EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1526

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 11, 15.1.2013, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 11/04

Relatur: is-Sinjura O'NEILL

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjoni

1.2   Il-persuni mdaħħlin fl-età huma membri dinamiċi, kapaċi u vitali tas-soċjetà tagħna. Huma jgħaddu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. Bħala individwi u anke bħala grupp, huma jikkontribwixxu għall-ekonomija tagħna, il-viċinati tagħna u t-tkomplija tal-istorja tagħna. Bħala membri ta’ familja, il-persuni mdaħħlin fl-età huma responsabbli għat-tħeġġiġ tal-koeżjoni u s-solidarjetà fis-soċjetà tagħna.

1.3   Rakkomandazzjonijiet

1.3.1

Il-KESE jirrakkomanda li:

l-enfasi ssir fuq il-kapaċità u l-kontribut tal-persuni mdaħħlin fl-età u mhux fuq l-età kronoloġika tagħhom, u li l-gvernijiet, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir jenfasizzaw dawn l-aspetti fi stqarrijiet pożittivi;

jingħata appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva tal-gruppi kollha ta’ età fis-soċjetà u għal solidarjetà u kooperazzjoni ikbar bejn u fi ħdan il-ġenerazzjonijiet;

il-gvernijiet u l-aġenziji statutorji jimpenjaw ruħhom b’mod pożittiv favur il-parteċipazzjoni attiva tal-persuni mdaħħlin fl-età fit-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rwol tagħhom fil-komunitajiet;

il-gvernijiet jaħdmu ma’ msieħba adatti biex jeliminaw kwalunkwe ostaklu li jimpedixxi lill-persuni mdaħħlin fl-età milli jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà;

il-partijiet interessati kollha jkomplu jiżviluppaw approċċ li jenfasizza t-tagħlim tul il-ħajja għal persuni mdaħħlin fl-età, dawk li jħaddmu u l-komunitajiet individwali;

il-gvernijiet jiżguraw l-inklużjoni diġitali u t-taħriġ tal-persuni mdaħħlin fl-età;

il-persuni mdaħħlin fl-età joħorġu għall-elezzjoni, jivvutaw u jieħdu sehem bħala membri fuq bords fi ħdan kumpaniji, awtoritajiet pubbliċi u NGOs;

jiġi rikonoxxut il-kontribut ta’ dawk li jieħdu ħsieb oħrajn b’mod informali u dawk li jirċievu l-kura mogħtija, u li jiġu appoġġjati b’mod adegwat id-drittijiet u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom;

il-persuni mdaħħlin fl-età jitħeġġu jkunu involuti fil-volontarjat b’konformità ma’ linji gwida ta’ prattiki tajbin;

isir possibbli li l-persuni mdaħħlin fl-età jibqgħu impjegati sal-età statutorja tal-irtirar u lil hinn minnha, jekk jixtiequ;

min iħaddem jadatta l-ambjent tax-xogħol u jfittex arranġamenti kuntrattwali li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni mdaħħlin fl-eta, u li

il-persuni mdaħħlin fl-età jiġu rikonoxxuti bħala konsumaturi u l-intrapriżi jitħeġġu jipproduċu prodotti u servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ.

2.   Introduzzjoni

2.1

Skont il-viżjoni ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu mħaddna mill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tixjiħ Attiv: “ ‘It-tixjiħ attiv u b’saħħtuhuwa proċess li permezz tiegħu ikun hemm l-aqwa opportunitajiet possibbli għas-saħħa, il-parteċipazzoni u s-sigurtà bil-għan li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja meta l-persuni jixjieħu. Dan japplika kemm għall-individwi kif ukoll għall-gruppi ta’ popolazzjoni. ‘Is-saħħa’ tirreferi għall-benesseri fiżiku, mentali u soċjali. Il-kelma ‘attiv’ tirreferi għat-tkomplija tal-parteċipazzjoni f’affarijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, spiritwali u ċiviċi, mhux biss il-kapaċità li wieħed ikun attiv fiżikament jew li jipparteċipa fil-forza tax-xogħol  (1)”.

2.2

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tenfasizza l-parteċipazzjoni attiva attwali min-naħa tal-persuni mdaħħlin fl-età fl-Ewropa, li tikkunsidra l-ostakli li jimpedixxu li iżjed persuni jkunu involuti u li tenfasizza li parteċipazzjoni ta’ din ix-xorta titkompla tul ħajjet il-persuna kkonċernata. Il-bini ta’ Ewropa li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull età (2) jibda mit-twelid u jitlob viżjoni fit-tul. Din l-Opinjoni tibni fuq Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-persuni mdaħħlin fl-età u t-tixjiħ (3)

2.3

Attwalment, hawn 85 miljun ruħ ta’ età ’l fuq minn 65 sena fl-Ewropa, u din iċ-ċifra ser tiżdied għal 151 miljun sal-2060. Huwa importanti li ma niffukawx biss fuq l-età kronoloġika iżda li nirrikonoxxu u nibnu l-kapaċità li nipparteċipaw f’kull età, u li napprezzaw il-fatt li anke jekk il-peruni mdaħħlin fl-età (li, għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni, huma l-persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena) għandhom limitazzjonijiet f’dak li jikkonċerna s-saħħa, dan mhux bilfors iżommhom milli jkunu involuti.

2.4

Il-parteċipazzjoni soċjali, kulturali, ekonomika u politika attiva tal-persuni mdaħħlin fl-età tiddependi minn immaġni ġusta tal-età  (4)”. Jeħtieġ li niskoraġġixxu l-użu ta’ lingwaġġ drammatiku żżejjed mill-mezzi tax-xandir u l-gvernijiet biex jiddeskrivu soċjetà li qed tixjieħ.

2.5

Attitudnijiet ikkaratterizzati minn diskriminazzjoni abbażi tal-età għandhom jiġu eliminati għax jagħmlu ħsara lill-perċezzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età u jiskoraġġixxuhom milli jipparteċipaw. Dan iwassal għat-telf ta’ kontributi vitali u jżid it-tensjoni bejn il-ġenerazzjonijiet. Għandna niċċelebraw il-fatt li qed jirnexxilna ngħixu iżjed u iżjed b’saħħitna għal għadd itwal ta’ snin, kemm minħabba edukazzjoni aħjar u l-fatt li qed nieklu aħjar, kif ukoll minħabba enfasi fuq il-kuntratt soċjali bejn il-ġenerazzjonijiet.

2.6

L-attitudnijiet negattivi marbutin mal-persuni mdaħħlin fl-età jinjoraw ir-rwol li jaqdu bħala ħaddiema, konsumaturi, parteċipanti fil-proġetti komunitarji u bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor. Il-perċezzjonijiet negattivi tal-persuni mdaħħlin fl-età huma dannużi peress li d-diskriminazzjoni ddgħajjef l-istima li wieħed ikollu għalih innifsu u taġixxi bħala ostaklu għal impenn ikbar u għall-kontribut tagħhom għall-ekonomija. L-istennija tal-għomor żdiedet minħabba żviluppi ġodda fil-mediċina, il-farmakoloġija u t-teknoloġija, flimkien ma’ għarfien iżjed wiesa’ ta’ saħħitna u titjib fl-edukazzjoni. “Ir-riċerka turi li l-kwalità ta’ ħajjet il-persuni mdaħħlin ħafna fl-età – minn fommhom stess – hija ta’ spiss ħafna aħjar milli hija rikonoxxuta ġeneralment. Jeħtieġ li nibdlu l-attitudni tagħna għat-tixjiħ, li ta’ spiss hija ddominata minn ideat żbaljati u preġudizzji” (5).

2.7

Il-bidla demografika toffri opportunitajiet għat-tkabbir tal-“ekonomija tal-fidda”, peress li l-persuni mdħħlin fl-età huma konsumaturi f’ħafna setturi kif ukoll kontributuri permezz tal-impjieg.

2.8

Għalhekk, l-indirizzar tad-diskriminazzjoni abbażi tal-età permezz tal-leġislazzjoni, it-tmexxija u l-ħolqien ta’ dinamika ġdida għandu jkun prijorità fil-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u l-isfruttament tal-potenzjal tal-popolazzjoni mdaħħla fl-età biex taqdi rwol sħiħ fl-iżvilupp tal-kapital soċjali u ekonomiku tal-pajjiż.

2.9

Għandna nisfidaw il-fehma li meta nagħlqu l-65 insiru riċevituri tas-servizzi u mhux kontributuri. L-ostakli tal-età għandhom jitneħħew. Il-persuni mdaħħlin fl-età ma jsirux grupp omoġenju minħabba l-età tagħhom iżda jibqgħu jħaddnu l-fehmiet, l-enerġiji, l-esperjenzi, il-preġudizzji, il-ħtiġijiet u x-xewqat differenti tagħhom. Ilkoll kemm aħna qed nixjieħu u biex nissodisfaw l-istennijiet fl-2060 hemm bżonn ta’ adattament kontinwu

2.10

L-istatistika dwar il-persuni mdaħħlin fl-età għandha tintuża b’mod prudenti biex nevitaw is-suppożizzjoni li l-kundizzjonijiet tas-saħħa, ir-rati tal-parteċipazzjoni, eċċ. huma l-istess għal dawk bejn il-65 u l-100 sena, peress li l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ivarjaw. Għandna nevitaw li nagħmlu suppożizzjonijiet abbażi tal-età u li noħolqu sitwazzjonijiet ta’ iżolazzjoni.

2.11

Huwa impossibbli li nikkunsidraw id-dinjità u l-benesseri tal-persuni mdaħħlin fl-età mingħajr ma nqisu wkoll l-istrateġiji dwar id-dħul, is-saħħa u l-kura soċjali u ż-żamma tan-netwerks soċjali lokali u l-inizjattivi tal-komunità. Dawn il-kwistjonijiet huma enfasizzati b’relazzjoni għall-ostakli għall-parteċipazzjoni li jistgħu jinħolqu. Il-kapaċità li wieħed ikollu aċċess għas-servizzi u jipparteċipa b’mod attiv jiddependi bil-bosta minn dħul suffiċjenti, u dan għandu jkun integrali għar-riforma tal-pensjonijiet.

3.   Affarijiet ċiviċi

3.1

Ir-rapport reċenti “Gold Age Pensioners” (6) jiddeskrivi l-persuni mdaħħlin fl-età bħala “kolla soċjali”. Huwa jenfasizza l-kontribut tagħhom għall-familja u l-komunitajiet permezz tal-volontarjat u l-parteċipazzjoni f’istituzzjonijiet demokratiċi.

3.2

Il-persuni mdaħħlin fl-età li jivvutaw fl-elezzjonijiet kollha huwa ogħla minn dak ta’ etajiet oħra. Skont rapport tal-Eurostat (7), 50 % taċ-ċittadini ta’ ’l fuq minn 55 sena vvutaw, u hemm interess iżjed qawwi fil-politika meta l-persuni jkunu ta’ età ikbar. L-għadd dejjem jikber ta’ persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà tagħna jġib miegħu influwenza politika konsiderevoli, li hija magħrufa bħala “grey power” fl-Istati Uniti. Din l-influwenza tiġi eżerċitata.

3.3

L-età medja tal-membri eletti fil-Parlament Ewropew hija 54 u l-ikbar membru parlamentari għandu 84 sena. Dan huwa rifless f’istituzzjonijiet governattivi oħra u fil-KESE, liema ħaġa tenfasizza l-fatt li l-età ma għandhiex tkun ostaklu għall-parteċipazzjoni fi kwalunkwe livell.

3.4

Bosta persuni mdaħħlin fl-età jġibu magħhom l-esperjenza u l-għarfien espert miksuba tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, li narawhom użati fil-bords ta’ NGOs, awtoritajiet pubbliċi u kumpaniji.

4.   Parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet

4.1

Meta wieħed iqis sa liema punt jikkontribwixxu l-persuni mdaħħlin fl-età għas-soċjetà b’modi differenti, jistgħu jiru xi suppożizzjonijiet dwar l-inklużjoni soċjali tal-persuni mdaħħlin fl-età u l-involviment tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, il-persuni mdaħħlin fl-età spiss iħossuhom “imwarrbin” fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu dwar il-benesseri tagħhom stess jew dwar il-komunità li jgħixu fiha. L-individwi jeħtieġu inkoraġġiment personali u l-organizzazzjonijiet iridu jiżviluppaw mekkaniżmi li jintegraw il-fehmiet tal-persuni mdaħħlin fl-età.

4.2

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Persuni Mdaħħlin fl-Età ppubblikat rapport fl-2010 (8) li ddeskriva l-metodi li kienu żviluppati fi Stati Membri differenti u li kienu jinkludu kunsilli għall-persuni mdaħħlin fl-età fil-livell nazzjonali u lokali u konsultazzjonijiet pubbliċi. Hija kundizzjoni fundamentali tal-proċess Ewropew tal-inklużjoni soċjali li l-partijiet interessati jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-problemi li jiffaċċjaw. Il-parteċipazzjoni hija kruċjali, iżda li wieħed jingħata widen b’mod attiv, bil-għan li jkun hemm bidla, huwa importanti wkoll.

4.3

Dawk li jiffaċċjaw esklużjoni soċjali minħabba problemi ta’ saħħa, diżabbiltà jew faqar għandhom jiġu megħjuna u l-individwi għandhom jingħataw is-setgħa biex ikunu awtonomi. Il-Grupp ta’ Ħidma Skoċċiż għad-Dimenzja huwa xempju ta’ persuni b’dijanjosi ta’ dimenzja li huma ddeterminati li jkollhom l-għażla u kontroll fuq ħajjithom. Stabbilixxa reputazzjoni nazzjonali u internazzjonali impressjonanti għal kampanji entużjastiċi u kuraġġużi għat-titjib tal-għarfien dwar id-dimenzja u għal pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jittejbu s-servizzi. Il-persuni bid-dimenzja jmexxu l-organizzazzjoni u huma kelliema ewlenin f’konferenzi jew biex jagħtu rakkomandazzjonijiet lill-gvern (9).

4.4

Parteċipazzjoni effettiva titlob strutturi akkoljenti u impenn min-naħa tal-korpi governattivi u l-NGOs, min iħaddem u istituzzjonijiet oħra li huma serji li jisimgħu lill-persuni mdaħħlin fl-età bħala partijiet interessati; ifisser li l-lingwaġġ użat ma jkunx fih kliem tekniku żżejjed, li l-postijiet għal-laqgħat ikunu aċċessibbli u li n-nies ikollhom il-mezzi finanzjarji biex jattendu u jkunu jistgħu jużaw it-trasport. Il-persuni mdaħħlin fl-età għandhom ikunu konxji tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u jkun kellhom l-opportunità jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kwistjonijiet li jridu jiġu diskussi; għaldaqstant, it-taħriġ, inkluż dak fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), huwa ingredjent essenzjali (10).

4.5

Hemm enfasi dejjem jikber fuq il-koproduzzjoni, li hija dwar “l-individwi, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet li għandhom il-ħiliet, l-għarfien u l-kapaċità li jaħdmu flimkien biex joħolqu opportunitajiet u jsolvu l-problemi” (11). Il-prinċipji involuti huma dawk li fuqhom jissejsu l-attivitajiet parteċipattivi kollha u jistgħu jiġu applikati l-ewwel fil-livell individwali għat-tfassil ta’ pakkett dwar il-kura, u mbagħad fil-livell tal-gvernijiet nazzjonali, fejn jistgħu jiġu applikati fl-iżvilupp tal-politika.

5.   Riċerka

5.1

Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal inizjattivi relatati mal-programmazzjoni konġunta u għall-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali għal attivitajiet ta’ riċerka fil-ġejjieni fil-qasam tat-tixjiħ u l-bidla demografika, li huma integrali għall-“Orizzont 2020 – Pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ” (12).

5.2

Huwa importanti li jkun hemm riċerka kontinwa dwar kull aspett tal-ħajja tal-persuni mdaħħlin fl-età sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet politiċi adatti li jolqtu s-saħħa, il-kura soċjali, l-edukazzjoni, id-dħul u l-parteċipazzjoni. Il-persuni mdaħħlin fl-età għandhom jiġu involuti fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet u għandhom jipparteċipaw fir-riċerka. Huwa partikolarment importanti li ssir isperimentazzjoni adatta tal-mediċini fil-konfront tal-persuni mdaħħlin fl-età.

6.   Kura

6.1

Meta l-popolazzjoni tixjieħ, ir-responsabbiltajiet tal-kura jridu jintrefgħu minn għadd dejjem ikbar ta’ nisa mdaħħlin fl-età, u dan jista’ jwassal għal sfidi finanzjarji minħabba pagi mitlufa u drittijiet imnaqqsa għall-pensjoni. Il-persuni mdaħħlin fl-età jagħtu kontribut sinifikanti bħala persuni li jieħdu ħsieb – b’mod informali – qraba iżjed magħdurin, li jfisser iffrankar ta’ flus konsiderevoli għall-baġits tal-Istat iddedikati għall-benesseri. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-esperjenza u l-ħiliet tal-persuni li jieħdu ħsieb oħrajn b’mod informali u għall-bżonn li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ tagħlim.

6.2

Barra minn hekk, ħafna nanniet jieħdu ħsieb in-neputijiet tagħhom għax ikun hemm bżonn f’familji li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet, jew biex it-tfal tagħhom ikunu jistgħu jmorru jaħdmu u b’hekk ikunu attivi ekonomikament.

6.3

Hemm lok għal innovazzjoni soċjali fil-qasam tal-kura informali u l-Istati Membri għandhom iħabirku iżjed biex jindirizzaw l-isfidi u r-responsabbiltajiet dejjem jikbru li jiffaċċjaw dawk li jieħdu ħsieb oħrajn b’mod informali fil-kuntest ta’ servizzi fil-qasam tal-kura li qed jonqsu jew li huma inadegwati.

7.   Il-volontarjat

7.1

“Hemm firxa impressjonanti ta’ attivitajiet volontarji min-naħa tal-persuni mdaħħlin fl-età li jmorru ferm lil hinn minn suġġetti tradizzjonali relatati mal-età bħall-appoġġ lil persuni mdaħħlin fl-età li jkunu magħdurin jew morda” (13). L-attivitajiet volontarji tagħhom iħaddnu l-benesseri u s-saħħa, id-divertiment, l-ambjent, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, il-kultura u l-politika

7.2

Il-persuni mdaħħlin fl-età jivvolontarjaw għax b’hekk ikunu jistgħu jżommu u jiżviluppaw il-ħiliet u l-kuntatti soċjali tagħhom u jevitaw l-iżolazzjoni u l-esklużjoni soċjali u jaqdu l-komunità tagħhom. Il-volontarjat iġib miegħu benefiċċji reċiproċi. Skont sondaġġ li sar fl-2008, 78 % tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienu tal-fehma li l-persuni mdaħħlin fl-età taw kontribut sostanzjali bħala voluntiera f’organizzazzjonijiet tal-karità u dawk komunitarji (14).

7.3

Fin-nuqqas ta’ servizzi statutorji, jew f’każ li jitnaqqsu, għandna napprezzaw il-fatt li l-persuni mdaħħlin fl-età jivvolontarjaw biex jimlew dawn il-lakuni, iżda jeħtieġ li jiġu appoġġjati.

7.4

Ta’ min jinnota li r-rikonoxximent u l-firxa tal-attivitajiet tal-volontarjat ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u t-tendenza hi li dawk li jivvolontarjaw meta jkunu ta’ età ikbar ikunu vvolontarjaw tul ħajjithom kollha. Hemm raġunijiet tajbin għala għandna ninkoraġġixxu u nagħtu l-għodod possibbli tul ħajjet l-individwi biex ikunu involuti fil-volontarjat, li għandu benefiċċji meta wieħed ikun ta’ età ikbar, bħall-prevenzjoni tal-iżolazzjoni u l-esklużjoni soċjali u t-tħeġġiġ ta’ kuntatti u ħbiberiji.

8.   Kontribut ekonomiku

8.1

Apparti l-konsum, il-kontribut tal-persuni mdaħħlin fl-età għall-ekonomiji jista’ jitkejjel permezz tal-ħlas tat-taxxi fuq id-dħul u x-xiri, il-forniment ta’ kura informali lill-qraba, liema kura tikkostitwixxi ffrankar lill-Istat, il-kura tan-neputijiet biex it-tfal ikunu jistgħu jmorru lura fis-suq tax-xogħol, il-valur tal-volontarjat u l-valur li wieħed jibqa’ fil-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, hemm trasferimenti tal-assi lil membri iżgħar tal-familja biex jgħinuhom f’każ ta’ impenji finanzjarji kbar ħafna (15).

8.2

Ir-rikonoxximent li kulma jmur qed jikber ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ għandha żżid il-potenzjal biex il-kumpaniji jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti u servizzi li jaqdu lil das-settur tal-popolazzjoni fil-kuntest ta’ soċjetà li qed tixjieħ u għalhekk jistimulaw it-tkabbir fil-produzzjoni u l-impjieg (16).

8.3

M’hemmx biżżejjed rikonoxximent tal-persuni mdaħħlin fl-età bħala konsumaturi, ħaġa li żżomm ħajjin l-attitudnijiet negattivi vis-à-vis x-xjuħija. Il-perċezzjoni sterjotipika tal-persuni mdaħħlin fl-età x’aktarx twassal għal suppożizzjonijiet li dawn ma jeħtiġux jew ma jridux opportunitajiet jew servizzi differenti u li “s-suq taż-żgħażagħ” huwa ferm iżjed importanti (17).

9.   L-impjieg

9.1

“Kwazi 60 % tal-ħaddiema huma tal-fehma li jkunu jistgħu jkomplu bl-impjieg tagħhom meta jagħlqu s-60 sena”  (18).

9.2

Fid-dawl taż-żieda fl-għomor tal-ħajja, huwa fundamentali li l-persuni mdaħħlin fl-età jingħataw l-opportunità u jkunu jistgħu jagħżlu li jibqgħu fil-forza tax-xogħol sal-età statutorja tal-irtirar, u, jekk jixtiequ, lil hinn minnha. Dan jitlob rikonoxximent tal-kapaċità ta’ persuna mdaħħla fl-età, adattament għall-ambjent u l-ħinijiet tax-xogħol (li huwa vantaġġuż ukoll tul iċ-ċiklu tal-ħajja), il-kapaċità li jipparteċipa f’taħriġ biex iżomm mal-pass tal-metodi li jinbidlu u ħidma għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-età fil-post tax-xogħol. Reċentement, il-KESE adotta Opinjoni li pproponiet pakkett ta’ miżuri speċifiċi li jħaddnu dawn ir-rekwiżiti u enfasizzat l-importanza tal-imsieħba soċjali li jaqdu rwol ewlieni biex jiżguraw politiki u adattamenti adatti (19).

9.3

Għandu jiġi rikonoxxut li hemm differenza bejn il-persuni li jaħdmu anke wara l-età tal-pensjoni għax hekk iridu, u persuni li jaħdmu għax bilfors, minħabba li d-dħul tal-irtirar tagħhom ma jkunx biżżejjed.

9.4

Il-persuni mdaħħlin fl-età jġibu magħhom bosta esperjenza u ħiliet fil-post tax-xogħol, ħaġa li hija importanti ħafna fi żmien meta nsibu nuqqas ta’ ħiliet, u tiżgura kontribut kontinwu għall-ekonomija. L-intrapriżi għandhom jitħeġġu jiżviluppaw prattiki tajbin fl-istrateġiji għall-ġestjoni tal-età.

9.5

Hemm potenzjal biex il-persuni mdaħħlin fl-età jibdew jaħdmu għal rashom u jsiru intraprenditorjali, liema ħaġa tagħtihom iżjed awtonomija u kontroll fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Il-kontribut tal-persuni mdaħħlin fl-età f’dan il-qasam qed jikber. Iċ-ċifri tal-Eurostat għall-2010 juru li 50 % tal-forza tax-xogħol ta’ ’l fuq minn 65 sena kienu jaħdmu għal rashom (20). L-istimulu għal proġetti u servizzi ġodda li jirriflettu l-bidla demografika jista’ jiġi mill-persuni mdaħħlin fl-età li għandhom negozju huma nnifishom, u jeħtieġ li l-individwi jitħeġġu jaħtfu dawn l-opportunitajiet (21).

10.   It-tagħlim tul il-ħajja

10.1

Il-KESE ilu jenfasizza għal għadd ta’ snin l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja bħala kundizzjoni ewlenija għall-inklużjoni soċjali, biex dak li jkun jibqa’ fil-post tax-xogħol, għall-iżvilupp personali u l-kapaċità ta’ parteċipazzjoni effettiva (22).

10.2

Numru dejjem jikber ta’ persuni mdaħħlin fl-età jipparteċipaw f’opportunitajiet edukattivi, iżda dan-numru jvarja minn Stat Membru għal ieħor (23). L-involviment tal-persuni mdaħħlin fl-età fi gruppi komunitarji u NGOs jipprovdi sors sostanzjali ta’ tagħlim informali.

11.   Ir-rwol tal-ICT

11.1

L-użu tal-ICT huwa ta’ importanza dejjem tikber għaċ-ċittadini kollha. L-użu tal-internet u l-posta elettronika jista’ jgħin lill-persuni mdaħħlin fl-età jibqgħu aġġornati mal-affarijiet li jiġru barra minn djarhom u jkollhom komunikazzjoni regolari mal-qraba tagħhom li ma jgħixux viċin. Dan jista’ jissaħħaħ permezz tal-użu tal-iSkype jew midja simili b’kuntatt viżiv. L-użu ta’ chat rooms li huma sorveljati jista’ jgħin lill-persuni mdaħħlin fl-età li forsi ma jistgħux joħorġu minn darhom, biex jikkuntattjaw lil oħrajn b’interessi simili, u b’hekk tittaffa l-iżolazzjoni tagħhom.

11.2

Jistgħu jinkisbu benefiċċji konsiderevoli permezz tas-saħħa elettronika f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet u r-rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Metodi ta’ din ix-xorta m’għandhomx jieħdu post il-kuntatt regolari “wiċċ imb’wiċċ” u s-sistemi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa għandhom iħaddnu l-bżonn ta’ relazzjonijiet reali mal-individwi.

11.3

Applikazzjonijiet iżjed kontroversjali fil-qasam tal-ICT jinvolvu s-sistemi ta’ monitoraġġ personali fi djar “intelliġenti”, fis-sikurezza personali jew f’mekkaniżmi ta’ monitoraġġ għall-individwi li jbatu bid-dimenzja. L-għan huwa li jiġu żgurati b’mod sigur l-awtonomija kontinwa u l-għażla rigward l-attivitajiet. L-użu ta’ metodi bħal dawn għandu jsir abbażi ta’ deċiżjonijiet u prattiki etiċi, u jrid jaġevola biċ-ċar lill-persuna mdaħħla fiż-żmien; dawn il-metodi m’għandhomx jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ kontroll jew mod biex jitnaqqas l-appoġġ tal-persunal.

11.4

L-użu tal-internet għax-xiri onlajn għandu vantaġġi ċari għal dawk b’mobbiltà mnaqqsa, iżda dan irid ikun ibbilanċjat mal-bżonn li jiltaqgħu man-nies u joħorġu lil hinn mill-konfini ta’ darhom. Għandhom jiġu garantiti l-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

11.5

L-użu tal-ICT jitlob taħriġ, appoġġ u aċċess għat-tagħmir. Dawn il-kwistjonijiet ġew enfasizzati fl-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali” (24).

12.   Ostakli għall-parteċipazzjoni

12.1

Filwaqt li ġie enfasizzat l-involviment tal-persuni mdaħħlin fl-età f’firxa ta’ attivitajiet b’impatt fuq il-ħajja soċjali u ekonomika, għad fadal ostakli konsiderevoli għal bosta persuni mdaħħlin fl-età li jwaqqfuhom milli jipparteċipaw.

12.2

L-età kronoloġika hija biss waħda mill-ħafna karatteristiċi li jiddefinixxu persuna. L-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza ta’ gruppi differenti ta’ età huma riżorsi vitali fis-soċjetà. Soċjetà inklużiva għall-etajiet kollha titlob ir-responsabbiltà kollettiva ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-partijiet interessati rilevanti u ċ-ċittadini, bil-għan li jitfasslu politiki u prattiki li jiżguraw l-ekwità u l-inklużjoni hi x’inhi l-età.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  “Strategic Implementation Plan for the European Innovation Partnership” (Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni għas-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu), Kummissjoni Ewropea, 7.11.2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  “Stakeholder Manifesto for an Age Friendly European Union by 2020” (Manifest tal-partijiet interessati għal Unjoni Ewropea li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull età sal-2020), Age Platform Europe, 2011.

(3)  GU C 228, 22.9.2009, p. 24; GU C 51, 17.2.2011, p. 55; GU C 181, 21.6.2012, p. 150.

(4)  Is-Sitt Rapport tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-qagħda tal-persuni mdaħħlin fl-età (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Kirkwood, T et al: “New Ways of Looking at Age”, Blackstaff Press 2011.

(6)  “Gold Age Pensioners”, WRVS, 2011,

(7)  “Active ageing and solidarity between generations”, Eurostat 2012 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  “Guide for Civil Dialogue on Promoting Older People’s Social Inclusion”, Age Platform Europe, 2010.

(9)  “Perspectives on ageing with dementia”, Joseph Rowntree Foundation, 2012.

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 8.

(11)  “A guide to co-production with older people”, NDTI.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Orizzont 2020: Pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ” adottata fit-23 ta’ Mejju 2012 (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 13).

(13)  “Volunteering by Older People in the EU”, Eurofound, 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 6.

(15)  Gold Age Pensioners, WRVS, 2011.

(16)  GU C 44, 11.2.2011, p. 10.

(17)  “The Golden Economy”, AGE UK 2011.

(18)  “Living Longer Working Better”, Eurofound, 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  OJ C 318, 29.10.2011, p. 1.

(20)  “Active ageing and solidarity between the generations”, Eurostat, 2011.

(21)  “Golden opportunities”, UnLtd, 2012.

(22)  GU C 161, 13.7.2007, p. 1; GU C 204, 9.8.2008, p. 89; GU C 228, 22.9.2009, p. 24; GU C 77, 31.3.2009, p. 115; GU C 51, 17.2.2011, p. 55.

(23)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 20.

(24)  GU C 318, 29.10. 2011, p. 9.


Top