EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE0658

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” COM(2012) 669 final

OJ C 327, 12.11.2013, p. 58–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar”

COM(2012) 669 final

2013/C 327/12

Relatur: is-Sur SOARES

Korelatur: is-Sur TRANTINA

Nhar l-20 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar

COM(2012) 669 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b 154 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-isforz tagħha fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda huwa tal-fehma li l-kontenut tal-Komunikazzjoni huwa inqas ambizzjuż milli jindika t-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni”.

1.2

Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed tillimita d-deċiżjonijiet baġitarji tal-UE kif ukoll dawk tal-pajjiżi Ewropej, u b’mod partikolari ta’ dawk li huma suġġetti għal programmi ta' aġġustamenti baġitarji. Din is-sitwazzjoni qed tkompli taggrava minħabba t-tnaqqis fil-baġit tal-Unjoni nnifisha. Il-KESE jwissi kontra l-periklu li t-tnaqqis baġitarju li għaddej bħalissa fil-qasam tal-edukazzjoni jittrasforma inizjattivi u proposti meqjusin bħala meħtieġa f’sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni.

1.3

Fid-dawl tal-fatt li huwa konxju li hemm nuqqasijiet sostanzjali fis-sistemi edukattivi li għandhom jiġu indirizzati, u li jeħtieġ li jissolvew il-problemi li jeżistu biex ikun hemm rabta bejn l-iskejjel u impjieg, il-KESE jixtieq jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

 

li l-istituzzjonijiet Ewropej

1.3.1

jikkunsidraw mill-ġdid il-mekkaniżmi ta' ġbir, ta' preżentazzjoni u ta' interpretazzjoni tad-data dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod li tkun trasparenti u komparabbli;

1.3.2

jikkunsidraw mill-ġdid ukoll il-proċessi edukattivi Ewropej ta’ bħalissa, kif ukoll l-istrumenti differenti li jeżistu diġà, u b'mod partikolari jiżguraw li l-istandards u l-linji gwida Ewropej fil-qasam tal-iżgurar tal-kwalità jiġu riveduti;

1.3.3

jimplimentaw il-miżuri li qed jiġu proposti bħalissa, billi jintegrawhom f'inizjattivi oħra li għandhom l-għan li jintegraw liż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari il-pjan ta' azzjoni "Żgħażagħ Attivi" għall-impjieg u l-intraprenditorija;

1.3.4

jiżguraw li l-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-fondi meħtieġa għall-programm kollu, l-iżjed għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ li ġiet approvata dan l-aħħar.

 

li l-Istati Membri

1.3.5

jikkunsidraw mill-ġdid u/jew jaġġornaw, mill-perspettiva tal-ħtiġijiet tal-futur, il-politiki fil-qasam tal-impjieg u tas-servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, fid-dawl tal-konvinzjoni li, sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-għanijiet marbutin mal-edukazzjoni, l-investiment f'dan is-settur għandu jkun akkumpanjat minn politiki soċjali u ekonomiċi u dwar l-impjieg li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u l-benesseri, filwaqt li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali u ta' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili;

1.3.6

iħeġġu l-kisba ta’ ħiliet intraprenditorjali fil-politiki u fil-programmi tal-edukazzjoni, kisba li, lil hinn mit-tagħlim fl-iskola, tista’ tiġi kkompletata, fejn meħtieġ, permezz ta’ tagħlim fil-post tax-xogħol u billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi f’inizjattivi promossi mill-iskejjel;

1.3.7

iħeġġu l-integrazzjoni min-naħa tal-iskejjel ta’ sistemi doppji ta' edukazzjoni u ta’ taħriġ li jikkombinaw it-tagħlim fil-klassi u l-esperjenza fil-post tax-xogħol, u b'hekk jiżguraw li l-awtoritajiet edukattivi u l-intrapriżi jkunu konxji mill-importanza ta’ dawn l-inizjattivi;

1.3.8

jikkunsidraw mill-ġdid b’mod urġenti r-relazzjoni bejn l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ u l-impjieg bil-għan li jiġu mifhuma aħjar in-nuqqasijiet potenzjali u jiġi organizzat taħriġ vokazzjonali li jissodisfa fil-prattika l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

1.3.9

jiggarantixxu lil kulħadd il-kundizzjonijiet meħtieġa għal tagħlim kontinwu u għat-titjib tat-taħriġ (taħriġ avvanzat u taħriġ mill-ġdid), billi jiġi rispettat b'mod effettiv id-dritt għal tagħlim ta’ kwalità għolja tul il-ħajja;

1.3.10

jagħrfu u jirrikonoxxu l-valur, b’mod kreattiv u innovattiv, tat-tagħlim mhux formali, billi jżidu l-viżibbiltà tal-ħiliet miksuba lil hinn mis-sistema formali u billi jippromovu l-komplementarjetà bejn it-tagħlim formali u mhux formali, filwaqt li fl-istess ħin jippromovu l-opportunitajiet indaqs;

1.3.11

jadottaw regoli u prinċipji komuni għad-definizzjoni ta' kriterji ta’ kwalità tajba għal sistemi li jiggarantixxu r-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali;

1.3.12

jinvestu fit-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ għalliema tajbin, itejbu t-taħriġ akkademiku u professjonali tagħhom, u jfittxu li jkun hemm bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa meta jiġu reklutati l-għalliema, u jipprovdu kundizzjonijiet adegwati ta’ xogħol, rimunerazzjoni u ta’ karriera, b’mod li din il-karriera tkun iżjed attraenti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa;

1.3.13

iqisu l-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala investiment fil-ġejjieni u bħala ħtieġa kontinwa sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu li tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità għolja u rilevanti għal kulħadd, billi jiġi evitat it-tnaqqis baġitarju li jagħmilha iżjed diffiċli li jiġi ssodisfat dan l-obbligu;

1.3.14

jinvolvu lill-partijiet interessati kollha (inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk komunitarji, l-iskejjel, l-għalliema, il-ġenituri u l-kustodji, l-intrapriżi u l-junjins) fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u fid-definizzjoni tal-problemi potenzjali, kif ukoll fil-kompitu ta’ edukazzjoni, taħriġ u integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, billi jiġu pprovduti għanijiet ċari, valutazzjonijiet regolari u riżorsi biżżejjed biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom.

 

li l-imsieħba soċjali

1.3.15

jerfgħu r-responsabbiltà u jimplimentaw kif imiss il-Qafas ta' Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ adottat taħt il-programm ta' ħidma konġunt tagħhom għall-2012-2014, u jiffukaw fuq ir-rabta bejn l-edukazzjoni, l-istennijiet taż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jikkunsidraw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għas-suq tax-xogħol, bil-għan li jżidu r-rati tal-impjieg b'mod ġenerali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-suġġett tal-edukazzjoni ta’ spiss ikun fil-qalba tad-diskussjonijiet tal-KESE, li għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tafferma fil-Komunikazzjoni tagħha li: “L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa element ewlieni għaż-żieda fil-produttività u t-tkabbir ekonomiku” (1). Fl-istess ħin, il-KESE jaqbel mal-preokkupazzjonijiet espressi fil-Komunikazzjoni dwar it-tibdil sostanzjali osservat fis-swieq tax-xogħol Ewropej, li juri l-bżonn li ssir reviżjoni tas-sistemi edukattivi sabiex jissolvew in-nuqqasijiet jew jimtlew il-lakuni.

2.2

Il-KESE ħareġ għadd kbir ta’ Opinjonijiet li jikkontribwixxu għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni bħala dritt fundamentali tal-bniedem (2); f’kull waħda minn dawn l-Opinjonijiet huwa jagħmilha ċara li l-għan ċentrali tal-edukazzjoni għadu dak li jsawwar ċittadini ħielsa, mogħnija b’sens kritiku, awtonomi u li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-soċjetà li jgħixu fiha, filwaqt li jkunu konxji mill-fatt li huma jaqsmu valuri u kultura.

2.3

Il-Kumitat huwa konvint li bħala parti mit-taħriġ tal-għalliema, għandha tingħata attenzjoni lill-ħiliet moderni tal-komunikazzjoni, li għandhom jikkontribwixxu sabiex il-ħajja fl-iskola tkun rilevanti u interessanti (3).

2.4

Il-KESE jaqbel ukoll mal-bżonn urġenti li jinstabu soluzzjonijiet politiċi konsistenti u trasversali għal kwistjonijiet fundamentali: ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola fl-Ewropa, li għadha għolja, il-parteċipazzjoni dgħajfa tal-ħaddiema fit-tagħlim tul il-ħajja, il-miljuni ta’ rġiel u nisa li għad għandhom biss livell baxx ta’ edukazzjoni, ħiliet insuffiċjenti fil-qari fost it-tfal taħt il-15-il sena u l-qgħad massiv fost iż-żgħażagħ f’ċerti pajjiżi tal-UE.

2.5

Madankollu, il-Kumitat jibża’ li l-valur tal-inizjattivi proposti fil-Komunikazzjoni qed jiddgħajjef fid-dawl tar-realtà li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi Ewropej fi kriżi. It-tnaqqis baġitarju, b'mod partikolari dak li jolqot ir-riżorsi allokati għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jista' jagħmilha iktar diffiċli li jissolvew l-inugwaljanzi bejn l-istudenti meta jibdew l-iskola, u li tiġi promossa edukazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd (4).

2.6

Minkejja li l-edukazzjoni hija fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll rwol importanti x'taqdi, permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bejn il-ministri differenti tal-edukazzjoni, il-mekkaniżmi ta' ġbir ta' data fil-livell Ewropew u permezz ta' inizjattivi differenti Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni bħall-Proċessi ta' Bolonja u ta' Kopenħagen, il-Communiqué ta' Bruges, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) u l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESGQA) (5).

2.7

Huma ġġustifikati l-preokkupazzjonijiet li tesprimi firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili fir-rigward tad-disparitajiet bejn il-ħiliet attwali taż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet tal-intrapriżi, kif ukoll rigward it-tranżizzjoni diffiċli bejn il-bank tal-iskola u l-post tax-xogħol jew bejn il-qgħad u l-impjieg, u għalhekk għandhom jiġu indirizzati. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tissokta ssaħħaħ l-iskambji bejn l-oqsma tal-edukazzjoni u tal-impjieg, u li tippromovi inizjattivi u miżuri konġunti li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-bank tal-iskola għall-post tax-xogħol, tnaqqas l-ostakli għall-mobbiltà fl-UE, ittejjeb bil-bosta l-funzjonament tas-suq tax-xogħol u tiggarantixxi opportunitajiet indaqs. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu għal għonq din it-triq, filwaqt li jippreżervaw il-mudell soċjali Ewropew u jsaħħu l-koeżjoni soċjali.

2.8

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Qafas ġdid ta' Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ, żviluppat mill-imsieħba soċjali, bħala parti essenzjali tal-programm ta' ħidma konġunt tagħhom għall-2012-2014, li tressaq għall-ewwel darba fis-Summit Soċjali Tripartitiku fl-14 ta' Marzu 2013.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ f'erba' oqsma ewlenin: l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja, l-inklużjoni ta' taħriġ prattiku msejjes fuq ix-xogħol, l-inklużjoni ta' apprendistati u mudelli ta' tagħlim doppju u l-promozzjoni ta' sħubijiet sabiex jintlaħaq għan komuni.

3.2

It-titolu tal-Komunikazzjoni jissuġġerixxi ambizzjoni li mhix riflessa fil-kontenut, probabbilment minħabba li l-Kummissjoni xtaqet tiffoka l-ħidma tagħha fuq għan wieħed. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-dokument seta' kien iżjed ambizzjuż u indirizza kwistjonijiet/sfidi urġenti, bħat-tendenzi demografiċi attwali fl-Ewropa, l-enerġija u l-migrazzjoni, kwistjonijiet li jitolbu tweġibiet ferm iżjed kumplessi. Bl-istess mod, fil-ġejjieni għandhom jitqiesu studji oħra bħal dawk li saru dan l-aħħar fi ħdan in-NU u l-UNESCO (6).

3.3

Rigward il-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE jwissi kontra l-periklu li l-edukazzjoni tiġi kkunsidrata bħala sempliċi strument għall-iżvilupp ta' ħiliet marbuta max-xogħol u ż-żieda fl-impjegabbiltà (7). Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-kapaċità għall-impjegabbiltà mhijiex biss marbuta b'mod dirett mal-litteriżmu, l-esperjenza prattika, eċċ., iżda wkoll ma' karatteristiċi u attitudnijiet bħaċ-ċittadinanza attiva, l-iżvilupp individwali u l-benesseri. Għal din ir-raġuni, minkejja li fil-qafas tar-reviżjoni tal-edukazzjoni, il-kapaċità għall-impjegabbiltà hija kkunsidrata bħala għan maġġuri, ma tistax tiġi interpretata b'mod riġidu wisq.

3.4

Il-KESE jfakkar li biex l-investiment fl-edukazzjoni jilħaq l-għanijiet tiegħu bis-sħiħ, għandu jkun akkumpanjat minn politiki soċjali, u ekonomiċi dwar l-impjieg, bil-għan li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità. Fil-passat, il-KESE rrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi, jimpenjaw ruħhom li jirrevedu u/jew jaġġornaw, mill-perspettiva tal-ħtiġijiet tal-ġejjieni, il-politiki marbuta mal-impjieg u s-servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, filwaqt li tingħata iżjed attenzjoni lil każijiet speċifiċi (it-tfal, il-persuni bi ħtiġijiet speċjali, il-migranti, eċċ.) u għandha tingħata attenzjoni li dawn il-politiki jintegraw id-dimensjoni tal-ġeneru u li jkun hemm parteċipazzjoni sħiħa min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (8).

3.5

Il-fatt li jeżistu ċerti disparitajiet bejn il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u dawk li, b'mod ġenerali, jiksbu ż-żgħażagħ u l-ħaddiema jitlob li ssir mill-iżjed fis possibbli r-rabta bejn il-qasam tal-edukazzjoni u dak tax-xogħol b'mod li dawn id-disparitajiet jiġu indirizzati. Madankollu, huwa ċar ukoll li l-ħinijiet tal-iskola u dawk tax-xogħol mhumiex u ma jistgħux ikunu l-istess.

3.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Ewropew li jniedi “Garanzija għaż-Żgħażagħ”, li għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena jkollhom opportunitajiet tajbin li jsibu x-xogħol, taħriġ kontinwu jew traineeship fi żmien erba’ xhur wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom jew wara li jitilfu l-impjieg tagħhom.

3.7

Madankollu, il-KESE jwissi kontra l-periklu li kemm iż-żgħażagħ kif ukoll il-ħaddiema mdaħħlin fl-età jintlaqtu mir-rati attwali ta' qgħad. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi sfruttat l-għarfien ta' dawn il-ħaddiema mdaħħlin fl-età mhux biss biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu x-xogħol iżda wkoll biex jiġu pprovduti b'għarfien abbażi ta' firxa wiesgħa ta' esperjenzi differenti.

3.8

Il-KESE jiddispaċih li, fil-Komunikazzjoni preżenti, il-Kummissjoni ma hatfitx l-opportunità biex tirrikonoxxi r-rwol li tista' taqdi l-edukazzjoni mhux formali bħala qasam komplementari għall-edukazzjoni formali, u jiġbed l-attenzjoni għall-appell li għamlu l-parteċipanti fis-Simpożju ta' Strasburgu favur il-ħolqien ta' proċess komuni fuq perjodu medju u twil ta' żmien bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-edukazzjoni mhux formali fl-Ewropa (9).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Ħiliet bażiċi u trasversali

4.1.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li “L-isforzi jridu jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, (….) u “b’mod partikolari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali”, iżda li l-ewwel pass għandu jkun li kulħadd jikseb il-ħiliet bażiċi. Fil-fehma tal-Kumitat, it-tagħlim tal-lingwi għadu jistħoqqlu attenzjoni partikolari. Persuna żagħżugħa li tkun kisbet ħiliet tajbin bażiċi u trasversali (fost affarijiet oħra, il-ħidma fi ħdan tim, il-ħakma ta' lingwi diversi, il-ħakma tal-għodod tal-IT, il-kapaċità li tifforma opinjoni u tkun kapaċi tesprimiha, il-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjoni) la ssib diffikultà tirnexxi fid-dinja intraprenditorjali u lanqas li tkun attiva fis-suq tax-xogħol.

4.1.2

Il-“ħiliet intraprenditorjali” huma mingħajr dubju element importanti, bil-kundizzjoni li l-għan tagħhom ma jkunx biss il-ħolqien tal-intrapriżi. Mingħajr attitudni intraprenditorjali, ftit li xejn nimxu ’l quddiem fil-ħajja, b’mod partikolari f’perjodi diffiċli bħal dawn. Għalhekk, hija ħaġa pożittiva li dawn il-ħiliet ikunu integrati fil-politiki u l-programmi edukattivi.

4.1.3

Sabiex jiġi żviluppat l-ispirtu intraprenditorjali, lil hinn minn kwistjonijiet relatati mal-kurrikulu, jista’ jkun importanti li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ tagħlim fil-post tax-xogħol jew fi ħdan organizzazzjoni, u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi u tal-organizzazzjonijiet fi skemi promossi mill-iskejjel. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu definizzjoni iżjed trasparenti tal-kunċett ta' "aċċess ugwali għal tagħlim adegwat u għal programmi tal-ħiliet għall-ħajja", u jfasslu firxa koerenti ta’ indikaturi li jagħmlu possibbli paragun fil-livelli differenti, kif ukoll għall-valutazzjoni tar-riżultati, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili.

4.1.4

Madankollu, il-KESE jemmen li l-ispirtu intraprenditorjali jista' jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu biss jekk dan ikun akkumpanjat mill-idea ta’ ħidma kollettiva li l-edukazzjoni għandha wkoll trawwem fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

4.1.5

Is-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (l-hekk imsejħa dixxiplini STEM) (10) għandhom jibqgħu jingħataw attenzjoni partikolari fis-sistemi edukattivi peress li għadhom fil-qalba ta’ soċjetà ddominata mit-teknoloġija u l-iżvilupp teknoloġiku u minħabba li d-domanda għal ħaddiema bi kwalifiki għoljin u b'livell għoli ta' għarfien xjentifiku ser tkun dejjem akbar (11). Madankollu, huwa importanti li dawn is-suġġetti jiġu ppreżentati b’mod li jkun iżjed faċli għall-utenti u b’mod iżjed kreattiv u, għaldaqstant, iżjed attraenti li jiffaċilita wkoll bilanċ ikbar u aħjar bejn is-subien u l-bniet (12).

4.1.6

Id-dokument la jagħmel referenza għall-effetti tal-kriżi u tal-politiki ta’ aġġustament baġitarju fuq ix-xjenza, ir-riċerka u l-professjonisti f’dawn l-oqsma (ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-universitajiet) u lanqas għall-eżodu ta’ mħuħ li qed jesperjenzaw pajjiżi differenti tal-UE. Il-KESE tkellem f'għadd ta' Opinjonijiet (13) dwar l-importanza li nimxu lejn it-twettiq sħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; huwa osserva li l-moviment liberu tar-riċerkaturi, tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġija għandhom jikkostitwixxu l-“ħames libertà” tas-suq intern.

4.2   Ħiliet vokazzjonali

4.2.1

Il-KESE jinsab imħasseb, l-istess bħall-Kummissjoni, dwar id-disparitajiet li jeżistu bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol. Huwa ċar li sistema edukattiva li tkun maqtugħa mis-suq tax-xogħol mhux biss tiġġenera ħiliet inkompleti, iżda agħar minn hekk, twassal għall-qgħad (14). Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li tingħata attenzjoni ikbar lir-reviżjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u li jkun hemm komprensjoni reċiproka ikbar tar-rabtiet bejn dawn u s-suq tax-xogħol, bil-għan li jiġi żgurat li jissodisfaw b’mod konkret il-ħtiġijiet tiegħu. Jenfasizza wkoll li huwa indispensabbli li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw f’taħriġ vokazzjonali li jkun rilevanti għas-suq tax-xogħol (15).

4.2.2

It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) huma ta' importanza partikolari għas-suq tax-xogħol; jeħtieġ ukoll li jsir investiment fi programmi adatti li jiżguraw dawn il-ħiliet fit-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda n-nisa żgħażagħ. Il-KESE jaqbel mal-proposta dwar tikketta Ewropea ta' kwalità għall-industrija u għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tal-ICT.

4.2.3

Il-KESE jafferma mill-ġdid id-dritt li kull persuna jkollha firxa ta’ għarfien u ta’ kwalifiki li jagħmluha possibbli li tintegra ruħha bis-sħiħ fil-ħajja professjonali u soċjali. Id-dritt għal taħriġ vokazzjonali ma għandux jingħata biss liż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tx-xogħol, iżda wkoll lill-ħaddiema kollha, b’mod li jkunu jistgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jilqgħu l-isfidi fid-dawl tat-tibdil li għaddej bħalissa. L-impjegabbiltà ma tikkonċernax biss liż-żgħażagħ.

4.2.4

It-tagħlim fil-post tax-xogħol, u b’mod partikolari s-sistemi doppji li jikkombinaw it-tagħlim fil-klassi u l-esperjenza fil-post tax-xogħol jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tibdil meħtieġ għall-ħolqien tal-impjiegi (16), iżda għandhom jagħmlu parti mis-sistema edukattiva, li jitlob kjarifika tar-rwol li jaqdu l-atturi differenti kkonċernati. Huwa fundamentali li l-iskejjel u l-intrapriżi jkunu sensibilizzati għal din il-forma ta’ tagħlim (17).

4.3   L-istimular ta’ tagħlim miftuħ u flessibbli

4.3.1

Ir-rikonoxximent li l-mudelli qed jinbidlu b’ritmu mingħajr preċedent (minn soċjetà industrijali għal soċjetà bbażata fuq l-għarfien, li hija fi triqtha lejn soċjetà bbażata fuq in-netwerks) jitlob approċċ iżjed kreattiv u innovattiv, li jorbot flimkien oqsma differenti tal-ħajja u attivitajiet differenti, filwaqt li jiġu rikonoxxuti u vvalutati s-suċċessi, u jinħolqu rabtiet bejn il-kultura, l-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali u s-suq tax-xogħol u billi titħeġġeġ il-komplementarjetà bejn it-tagħlim mhux formali u dak formali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs.

4.3.2

Huwa tajjeb li jiġi stimulat it-tagħlim, bil-kundizzjoni li l-individwi jingħataw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jagħmlu dan, u li dan ma jiddependix biss mill-isforz li kull persuna tista’ u jeħtieġ li tagħmel. Jekk dan ma jiġrix, il-gruppi li diġà min-natura tagħhom huma l-iżjed żvantaġġati jew marġinalizzati jkomplu jiġu ssegregati b’mod kollettiv. Għalhekk, il-KESE jinsab dejjem iżjed u iżjed imħasseb dwar il-fatt li l-parteċipazzjoni fil-programmi ta' edukazzjoni għall-adulti turi tnaqqis sostanzjali; il-parteċipazzjoni medja tal-adulti tal-UE fit-tagħlim tul il-ħajja hija biss 8,9 % skont il-Kummissjoni, u f’seba’ Stati Membri partikolari bilkemm tilħaq il-5 %.

4.3.3

Jeħtieġ li jittejbu l-proċeduri, li attwalment huma formalisti wisq, għar-rikonoxximent tal-għarfien miksub barra mill-iskola (l-edukazzjoni mhux formali). Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu abbażi ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kkonċernati u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u li huwa l-Istat li għandu jerfa' r-responsabbiltà u jiżgura l-kwalità ta' dan ir-rikonoxximent. Il-proċeduri għar-rikonoxximent jistgħu jikkontribwixxu b'mod iżjed effettiv biex tiżdied il-viżibbiltà, b'mod partikolari fi ħdan l-imsieħba soċjali, tal-benefiċċji tal-edukazzjoni mhux formali. Huwa importanti wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni li tkun fuq skala wiesgħa u faċli tinftiehem kemm jista' jkun dwar il-modi għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet biex jiġi żgurat li jibbenefikaw lil kulħadd.

4.3.4

Fi żmien meta r-rati tal-qgħad huma għoljin, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, il-bżonn li nikkunsidraw mill-ġdid b’mod iżjed miftuħ u flessibbli kif jinkisbu l-ħiliet jikkostitwixxi sfida fundamentali għall-Ewropa, fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, l-Istati Membri għandhom, fost affarijiet oħra:

a)

jiggarantixxu li kulħadd jjibbenefika mit-tagħlim tul il-ħajja, u li jkun possibbli li jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u li jkollhom aċċess għal impjiegi iżjed ikkwalifikati, b’mod li jintlaħaq l-għan tat-“tkabbir inklużiv” stabbilit f-Istrateġija Ewropa 2020;

b)

jiggarantixxu li ż-żgħażagħ ikunu ggwidati minn speċjalisti dwar l-orjentazzjoni professjonali;

c)

itejbu, permezz ta’ miżuri konkreti, innovattivi u kreattivi li dwarhom jintlaħaq ftehim komuni permezz tad-djalogu soċjali, it-taħriġ (taħriġ kontinwu u taħriġ mill-ġdid) għal dawk li diġà għandhom xogħol jew li jixtiequ li jkollhom xogħol, iżda li l-ħiliet akkademiċi jew mhux akkademiċi tagħhom mhumiex biżżejjed. Dawn l-inizjattivi għandhom iqisu l-età, l-esperjenza u l-għarfien tal-ħaddiema kkonċernati;

d)

jifformalizzaw id-dritt tal-individwu għal taħriġ iċċertifikat ta’ kwalità għolja, billi jiġi stipulat għadd fiss ta’ sigħat ta’ taħriġ għall-ħaddiema kollha, indipendentement mil-livell tal-kwalifiki tagħhom jew it-tip tal-kuntratt;

e)

iħeġġu lill-intrapriżi jfasslu programmi għall-iżvilupp tal-ħiliet, li jinvolvu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem, filwaqt li titqies il-qagħda tal-intrapriża, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-SMEs, b’konformità mal-ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew;

f)

jappoġġjaw l-inizjattivi bil-għan li jżidu l-viżibbiltà tal-ħiliet miksuba lil hinn mill-edukazzjoni formali, u jsaħħu r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u jiggarantixxu l-kwalità tiegħu.

4.3.5

Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki b'mod li jkun hemm konverġenza u trasparenza akbar fir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-UE.

4.4   Appoġġ lill-għalliema u lill-edukaturi Ewropej

4.4.1

Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi r-rwol fundamentali li jaqdu l-għalliema u l-edukaturi biex itejbu t-tagħlim u jħeġġu t-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Għalhekk, jidher li l-investiment fit-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ għalliema u edukaturi ta’ kwalità għolja hija strateġija meħtieġa u pożittiva.

4.4.2

Madankollu, li ngħidu li għalliema u edukaturi tajbin jistgħu jagħmlu differenza ma jfissirx li t-tagħlim waħdu biss jiddetermina dak li jitgħallmu l-istudenti jew li jiġi sottovalutat il-kuntest soċjoekonomiku li fih isir dan it-tagħlim.

4.4.3

F’kuntest ta’ tibdil ekonomiku, soċjali u teknoloġiku kbir u profond, huwa urġenti li l-professjoni ta’ għalliem tiġi kkunsidrata bħala element ċentrali għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja, li tista’ tiġi adattata għall-esiġenzi ta’ żminijietna, li jfisser li huwa fundamentali li jitjieb it-taħriġ akkademiku u professjonali tal-għalliema, li jiġu offruti kundizzjonijiet adegwati ta’ rimunerazzjoni u ta’ karriera u li l-karriera ta’ għalliem tkun iżjed attraenti għaż-żgħażagħ. Huwa wkoll estremament importanti li jiġi żgurat bilanċ ikbar bejn l-irġiel u n-nisa fir-reklutaġġ tal-għalliema.

4.4.4

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jkun tajjeb li fir-reklutaġġ tal-għalliema tiġi integrata dimensjoni ta' diversità, b'mod partikolari mill-perspettiva ta' oriġini etnika, tal-kultura, tar-reliġjon, tal-età, eċċ. Barra minn hekk, f'kuntest ta' moviment liberu tal-persuni u tal-migrazzjoni, huwa partikolarment importanti li jissaħħu l-għarfien lingwistiku u l-ħiliet fil-komunikazzjoni interkulturali, kemm fost it-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll fost l-għalliema, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni anke meta l-lingwi materni jkunu differenti. L-għalliema għandhom jibbenefikaw mit-taħriġ adatt biex ikunu f'pożizzjoni li jaħdmu mal-istudenti li jabbandunaw l-istudji tagħhom jew li jkunu fi bżonn, f'żoni milqutin minn perikli soċjali jew esposti għall-esklużjoni. Għalhekk, jinħtieġu għalliema moderni f'ambjent ta' tagħlim multikulturali u multidimensjonali (18).

4.5   Il-finanzjament tal-edukazzjoni

4.5.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed timpenja ruħha li tagħti iżjed attenzjoni lill-finanzjament tal-edukazzjoni, billi nediet dibattitu mal-atturi prinċipali dwar il-benefiċċji li jsir investiment fl-edukazzjoni (19). Huwa jappoġġja wkoll l-idea li ssir ħidma bi sħab mal-imsieħba soċjali biex jiġi analizzat kif jista' jiżdied il-forniment ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja fil-post tax-xogħol.

4.5.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri qed jippromovu dibattiti nazzjonali dwar il-mekkaniżmi sostenibbli ta’ finanzjament għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu, minkejja dan il-livell ta' attenzjoni, il-finanzjament għall-edukazzjoni u t-taħriġ qed jonqos f'ħafna Stati Membri (20). Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni wiesgħa u kontinwa tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li qed isiru biex jinvolvu s-settur privat fil-kofinanzjament tas-settur tal-edukazzjoni, b'mod partikolari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iżda fl-istess ħin jirrakkomanda li jiġu stabbiliti kriterji ċari dwar ir-responsabbiltajiet kondiviżi bejn is-setturi differenti (is-settur pubbliku, dak privat u oħrajn) f'każijiet bħal dawn. Dan ma jimplikax li l-Istati titneħħielhom ir-responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom li jiggarantixxu finanzjament adegwat u edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd (21).

4.5.3

Il-KESE jafferma mill-ġdid b'konvinzjoni l-importanza, f'dak li jirrigwarda l-mobbiltà taż-żgħażagħ, ta' programmi bħall-Erasmus, l-Erasmus Mundus u "Żgħażagħ attivi", li l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp personali u tal-ħiliet u l-kwalifiki taż-żgħażagħ huwa rikonoxxut minn kulħadd. Għalhekk, jeħtieġ li jiżdied il-finanzjament ta' dawn il-programmi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, kif ukoll li titjieb il-proċedura tal-għażla tal-parteċipanti, sabiex kulħadd jibbenefika minn opportunitajiet indaqs, ġusti u effettivi billi, permezz tal-programmi, ċerti gruppi speċifiċi esposti għal livell għoli ta' riskju jitħeġġu jipparteċipaw f'dawn l-inizjattivi, u billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli marbutin mar-riżorsi finanzjarji jew mal-kwalifiki li jiffaċċjaw għad ġmielu ta' studenti u żgħażagħ.

4.6   Sħubijiet

4.6.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-atturi u l-gruppi soċjali differenti fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Is-sħubijiet jippermettu skambju rikk ta’ esperjenzi u jipprovdu opportunità li jiġi inkluż fil-proċess edukattiv kull min jista' jipprovdi u/jew jaġġorna ħiliet speċifiċi, b’mod partikolari dawk li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol.

4.6.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha (l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk komunitarji, l-iskejjel u l-għalliema, il-ġenituri u l-kustodji u l-intrapriżi u l-junjins, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, fost l-oħrajn) u li jiġu previsti għanijiet ċari, valutazzjonijiet regolari u riżorsi suffiċjenti biex jiġi żgurat li dawn is-sħubijiet ikunu sostenibbli. Il-KESE jittama li l-programm Erasmus għal Kulħadd jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jappoġġja, jinkoraġġixxi u jippromovi s-sħubijiet li jħabirku biex jiżguraw edukazzjoni ta’ kwalità għolja u opportunitajiet indaqs. L-edukazzjoni hija proċess olistiku u għalhekk titlob livell għoli ta' orjentazzjoni f'dak li jirrigwarda l-karriera, flimkien ma' servizz ta' konsulenza vokazzjonali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jixxerrdu l-prattiki tajbin li jsegwu bosta skejjel li, waranofsinhar, jinbidlu f'ċentri ta' attivitajiet kulturali, laqgħat u taħriġ kontinwu li jipproponu attivitajiet maħsubin għal ġenerazzjonijiet differenti fi ħdan il-popolazzjoni u għal kategoriji soċjali differenti.

4.6.3

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ fid-dinamika tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-kontribut tagħhom biex isolvu l-problemi enormi li jolqtuhom illum il-ġurnata. Naturalment, dawn jinkludu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li r-rati estremament għoljin tiegħu huma għalkollox inaċċettabbli. Il-ħolqien ta' sħubijiet ma' dawn l-organizzazzjonijiet li jħeġġu l-ksib ta' "ħiliet personali" (soft skills) bħall-organizzazzjoni, il-komunikazzjoni, is-sens ta' tmexxija, is-sens ta' inizjattiva u l-għarfien ta' lingwi barranin, fost affarijiet oħra, jista' jkun strateġija pożittiva bil-kundizzjoni li jiġu żgurati wkoll ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha (22).

4.6.4

Il-KESE jaqbel mal-idea li jinħolqu garanziji għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri, iffinanzjati permezz ta' fond speċifiku taħt il-qafas finanzjarju pluriennali, għalkemm huwa tal-fehma li l-pakkett ta' EUR 6 000 miljun previst huwa għalkollox insuffiċjenti, fid-dawl tal-fatt li parti minn dawn il-fondi diġà hija pprovduta mill-Fond Soċjali Ewropew.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2012) 669 final.

(2)  ĠU C 161, 606.2013, p. 67-72; ĠU C 161, 6.5.2013, p. 27-34; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8-15; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97; ĠU C 191, 29.6.2012, p. 103; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 1; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 154; ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 143; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 50; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1; ĠU C 318, 29.10. 2011, p. 142; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 1; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55; ĠU C 21, 21.1.2011, p. 66; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 81; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 113; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 10; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 100; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 95; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 45; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 85; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41.

(3)  Survey of Schools: ICT in Education (Stħarriġ fl-iskejjel: l-ICT fl-edukazzjoni) (https://ec.europa.eu/digital-agenda/node/51275) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-inizjattiva tal-UNESCO tal-2012 "Education for all" (EFA) jikkritika l-progress irregolari biex jintlaħqu l-għanijiet tal-EFA u jikkonkludi li biex iċ-ċittadini jingħataw rendikont pożittiv, is-sistemi edukattivi għandhom jirċievu fondi suffiċjenti u sostenibbli. Madankollu, f’dikjarazzjonijiet reċenti, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OCDE) qalet li edukazzjoni pubblika ffukata fuq il-kwalità u l-ugwaljanza hija l-aħjar mod mhux biss biex il-gvernijiet jiffrankaw il-flus, iżda wkoll biex jinvestuhom b’mod tajjeb. Madankollu, il-komunitajiet u l-persuni żvantaġġati għandhom jiġu involuti għax b'hekk biss tista' tkun possibbli sistema edukattiva ta' kwalità għolja (Konferenza tal-Education International – OECD “Quality and dialogue key to public education” [Il-kwalità u d-djalogu huma essenzjali għall-edukazzjoni pubblika], 4 ta’ Frar 2013).

(5)  L-akronimi kollha huma bl-Ingliż.

(6)  Fis-sede tal-UNESCO f’Pariġi, mit-12 sal-14 ta’ Frar 2013, tnax-il espert internazzjonali mill-qasam edukattiv għamlu analiżi kritika tal-iżjed rapporti importanti prodotti fis-seklu 20 fil-qasam tal-edukazzjoni minn din l-organizzazzjoni – “Learning to be” ta’ Edgar Faure(1972) u “Learning: The Treasure Within” ta' Jacques Delors (1996) – fid-dawl tal-iżjed tibdil soċjali reċenti u profond. www.unesco.org

(7)  It-termini “impjegabbiltà” u “ħolqien tal-impjiegi” ma jfissrux l-istess ħaġa u lanqas ma jesprimu l-istess kunċett. Filwaqt li l-“ħolqien tal-impjiegi” huwa fenomenu kumpless li jinvolvi għadd ta' responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istat, min iħaddem u l-ħaddiema, u li jitlob id-djalogu soċjali u n-negozjar, jidher li l-“impjegabbiltà” tirreferi kważi esklużivament għar-responsabbiltà individwali ta' min qed ifittex impjieg.

(8)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 18.

(9)  Is-simpożju, li sar mill-14 sas-16 ta' Novembru 2011, kien koorganizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa flimkien ma' għadd ta' assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ bħall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Jugend für Europa – l-Aġenzija Nazzjonali Ġermaniża għall-Programm Żgħażagħ Attivi – u s-SALTO Training and Cooperation Centre. (http://youth-partnership-eu.coe.int/youth-partnership/documents/EKCYP/Youth_Policy/docs/Youth_Work/Policy/STATEMENT_Symposium_participants_160312.pdf).

(10)  STEM (Science, Technology, Engineering and Mathematics) huwa l-akronimu bl-Ingliż.

(11)  Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (CEDEFOP), id-domanda għal persuni b'ħiliet għoljin tista' tiżdied b'16-il miljun ruħ sal-2020 u dik għal persuni b'ħiliet medji b'medja ta' 3,5 miljun ruħ, filwaqt li d-domanda għal persuni bi ftit li xejn ħiliet tista' tonqos bi 12-il miljun ruħ.

(12)  Għadd ta’ proġetti li saru fi Stati Membri differenti juru li t-tagħlim tal-matematika jista’ jkun iżjed attraenti.

(13)  ĠU C 95, 23.4.2003, p. 8 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 121; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 60; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 88; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 43; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 31.

(14)  Ir-rakkomandazzjoni riveduta tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni teknika u vokazzjonali turi li, minħabba l-iżvilupp xjentifiku, teknoloġiku u soċjoekonomiku enormi, attwali jew previst, li jikkaratterizza żminijietna, b’mod partikolari l-globalizzazzjoni u r-rivoluzzjoni tal-ICT, l-edukazzjoni teknika u vokazzjonali għandhom ikunu elementi vitali tal-proċess edukattiv tal-pajjiżi kollha (UNESCO, 2001).

(15)  Memorandum dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tat-Tagħlim u tat-Taħriġ Vokazzjonali fl-Ewropa, Berlin, 10-11 ta’ Diċembru 2012.

(16)  Il-Komunikazzjoni ssemmi dawn is-setturi b’potenzjal għat-tkabbir: l-ICT, is-saħħa, it-teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, is-servizzi personalizzati, is-servizzi tan-negozju, l-ekonomija marittima u s-setturi ekoloġiċi, u dawk li għaddejjin minn trasformazzjoni kbira li jeħtieġu forza tax-xogħol b’ħiliet aħjar.

(17)  L-esperjenza tas-sistema doppja fl-Awstrija hija eżempju ta' prattika tajba li jistħoqqilha analiżi bir-reqqa tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi implimentata, u tar-riżultati miksuba sa issa.

(18)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 85.

(19)  L-UNESCO, fi studju ġdid li janalizza l-kontribuzzjonijiet tal-intrapriżi u tal-fondazzjonijiet privati għall-edukazzjoni, tosserva li dawn il-kontribuzzjonijiet ma jaqbżux is-USD 683 miljun fis-sena. Biex dawn iċ-ċifri nkunu nistgħu nanalizzawhom minn xi forma ta’ perspettiva, nistgħu ngħidu li din iċ-ċifra hija ekwivalenti għal 0,1 % tal-profitti tal-ikbar żewġ kumpaniji taż-żejt fid-dinja, u tirrappreżenta l-ispiża ta’ żewġ ajruplani tat-tip Airbus A380. Din fil-fatt hija kontribuzzjoni żgħira meta mqabbla mas-USD 16 000 miljun li huma meħtieġa kull sena biex jiġi żgurat li kull tifel u tifla jattendu l-iskola primarja. Preżentazzjoni fil-Forum ta’ Davos, 23 ta’ Jannar 2013.

(20)  Rapport Eurydice "Funding of Education in Europe 20-2012. The Impact of the Crisis".

(http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/147EN.pdf).

(21)  L-impenn li tiġi garantita edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd huwa minqux fil-kostituzzjonijiet nazzjonali kollha u, fil-livell internazzjonali, fid-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza Dinjija dwar l-Edukazzjoni, UNESCO, Jomtien, 1990, u fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, NU, New York, 2000, li l-Istati Membri tal-UE huma firmatarji tagħhom kollha.

(22)  Rapport tal-Università ta' Bath/GHK (2012) wera l-impatt tal-edukazzjoni formali fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-importanza tar-rwol li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jaqdu f'dan il-proċess.


Top