EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0822

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013)” COM(2011) 489 finali – 2011/0217 (COD)

OJ C 181, 21.6.2012, p. 137–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/137


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013)”

COM(2011) 489 finali – 2011/0217 (COD)

2012/C 181/24

Relatur: is-Sur GOBIŅŠ

Nhar il-21 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013)

COM(2011) 489 final – 2011/0217 COD.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Frar 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’137 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

“Is-soċjetà ċivili hija wieħed mill-mezzi kif nistgħu nesprimu n-natura umana tagħna b’mod sħiħ”

Václav Havel

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kummissjoni Ewropea pprevediet li ssejjaħ l-2013 is-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini” (1). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza li ċ-ċittadini jaqdu rwol ċentrali fl-iżgurar tal-ġejjieni tal-Ewropa u l-integrazzjoni tagħha u jappoġġja għadd ta’ ideat preżentati fil-proposta kkonċernata. Flimkien mal-imsieħba tiegħu, diġà wettaq ħidmiet preparatorji konsiderevoli bil-għan li jiffaċilita s-suċċess tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u ser ikompli din il-ħidma b’mod immirat.

Jiddispjaċih li l-proposta attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sena Ewropea 2013 fiha xi nuqqasijiet.

1.2   Fil-proposta attwali, il-Kummissjoni Ewropea ma aċċettatx it-talba tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiddedika din is-sena għaċ-ċittadinanza attiva u lanqas ma aċċettat l-istedina tal-Parlament Ewropew biex tenfasizza b’mod partikolari d-drittijiet il-ġodda taċ-ċittadini b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-KESE jirrakkomanda sensiela ta’ żidiet u ta’ emendi speċifiċi u b’hekk iħeġġeġ li din is-sena tersaq iktar qrib il-bżonnijiet taċ-ċittadini u verament tirnexxi.

1.3   L-isfidi l-kbar tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha jirrikjedu li jiġu stabbiliti prijoritajiet għas-sena tematika Ewropea. Il-livell baxx ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea, ix-xettiċiżmu tagħhom fir-rigward tas-setgħa tagħhom li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-UE, l-apatija u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet idagħjfu b’mod fundamentali l-ispirtu tal-UE, u jinfluwenzaw b’mod negattiv il-kwalità tad-deċiżjonijiet u l-iżvilupp fil-perjodu fit-tul tal-Unjoni.

L-objettiv prinċipali tas-sena tematika għandu jkun iċ-ċittadinanza attiva u parteċipattiva. Din is-sena għandha tippromovi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini – parteċipazzjoni infurmata, attiva u li tinkludi l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u fil-ħajja politika u soċjali.

1.4   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi speċifikata l-bażi legali tas-Sena Ewropea u li t-titolu tagħha jkun kif ġej: “is-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza Attiva u Parteċipattiva”.

1.5   Il-Kumitat ifakkar li l-kunċett ta’ ċittadinanza attiva u parteċipattiva jinkludi l-konsolidazzjoni tal-valuri fundamentali tad-demokrazija u tal-UE, id-dibattitu dwar ir-rispett tad-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini u dwar l-obbligu tagħhom u t-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza fl-UE. Din is-sena Ewropea għandha tenfasizza d-diversità tal-bżonnijiet tas-soċjetà u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi, billi tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa u lill-persuni b’diżabbiltà.

1.6   Il-korpi amministrattivi tal-istituzzjonijiet, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, għandhom jimpenjaw ruħhom mill-aktar fis biex jinkisbu l-objettivi msemmija. Dan il-proċess għandu jseħħ fil-qafas ta’ djalogu mill-qrib mas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-livelli kollha (lokali, nazzjonali, Ewropew).

1.7   F’dan il-kuntest, il-mobbiltà hija objettiv li jistħoqqlu jiġi appoġġjat anke b’mod indirett.

1.8   Jeħtieġ li jiġi analizzat mill-ġdid il-pakkett finanzjarju allokat għas-Sena Ewropea u għall-parteċipazzjoni fiha. L-ammont allokat għandu jkun adatt, stabbli u proporzjonat għall-importanza tal-objettiv immirat, fid-dawl tal-fatt li defiċit demokratiku jista’ jiswa aktar. Il-finanzjament imnaqqas (minn EUR 17-il miljun fl-2010 għal EUR 1 miljun fl-2013) ma jippermettix li jiġu indirizzati kwistjonijiet importanti.

1.9   Bil-għan li jingħata segwitu lill-prattiki tajba u jiġi garantit li l-azzjonijiet ikunu miftuħin u kkoordinati kemm jista’ jkun, il-membri tal-Grupp tal-Kuntatt li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej, kif ukoll imsieħba oħra, bl-appoġġ tal-KESE, stabbilixxew alleanza għall-implimentazzjoni tas-sena tematika, li hija lesta tassumi rwol importanti fit-twettiq tas-sena kif ukoll fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet addizzjonali. Il-Kumitat jimpenja ruħu biex jiżviluppa u jimplimenta programm wiesa’ ta’ parteċipazzjoni, trasparenza u innovazzjoni li jista’ juri lis-soċjetà u lill-istituzzjonijiet tal-UE l-vantaġġi li jagħti l-impenn tal-kollettività, filwaqt li f’xi aspetti jservi ta’ proġett pilota għal inizjattivi oħra.

2.   Kuntest tal-opinjoni

2.1   L-2013 ser tirrappreżenta l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea” fit-Trattat ta’ Maastricht. It-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 10(3) u Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) ta bosta drittijiet ġodda lis-soċjetà ċivili: nenfasizzaw b’mod partikolari l-obbligu li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jippromovu l-parteċipazzjoni demokratika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kemm f’livell individwali kif ukoll fil-livell tas-soċjetà ċivili organizzata (2). Sfortunatament, sal-lum il-ġurnata dawn id-drittijiet ma jinħassux ħafna fis-soċjetà.

2.2   Hija u tindirizza parzjalment it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tiddedika l-2013 għas-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini”. Madankollu, fil-proposti tagħha l-Kummissjoni tiffoka fuq aspetti legali speċifiċi li jkopru biss parti żgħira tal-kunċett ta’ ċittadinanza. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea hija wieħed mill-aktar strumenti effikaċi għat-trawwim ta’ identità komuni. Id-demokrazija, il-libertà, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, huma l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3). Huma ta’ importanza partikolari għat-tisħiħ tal-proċess demokratiku, il-kuxjenza taċ-ċittadini u s-sens ta’ appartenenza fl-UE, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ tibdil potenzjali. Sfortunatament, dawn ma jirċevux biżżejjed attenzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni.

2.3   Minn stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, ħareġ li 43 % biss ta’ dawk li wieġbu qalu li jafu xi jfisser li wieħed ikun ċittadin Ewropew u 32 % qalu li huma infurmati tajjeb jew tajjeb ħafna dwar id-drittijiet tagħhom ta’ ċittadin tal-UE (4). Fl-2009, il-persentaġġ taċ-ċittadini tal-età li fiha jistgħu jivvutaw li vvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien biss 43 % (5), jiġifieri rata ta’ parteċipazzjoni ħafna iktar baxxa mir-rata ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet nazzjonali li kienet ta’ madwar 67 % (6). Inqas minn 30 % taċ-ċittadini jaħsbu li jistgħu jinfluwenzaw personalment il-proċessi tal-UE u din iċ-ċifra qed tonqos (7). Mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2009, ħareġ li dawk li wieġbu jaħsbu li l-prijorità prinċipali biex jiġu garantiti aħjar id-drittijiet taċ-ċittadini hija t-titjib tad-djalogu tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE (37 %) (8). F’opinjonijiet tal-1992 u tal-1993, li baqgħu sorprendentement validi għal-lum il-ġurnata, il-KESE diġà kien enfasizza l-ħtieġa tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, il-problemi tal-leġittimità, l-edukazzjoni ċivika, l-informazzjoni għaċ-ċittadini u l-fiduċja li għandhom fis-setgħat tagħhom stess, it-tnaqqis tad-defiċit demokratiku, eċċ (9).

2.4   In-nuqqasijiet tar-regolamentazzjoni Ewropea, il-fatt li din ma tiġix rispettata u n-nuqqas ta’ rieda tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jidħlu f’djalogu ġenwin (li huwa s-suġġett ta’ ħafna kritika) huma wkoll sfidi konsiderevoli għall-Unjoni Ewropea. Pereżempju, studju speċifiku li twettaq mill-Ewrobarometru fl-2011 wera li bilkemm hemm terz, saħansitra ħafna inqas, miċ-ċittadini tal-UE li huma sodisfatti bis-sħiħ jew parzjalment fir-rigward tal-effiċjenza tal-amministrazzjoni tal-UE, tad-disponibbiltà tagħha li tipprovdi servizzi u tat-trasparenza tagħha; il-bqija jesprimu nuqqas ta’ sodisfazzjon speċjalment fir-rigward ta’ nuqqas ta’ trasparenza jew m’għandhomx opinjoni dwar il-kwistjoni (10).

2.5   Din l-informazzjoni tagħti xhieda tal-pont li jifred liċ-ċittadini mill-korpi amministrattivi tal-UE, tal-livell baxx ta’ parteċipazzjoni fit-tħaddim tagħhom (11) u saħansitra tnissel dubju fost xi wħud dwar il-leġittimità tad-deċiżjonijiet ġenerali tagħhom jew dwar l-influwenza qawwija tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-Istati milquta mill-kriżi. Il-konsegwenzi fi kwalunkwe każ huma Unjoni Ewropea anqas effikaċi, anqas magħquda u anqas b’saħħtiha. Jeħtieġ ukoll li s-Sena Ewropea 2013 tkun l-opportunità fejn dawn il-kwistjonijiet jitqiegħdu fuq l-aġenda u, bl-għajnuna tas-soċjetà, jitwettaq titjib sensibbli u tiġi diskussa l-evoluzzjoni futura taċ-ċittadinanza.

3.   Kummenti ġenerali

Idea ewlenija u l-isem tas-Sena Ewropea

3.1   Il-KESE jappoġġja l-idea li s-Sena Ewropea 2013 tiġi assoċjata mat-tema taċ-Ċittadinanza. Iqis li din is-sena għandha tkun iffokata fuq il-konformità tal-politiki tal-UE mal-valuri, l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Għaldaqstant, l-għanijiet ta’ din is-sena għandhom ikunu l-parteċipazzjoni infurmata taċ-ċittadini kollha tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-livelli kollha u fl-istadji kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet; iċ-ċittadinanza attiva b’mod ġenerali kif ukoll il-fiduċja u l-appartenenza Ewropea, il-paċi, il-libertà, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

3.2   Il-KESE jipproponi li t-titolu tas-sena tematika jkun kif ġej: “is-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza Attiva u Parteċipattiva (12).

3.3   Din il-proposta għal deċiżjoni (13) tagħti wisq importanza lill-moviment ħieles tal-persuni u lid-drittijiet li jgawdu f’kuntest transkonfinali. Il-proporzjon taċ-ċittadini mobbli għadu baxx u f’ċerti pajjiżi, b’mod partikolari r-Rumanija u l-Bulgarija, il-mobbiltà hija aktar diffiċli minkejja l-fatt li dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji tax-Schengen. Barra minn hekk, is-sena 2006 diġà kienet iddedikata għas-Sena Ewropea tal-Mobbiltà tal-Ħaddiema.

3.4   Il-proposta attwali tal-Kummissjoni Ewropea tillimita ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea għal għadd ta’ elementi legali, mentri fil-verità din tkopri firxa ħafna usa’ ta’ aspetti. Iċ-ċittadinanza tinkludi wkoll dimensjonijiet oħra, b’mod partikolari politiċi, ċiviċi, ekonomiċi, soċjali  (14) kif ukoll kulturali.

Aspetti legali tas-Sena Ewropea

3.5   Il-KESE jappoġġja l-proposta, anke fid-dokument ikkonċernat, li jittejbu d-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE iżda jemmen li jeħtieġ li jingħata rwol ċentrali lid-demokrazija parteċipattiva u liċ-ċittadinanza attiva. Jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi l-ġodda f’dan ir-rigward li jinsabu fit-Trattat ta’ Lisbona (15) u li fuqhom il-Parlament Ewropew jistieden li ssir enfasi matul l-2013 (16). Jeħtieġ li jiġi garantit mingħajr dewmien djalogu miftuħ u trasparenti bejn iċ-ċittadini u l-korpi amministrattivi fil-livelli kollha.

3.6   Il-KESE jitlob li fil-proposta għal deċiżjoni jiġu introdotti wkoll referenzi ċari u speċifiċi għad-dispożizzjonijiet kollha li jikkonċernaw id-demokrazija u l-parteċipazzjoni previsti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikolu 11 tat-TUE u l-Artikolu 15 tat-TFUE iżda wkoll il-preambolu u l-Artikoli 1, 3(2), 6 u 10 tat-TUE (17).

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-TUE jistipula li: “Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.”  (18)

3.7   Jeħtieġ li titwessa’ l-bażi legali tas-sena tematika b’mod li l-objettivi msemmija hawn fuq ikunu jistgħu jinkisbu u jiġu riflessi l-aspetti kollha taċ-ċittadinanza u jiġu garantiti l-funzjonament u t-tnedija tagħha fl-oqsma kollha tal-azzjoni politika.

3.8   Il-KESE jenfasizza li kull Stat Membru għandu wkoll sehem mir-responsabbiltà fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE kif tindika pereżempju deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali tal-Ġermanja u l-espressjoni “responsabbiltà fir-rigward tal-integrazzjoni” li tuża (19).

3.9   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini, imniżżel fl-Artikolu 9 tat-TUE (20). Għaldaqstant jitlob biex, fil-qafas tas-Sena Ewropea 2013, tingħata attenzjoni lill-gruppi ta’ ċittadini li jesperjenzaw diskriminazzjoni. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi li jiggarantixxu liċ-ċittadini kollha possibbiltajiet indaqs biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ parteċipazzjoni u dawk ekonomiċi u soċjali kif ukoll id-drittijiet l-oħra tagħhom, irrispettivament mill-oriġni, iċ-ċittadinanza, l-età, il-bżonnijiet partikolari, is-saħħa, il-ġid, it-twemmin reliġjuż, is-sitwazzjoni familjali jew karatteristiċi oħra tagħhom ta’ dan it-tip. Għandha tiġi żgurata ugwaljanza totali bejn in-nisa u l-irġiel (21). Jeħtieġ li tiġi żgurata attenzjoni partikolari għall-ġlieda kontra l-ideoloġiji u l-attivitajiet radikali jew antidemokratiċi.

3.10   Il-KESE jinsisti wkoll fuq id-dimensjoni esterna taċ-ċittadinanza attiva. Matul l-implimentazzjoni tas-sena, jeħtieġ li jkun hemm kollaborazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-UE. Il-Kumitat jitlob lill-UE biex, permezz ta’ approċċ koerenti, tirrispetta l-prinċipji u l-valuri fundamentali tagħha fir-relazzjonijiet esterni (22), issaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika esterna tagħha u tibda tipprepara għall-2015 li l-KESE ppropona li tiġi ddedikata għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Il-moviment liberu tal-persuni

3.11   Il-KESE jappoġġja l-moviment ħieles tal-persuni bħala waħda mill-prijoritajiet indiretti (23), hekk kif tagħmel il-Kummissjoni li, fil-proposta kkonċernata, tesprimi d-determinazzjoni tagħha li telimina d-diffikultajiet li għad hemm u li ġew elenkati  (24) bil-għan li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod ħieles u mingħajr l-ebda diskriminazzjoni d-drittijiet tagħhom. Fl-istess waqt, jitlob li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq azzjonijiet konkreti u prattiċi li jħallu effetti pożittivi fil-perjodu fit-tul. Dawn l-inizjattivi jistgħu jinvolvu b’mod partikolari l-ħolqien jew l-estensjoni ta’ programmi u strumenti ta’ promozzjoni, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ atti regolamentorji ġodda, jew saħansitra l-kontroll aktar strett u l-prosekuzzjoni tal-ksur fil-leġislazzjoni tal-UE.

3.12   Fil-qafas tas-Sena Ewropea 2013, jeħtieġ ukoll li tingħata attenzjoni partikolari lid-dritt li għandhom iċ-ċittadini li jibbenefikaw minn għajnuna mingħand ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari ta’ Stati Membri oħra meta jkunu f’pajjiżi terzi.

3.13   Il-KESE jinnota li jeħtieġ li tiġi analizzata wkoll il-mobbiltà tal-persuni fil-kuntest tal-evoluzzjoni demografika, kif ukoll li jiġu indikati l-effetti pożittivi tagħha fuq l-impjegabbiltà u l-kompetittività. Il-KESE jħeġġeġ ukoll l-iżvilupp kif ukoll l-użu u r-rispett tal-leġislazzjoni Ewropea f’għadd ta’ oqsma oħra, pereżempju d-drittijiet tal-konsumaturi, il-moviment tal-merkanzija, is-servizzi u l-kapital, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, id-dritt tal-vot u li wieħed jippreżenta lilu nnifsu b’mod ħieles fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jekk jinsab fi Stat Membru ieħor tal-UE, il-ksib ta’ għarfien lingwistiku u ta’ kompetenzi interkulturali u soċjali kif ukoll drittijiet oħra u garanziji soċjali u ekonomiċi. Il-mobbiltà tal-persuni b’hekk tfisser ukoll li ċ-ċittadini jkunu jistgħu japprofittaw mill-vantaġġi tas-suq uniku u jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi ta’ tkabbir tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Aspetti organizzattivi tas-Sena Ewropea

3.14   Il-parti organizzattiva tas-Sena Ewropea 2013 għandha tkun konformi mal-objettivi u l-valuri li tippromovi. Il-KESE jaqbel li dan il-proċess ta’ pjanar u ta’ implimentazzjoni jkun miftuħ kemm jista’ jkun, u li fih jipparteċipaw l-atturi kollha kkonċernati fil-livelli u l-istadji kollha, b’mod partikolari l-Kumitat tar-Reġjuni, huwa nnifsu, ir-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom l-imsieħba soċjali kif ukoll il-korpi amministrattivi nazzjonali u lokali.

3.15   Il-KESE jinsisti li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kollaborazzjoni mal-iskejjel u l-istabbilimenti tat-tagħlim superjuri u l-attivitajiet tagħhom. Kull Stat Membru għandu jkun jaf ir-rwol tiegħu u jistabbilixxi l-pjani tiegħu fir-rigward tal-programmi pedagoġiċi relatati li jistgħu jiġu appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea.

3.16   Biex tiġi kkonsultata s-soċjetà ċivili, jeħtieġ li titfassal metodoloġija konkreta u ġabra jew manwal ta’ prattiki tajba.

3.17   Għandhom jintużaw kemm jista’ jkun il-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġiji moderni, b’mod partikolari n-netwerks soċjali u mezzi oħra li l-kontenut tagħhom huwa definit mill-kontributi tal-utenti, b’mod partikolari billi tiġi introdotta taqsima ta’ konsultazzjoni fis-siti elettroniċi tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

3.18   Barra minn hekk, il-Kumitat jitlob li tiġi żgurata koordinazzjoni trasparenti u effikaċi tas-Sena Ewropea 2013 fil-livelli kollha u bejn l-atturi kollha li jieħdu sehem, b’mod partikolari billi jintuża kemm jista’ jkun il-potenzjal tal-kumitati ta’ tmexxija, permezz tal-ħolqien ta’ mekkaniżmi effikaċi ta’ skambji ta’ esperjenzi fil-livell nazzjonali.

3.19   Abbażi tal-esperjenza preċedenti pożittiva matul is-Snin Ewropej preċedenti, il-Kumitat esprima l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien, mill-membri tal-Grupp ta’ Kuntatt li jirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet u n-netwerks tas-soċjetà ċivili Ewropea, kif ukoll imsieħba oħra, ta’ koalizzjoni estiża u miftuħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bil-għan li tiġi organizzata din is-sena tematika. Esprima wkoll li huwa lest jikkoopera ma’ dik il-koalizzjoni. Min-naħa tiegħu, il-KESE għandu l-intenzjoni jwaqqaf grupp ta’ koordinazzjoni li jsegwi l-progress tas-Sena u jikkontribwixxi sabiex tkun suċċess. Għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn il-koalizzjoni tas-soċjetà ċivili u l-grupp tal-koordinazzjoni tal-KESE. Il-Kumitat jemmen li flimkien mal-imsieħba tiegħu fil-livell tal-UE u l-Istati Membri jista’ jagħti kontribut sostanzjali f’dan ir-rigward, permezz tal-ħidma ta’ riċerka, ta’ kollaborazzjoni u ta’ motivazzjoni li saret mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li għandhom ikunu koresponsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din is-sena tematika. B’hekk ingħatat l-opportunità li jiġi skambjat l-għarfien prattiku uniku tal-KESE fir-rigward tal-istabbiliment ta’ konsensus taċ-ċittadini u ta’ kooperazzjoni.

3.20   Il-KESE jistieden li jitfasslu u jiġu implimentati miżuri speċifiċi bil-għan li tiġi garantita rabta bejn is-snin tematiċi differenti u s-sostenibbiltà tar-riżultati tat-twettiq tagħha. Il-KESE jirrakkomanda li fir-rigward tal-kontenut jiġu assoċjati flimkien is-snin Ewropej 2010 sa l-2013 (25) u s-snin ta’ wara, b’mod partikolari l-2014 li huwa ppropona li tiġi ddedikata għall-familja.

3.21   Jeħtieġ li jitniedu kampanji ta’ informazzjoni kif ukoll azzjonijiet u approċċi konkreti u prattiċi, imfassla minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u b’kollaborazzjoni mas-soċjetà. Hemm bżonn li jiġu bbilanċjati mill-ġdid u emendati l-azzjonijiet rakkomandati stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din il-proposta b’konformità mar-rakkomandazzjoni ta’ din l-opinjoni, bil-għan ewlieni li jiġu implimentati bis-sħiħ l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà u l-leġittimità tad-deċiżjonijiet

4.1   Il-Kumitat iqis li fil-forma attwali tagħha, il-proposta ma tippromovix sens ta’ appartenenza fl-UE. Il-proposta ma tistabbilixxix il-bażi meħtieġa biex jinkisbu riżultati tanġibbli fil-qafas tas-Sena Ewropea 2013 bil-għan li jiġi eliminat il-vojt bejn is-soċjetà u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, fir-rigward tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, jew biex tiżdied b’mod sostanzjali l-leġittimità tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kumitat jirrakkomanda li, fil-kuntest tas-sena tematika, tiġi prevista l-introduzzjoni ta’ programm ġdid ta’ promozzjoni u ta’ stabbiliment ta’ mekkaniżmi, kif ukoll jitfasslu u jiġu adottati atti legali f’dan ir-rigward.

4.2   Il-Kumitat jenfasizza b’mod partikolari li l-Kummissjoni Ewropea għandha tintervjeni bi proposti konkreti, b’mod partikolari white papers dwar l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-Artikoli 10 u 11 tat-TUE. L-introduzzjoni tal-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini (Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) u l-mekkaniżmi l-oħra stabbiliti s’issa mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà. Jeħtieġ li jitnieda dibattitu minn issa dwar il-modi differenti possibbli li jikkumplementaw dawn il-miżuri (26).

4.3   Jeħtieġ ukoll li jkun hemm impenn biex jiġu kompletati l-mekkaniżmi eżistenti ta’ djalogu u ta’ parteċipazzjoni, jinġabru l-prattiki tajba  (27), u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll bejn il-livell Ewropew u l-korpi nazzjonali kkonċernati minn kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, bħall-gvernijiet, il-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, biex nagħtu xi eżempji, bil-għan li t-teħid tad-deċiżjonijiet ikun aktar miftuħ u trasparenti kemm jista’ jkun.

4.4   B’mod indipendenti minn din l-azzjoni, il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri tal-UE jtejbu wkoll il-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali billi jinvolvu lill-pubbliku inġenerali fid-djalogu li jsir u billi jiffokaw fuq indikaturi konkreti ta’ prestazzjoni għall-objettivi mixtieqa.

4.5   Id-dibattitu tal-ideat għandu jitħeġġeġ ukoll fil-livell tal-Ewropa. Jeħtieġ b’mod partikolari li jiġi żgurat li kull ċittadin ikun jista’ jifhem is-suġġetti diskussi u jifhem meta u b’liema mod jista’ jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-istess bħalma jeħtieġ li tissaħħaħ u titħeġġeġ (28) iż-żona Ewropea tal-mezzi tax-xandir, mil-lat tal-implimentazzjoni, it-tagħlim (29) u l-kultura.

4.6   Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol ta’ pont li jaqdi bejn l-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili (30). Huwa u jħejji ruħu għat-tnedija tas-Sena Ewropea 2013, il-Kumitat jinsab determinat biex jiżviluppa u jimplimenta programm wiesata’ parteċipazzjoni, trasparenza u innovazzjoni li jista’ juri lis-soċjetà u lill-istituzzjonijiet tal-UE l-vantaġġi li jagħti l-impenn tal-kollettività, filwaqt li f’xi aspetti jservi ta’ proġett pilota għal inizjattivi oħra.

Opinjonijiet oħra u valutazzjoni tas-sena tematika

4.7   Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE diġà ddefenda bis-saħħa u b’mod kontinwu l-valuri u l-objettivi msemmija hawnhekk, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni infurmata taċ-ċittadini, l-edukazzjoni ċivika, u l-protezzjoni u l-iżvilupp tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha (31).

4.8   Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-pjan ta’ azzjoni jiġu inklużi u appoġġjati b’mezzi oħra l-azzjonijiet relatati mal-mobbiltà li ressaq f’opinjonijiet preċedenti, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-mobbiltà taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà għall-mobbiltà jew il-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ speċjalizzat, it-titjib tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, it-tnedija ta’ azzjonijiet għall-eliminazzjoni ta’ nuqqasijiet li jinħolqu minħabba s-sistemi tal-edukazzjoni, in-nuqqasijiet fir-rigward tal-għarfien lingwistiku, il-kwistjonijiet tal-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali, l-aċċess għall-akkomodazzjoni u problemi oħra (32). Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu analizzati aspetti anqas pożittivi li jistgħu jkunu relatati mal-mobbiltà bħall-firda tal-familji, ir-riskju li tintilef il-kultura jew inkella l-effetti soċjoekonomiċi fir-reġjun tal-oriġini tal-persuni kkonċernati.

4.9   Jeħtieġ li jiġi appoġġjat is-suġġeriment li kull Stat Membru jfassal gwida dwar id-drittijiet rikonoxxuti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni u li jgħixu fit-territorju tagħhom, u li jkollu l-obbligu jipprovdilhom ukoll sorsi oħra ta’ informazzjoni li huma aċċessibbli faċilment (33). Il-punti kollha tal-opinjoni tal-Kumitat dwar iċ-ċittadinanza attiva għandhom jiġu appoġġjati wkoll (34).

4.10   Il-Kumitat jaqbel mal-idea ta’ rapport ta’ segwitu dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, kif ukoll mal-proposta li jitfassal pjan ta’ azzjoni dwar il-mezzi għall-eliminazzjoni tal-ostakli li għadhom qed ixekklu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. F’dan ir-rigward jipproponi li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tkun l-ewwel prijorità. Huwa tal-fehma li tali inizjattiva tippromovi wkoll is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ser isiru fir-Rebbiegħa tal-2014 u lil hinn.

4.11   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ koerenza tal-politiki żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea: minn naħa, hemm rieda li ssir enfasi fuq il-mobbiltà filwaqt li, min-naħa l-oħra, ġew previsti bidliet konsiderevoli fil-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni matul il-perjodu baġitarju ġdid – bidliet li jista’ jkollhom effett kompletament oppost u jdgħajfu s-sens ta’ appartenenza fl-UE fost iż-żgħażagħ u s-sentiment tagħhom li huma ċittadini u Ewropej.

4.12   Il-Kumitat jaqbel li r-riżultati tas-Sena Ewropea 2013 ikunu s-suġġett ta’ valutazzjoni dettaljata u li jinġabru u jiġu studjati l-fehmiet li jesprimu ċ-ċittadini matul din is-sena. Jeħtieġ li dawn il-konklużjonijiet imbagħad jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ulterjuri ta’ politiki tal-UE li jikkonċernaw il-kwistjoni taċ-ċittadinanza. F’dak li jikkonċerna lilu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew beħsiebu jfassal opinjoni li tinkludi indikaturi konkreti u linji gwida għall-kumplament ta’ din il-ħidma.

Il-qafas istituzzjonali

4.13   Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinħoloq intergrupp speċifiku fil-Parlament Ewropew li jħeġġeġ il-kollaborazzjoni interistituzzjonali, inkluż mal-KESE, fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tas-sena.

4.14   Fil-kuntest tat-tħejjijiet għas-Sena Ewropea 2013, il-KESE jirrakkomanda li jiġu garantiti riżorsi adatti għas-servizzi tal-Kummissjoni inkarigati minn kwistjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ ta’ din il-parteċipazzjoni kif ukoll li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u tissaħħaħ l-importanza u l-koordinazzjoni tagħhom. Jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-promozzjoni u l-koordinazzjoni tal-volontarjat.

4.15   Fir-rigward tal-viżibbiltà dgħajfa u l-livell baxx tal-effikaċja tagħhom, jidher li hemm dubji dwar il-fatt li ssir enfasi partikolari fuq sorsi ta’ informazzjoni bħall-Europe Direct, il-portal “L-Ewropa Tiegħek” jew Solvit. Europeana u EURES jistgħu jagħmlu parti mil-lista wkoll. Madankollu, il-korpi tal-UE jista’ biss ikollhom rwol indirett peress li l-enfasi qiegħda prinċipalment fuq is-soċjetà ċivili organizzata. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni għandha tkun immirata lejn il-pubbliku kkonċernat, billi tipprovdi mezzi ta’ distribuzzjoni moderni u innovattivi, anke permezz tal-mezzi tax-xandir soċjali u mezzi oħra.

L-aspetti finanzjarji

4.16   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi allokat baġit suffiċjenti u adegwat għas-Sena Ewropea 2013. Il-pakkett ta’ miljun euro li huwa previst bħalissa mhuwiex biżżejjed biex jinkisbu objettivi tant importanti. Għas-Sena Ewropea 2011 ġie allokat baġit ta’ 11-il miljun euro (35), jekk ninkludu t-tħejjijiet li saru diġà fl-2010, filwaqt li l-baġit għas-Sena Ewropea 2010 kien ta’ 17-il miljun euro (36). Barra minn hekk, ġie previst li għas-Sena Ewropea 2013 jiġu allokati riżorsi minn linji baġitarji u mill-programm tad-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni; dan mhuwiex finanzjament addizzjonali (37). Barra minn hekk, sfortunatament, f’dan l-ammont, ma ġewx provduti riżorsi għall-kofinanzjament ta’ inizjattivi taċ-ċittadini jew tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (38). Il-Kumitat huwa tal-opinjoni li medja ta’ 0,2 ċenteżmi tal-euro previsti għal kull ċittadin tal-UE mhuwiex ammont bżżejjed biex jiġu konkretizzati l-miżuri mitluba mill-opinjoni attwali, anke jekk l-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha ma jirrikjedux riżorsi importanti. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet li ma jibbenefikawx minn mezzi finanzjarji indispensabbli.

4.17   Il-Kumitat jirrakkomanda li titneħħa d-dispożizzjoni li tistipula li l-finanzjament “se jieħu l-forma ta’ akkwist dirett tal-prodotti u s-servizzi skont il-kuntratti oqfsa attwali” (39), essenzjalment għax din twassal għal infiq qawwi għal kampanji, imfassla minn kumpaniji fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi, li ma jkunux ta’ natura sostenibbli u jista’ wkoll ikollhom effetti negattivi jew bilkemm jirnexxu f’ħafna Stati Membri peress li jkunu msejsa fuq mudell uniformi. Jeħtieġ li l-finanzjament jingħata bl-aktar mod wiesa’ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali, li għandhom ikunu l-atturi prinċipali tas-Sena Ewropea. Mod biex dan jirnexxi huwa li l-fondi jiġu allokati permezz tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri.

4.18   Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati r-riżultati tas-Sena Ewropea 2013 u t-tagħlimiet li jinsiltu minnha billi jiġu previsti strumenti finanzjarji bħall-programm futur ta’ finanzjament “L-Ewropa għaċ-ċittadini” jew programmi oħra. Fl-istess waqt, jeħtieġ li tingħata informazzjoni aktar dettaljata dwar il-possibbiltajiet ta’ għoti ta’ assistenza finanzjarja bil-għan li tiġi promossa ċ-ċittadinanza tal-UE (40), li jiġi żgurat livell ta’ finanzjament adegwat għal dawn l-objettivi, u jeħtieġ li jiġi riformat il-programm ta’ sussidji għall-parteċipazzjoni u d-djalogu strutturat fir-rigward ta’ kwistjonijiet Ewropej, fil-livell tal-Istati Membri jew tal-Unjoni Ewropea. Din l-azzjoni tirrikjedi wkoll it-titwil tal-aktar programmi antiki li l-għan tagħhom kien li jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE u s-sens ta’ appartenenza tagħhom fl-UE (41). Jeħtieġ li nirrikorru għall-volontarjat biex inkunu nistgħu nkopru t-taqsima tal-kofinanzjament tal-proġetti.

4.19   Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi adottat approċċ innovattiv fl-ippjanar, il-ġestjoni u l-użu tar-riżorsi finanzjarji fil-livell tal-UE kif ukoll f’livelli oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-baġit riservat għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-qafas tas-Sena Ewropea.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 489 final – 2011/0217 COD.

(2)  L-Artikolu 10(3) tat-TUE jistipula li: “Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.” Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tat-TUE jistipula li:

“1.

L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni.

2.

L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

3.

Sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet konċernati.”

(3)  TUE, ĠU C, 30.3.2010.

(4)  Ewrobarometru Flash 294, ippubblikat f’Ottubru 2010.

(5)  COM(2010) 605 final.

(6)  Eurostat, Parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali u tal-UE.

(7)  Ewrobarometru standard 75, ippubblikat f’Awwissu 2011.

(8)  Ara Ewrobarometru standard 72, Ħarifa 2009, it-tieni volum. Fl-2011, il-prijoritajiet li l-persuni li ġew intervistati indikaw bħala l-aktar importanti (minn lista stabbilita minn qabel) kienu: id-dritt li persuna tiċċaqlaq u tivvjaġġa b’mod ħieles madwar l-UE (48 %), amministrazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet tal-UE (33 %), id-dritt li jitressqu lmenti quddiem l-Ombudsman Ewropew (32 %), l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE (21 %), il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej meta wieħed jgħix fi Stat Membru ieħor (21 %), id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew (20 %) u l-possibbiltà li jiġu proposti miżuri leġislattivi permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini (19 %). Ara: Ewrobarometru speċjali/ 75.1, ippubblikat f’April 2011.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Aktar demokrazija għall-Ewropa u l-istituzzjonijiet tagħha; it-titjib tal-informazzjoni għaċ-ċittadini u għall-atturi soċjali. Ir-Rwol tal-Ombudsman fir-rigward tal-Parlament Ewropew”, ĠU C 352/63, 30.12.1993 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Ara: Ewrobarometru speċjali/ wave 75.1, ippubblikat f’April 2011.

(11)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 163 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  L-Istati li b’ċittadinanza tradizzjonalment ifissru ċittadinanza attiva jistgħu jużaw l-espressjoni qasira.

(13)  COM(2011) 489 final – 2011/0217 COD.

(14)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.

(15)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59.

(16)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2010 (2009/2161 (INI)).

(17)  ĠU C 83, 30.3.2010.

(18)  ĠU C 83, 30.3.2010.

(19)  BVerfG, 2 BvE 2/08, 30 ta’ Ġunju 2009.

(20)  ĠU C 83, 30.3.2010.

(21)  Ara b’mod partikolari d-dossier REX/307, relatur: is-Sinjura Sharma u Ewrobarometru flash 294, ippubblikat f’Ottubru 2010. Il-gruppi li l-anqas li jifhmu tajjeb it-tifsira taċ-ċittadinanza Ewropea huma b’mod partikolari n-nisa u l-ħaddiema li jagħmlu xogħol manwali.

(22)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.

(23)  ĠU C 228, 22.9.2009 p, 14.

(24)  COM(2010) 603 final.

(25)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 106, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 149, ĠU C 51, 17.2.2011, p. 55.

(26)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.

(27)  Ara wkoll il-Konferenza tal-INGOs, CONF/PLE(2009) CODE1, 2009.

(28)  ĠU C 318, 23.12.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).

(29)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 35 (mhux disponibbli bil-Malti).

(30)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59.

(31)  F’dan ir-rigward nirreferu pereżempju għall-opinjonijiet tal-KESE msemmija f’dan id-dokument.

(32)  ĠU C 228. 22.9.2009, p. 14.

(33)  “Ċittadinanza Ewropea – Mobbiltà transkonfinali”, Rapport komplet, studju kwalitattiv, imwettaq minn: TNS Qual+, Awwissu 2010.

(34)  ĠU C 28, 3.02.2006. p. 29 (mhux disponibbli bil-Malti).

(35)  Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011.

(36)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 55.

(37)  COM/2011/0489 final – 2011/0217 (COD).

(38)  Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE “Iċ-ċittadinanza ma tnaqqasx id-drittijiet!”. Ittra miftuħa lill-membri Ewropej – Proposta tal-Kummissjoni biex l-2013 tkun is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini”.

(39)  COM/2011/0489 final – 2011/0217 (COD).

(40)  COM(2010) 603 final.

(41)  Rapport dwar il-progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2007-2010, COM(2010) 602 final, Brussell, 27 ta’ Ottubru 2010.


Top