EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CA0320

Kawża C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C-383/11: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat- 22 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad — Varna — il-Bulgarija) — DIGITALNET OOD (C-320/11 u C-383/11), Tsifrova kompania OOD (C-330/11), M SAT CABLE AD (C-382/11) vs Nachalnik na Mitnicheski punkt — Varna Zapad pri Mitnitsa Varna (Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni li fih modem għall-aċċess għall-internet u li jiżgura funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni)

OJ C 26, 26.1.2013, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad — Varna — il-Bulgarija) — DIGITALNET OOD (C-320/11 u C-383/11), Tsifrova kompania OOD (C-330/11), M SAT CABLE AD (C-382/11) vs Nachalnik na Mitnicheski punkt — Varna Zapad pri Mitnitsa Varna

(Kawża C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C-383/11) (1)

(Tariffa Doganali Komuni - Klassifikazzjoni tariffarja - Nomenklatura Magħquda - Apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni li fih modem għall-aċċess għall-internet u li jiżgura funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni)

2013/C 26/18

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad — Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DIGITALNET OOD (C-320/11 u C-383/11), Tsifrova kompania OOD (C-330/11), M SAT CABLE AD (C-382/11)

Konvenut: Nachalnik na Mitnicheski punkt — Varna Zapad pri Mitnitsa Varna

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad — Varna — Interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 291, p. 1) — Subintestatura Nru 8528 71 13 tan-Nomenklatura Magħquda (Apparat b’mezz ibbażat fuq mikroproċessur li fih mowdem għall-aċċess għall-Internet, u li jkollu funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni, li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni (“set-top boxes b’funzjoni ta’ komunikazzjoni”) jew Nru 8521 90 00 (Apparat ieħor li jirrekordja jew jirriproduċi vidjow, li fihom jew ma fihomx tuner tal-vidjow) — Apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni jew li jservi bħala modem ta’ aċċess għall-Internet li jiżgura funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni — Tifsira tal-kunċetti ta’ “internet”, ta’ “mowdem” u ta’ “modulazzjoni u demodulazzjoni” fir-rigward tan-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda

Dispożittiv

(1)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat, rispettivament, mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007; Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, u Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ merkanzija taħt is-subintestatura 8528 71 13, modem għall-aċċess għall-internet jikkostitwixxi dispożittiv li waħdu huwa kapaċi, u mingħajr l-intervent ta’ ebda apparat jew mekkaniżmu ieħor, jaċċedi għall-internet u jiżgura interattività jew skambju bidirezzjonali ta’ informazzjoni. Hija biss il-kapaċità ta’ aċċess għall-internet u mhux it-teknika użata għal dan il-għan li hija rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taħt l-imsemmija subintestatura.

(2)

L-imsemmija Nomenklatura Magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li r-riċezzjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni u l-preżenza ta’ modem li jippermetti l-aċċess għall-internet huma żewġ funzjonijiet ekwivalenti li apparat għandu jissodisfa sabiex jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 8528 71 13. Fin-nuqqas ta’ waħda jew oħra minn dawn il-funzjonijiet, dan l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 8528 71 19.

(3)

L-Artikolu 78(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispezzjoni a posteriori ta’ merkanzija u l-bdil sussegwenti tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha jistgħu jsiru abbażi ta’ dokumenti bil-miktub mingħajr ma l-awtoritajiet doganali jkunu obbligati jagħmlu verifika fiżika tal-imsemmija merkanzija.


(1)  ĠU C 252, 27.08.2011

ĠU C 298, 08.10.2011


Top