EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0194

Kawża T-194/13: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ April 2013 — United Parcel Service vs Il-Kummissjoni

OJ C 147, 25.5.2013, p. 30–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 147/30


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2013 — United Parcel Service vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-194/13)

2013/C 147/54

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United Parcel Service, Inc. (Atlanta, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: A. Ryan, B. Graham, Solicitors, W. Knibbeler u P. Stamou, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, fit-totalità tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 431, tat-30 ta’ Jannar 2013, li tipprojbixxi l-akkwist ta’ TNT Express N.V. propost minn UPS (Każ COMP/M.6570 — UPS/TNT Express), sa fejn tipprojbixxi l-konċentrazzjoni; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, inklużi dawk ta’ kull eventwali intervenjent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżaminat l-effetti probabbli tal-konċentrazzjoni fuq il-prezz. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet u kisret id-drittijiet ta’ difiża ta’ UPS billi biddlet b’mod sostanzjali l-mudell ekonometriku ppreżentat minn UPS mingħajr ma semgħet lil UPS u mingħajr ma spjegat b’mod adegwat it-tibdiliet magħmula.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, bil-fatt li stabbiliet standard arbitrarju sabiex jiġu vverifikati l-effiċjenzi, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u tbiegħdet mill-istandard stabbilit mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat piż insuffiċjenti jew ma tat ebda piż lill-effiċjenzi li hija aċċettat fil-prinċipju. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ difiża ta’ UPS billi bbażat ir-rifjut tagħha tal-effiċjenzi fuq oġġezzjonijiet li UPS ma kinitx ġiet ikkonfrontata bihom qabel.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat ħażin il-kunċett ta’ qrubija tal-kompetizzjoni. Hija żbaljat ukoll meta kkonkludiet, mingħajr ma kellha provi sostantivi, li ż-żidiet potenzjali fil-prezzijiet tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienu se jiġu akkomodati mill-kompetitur tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ UPS billi ċaħħditha mill-aċċess għal provi rilevanti u li kienu jiskaġunawha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tagħti raġunijiet, wettqet żball ta’ liġi u ta’ fatt u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li kompetituri li ma humiex kompetituri mill-qrib ma setgħux jespandu sabiex irażżnu effettivament l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fil-futur qrib.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta analizzat il-kapaċità tal-konsumaturi li jirrestrinġu l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.


Top