EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1051

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE” (opinjoni esploratorja)

OJ C 191, 29.6.2012, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE” (opinjoni esploratorja)

2012/C 191/02

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'124 vot favur, 8 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   B'konformità mal-istedina li saritlu mill-Presidenza Daniża, il-KESE evalwa l-istrumenti u l-miżuri neċessarji biex jibdew jintużaw modi ta’ produzzjoni u ta’ konsum sostenibbli. Huwa u jilqa' l-impenji tal-istituzzjonijiet Ewropej u s-sensibilizzazzjoni tagħhom, f'dan ir-rigward u bil-għan li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita viżjoni komuni mġedda tal-mudell ekonomiku billi jiġu involuti l-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili organizzata fi ħdan forum ta’ konsultazzjoni speċjalizzat, bil-għan li jiġu definiti l-objettivi u l-miri u jitfassal proċess ta’ segwitu aġġornat.

1.2   Ikun ta’ benefiċċju li:

jiġu integrati mill-qrib il-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, minn naħa, u l-implimentazzjoni tal-“Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (1), min-naħa l-oħra; l-Istati Membri jitħeġġu jimplimentaw dawn il-politiki permezz tal-Pjan Direzzjonali u s-Semestru Ewropew;

tintuża firxa ta’ għodod trasversali għall-implimentazzjoni u t-tħeġġiġ, bħal pereżempju għall-eliminazzjoni gradwali tal-prodotti mhux sostenibbli, l-iżvilupp ta’ politika fiskali aktar ġusta, il-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, it-tneħħija gradwali tas-sussidji li ma jqisux l-effetti negattivi fuq l-ambjent, l-appoġġ tar-riċerka u l-ekoinnovazzjoni, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali, l-innovazzjoni ta’ miżuri oħra ta’ inċentiv ibbażati fuq is-suq, it-tħeġġiġ ta’ parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi u l-ħaddiema fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

1.3   Neħtieġu wkoll sistema finanzjarja (2) biex tkun għas-servizz ta’ ekonomija ta’ produzzjoni u ta’ konsum sostenibbli, billi tikkonċentra fuq l-oqsma li għandhom l-akbar marka tal-karbonju, bħall-industrija agroalimentari, l-agrikoltura, id-djar, l-infrastrutturi u t-trasport.

1.4   Barra minn hekk, jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-oqsma stretti tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u nikkonċentraw ukoll fuq riżorsi u impatti oħra fuq l-ambjent, bħall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-ilma, l-użu tal-art, it-tniġġis tal-arja u l-kunsiderazzjoni tal-impatt ambjentali globali tal-prodotti.

1.5   Billi nappoġġjaw it-titjib tal-proċessi ta’ produzzjoni u tal-prodotti nkunu nistgħu noffru lill-konsumaturi u lill-utenti l-prodotti u s-servizzi li jixtiequ jadottaw permezz ta’ bidla fl-imġiba jew l-opinjoni tagħhom.

1.6   Fl-aħħar, biex nippromovu mudelli ta’ konsum u stili ta’ ħajja sostenibbli jeħtieġ li, billi nsaħħu r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-produtturi tal-kummerċ ġust, nippromovu u nipproteġu inizjattivi alternattivi għal mod ta’ konsum predatorju u nappoġġjaw l-aqwa prattiki.

2.   Introduzzjoni

2.1   F'Diċembru 2011, bil-għan li jirrikonċilja l-ħruġ mill-kriżi, l-irkupru u l-impenji tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-gvern Daniż talab lill-KESE jfassal opinjoni esploratorja dwar il-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Huwa u jirreferi għall-“Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” u l-punti ewlenin li jinkludi dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli (3), il-gvern Daniż jistieden lill-KESE jevalwa l-istrumenti neċessarji biex jiżgura t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea lejn konsum u produzzjoni sostenibbli fl-UE.

2.2   S'issa l-iżvilupp ekonomiku kien ibbażat fuq l-enerġiji u r-riżorsi bażiċi mhux rinnovabbli, b'konformità mal-paradigma essenzjali tal-“bniedem bħala l-kap u s-sid tan-natura”. Il-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi għadha kkaratterizzata mill-esternalizzazzjoni tal-ispejjeż li għandhom ikunu relatati mat-taxxi fuq ir-riżorsi naturali mhux rinnovabbli u mal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u ta’ sustanzi li jniġġsu l-ambjent. Fl-ekonomiji tas-suq, l-internalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għandha tkun imposta fuq l-aġenti ekonomiċi permezz ta’ regoli obbligatorji li, kemm jista' jkun, għandhom japplikaw b'mod universali.

2.3   Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli f'termini ta’ użu ta’ servizzi u prodotti li joffru aktar valur u jużaw ir-riżorsi naturali mill-inqas jinsabu fil-qalba tal-istrateġiji intiżi biex iżidu l-effikaċja tar-riżorsi u jippromovu ekonomija ekoloġika. Fl-2008, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli li jinkludi għadd ta’ politiki li jippromovu l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli (4). Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-Kummissjoni qed tirrevedi l-politiki tagħha għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-2012.

3.   Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli: politiki u strumenti neċessarji

3.1   Noħolqu viżjoni komuni mġedda tal-mudell ekonomiku

3.1.1   Waħda mir-raġunijiet tal-impatt limitat li kellhom sal-lum il-ġurnata l-politiki dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli tikkonċerna l-fatt li, għalkemm il-kunċett tas-sostenibbiltà huwa integrat tajjeb fl-Istrateġija Ewropa 2020, sikwit jitwarrab fl-applikazzjoni prattika tal-politiki. Fil-mudell ekonomiku attwali, l-objettiv prinċipali għadu t-tkabbir u t-tħeġġiġ tal-konsum. Il-prestazzjonijiet globali jiġu valutati abbażi tal-PDG. It-tranżizzjoni lejn konsum u produzzjoni sostenibbli ser tirrekjedi li jiġi organizzat dibattitu miftuħ u trasparenti dwar mudell ekonomiku awtosuffiċjenti u li l-prestazzjoni tiegħu ser tiġi valutata permezz ta’ indikaturi li “jmorru lil hinn mill-PDG”, li jkejlu l-marka tal-karbonju, il-benesseri tal-bniedem u dak soċjali u l-ġid. F'opinjonijiet preċedenti, il-KESE ppropona lill-Kummissjoni biex tikkollabora bil-għan li jiġi stabbilit forum dwar il-konsum sostenibbli li jippermetti li jiġu studjati l-valuri li fuqhom tista' tiġi bbażata ekonomija sostenibbli u l-fatturi li jxekklu liċ-ċittadini milli jagħżlu mudelli ta’ konsum sostenibbli, u l-esperjenzi miksuba fir-rigward ta’ modi ta’ ħajja b'impatt ekoloġiku limitat (5).

3.2   Niddefinixxu l-objettivi u l-miri u nfasslu proċess ta’ segwitu

3.2.1   Bosta oqsma politiċi huma kkonċernati. Biex jiġi segwit il-progress li sar fil-ksib ta’ dawn l-objettivi għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u biex tiġi valutata s-sitwazzjoni attwali, għandha tiġi implimentata bażi tad-data soda dwar l-effetti ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum bil-għan li titkejjel l-effikaċja tal-istrumenti politiċi, jissaħħu l-istrateġiji u l-objettivi u jerġgħu jiġu aġġustati l-prijoritajiet u jiġi stabbilit proċess ta’ segwitu.

3.3   Ninvolvu s-soċjetà ċivili

3.3.1   L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-livell dinji, nazzjonali u lokali huwa kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ta’ suċċess lejn ekonomija ekoloġika u sostenibbli. Tali tranżizzjoni tista' tirnexxi jekk l-intrapriżi, il-konsumaturi u l-ħaddiema jikkunsidraw il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli bħala opportunità u objettiv mixtieqa. Għandhom jiġu stabbiliti sistemi adatti ta’ djalogu u ta’ parteċipazzjoni demokratika fil-livelli kollha (6).

3.3.2   F'dan ir-rigward, jeħtieġ li ma nkomplux inqiegħdu l-investiment industrijali, il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej u l-poter tal-akkwist tal-konsumaturi kontra xulxin. Jekk insaħħu l-livell ta’ eżiġenza tal-konsumaturi, inkunu qed nistimolaw bl-aktar mod sigur is-suq intern Ewropew filwaqt li nivvalorizzaw ir-riżultati tar-riċerka Ewropea u nwettqu l-objettivi ta’ preservazzjoni tal-ambjent. Dan jirrikjedi wkoll li l-investiment jibqa' fl-Ewropa.

3.4   Nintegraw mill-qrib il-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

3.4.1   Bl-inizjattiva ewlenija tagħha u l-“Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (7), il-Kummissjoni għamlet il-promozzjoni ta’ użu effikaċi tar-riżorsi kwistjoni ta’ importanza prinċipali għall-ekonomiji Ewropej. L-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali hija integrata fl-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni għal konsum u produzzjoni sostenibbli tkun marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u s-Seba' Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent (8) bil-għan li l-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-importanza politika akbar tal-użu effikaċi tar-riżorsi u tal-qafas ta’ segwitu tas-Semestru Ewropew. Il-fatt li jiżdiedu xi indikaturi tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli mal-indikaturi tal-użu effikaċi tar-riżorsi jipprovdi bażi għall-objettivi u s-sistemi ta’ segwitu fir-rigward tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

3.5   Inħeġġu lill-Istati Membri

3.5.1   L-objettivi tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli suġġeriti preċedentement jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politiki fl-Istati Membri f'dan ir-rigward. Dawn jistgħu jibbenefikaw minn integrazzjoni tal-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u l-proċess ta’ segwitu provdut mis-Semestru Ewropew.

3.6   Nirrikorru għal firxa wiesgħa ta’ għodda ta’ politika tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli

3.6.1   Fid-dawl tan-natura trasversali tal-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u d-diversi aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati, jeħtieġ li tiġi stabbilita jew mobilizzata firxa wiesgħa ta’ strumenti politiċi f'diversi livelli bil-għan li l-mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum jevolvu lejn is-sostenibbiltà. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom jiżviluppaw politiki attivi fil-livell Ewropew. L-istrumenti magħżula għandhom jinkludu miżuri regolatorji u volontarji, b'mod partikolari miżuri regolatorji intiżi biex jeliminaw gradwalment il-prodotti mhux sostenibbli, strumenti għal politika fiskali aktar ġusta, il-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, it-tneħħija gradwali tas-sussidji li ma jqisux l-effetti negattivi fuq l-ambjent, ir-riċerka u l-ekoinnovazzjoni, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali u miżuri oħra ta’ inċentiv ibbażati fuq is-suq, u parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi u l-ħaddiema fil-proċess ta’ tranżizzjoni (9).

3.6.2   Il-pjan ta’ azzjoni tal-2008 tal-Kummmissjoni Ewropea għal konsum u produzzjoni sostenibbli kien ibbażat fuq dan l-approċċ politiku mħallat u għandu jinżamm fil-kuntest tal-proċess ta’ reviżjoni. Madankollu, nistgħu insaħħu l-ambizzjonijiet u naġġustaw mill-ġdid l-istrumenti fid-dawl tal-objettivi li għandhom jinkisbu, il-progress limitat li nkiseb sal-lum il-ġurnata u l-opportunità ta’ ħruġ mill-kriżi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b'użu mill-inqas tar-riżorsi mhux rinnovabbli.

3.6.3   Il-biċċa l-kbira tal-istrumenti li jintużaw fil-qafas tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli huma volontarji u bbażati fuq it-tixrid tal-informazzjoni (l-ekotikketta, EMAS, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, eċċ.). L-intrapriżi u l-konsumaturi jużaw dawn l-istrumenti mill-inqas, u l-użu tagħhom huwa limitat għal ċerti setturi u gruppi soċjali. Mhux ser ikun faċli li jiżdied jekk inkomplu għaddejjin kif aħna. L-użu ta’ strumenti regolatorji huwa indispensabbli biex jiġu eliminati gradwalment prodotti u mudelli ta’ konsum mhux sostenibbli.

3.7   Nikkonċentraw fuq l-oqsma bl-akbar marka tal-karbonju

3.7.1   Il-biċċa l-kbira tal-effetti negattivi fuq l-ambjent huma kkaġunati mill-konsum ta’ prodotti tal-ikel u tax-xorb, id-djar, l-infrastrutturi u l-mobbiltà kif ukoll il-produzzjoni industrijali u tal-enerġija. Il-politiki futuri dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għalhekk ser ikollhom jiffokaw fuq dawn l-oqsma differenti kollha. Peress li l-impatt ambjentali kbir tal-konsum tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb huwa marbut ħafna mas-settur agrikolu, il-politiki f'dan ir-rigward għandhom ikunu marbutin mill-qrib mal-politiki favur agrikoltura sostenibbli.

3.7.2   Agrikoltura sostenibbli timplika użu raġonevoli ta’ inputs naturali, l-appoġġ għall-agrikoltura bijoloġika u industrija agroalimentari li tiggarantixxi l-provvista ta’ ikel san u mhux imniġġes għall-konsumaturi intermedjarji u dawk finali. Il-KESE jemmen li s-soluzzjoni għal agrikoltura sostenibbli – kullimkien u fuq skala suffiċjenti – tinsab fi produzzjoni tal-ikel ta’ kwalità għolja, varjata skont ir-reġjuni u rispettuża tal-ambjent, li tħares liż-żoni rurali, tissalvagwardja d-diversità u l-ispeċifiċità tal-prodotti kkonċernati u tippromovi l-pajsaġġi u ż-żoni rurali Ewropej li huma diversi u rikki fl-ispeċijiet (10).

3.8   Immorru lil hinn mill-oqsma stretti tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra biex niffokaw ukoll fuq riżorsi oħra u impatti fuq l-ambjent

3.8.1   Dawn l-aħħar snin, ingħatat attenzjoni partikolari fil-qafas tal-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli lill-kwistjonijiet tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra. Madankollu, il-produzzjoni u l-konsum jiġġeneraw konsegwenzi oħra li ma jistgħux jiġu injorati f'oqsma bħall-ġestjoni u l-protezzjoni tal-ilma, l-użu tal-art u t-tniġġis tal-arja. Il-politiki futuri favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għalhekk għandhom jestendu l-applikazzjoni tal-istrumenti politiċi għall-konsum ta’ riżorsi oħra apparti l-elettriku u għandhom jikkunsidraw l-impatt ambjentali globali.

3.9   Intejbu l-proċessi ta’ produzzjoni u l-prodotti

3.9.1   Biex inħeġġu l-produtturi jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, jeħtieġ li nirrikonoxxu l-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi kif introdott f'ċerti atti leġislattivi bħala prinċipju ġenerali u bażi tar-responsabbiltà legali tal-intrapriżi.

3.9.2   Jeħtieġ li niffavorixxu approċċ doppju biex inkunu nistgħu nibdew nużaw prodotti sostenibbli. Ir-riċerka dwar prodotti li jirrispettaw l-ambjent u l-iżvilupp tagħhom għandhom jiġu promossi permezz ta’ finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-adozzjoni ta’ inċentivi adegwati li jippromovu l-innovazzjoni. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li nużaw strumenti regolatorji, bħad-direttiva dwar l-ekodisinn, biex jiġu eliminati gradwalment il-prodotti mhux sostenibbli. Għal dan il-għan, l-ambitu ta’ din id-direttiva għandu jiġi estiż u l-implimentazzjoni tagħha għandha titħaffef.

3.9.3   Jeħtieġ li tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u s-servizzi jekk irridu li l-intrapriżi u l-konsumaturi jimxu lejn aktar sostenibbiltà. Il-proposta tal-Kummissjoni fil-konsultazzjoni dwar il-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, jiġifieri li għal dan il-għan tintuża metodoloġija li tista' tiddetermina l-marka tal-karbonju tal-prodotti tidher li tikkostitwixxi approċċ adegwat. Madankollu, din għandha tkun akkumpanjata minn strumenti oħra (pereżempju kriterji soċjali li jmorru lill hinn mill-PDG) bil-għan li titjieb il-komunikazzjoni tal-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-provvista.

3.9.4   Għandhom jiġu promossi mudelli kummerċjali ġodda biex jissostitwixxu l-enfasi li qed titqiegħed bħalissa fuq il-flussi tal-materjali permezz tal-ħolqien tal-valur u l-benesseri, billi jiġi promoss pereżempju l-kiri minflok ix-xiri, il-kunċett ta’ car-sharing u l-kunċetti loġistiċi bil-għan li jiġi evitat li trakkijiet jivvjaġġaw “vojta” permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-intrapriżi.

3.10   Nippromovu l-mudelli ta’ konsum u ta’ stili ta’ ħajja sostenibbli

3.10.1   It-tibdil tal-modi ta’ konsum għandu jingħata aktar attenzjoni mill-passat. Il-kompitu hu li b'mod progressiv il-konsum jiġi separat mill-impatt negattiv fuq l-ambjent. Jeħtieġ li tiġi implimentata taħlita ta’ strumenti politiċi bil-għan li tiġi promossa mġiba ta’ konsum sostenibbli, li tqis it-tul taċ-ċikli ta’ tiġdid tar-riżorsi u l-limiti tagħhom kif ukoll l-impatt globali (importazzjoni u esportazzjoni) tas-suq intern Ewropew.

3.10.2   Il-politiki favur il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għandhom iqisu l-fatt li l-għażliet sostenibbli tal-konsumatur jirrikjedu li l-prodotti u s-servizzi sostenibbli jkunu disponibbli fis-suq bi prezzijiet affordabbli, li tingħata informazzjoni ċara u affidabbli lill-konsumaturi u li jkun hemm inċentivi ekonomiċi adegwati. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri bil-għan li titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi u jiġi evitat li jkun hemm informazzjoni li tqarraq u l-“green-washing”.

3.10.3   Il-miżuri adottati għandhom isaħħu r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi bħala xpruni tal-bidla u jippromovu djalogu dwar l-istili ta’ ħajja sostenibbli fil-livell tas-soċjetà ċivili billi joħolqu pjattaformi ta’ diskussjoni ta’ fehmiet dwar il-kwistjoni u ta’ skambju ta’ esperjenzi u tal-aqwa prattiki.

3.10.4   Il-bidla lejn stil ta’ ħajja sostenibbli tirrikjedi wkoll investiment fl-infrastruttura pubblika adatta. Pereżempju, il-promozzjoni tat-trasport pubbliku bħala alternattiva għall-karozza privata tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport pubbliku moderna, it-trasport sostenibbli jeħtieġ infrastruttura għall-elettriku u l-bijokarburanti, u ekonomija ċirkulari tirrikjedi sistemi ta’ ritorn effikaċi u siti ta’ ġbir tal-iskart għall-prodotti li jkunu skadew.

3.10.5   F'bosta okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-importanza tal-programmi edukattivi għal imġiba sostenibbli effettiva. Il-KESE jtenni li tali programmi m'għandhomx jimmiraw biss l-iskejjel u ż-żgħażagħ, li bla dubju huma importanti, iżda għandhom jindirizzaw ukoll liċ-ċittadini b'mod ġenerali, tkun xi tkun l-età jew is-sitwazzjoni soċjali tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-inugwaljanzi fir-rigward tar-riskji u l-ħsara ekoloġika.

3.10.6   L-influwenza tal-ispedituri, tan-negozjanti u ta’ atturi oħrajn fil-katina tal-forniment fuq l-għażla tal-konsum sostenibbli hija konsiderevoli minħabba l-ħtiġiet tagħhom għal produzzjoni globali, il-loġistika eċċ. Fil-passat, il-Kummissjoni ħadmet mal-aktar negozjanti Ewropej importanti fil-kuntest ta’ forum-round table dwar il-kummerċ. Din l-istrateġija tista' titwessa' għal spedituri, operaturi loġistiċi, eċċ. oħrajn.

3.10.7   Is-suq pubbliku ekoloġiku huwa mutur importanti tal-iżvilupp tas-swieq għall-prodotti sostenibbli. Jeħtieġ li jiġi analizzat kif tista' tiżdied l-effikaċja tal-politiki fir-rigward tas-suq pubbliku ekoloġiku.

3.11   Nintroduċu miżuri ta’ inċentiv ekonomiku fil-politiki fiskali

3.11.1   Il-miżuri ta’ promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli msemmija preċedentement jistgħu jisssaħħu jekk l-intrapriżi u l-konsumaturi jitħeġġu jadottaw imġiba sostenibbli permezz ta’ miżuri ta’ inċentiv ekonomiku li, kif jaf kulħadd, mhumiex riflessi biss fil-prezz tas-suq. Il-politiki tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għaldaqstant għandhom jiġu akkumpanjati minn approċċ ekoloġiku tas-sistema fiskali li jissarraf fl-adozzjoni ta’ inċentivi ekonomiċi bil-għan li jitqassam b'mod ġust l-isforz ta’ tranżizzjoni bejn l-intrapriżi l-kbar u l-SMEs, bejn iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-konsumaturi u bl-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Madankollu, dawn l-isforzi ser ikunu għalxejn jekk il-finanzjament tal-mudell soċjali Ewropew jiġi sostitwit b'taxxa ġdida fuq ir-riżorsi mhux rinnovabbli bl-ebda garanzija li din it-taxxa imbagħad tiġi allokata għall-finanzjament tal-protezzjoni soċjali. Dan ikun perikoluż, għali u inutli. Fi kwalunkwe każ, il-fiskalità hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u f'perspettiva ta’ sostenibbiltà u ta’ sostenn ma jaqbilx li tiżdied il-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri.

3.12   Niżguraw tranżizzjoni ġusta

3.12.1   It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika ser tkun sostenibbli jekk tiġġenera impjiegi msejħa “ekoloġiċi” u jekk tagħti xeħta ekoloġika lill-impjiegi fi proċess ta’ produzzjoni li jirrispetta aktar l-ambjent bħal fil-każ tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u d-djar effikaċi mill-perspettiva tal-użu tal-enerġija. Madankollu, biex inkunu nistgħu nibbenefikaw minn din it-tranżizzjoni jeħtieġ li nadottaw miżuri ta’ politika attiva bbażati fuq id-djalogu soċjali, li jikkonċernaw aspetti soċjali u għandhom l-għan li joħolqu impjiegi deċenti u ta’ kwalità għall-ħaddiema (pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol u prospetti ta’ progress). L-attivitajiet ekonomiċi u s-swieq ekoloġiċi għandhom jiġu żviluppati b'mod attiv u l-kompetenzi professjonali korrispondenti għandhom jiġu stimolati permezz ta’ appoġġ adatt u miżuri adottati fil-qasam tat-taħriġ u t-taħriġ professjonali mill-ġdid (11) għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-parteċipazzjoni tagħhom b'mod ugwali fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 571 final.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat dwar “Ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli”, relatur: is-Sur Iozia. ĠU C 107, 6.4.2011, p. 21; u Opinjoni tal-Kumitat dwar “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi - Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”, relatur: is-Sur Palmieri, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7.

(3)  COM(2011) 571 final, p. 6 u 7.

(4)  COM/2008/0397 final.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat dwar “Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta’ konsum”, relatur: is-Sinjura Darmanin, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 57; u Opinjoni tal-KESE (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU) dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), relatur: is-Sur Palmieri.

(6)  ĠU C 44, 11.2.2012, p. 57.

(7)  COM/2011/0571 final; u Opinjoni tal-KESE dwar Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, relatur: is-Sur Ribbe (Ara paġna 1ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)”, relatur: is-Sur Wilms, ĠU C 143, 22.5.2012 p. 39.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar, relatur: is-Sur Wilms, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 102-109.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, relatur: is-Sur Iozia, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 110.


Top