EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0619(04)

Notifika ta' bidu ta’ reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja

OJ C 175, 19.6.2012, p. 22–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/22


Notifika ta' bidu ta’ reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja

2012/C 175/09

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fid-19 ta’ Marzu 2012 mill-Association Européenne des Transformateurs de Maïs Doux (AETMD) (“l-applikant”) f’isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ aktar minn 50 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreżervat.

2.   Il-prodott investigat

Il-prodott investigat huwa qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba, ippreparat jew ippreżervat permezz tal-ħall jew tal-aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li fil-preżent jaqa' fil-kodiċi NM ex 2001 90 30, u qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba, ippreparat jew ippreżervat mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti oħrajn tal-intestatura 2006, li fil-preżent jaqgħu fil-kodiċi NM ex 2005 80 00 u li joriġinaw fit-Tajlandja (“il-prodott investigat”).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa hemm fis-seħħ huma dazju definittiv ta' antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 (3).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni tal-iskadenza

It-talba ssejset fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għall-issoktar ta’ dumping u r-rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Denunċja ta’ probabbiltà ta' ssoktar tad-dumping

Id-denunċja ta’ probabbiltà ta’ ssoktar ta' dumping tissejjes fuq tqabbil ta’ valur normali kostrutt (spejjeż ta’ manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u profitt) fit-Tajlandja mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ex-works) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq il-bażi ta' dan, il-marġini tad-dumping ikkalkolat huwa sinifikanti.

4.2.    Denunċja ta’ probabbiltà ta' rikorrenza ta’ ħsara

L-applikant jallega wkoll il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping li jikkawża ħsara. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott investigat probabbilment jiżdied minħabba l-ħeffa ta’ żieda fil-produzzjoni fil-pajjiż ikkonċernat u l-attrattiva tas-suq tal-Unjoni, minħabba prezzijiet ogħla li jistgħu jinkisbu f'dan is-suq b’paragun għal ċerti swieq ta’ pajjiżi terzi. Dawn iż-żewġ fatturi jistgħu jwasslu għal dirottament tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn lejn l-Unjoni.

L-applikant jallega fl-aħħar nett li t-tneħħija tal-ħsara seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat aktarx twassal għal rikorrenza ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex ikun iġġustifikat bidu ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri twassalx jew le għal tkomplija jew rikorrenza ta' dumping u ħsara.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà tal-issoktar tad-dumping

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fit-Tajlandja li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness A ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tat-Tajlandja u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk dan ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott investigat lill-Unjoni.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux għall-kampjun se jitqiesu li qed jikkoperaw (“produtturi esportaturi li qed jikkooperaw iżda li mhumiex fil-kampjun”).

5.1.2.   L-investigar ta’ importaturi mhux relatati  (5)  (6)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott investigat, importat mit-Tajlandja lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal numru raġonevoli l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjun”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness B ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' wkoll tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott li qed jiġi rivedut fl-Unjoni u li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, u dwar il-bejgħ tal-prodott investigat.

5.2.    Il-proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara u jiġu investigati l-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà jew le ta' rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji qegħdin fil-fajl li jinsab għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 ta' hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għal xiex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jkunu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li finalment se jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jressqu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija/i, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, il-kost tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

F’każ li jiġu kkonfermati l-issoktar ta’ dumping u r-rikorrenza ta’ ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta' żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel ma tiskadi d-data ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Il-partijiet interessati kollha, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-notifika, huma b'dan mistiedna juru fehmiethom, jibagħtu l-informazzjoni u jipprovdu l-evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi tal- investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'din in-notifika, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (7).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma meħtieġa jipprovdu taqsira mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li tiġi mmarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikati ffirmati, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk parti interessata ma tkunx tista' tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, hija għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni b'dan minnufih skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22969307

Posta elettronika: Trade-R552-sweetcorn-dumping@ec.europa.eu

(biex jintuża mill-produtturi esportaturi, importaturi relatati, assoċjazzjonijiet u rappreżentanti tat-Tajlandja), u

Trade-R552-sweetcorn-injury@ec.europa.eu

(biex jintuża mill-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi mhux relatati, l-utenti, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet fl-Unjoni)

6.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każi fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' titwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet jissejsu fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi sottomessa talba għal smigħ fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà l-issokktar jew ir-rikorrenza tad-dumping u r-rikorrenza tal-ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Il-possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Peress li din ir-reviżjoni ta’ skadenza bdiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu f'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li tkun ġustifikata reviżjoni tal-livell tal-miżuri, sabiex tippermetti l-possibbiltà li l-livell tal-miżuri jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas), dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu din ir-reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (8).


(1)  ĠU C 258, 2.9.2011, p. 11.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 159, 20.6.2007, p. 14.

(4)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott investigat.

(5)  Jistgħu jintgħażlu għall-kampjun biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozji ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu l-impjegat u l-persuna li timpjegah; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Id-dejta li taw l-importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward tal-aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li huwa kkunsidrat kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image


ANNESS B

Image

Image


Top