EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0020

Kawża C-20/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fil- 15 ta’ Jannar 2013 — Daniel Unland vs Land Berlin

OJ C 86, 23.3.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Jannar 2013 — Daniel Unland vs Land Berlin

(Kawża C-20/13)

2013/C 86/19

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Daniel Unland

Konvenut: Land Berlin

Domandi preliminari

(1)

Id-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja, b’mod partikolari, f’dan il-każ, id-Direttiva 2000/78/KE (1) għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tal-applikazzjoni kompleta tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata minħabba l-età, fis-sens li jestendi wkoll għar-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Land?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja għandha twassal għall-konklużjoni li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba l-età, dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ mħallef mad-dħul fil-kariga tiegħu fil-ġudikatura u ż-żieda sussegwenti tiegħu jiddependu fuq l-età tiegħu?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi l-ġustifikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali bl-għan leġiżlattiv li tiġi kkumpensata l-esperjenza professjonali u/jew il-kompetenzi soċjali?

(4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tippermetti, fil-każ li tiġi stabbilita sistema nondiskriminatorja ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, konsegwenza legali oħra għajr dik tal-għoti ta’ kumpens retroattiv lil persuni diskriminati li jikkorrispondi għall-ogħla skala tal-grad tagħhom?

Il-konsegwenza legali marbuta mal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’dan il-każ tirriżulta direttament mid-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja innifsu, b’mod partikolari, fil-każ ineżami, id-Direttiva 2000/78/KE jew l-allegazzjoni tal-persuna diskriminata tirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-prinċipju, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, tar-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-każ ta’ traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew?

(5)

Din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta l-eżistenza ta’ dritt għal ħlas (a posteriori) jew kumpens għall-kundizzjoni li l-imħallfin ikunu ressqu tali talba fit-terminu qasir?

(6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja timplika li liġi, li tiddefinixxi l-metodu ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ mħallfin diġà fil-kariga fis-sistema l-ġdida billi tipprovdi li l-iskala tas-sistema l-ġdida li ser jiġu assenjati fiha, tkun esklużivament iddeterminata mill-ammont tas-salarju bażiku li kienu jirċevu, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni qadima (diskriminatorja), fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, u li l-progressjoni sussegwenti lejn skala ogħla mbagħad tiġi ddeterminata biss abbażi tal-esperjenza miksuba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, indipendentement mill-esperjenza totali miksuba mill-imħallef, tissokta — sakemm imħallef ikun laħaq l-ogħla skala — bid-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età?

(7)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-sitt domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi li t-trattament mhux ugwali kontinwu jista’ jkun iġġustifikat mill-għan leġiżlattiv ta’ protezzjoni mhux (biss) tad-drittijiet misuba fid-data ta’ referenza għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, iżda (wkoll) tal-aspettattivi ta’ mħallfin diġà fil-kariga fir-rigward tal-perspettivi tagħhom ta’ qligħ fil-grad rispettiv tagħhom li huwa ggarantit lilhom mis-sistema l-qadima, u li tipprovdi remunerazzjoni aħjar għall-imħallfin ġodda milli għal dawk diġà fil-kariga?

Id-diskriminazzjoni kontinwa kontra mħallfin diġà fil-kariga tista’ tkun iġġustifikata mill-argument ibbażat fuq il-fatt li s-soluzzjoni l-oħra possibbli (li tikkonsisti fi klassifikazzjoni individwali mill-ġdid tal-imħallfin diġà fil-kariga skont it-tul tal-esperjenza professjonali tagħhom) hija amministrattivament iktar diffiċli sabiex tiġi implementata?

(8)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġustifikazzjonijiet imsemmija fis-seba’ domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tippermetti, sakemm tiġi stabbilita sistema nondiskriminatorja ta’ remunerazzjoni inkluż għal imħallfin diġà fil-kariga, konsegwenza legali oħra għajr dik ta’ għoti lill-imħallfin diġà fil-kariga ta’ remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-ogħla skala tal-grad tagħhom, b’mod retroattiv u kontinwu?

(9)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja twassal għall-konklużjoni li, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba l-età, leġiżlazzjoni li tikklassifika mill-ġdid l-imħallfin fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li, minn ċertu skala, tibbenefika lill-imħallfin diġà fil-kariga li jkunu laħqu ċerta età fid-data stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, b’rata ta’ progressjoni tar-remunerazzjoni li tkun iktar mgħaġġla minn dik tal-imħallfin diġà fil-kariga iżda li kienu iżgħar fid-data stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida?

(10)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-disa’ domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tipprekludi li dan it-trattament mhux ugwali jista’ jiġi ġġustifikat mill-għan leġiżlattiv li jikkonsisti fil-protezzjoni mhux tad-drittijiet miksuba fid-data ta’ referenza għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, iżda biss tal-aspettattivi tal-imħallfin diġa fil-kariga f’dak li jirrigwarda l-perspettivi tagħhom ta’ qligħ, fil-grad rispettiv tagħhom, li kienet tiggarantilhom is-sistema l-antika?

(11)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġustifikazzjoni msemmija fl-għaxar domanda: din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju Ewropew u/jew leġiżlazzjoni sussidjarja tippermetti, sakemm tiġi stabbilita sistema nondiskriminatorja ta’ remunerazzjoni, inkluż għall-imħallfin diġà fil-kariga, konsegwenza legali differenti għajr l-għoti lill-imħallfin diġà fil-kariga, tal-istess rata ta’ progressjoni tar-remunerazzjoni li tingħata lill-imħallfin ipprivileġġjati kif deskritti fid-domanda 9, b’mod retroattiv u kontinwu?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


Top