ta' appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi u għandha tiġi akkumpanjata minn mekkaniżmi li jpattu għall-ispejjeż tal-industriji Ewropej esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Il-politika tal-enerġija tal-UE hija kumplessa. Hija tfittex li tagħraf u tibbilanċja s-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà, filwaqt li tqis il-kwistjonijiet li mhumiex taħt il-kontroll tagħha, bħat-tibdil teknoloġiku, fatturi globali tas-suq u żviluppi internazzjonali fil-qasam tal-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Il-bżonn li tibqa' tagħti rispons għal sitwazzjoni u fatturi esterni dejjem jinbidlu jkompli jikkomplika l-għan li jiġi stabbilit qafas li fih jistgħu jsiru deċiżjonijiet neċessarji fuq perjodu twil. Is-CCS iridu jitqiesu f'dan il-kuntest. Potenzjalment huma teknoloġija importanti ħafna. Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jagħmilha ċara li s-CCS jista' jkollhom rwol sinifikanti ħafna x'jaqdu iżda d-deċiżjonijiet fuq perjodu medju u fit-tul relatati magħhom jinvolvu bosta inċertezzi ekonomiċi, soċjali, politiċi u tekniċi.

2.2

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-CCS tinkludi eżempji ta' dawn il-kumplessitajiet u tidentifika n-nuqqas tal-aspett intraprenditorjali bħala r-raġuni prinċipali għan-nuqqas ta' progress fl-iżvilupp tas-CCS. Madanakollu wara din l-istqarrija ekonomika hemm ukoll lista ta' fatturi ambjentali tekniċi u soċjopolitiċi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fuqhom jista' jinbena każ intraprenditorjali. Hija u tfittex li tindirizza l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar is-CCS, din l-Opinjoni tfittex li tindirizza wkoll il-kwistjonijiet li hemm fil-qalba tas-suġġett.

3.   Sommarju tal-Komunikazzjoni

3.1

Is-CCS huma preżentati bħala element essenzjali tal-ksib tal-programm tat-tnaqqis tal-karbonju tal-UE. Huma l-uniku għażla sinifikanti li tindirizza s-CO2 li jirriżulta mill-persistenza tal-enerġija ġejja mill-karburanti fossili fid-deċennji li ġejjin. "Il-mira tal-2050 (tal-klima) tista’ tintlaħaq biss jekk l-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-karburanti fossili jiġu eliminati mis-sistema."

3.2

L-UE ilha mill-2007 tfittex li tappoġġja l-iżvilupp tas-CCS b'diversi modi; qafas leġislattiv għall-ġbir, it-trasportazzjoni u l-ħżin tas-CO2, appoġġ għal proġett ta' minn 10 sa 12-il programm ta' dimostrazzjoni u billi tkompli tfittex li tistabbilixxi prezz tal-karbonju permezz tal-Iskema ta’ Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS) li taġixxi bħala sors ta' żvilupp tal-fondi u mutur tal-implimentazzjoni u l-użu fuq perjodu twil.

3.3

Madanakollu għadhom ma jeżistu l-ebda proġetti ta' dimostrazzjoni fuq skala kbira fl-UE u "anke l-iktar proġetti promettenti tal-UE qed jiffaċċjaw dewmien sostanzjali". Dan għaliex illum "ma hemm l-ebda raġuni biex l-operaturi ekonomiċi jinvestu fit-teknoloġiji tas-CCS". L-ETS ma rnexxielha la twassal fondi għall-investiment f'dawn l-impjanti u l-anqas tasal għal prezz stabbli tas-CO2 li jappoġġja t-tħaddim futur tagħhom. Bħalissa l-prezz tas-CO2 huwa madwar 10 % tal-ammont meqjus minn ħafna bħala l-minimu assolut li hemm bżonn sabiex jiġi stabbilit każ intraprenditorjali għas-CCS. Madanakollu l-Komunikazzjoni tindika li anki jekk jiġi stabbilit każ intraprenditorjali, mhix ċertezza li f'xi pajjiżi, prinċipalment dawk fejn ser ikun hemm bżonn l-iżjed CCS, il-pubbliku ser jaċċetta dak li huwa jqis bħala r-riskju involut fil-ħżin ġeoloġiku.

3.4

Madanakollu l-Komunikazzjoni tgħid li huwa vitali li tinkiseb esperjenza fit-twassil tas-CCS fuq skala kummerċjali li tista’ tnaqqas l-ispejjeż, tagħti prova tal-ħżin ġeoloġiku mingħajr periklu tas-CO2, tiġġenera għarfien trasferibbli dwar il-potenzjal tat-teknoloġiji tas-CCS u tneħħi r-riskju tal-investiment fit-teknoloġiji għall-investituri. Il-promozzjoni ta' programm bħal dan tiffoka l-attenzjoni fuq id-dettall ta' qafas regolatorju adatt u tistimula r-rispons tal-pubbliku. L-għarfien li jinkiseb b'dan il-mod ser joffri opportunitajiet li jaqdu parti attiva fuq programm futur globali tas-CCS u jsaħħaħ ir-rwol potenzjali tal-UE bħala provvedituri tat-teknoloġiji u l-ħiliet.

3.5

Il-Komunikazzjoni tipproponi mekkaniżmi ta' appoġġ supplimentari li jimlew il-vojt tal-prestazzjoni baxxa ħafna tal-ETS bħax-xiri obbligatorju taċ-ċertifikati tas-CCS, it-twaqqif tal-emissjonijiet jew il-ħolqien ta' appoġġ għal proġetti ta' dimostrazzjoni permezz tal-ekwivalenti ta' xiri mill-ġdid.

3.6

Hija tippreżenta wkoll lista ta' mistoqsijiet li jfittxu li jiġbru l-fehmiet ta' min jirrispondi dwar il-kwistjonijiet prinċipali marbuta mal-ġejjieni tas-CCS.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Id-dokument tal-Kummissjoni huwa kemm reviżjoni kif ukoll proposta ta' konsultazzjoni u jikkonkludi b'lista ta' mistoqsijiet dwar kwistjonijiet relatati mas-CCS fl-Ewropa. L-għan tal-Komunikazzjoni huwa li jindirizza "l-isfida fundamentali ta’ stimolu ta’ investiment fis-CCS ta’ dimostrazzjoni biex jiġi ttestjat jekk l-utilizzazzjoni sussegwenti u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tas-CO2 hijiex fattibbli". Programm ta' dimostrazzjoni bħal dan jista' mbagħad ikun prekursur tat-twassil tas-CCS minkejja li bosta kundizzjonijiet oħra jkunu jridu jintlaħqu u bosta ostakli jingħelbu biex dan isir.

4.2

Fil-fehma tal-KESE il-Kummissjoni identifikat korrettament il-bżonn ta' rispons ta' politika urġenti. L-għażliet li qed tippreżenta l-Kummissjoni huwa jew li s-CCS isiru kummerċjalment vijabbli jew obbligatorji. Jeħtieġ li titpoġġa l-mistoqsija madanakollu ta' jekk rispons ta' politika bħal dan hux ser ikun possibli fiċ-ċirkustanzi attwali. Il-Kumitat għalhekk huwa ħafna favur li ssir enfasi iktar stretta fuq il-programm tas-CCS. Dan ikun jinvolvi rikonoxximent li f'dan l-istadju hemm bżonn iktar finanzjament pubbliku sostanzjali u minn firxa iktar wiesgħa ta' sorsi sabiex kwalunkwe proġett tas-CCS ikun jista' jseħħ. Hemm bżonn ta' konċentrazzjoni fuq numru suffiċjenti ta' proġetti ta' dimostrazzjoni iżda b'appoġġ finanzjarju li jammonta għad-doppju jew għat-triplu u provvista għall-appoġġ tal-operazzjoni sussegwenti.

4.3

Hija l-fehma tal-KESE li impenn bħal dan ikompli jiġi ġustifikat bħala investiment ta' riskju f'teknoloġija li tista' taqdi rwol sinifikanti fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali dwar l-ipprezzar tal-karbonju jew mekkaniżmu ta' kwota. Nemmnu li ftehim bħal dan huwa prekondizzjoni biex isir progress ta' livell sinifikanti fl-iżvilupp tas-CCS (fl-Ewropa jew globalment). Nemmnu wkoll li rispons dettajlat għall-mistoqsijiet tal-Komunikazzjonij huwa possibbli biss wara evalwazzjoni mill-ġdid tal-għanijiet li stabbilixxa l-Kunsill tal-UE u orjentazzjoni mill-ġdid tal-għanijiet u l-istrumenti ta' politika, iżda orjentazzjoni bħal din għandha tinvolvi approġġ pragmatiku lejn il-politika tal-enerġija u l-klima.

4.4

Dan is-suġġett diffiċli l-aħjar li jiġi indirizzat billi nistaqsu taħt liema kundizzjonijiet is-CCS mistennija jiġu implimentati fuq skala kbira fl-Ewropa, fejn diġà jeżistu bosta oqsfa leġislattivi u regolatorji fil-forma ta' Direttiva tas-CCS. Ħafna mir-risposti jinsabu fid-dokument tal-Kummissjoni.

Huwa neċessarju ftehim globali li jista' jiġi infurzat dwar l-azzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima, billi jinqasmu l-ispejjeż tal-ġlieda u l-miżuri ta' adattament. Mingħajr ftehim bħal dan l-ebda pajjiż jew blokk kummerċjali li jiddependi ekonomikament fuq iż-żamma ta' pożizzjoni kompetittiva fis-swieq globali ma jaqbillu, fil-perjodu medju u fit-tul, jimxi fuq progamm indipendenti ta' minimizzazzjoni tal-karbonju. Kwalunkwe proposta sabiex jiġi impost unilateralment mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-karbonju tkun, mil-lat tal-kompetittività u l-politika, inaċċettabbli b'mod partikolari fiċ-ċirkustanzi attwali. Ser ikun hemm bżonn ftehim gradwali u progressiv li jiżgura l-appoġġ taċ-ċittadini fil-pajjiżi demokratiċi.

Il-minimizzazzjoni tal-produzzjoni tal-karbonju ser ikollha tingħata prijorità fi ftehim bħal dan u l-prezz tal-karbonju li jirriżulta (ikun kif ikun inkiseb) u jiġi stabbilit jappoġġja l-każ intraprenditorjali biex jingħataw ir-riżorsi lis-CCS. Madanakollu s-CCS xorta jridu jippreżentaw każ kompetittiv kontra t-teknoloġiji alternattivi li qed ifittxu fondi għall-investiment bl-istess għan, bħal programmi ta' ħżin bijoloġiku jew il-ġbir u l-użu tal-karbonju. Il-KESE jqis li s-CCS għandhom pożizzjoni soda bħala t-teknoloġiji mexxejja fil-qasam tas-sekwestru tal-karbonju.

Ikun irid jiġi żgurat li l-pubbliku (jiġifieri anki fuq livell politiku) jilqa' s-CCS bħala teknoloġiji tal-ġbir tal-karbonju b'livell baxx ta' riskju fl-Istati Membri tal-UE fejn dawn huma għażla realistika. Dan japplika b'mod partikolari għar-riskji involuti fil-ħżin fuq l-art - l-uniku għażla għal ħafna Stati Membri u fejn il-prinċipju ta' prekawzjoni jeħtieġ li jitqies.

4.5

Il-probabbiltà li dawn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet jintlaħqu, abbażi tan-negozjati internazzjonali tal-klima sa issa, hija baxxa. Hemm dubju konsiderevoli ta' kemm jista' jintlaħaq ftehim globali effettiv dwar il-klima fil-konferenza tan-NU li ser issir f'Pariġi fl-2015. Ma teżisti l-ebda evidenza wkoll li dawk li huma responsabbli mit-tfassil tal-politika rnexxilhom jispjegaw b'mod konvinċenti lill-konsumatur l-ispejjeż futuri involuti f'każ ta' falliment tas-suq. Dan jirriżulta fil-prezzijiet attwali ta' oġġetti u servizzi li ma jirriflettux l-ispejjeż mistennija tal-impatt tat-tibdil fil-klima li ser iġorru l-ġenerazzjonijiet futuri. Iċ-ċittadini, bħala konsumaturi jew parti mill-elettorat, mhux lesti jilqgħu l-implikazzjonijiet, b'mod partikolari fi żmien ta' awsterità u tkabbir ekonomiku baxx jew negattiv.

4.6

Din l-Opinjoni s'issa wasslet messaġġ pessimist. Nemmnu li dan jirrifletti t-tħassib attwali tas-soċjetà ċivili. Ir-riżultat ta' riflessjoni ottimista u mhux realista fit-tfassil tal-politika huwa evidenti ħafna u huwa sors ta' disprament għal ħafna u diżillużjoni għal ħafna oħrajn. Jeżistu madanakollu raġunijiet li jwassluna biex nemmnu li s-sitwazzjoni attwali u l-perspettiva dwar il-politika tal-enerġija u l-klima (u kwistjonijiet relatati mas-CCS) jistgħu bil-mod jinbidlu.

4.7

Dejjem qed isir iktar ċar li l-leġittimità politika tal-UE ser tiddependi (u hekk għandu jkun) iktar minn kemm il-pubbliku jifhimha u kemm ikun involut fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jekk il-pubbliku ma jifhimx sew ir-raġunament li fuqu sserraħ il-politika tal-klima u tal-enerġija, jekk ma jilqax it-teknoloġiji tas-CCS, x'aktarx il-ġbir tal-karbonju ma jaqbiżx il-fażi tad-dimostrazzjoni jew l-użu kummerċjali preżenti bħal irkupru assitit taż-żejt u applikazzjonijiet relatati mal-ikel u x-xorb.

4.8

Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut ukoll li kull deċiżjoni li jieħu pajjiż dwar is-sorsi tal-enerġija u kwistjonijiet relatati fl-aħħar mill-aħħar hija bbażata fuq il-valuri ta' soċjetà dwar kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. Id-dimensjoni soċjali u etika dejjem tkun preżenti f'deċiżjonijiet bħal dawn. Dan sors ta' diffikultà li jostakola l-iżvilupp ta' politika komuni tal-UE billi bħal fil-qasam tal-enerġija, il-kompetenza aħħarija dwar is-sorsi u l-kompożizzjoni tal-provvista hija tal-Istati Membri.

4.9

Effett wieħed tan-nuqqas ta' għarfien fost iċ-ċittadini huwa li l-pubbliku ma jagħrafx il-potenzjal tat-teknoloġiji ta' kontra t-tibdil fil-klima bħas-CCS. L-impjiegi, pożizzjoni prominenti fl-innovazzjoni globali, tipi ġodda ta' investiment u metodi ta' finanzjament u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda huma eżempju ta' benefiċċji bħal dawn. Jekk is-CCS jinfirxu sew jistgħu joffru iktar sigurtà tal-impjieg fl-industriji tradizzjonali bħall-minjieri.

4.10

Il-KESE għalhekk huwa favur u ser ikun attiv fl-iżvilupp ta' Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija, konverżazzjoni inklużiva, trasparenti, affidabbli u koordinata f'diversi livelli fl-Istati Membri u bejniethom. Din l-azzjoni għandha tispjega f'termini komuni, il-punti essenzjali dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija u kwistjonijiet relatati bħas-CCS, il-faqar enerġetiku, eċċ. Hija għandha tintroduċi d-diskussjoni dwar it-tranżizzjoni lejn użu iktar baxx tal-karbonju fil-klassi, fil-kafeterija u fil-kċina. Djalogu bħal dan għandu jitfassal b'tali mod li jkun jista' jikkontribwixxi fit-tfassil tal-politika u jħeġġeġ diskussjoni dwar kemm tista' fil-fatt tinstab rikonċiljazzjoni bejn għanijiet f'kunflitt ma' xulxin - enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli. Dan il-proċess ser jippermetti kontribut kwalitattiv u sod taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet f'eżerċizzji ta' konsultazzjoni futuri u formali dwar l-enerġija. Id-djalogu ser jiffoka wkoll fuq it-tixrid ta' informazzjoni onesta u ser jaġixxi ta' faċilitatur u f'dan is-sens jista' jħeġġeġ u jżid id-diskussjonijiet dwar l-enerġija fl-Istati Membri u jaqdi rwol ta' komunikazzjoni prinċipali sabiex tinħoloq fehma iktar komuni dwar l-enerġija fl-Ewropa. F'dan il-kuntest is-CCS, bħala teknoloġija li tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-karbonju fl-atmosfera tista' tiġi evalwata b'mod komparattiv u jistgħu jiġu diskussi l-għażliet u l-kompromessi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kummissjoni tressaq il-punt fundamentali li l-eliminazzjoni tas-CO2 mill-kombustjoni tal-karburanti fossili hija importanti ħafna sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-miri tal-klima tal-UE tal-2050. Hemm bżonn li jiġi adottat aproċċ simili fuq skala globali u hemm bżonn ukoll li dawk li jfasslu l-politika jifhmu sew il-firxa tal-problema sabiex tkun tista' tiġi rikonċiljata mal-aspirazzjonijiet ekonomiċi. Ir-riservi tal-karburanti fossili fid-dinja jammontaw għal madwar 3, 000 biljun tunnellata dijossidu tal-karbonju jekk dan jinħaraq, iżda b'kombustjoni ta' 31 % biss minn dan l-ammont toħloq 80 % ċans li nibqgħu taħt żieda fit-temperatura ta' 2C. Għal 50 % ċans li nibqgħu taħt 2C jew inqas, irid jinħaraq biss 38 % ta' dan l-ammont (Unburnable Carbon http://www.carbontracker.org/wp-content/uploads/downloads/2012/08/Unburnable-Carbon-Full1.pdf). Ir-rwol li jaqdu s-CCS f'dan il-kuntest jeħtieġ li jitqiegħed fi proporzjon. Xenarju ottimist ta' 3, 800 proġett kummerċjali globali tas-CCS jippermetti żieda ta' biss 4 % ta' karburanti fossili li jistgħu jinħarqu mir-riservi (IEA World Outlook 2012). Ir-realtà hija li assi tal-enerġija li diġà ġew stmati li jiswew triljuni ta' euros ser ikollhom jintesew biex inkunu nistgħu nilħqu l-għanijiet tal-klima proposti mingħajr l-użu tas-CCS. Dan ser ikollu konsegwenzi ekonomiċi profondi. Essenzjali li jiġi rikonoxxut li hemm bżonn tinstab soluzzjoni għal din il-problema fundamentali sabiex il-politika tal-klima u tal-enerġija (u s-CCS) ikollhom ċans ikunu effettivi.

5.2

Id-dijossidu tal-karbonju jista' kemm jintuża kif ukoll jinħażen. Barra mill-irkupru assistit taż-żejt, l-użu fl-ikel u użi sekondarji oħrajn, huwa possibbli wkoll li l-inġinerija kimika u bijoloġika taqdi rwol fl-użu tas-CO2 fil-materjal tal-bini, l-għalf, proċessi kimiċi oħra u prodotti oħra bil-benefiċċju ta' iktar riċerka u żvilupp. Madanakollu, fil-ġejjieni mbassar, l-iskala tal-estrazzjoni tal-karburanti fossili turi li dan ser jaqdi rwol modest ħafna fil-ġlieda kontra l-problema tas-CO2.

6.   Tweġibiet speċifiċi għall-mistoqsijiet preżentati fil-Komunikazzjoni

1)

L-Istati Membri li bħalissa għandhom ammont kbir ta' faħam u gass fit-taħlita tagħhom tal-enerġija kif ukoll fil-proċessi industrijali tagħhom, u li għadhom ma għamlux hekk, għandhom jintalbu:

a.

jiżviluppaw pjan ċar dwar kif għandhom jirristrutturaw is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħhom lejn karburanti b’emissjonijiet bla karbonju (nukleari jew l-enerġiji rinnovabbli) sal-2050,

b.

jiżviluppaw strateġija nazzjonali li tipprepara għall-utilizzazzjoni tat-teknoloġija tas-CCS.

Il-benefiċċju li l-Istati Membri jintalbu jippjanaw minn qabel għal enerġija b'livell baxx ta' karbonju huwa li dan iżid l-informazzjoni fost dawk involuti fil-proċess u joffri l-potenzjal ta' valutazzjoni, anki jekk kemxejn skoraġġanti, tal-valur, l-ispiża u l-impatt li takkumpanja l-proposti leġislattivi futuri. Dan jista' jkun eżerċizzju utli iżda għandu jinkludi wkoll il-bilanċjar tal-għażliet nazzjonali komparattivi dwar proċessi ta' ġbir bijoloġiċi, kimiċi u fiżiċi u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet (1).

2)

Kif għandha tiġi ristrutturata l-ETS biex din tkun tista’ tipprovdi wkoll inċentivi sinifikanti għall-utilizzazzjoni tas-CCS? Dan għandu jiġi kkumplementat bl-użu ta’ strumenti bbażati fuq dħul mill-irkanti, simili għan-NER300?

Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-lezzjoni tal-vulnerabbiltà tal-ETS għall-forzi globali ekonomiċi. Huwa ċar li politika tal-klima li dwarha jkun sar qbil globali (jew in-nuqqas ta' qbil dwar dan) ser jiddeterminaw il-ġejjieni tal-ETS u r-riżultat tad-diskussjonijiet li ser isiru fl-2015 ser ikun kruċjali u l-miżuri radikali ta' rimedju li titlob l-ETS mhumiex possibbli mingħajr ċarezza politika globali. Fir-rigward tal-inċentivi finanzjarji b'mod ġenerali huwa ċar li hemm bżonn ta' appoġġ għall-ispejjeż tat-tħaddim tal-impjanti ta' dimostrazzjoni tas-CCS apparti l-finanzjament addizzjonali tal-ispejjeż tal-iżvilupp u l-kapital.

3)

Il-Kummissjoni għandha tipproponi mezzi oħra ta’ appoġġ jew tikkunsidra miżuri ta’ politika oħra biex twitti t-triq lejn l-utilizzazzjoni bikrija, billi:

c.

tappoġġja permezz ta’ rkantar approċċi ta’ riċiklaġġ jew oħrajn ta’ finanzjament

d.

Standard għall-Emissjonijiet

e.

sistema ta’ ċertifikazzjoni tas-CCS

f.

tip ieħor ta’ miżura politika

Il-Kummissjoni għandha tfittex metodi oħra ta' finanzjament għal proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS minkejja li azzjoni dwar l-użu bikri mifrux tas-CCS hija prematura għar-raġunijiet li ngħataw. Dan madanakollu ma jolqotx il-każ tal-finanzjament pubbliku ta' numru żgħir ta' proġetti ta' dimostrazzjoni. Il-ħidma fuq Standard tar-Rendiment tal-Emissjonijiet u sistema ta' ċertifikazzjoni tas-CCS tista' tesplora u tipprova metodi għal proċessi regolatorji li żgur ser ikun hemm bżonnhom fil-futur.

4)

Il-kumpaniji li jiġġeneraw l-enerġija għandhom minn issa’ l quddiem ikunu meħtieġa jinstallaw tagħmir lest għas-CCS għall-investimenti ġodda kollha (faħam u potenzjalment anki gass) biex jiffaċilitaw il-modifikazzjoni meħtieġa tas-CCS?

Dan huwa pass loġiku biex il-firxa tal-użu tat-teknoloġija tas-CCS ikollha probabbiltà li taqbeż il-medju. Attwalment dan jidher li mhux il-każ. Il-produtturi industrijali l-kbar tas-CO2 li jużaw sorsi tal-enerġija mill-karburanti fossili, b'mod speċjali l-produtturi tas-siment, għandhom jiġu trattati bl-istess mod.

5)

Il-fornituri tal-karburanti fossili għandhom jikkontribwixxu għas-CCS ta’ dimostrazzjoni u l-utilizzazzjoni tagħha permezz ta’ miżuri speċifiċi li jiżguraw finanzjament addizzjonali?

Ir-riskji implikati fil-falliment possibbli tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS jidhru li jpoġġuha fil-kategorija ta' finanzjament sħiħ mill-fondi pubbliċi, pro bono publico. Il-provvedituri tal-karburanti fossili għandhom ikunu involuti fl-użu sussegwenti tal-fondi u jista' jitressaq każ favur il-kontribut tagħhom fl-ispejjeż tal-iżvilupp. Madanakollu jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti bosta kwistjonijiet bħall-implikazzjoni tal-użu tar-regoli tad-WTO u l-bżonn li s-sorsi kollha tal-karburanti fossili jkunu kontributuri, anki dawk fejn attwalment ma jeżisti l-ebda proċess tas-CCS b'mod partikolari t-trasport.

6)

X’inhuma l-ostakli ewlenin biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed dimostrazzjoni tas-CCS fl-UE?

L-ostakli prinċipali huma:

in-nuqqas li jitwaqqaf mekkaniżmu realistiku tal-ipprezzar tal-karbonju li huwa sostenibbli fil-livell globali;

il-'kompetizzjoni' min-naħa ta' teknoloġiji oħra tas-sekwestru tal-karbonju jew li jużaw livell baxx tal-karbonju;

il-bżonn li l-pubbliku jilqa' dak li huwa meqjus bħala teknoloġija potenzjalment riskjuża;

il-possibbiltà li ma jkunx hemm fondi suffiċjenti li jappoġġjaw il-programm kemm f'termini ta' kapital kif ukoll spejjeż operattivi.

7)

Kif tista’ tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika għas-CCS?

Permezz ta' djalogu attiv mal-pubbliku dwar is-CCS, il-benefiċċji potenzjali tagħhom u valutazzjoni realistika u indipendenti tar-riskji bħala parti minn approċċ globali lejn l-għarfien dwar l-enerġija. F'ċerti pajjiżi u reġjuni l-fatt li l-użu tas-CCS jista' jirriżulta f'impjiegi għandu jiġi rikonoxxut ukoll.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU, C 299, 4.10.2012.


Top