EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE0495

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì”

OJ C 143, 22.5.2012, p. 141–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/141


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì”

2012/C 143/29

Relatur: is-Sur HAMRO-DROTZ

Korelatur: is-Sur SILVA

F’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2011, il-Parlament Ewropew talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, organizzat żjara ta’ studju fiċ-Ċilì f’Settembru 2011 u adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Jannar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Parlament Ewropew talab lill-KESE jħejji din l-opinjoni sabiex fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċilì janalizza r-rwol tas-soċjetà ċivili Ċilena u l-qagħda tal-Artikolu 10 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (FA) bejn l-UE u ċ-Ċilì, li ġie ffirmat fl-2002. Dan l-Artikolu jipprevedi t-twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-soċjetà ċivili bejn il-KESE u ċ-Ċilì, iżda dan qatt ma twaqqaf minħabba li ċ-Ċilì m’għandux istituzzjoni korrispondenti.

1.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-relazzjonijiet politiċi tajbin bejn l-UE u ċ-Ċilì, li mingħajr dubju ta’ xejn ġew iffaċilitati permezz tal-FA. Il-KESE jappoġġja li ssir reviżjoni tal-FA biex jiddaħħlu kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, miżuri ta’ appoġġ għar-rikonoxximent effettiv u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u r-riorjentament tal-kooperazzjoni biex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili u l-proġetti ta’ interess komuni, bħall-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-konsumatur u l-edukazzjoni.

1.3   Il-KESE jitlob lill-partijiet li ffirmaw il-FA u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti li s-sede tagħhom tinsab fiċ-Ċilì biex jagħtu l-appoġġ istituzzjonali, politiku, operattiv u ekonomiku meħtieġ kollu lill-organizzazzjonijiet Ċileni tas-soċjetà ċivili sabiex dawn jiksbu s-saħħa u l-kapaċitajiet li jippermettulhom isiru msieħba validi kemm fid-djalogu soċjali kif ukoll fid-djalogu ċivili fil-livell nazzjonali, u jsiru wkoll kontroparti tas-soċjetà ċivili Ewropea f’livell bilaterali.

1.4   Il-KESE jtenni l-importanza fundamentali tad-djalogu soċjali bejn l-intraprendituri u t-trejdjunjins bħala bażi essenzjali għall-kunsens ekonomiku u soċjali li hu indispensabbli għall-iżvilupp b’koeżjoni soċjali, u bħala punt tat-tluq għall-iżvilupp ta’ djalogu ċivili usa’ bejn l-awtoritajiet politiċi u l-atturi ekonomiċi u soċjali. Dan kollu għandu jwassal biex il-ġid jitqassam aħjar, il-politika tkun aktar miftuħa u l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol iżjed b’saħħtu.

1.5   Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES) jew korp ekwivalenti fiċ-Ċilì. Dan iżid il-possibbiltajiet li jissaħħaħ id-djalogu bejn l-atturi differenti tas-soċjetà ċivili kif ukoll bejn dawn l-atturi u l-awtoritajiet kompetenti, u fl-istess ħin jippermetti li l-Artikolu 10 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli. Il-KESE hu lest jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi bis-saħħa tal-esperjenza tiegħu f’attivitajiet simili ma’ pajjiżi oħra.

1.6   B’konformità mal-ftehim li sar mal-organizzazzjonijiet Ċileni fl-okkażjoni taż-żjara esploratorja tiegħu fiċ-Ċilì f’Settembru 2011, il-KESE ser jorganizza seminar li jlaqqa’ lill-aktar atturi rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili Ċilena. Dan se jsir bil-għajnuna tal-Gvern Ċilen u tal-UE fl-istess żmien tas-Seba’ Laqgħa tas-Soċjetà Ċivili Organizzata fl-UE u fl-Amerika Latina u l-Karibew (Santiago de Chile, 2012). Is-serminar ser jeżamina l-interess u l-mezzi biex jinħoloq korp konsultattiv tas-soċjetà ċivili Ċilena li jkun jista’ jaqdi r-rwol ta’ kontroparti tal-KESE skont it-termini tal-Artikolu 10 tal-FA.

1.7   Ser jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet oħrajn li huma ta’ interess ġenerali għall-atturi tas-soċjetà ċivili, bħall-bini tal-kapaċitajiet, il-ħtieġa li jitkompla u jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u l-possibbiltà li fil-futur jiġu organizzati attivitajiet konġunti oħra b’mod regolari. Din il-kooperazzjoni teħtieġ l-appoġġ finanzjarju tal-partijiet li ffirmaw il-FA.

2.   Il-qagħda politika, ekonomika u soċjali fiċ-Ċilì

2.1   Il-qagħda politika

2.1.1

Iċ-Ċilì hu wieħed mill-aktar pajjiżi stabbli u prosperi fl-Amerika t’Isfel. Hu wkoll punt ta’ referenza għat-tkabbir ekonomiku tiegħu li hu xprunat mill-prezz tal-materja prima, l-aċċess li l-partiti politiċi rappreżentattivi għandhom għall-poter, ir-rwol dejjem aktar importanti tal-pajjiż fuq skala internazzjonali, u l-approċċ kummerċjali li qed jiġi ffokat dejjem iżjed fuq il-baċir tal-Paċifiku.

2.1.2

Wara għoxrin sena ta’ gvern demokratiku mill-koalizzjoni ċentru-xellugija Concertación (Konsultazzjoni), li mill-2006 ’l hawn kienet immexxija minn Michelle Bachelet, il-President Sebastián Piñera ħa l-kariga tiegħu fil-11 ta’ Marzu 2010 b’mandat ta’ erba’ snin, wara li rebaħ l-elezzjoni bħala mexxej tal-koalizzjoni ċentru-leminija Coalición por el Cambio (Koalizzjoni għall-Bidla).

2.1.3

Fl-aħħar xhur is-sitwazzjoni politika fiċ-Ċilì ntlaqtet minn movimenti soċjali importanti ta’ protesta mmexxija mill-istudenti u appoġġjati mit-trejdjunjins. Xi aspetti rilevanti oħra fix-xena politika attwali huma l-inugwaljanzi soċjali, l-appoġġ tal-Gvern għall-proġett kontroversjali HidroAysén, li bih jistgħu jinbnew ħames digi idroelettriċi fil-Patagonja Ċilena, u l-protesti u l-okkupazzjonijiet tal-istabbilimenti edukattivi biex tintalab riforma edukattiva li tagħti aċċess għal edukazzjoni pubblika ta’ kwalità lill-kategoriji soċjali kollha f’kull reġjun tal-pajjiż.

2.1.4

Fil-fehma tas-soċjetà ċivili Ċilena stess, dawn il-protesti huma eżempji li jixhdu li ċ-ċittadini mhux qed iħossuhom tajjeb u dan jitlob li l-ġid jitqassam aħjar, li jkun hemm aktar parteċipazzjoni soċjali u li l-politika tkun miftuħa aktar. L-organizzazzjonijiet soċjali huma konxji tal-importanza ta’ dan il-mument fil-politika taċ-Ċilì u jittamaw li dan ser iwassal biex jinbidlu l-kostituzzjoni influwenzata minn Pinochet, is-sistema elettorali li toħnoq it-tiġdid politiku u s-sistema soċjoekonomika attwali li tippromovi t-tkabbir ibbażat fuq l-esportazzjoni ta’ numru limitat ta’ materja prima, liema tkabbir jikkontribwixxi għal distribuzzjoni inadegwata tal-ġid.

2.2   Il-qagħda ekonomika

2.2.1

Il-livell tad-dħul fiċ-Ċilì hu bejn medju u għoli. It-tkabbir fiċ-Ċilì laħaq il-5,2 % fl-2010.

2.2.2

Il-Ċilì huwa bil-bosta l-akbar produttur dinji tar-ram, li jirrappreżenta 60 % tal-esportazzjonijiet Ċileni. Is-settur bankarju huwa b’saħħtu ħafna, u jagħmel profitti kbar bis-saħħa ta’ taxxi tal-imgħax għoljin ħafna u tal-ġestjoni tal-fondi tal-pensjoni, fost affarijiet oħra. Madankollu, minkejja l-qawwa tas-settur ekonomiku, il-livell għoli ta’ tkabbir taċ-Ċilì ma naqqasx il-frammentazzjoni ta’ setturi oħra fis-sistema produttiva tiegħu, bħall-industriji tal-ikel u tas-sajd. L-impatt tal-kriżi ekonomika dinjija kien iżgħar fuq l-ekonomija Ċilena milli fuq ekonomiji oħra fid-dinja, kif fil-fatt jiġri prattikament fl-ekonomiji kollha tal-Amerika Latina.

2.3   Il-qagħda soċjali

2.3.1

Iċ-Ċilì hu wieħed mill-pajjiżi b’inugwaljanzi kbar b’rabta mal-livell ta’ dħul għal kull ras. Skont id-data ppubblikata f’nofs l-2010, bejn l-2006 u l-2009 l-faqar fiċ-Ċilì żdied għal 15,1 % u l-faqar estrem tela’ għal 3,7 %, meta mqabblin mat-13,7 % u t-3,2 % rispettivament fl-2006.

2.3.2

Fl-2010, il-qgħad żdied għal 9,6 %, l-aktar minħabba l-impatt tal-kriżi dinjija fiċ-Ċilì matul is-sentejn ta’ qabel. L-aktar li ġew affettwati huma ż-żgħażagħ u n-nisa. Ħafna mill-impjiegi maħluqa dan l-aħħar huma fis-settur tas-servizzi, u jeżisti persentaġġ għoli ta’ impjieg informali.

2.3.3

Iċ-Ċilì jinsab fil-45 post, minn 169, fl-Indiċi ta’ Żvilupp tal-Bniedem tal-UNDP għall-2010, u b’hekk hu l-ewwel wieħed fost il-pajjiżi tal-Amerika Latina. Il-pajjiż tejjeb l-istandards tad-djar, l-edukazzjoni u s-saħħa. Però l-inugwaljanzi fid-dħul żdiedu. 5 % tal-aktar djar sinjuri għandhom dħul għal kull ras li hu 830 darba ogħla minn dak li għandhom il-5 % tal-aktar djar fqar. 75 % tal-ħaddiema jaqilgħu madwar USD 1 000, filwaqt li l-PDG għal kull ras hu ta’ USD 16 000. Dan ifisser li s-suq tax-xogħol ma jagħmel xejn għat-tqassim tad-dħul. L-iskemi tal-pensjoni ma tantx huma frekwenti. It-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa u l-popolazzjoni indiġena (1) huma l-aktar gruppi milquta mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Id-data turi li hemm korrelazzjoni bejn il-faqar u r-rata tal-attendenza fl-iskejjel, il-faqar u l-qgħad, u l-faqar u l-qgħad tan-nisa (2). L-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa huma sinifikattivi, u dan ipoġġi liċ-Ċilì fil-75 post, minn 109, f’dik li hi inugwaljanza bejn is-sessi. B’mod ġenerali, il-leġislazzjoni dwar ix-xogħol hija dgħajfa: jeżistu restrizzjonijiet kbar għan-negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk, il-persentaġġ tal-ħaddiema koperti bi ftehim kollettiv ma jaqbiżx is-6 % u ma jeżistux dispożizzjonijiet legali fil-livell nazzjonali li jippromovu n-negozjar kollettiv. Il-piż fiskali huwa baxx u għandu struttura rigressiva.

2.3.4

Bħalissa d-dibattitu dwar il-mudell edukattiv huwa kruċjali għas-sitwazzjoni fiċ-Ċilì. Mhux biss għaliex ħafna familji għandhom dejn kbir minħabba l-ispejjeż tal-edukazzjoni ta’ wliedhom, iżda wkoll għaliex it-talba biex l-edukazzjoni titqies bħala dritt li l-Istat għandu jiggarantixxi biex jipprovdi l-opportunitajiet għal kulħadd hija fil-qalba tad-dibattitu nazzjonali u mmobilizzat lis-soċjetà Ċilena kollha. Waħda mill-problemi fundamentali hi li l-edukazzjoni hija amministrata fil-livell muniċipali. L-awtoritajiet fetħu n-negozjati mal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-protesti attwali fuq ir-riforma tas-sistema edukattiva.

2.4   Iċ-Ċilì fil-kuntest internazzjonali attwali

2.4.1

Minn wara r-ritorn għad-demokrazija fl-1990, iċ-Ċilì kien attiv fir-relazzjonijiet multilaterali, qeda rwol kostruttiv fin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-aġenziji tagħha, u pparteċipa fl-attivitajiet tan-NU u tal-UE biex tinżamm il-paċi. Fiċ-Ċilì hemm is-sede reġjonali ta’ korpi internazzjonali importanti: l-ILO, il-Consumers International, in-NU, is-CEPAL.

2.4.2

Fil-livell internazzjonali, iċ-Ċilì hu membru attiv u kostruttiv tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-2009 ċ-Ċilì rratifika l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Persuni kollha mill-Għajbien Sfurzat (International Convention for the Protection of All Persons from Enforced Disappearance). Iċ-Ċileni jokkupaw għadd ta’ pożizzjonijiet internazzjonali importanti, bħal dik ta’ direttur eżekuttiv tan-NU Nisa, direttur ġenerali tal-ILO u segretarju ġenerali tal-OAS (3). F’Jannar 2010, iċ-Ċilì sar l-ewwel pajjiż tal-Amerika Latina li ġie approvat bħala membru tal-OECD.

2.4.3

Iċ-Ċilì hu membru tal-Forum ta’ Kooperazzjoni Ekonomika bejn l-Asja u l-Paċifiku (APEC) u membru msieħeb tal-Mercosur u tal-Komunità Andina. Bħalissa għandu l-presidenza tal-Grupp ta’ Rio u tal-Grupp tal-Amerika Latina u l-Karibew, kif ukoll il-kopresidenza, flimkien mal-Venezwela, tal-Komunità tal-Istati tal-Amerika t’Isfel u l-Karibew (CELAC).

2.4.4

Il-politika tal-kummerċ taċ-Ċilì tradizzjonalment tiffoka fuq l-iffirmar tal-akbar numru possibbli ta’ ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles. Fir-rigward tal-enerġija, iċ-Ċilì jiddependi mill-importazzjonijiet biex ikopri tliet kwarti tal-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu: m’għandux enerġija nukleari u jixtri l-gass likwifikat mill-pajjiżi tal-Paċifiku u tal-Baħar tat-Tramuntana. Ir-riżorsi tal-enerġija fossili tiegħu huma limitati u l-politika tal-enerġija Ċilena hija bbażata fuq il-karbonju, bir-riperkussjonijiet li dan iħalli fuq l-ambjent. F’termini strateġiċi, il-viżjoni fit-tul tal-politika tal-enerġija Ċilena għandha tissaħħaħ u tiġi diversifikata.

2.4.5

Meta mqabbel mal-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra fl-Amerika Latina, iċ-Ċilì llum il-ġurnata għandu infrastruttura żviluppata li tinkludi t-teknoloġiji ġodda.

3.   Ir-relazzjonijiet UE-Ċilì

3.1   B’mod ġenerali, ir-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì, li hi bbażata fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-2002, hija eċċellenti u tinkludi firxa wiesgħa ta’ kuntatti u koordinazzjoni fil-qasam politiku, kummerċjali u tal-kooperazzjoni. Bħalissa d-djalogi settorjali bejn l-UE u ċ-Ċilì qed ikopru s-suġġetti li ġejjin: il-politika reġjonali, it-tħejjija għad-diżastri, il-futur tal-kooperazzjoni bilaterali, il-politika tal-impjieg u d-drittijiet tal-bniedem.

3.2   L-UE hi wieħed mill-imsieħba kummerċjali prinċipali taċ-Ċilì u s-sors prinċipali tal-investiment barrani dirett. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u ċ-Ċilì, li fl-aħħar għaxar snin wassal għal żieda kbira fil-fluss kummerċjali bilaterali, ikopri l-kummerċ tal-merkanzija u s-servizzi, l-investimenti, l-akkwisti pubbliċi u l-kompetizzjoni. L-UE hi d-destinazzjoni prinċipali tal-esportazzjonijiet Ċileni u l-bilanċ tal-kummerċ huwa favur iċ-Ċilì b’surplus ta’ EUR 45 biljun. Madankollu, il-FA ma wassalx għal dak li kien mistenni fir-rigward tal-impjieg, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.

3.3   Is-suq Ewropew jassorbi volumi sinifikattivi ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti agroalimentari, tal-inbid u t-tabakk, tal-industrija tal-injam u tar-ram, fost oħrajn. L-Ewropa hi sors essenzjali ta’ prodotti intermedji u kapitali għall-ekonomija Ċilena. Il-Ftehim jistipula li ż-żewġ partijiet għandhom jilliberaw aktar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli u tas-servizzi.

3.4   Bejn l-2007 u l-2013 l-UE ser talloka total ta’ EUR 41 miljun għall-kooperazzjoni maċ-Ċilì. Ir-reviżjoni intermedja, li ntemmet fl-2010, ikkonfermat li għandhom jinżammu s-setturi prijoritarji prinċipali, jiġifieri l-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni u l-kompetittività, l-edukazzjoni għolja u l-ambjent. Madankollu, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp maċ-Ċilì, fid-dawl tal-livell ekonomiku tajjeb tiegħu, għandha tiffoka fuq għanijiet oħrajn. Iċ-Ċilì stess qed jitlob li jsiru sforzi biex tiġi żviluppata relazzjoni strateġika bbażata fuq l-assoċjazzjoni, li tkun iffokata aktar fuq temi ta’ interess komuni. L-UE qed tanalizza wkoll il-possibbiltà li tintroduċi elementi ffokati aktar fuq il-valuri komuni fir-reviżjoni tal-Ftehim fl-2012.

3.5   Il-valutazzjoni tas-soċjetà ċivili Ċilena tar-riżultati tal-FA mhix wisq pożittiva. It-trejdjunjins, l-SMEs, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tat-tielet settur, bħal dawk tal-konsumaturi, jaraw il-FA kważi bħala ftehim dwar il-kummerċ ħieles u jiddispjaċihom li ma kisbu l-ebda benefiċċju minnu, lanqas fil-qasam tal-proġetti ta’ kooperazzjoni, fejn jakkużaw lill-Gvern li wettaq interventi diretti mingħajr ma kkonsulta minn qabel lill-organizzazzjonijiet li suppost ibbenefikaw minnhom. L-organizzazzjonijiet jitolbu li tingħata attenzjoni akbar lill-proġetti li jsaħħu s-soċjetà ċivili fit-tul, proġetti li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza, proġetti li jsaħħu l-koeżjoni soċjali u l-konsum, u proġetti li jippromovu l-assoċjazzjonijiet f’setturi individwali (12 000 trejdjunjin tal-intrapriża, 39 000 intraprenditur fis-settur tat-trasport biss). Huwa mixtieq ukoll li l-fondi Ewropej ma jkunux allokati biss għall-NGOs iżda wkoll għall-organizzazzjonijiet tat-tielet settur, bħall-konsumaturi u l-intrapriżi ż-żgħar. Minbarra l-Artikolu 10, fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hemm artikoli oħra li jittrattaw il-kooperazzjoni, bħall-Artikoli 41 u 48, fejn l-atturi tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkontribwixxu b’mod kostruttiv għall-kontenut tagħhom.

3.6   Abbażi tal-Artikolu 11, l-UE kkonsultat lis-soċjetà ċivili Ċilena dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim, pereżempju fl-okkażjoni tal-ewwel Forum Soċjali fl-2006 u fit-tieni Forum Soċjali f’Settembru 2011. L-atturi Ċileni wrew interess kbir fiż-żieda fl-iskambju ta’ informazzjoni mal-atturi Ewropej kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jidhru li qed jagħmlu sforzi deċiżivi biex jissoktaw il-konsultazzjonijiet u tiżdied l-influwenza tas-soċjetà ċivili.

4.   Is-soċjetà ċivili fiċ-Ċilì: il-qagħda attwali u l-prospetti għall-kooperazzjoni

4.1   Il-fehma tal-organizzazzjonijiet Ċileni tas-soċjetà ċivili dwar id-djalogu u l-parteċipazzjoni ftit li xejn hi promettenti. Fl-opinjoni tagħhom, fiċ-Ċilì għad jonqos ir-rieda politika biex jinħoloq korp konsultattiv tas-soċjetà ċivili, kemm minħabba raġunijiet politiċi u ideoloġiċi kif ukoll minħabba l-biża’ li dan il-korp isir it-tielet kamra leġislattiva li tikkompeti ma’ dawk li diġà hemm. Għalkemm jidher li jeżistu tipi u livelli differenti ta’ kuntatti mal-atturi tas-soċjetà ċivili matul l-iżvilupp tal-atti leġislattivi ġodda, milli jidher dawn ftit li xejn huma strutturati. B’mod ġenerali, għad jonqos mekkaniżmi fil-livell nazzjonali għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jiddirieġu l-kunflitt soċjali u jevitaw l-isplużjonijiet soċjali bħal dawk attwali. Fil-livell reġjonali u lokali ta’ min jinnota n-nuqqas ta’ rappreżentanza tal-awtoritajiet reġjonali u muniċipali, li jinħatru direttament mill-gvern ċentrali.

4.2   Iċ-Ċilì hemm tliet federazzjonijiet prinċipali tat-trejdjunjins. L-aktar li għandha membri hi l-Federazzjoni Magħquda tal-Ħaddiema (Central Unitaria de Trabajadores, CUT), li minnha nibtu l-Federazzjoni Indipendenti tal-Ħaddiema (Central Autónoma de Trabajadores, CAT) u l-Għaqda Nazzjonali tal-Ħaddiema (Unión Nacional de Trabajadores, UNT). Minħabba n-nuqqas ta’ qbil intern, dawn la jistgħu jagħmlu djalogu bejniethom u lanqas bejnhom u l-intraprendituri. Madankollu, ilkoll jaqblu fuq in-nuqqasijiet kbar rigward id-djalogu soċjali fiċ-Ċilì, fuq li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ mekkaniżmi effettivi għad-djalogu soċjali u ta’ KES fiċ-Ċilì, u fuq il-ħtieġa li jkollhom mekkaniżmu għad-djalogu mas-soċjetà ċivili Ewropea fi ħdan il-FA.

4.3   Fiċ-Ċilì, ir-rata tas-sħubija fit-trejdjunjins hi ta’ 12-13 %, b’ċifri għoljin ħafna fil-qasam tal-minjieri, il-banek u l-kummerċ, u għadd kbir ta’ trejdjunjins (madwar 12 000), l-aktar fil-livell tal-intrapriża. Għaldaqstant, id-djalogu soċjali fiċ-Ċilì huwa fframmentat. It-trejdjunjins m’għandhomx il-kapaċità biex jinnegozjaw, speċjalment fil-qasam settorjali, u n-nuqqas ta’ għaqda bejn il-federazzjonijiet qed iwaqqaf il-koordinazzjoni meħtieġa qabel id-djalogu. Iż-żewġ djalogi bejn is-CUT u s-CPC mnedija mill-ILO ma ħolqux biżżejjed fiduċja sabiex isiru proċessi fit-tul.

4.4   Il-federazzjoni intraprenditorjali prinċipali Ċilena hi l-Konfederazzjoni tal-Produzzjoni u l-Kummerċ (Confederación de la Producción y el Comercio, CPC), li tkopri s-setturi ekonomiċi Ċileni l-kbar kollha. Is-CPC taħdem flimkien mat-trejdjunjins permezz ta’ djalogi speċifiċi, u mal-ILO bis-saħħa ta’ korp tripartitiku dwar ix-xogħol deċenti. Però qatt ma tkellmet mat-trejdjunjins dwar il-possibbiltà li jinħoloq KES u qatt ma wettqet djalogu strutturat dwar ir-relazzjonijiet industrijali. L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju huma rappreżentati mill-organizzazzjoni Conupia.

4.5   L-industriji Ċileni ż-żgħar mhumiex żviluppati biżżejjed, ftit li xejn huma organizzati u kompetittivi, huma prekarji, iħallsu pagi baxxi u huma esklużi mis-settur tal-esportazzjoni. Madankollu, huma jammontaw għal 80 % tal-impjiegi bejn is-settur formali u dak informali. B’kuntrast ma’ dan, fiċ-Ċilì teżisti konċentrazzjoni qawwija fost ftit atturi ekonomiċi li huma kbar ħafna, għandhom impatt kbir fuq iċ-ċittadini u ftit li xejn huma regolati, bħall-banek.

4.6   L-organizzazzjonijiet prinċipali tal-konsmaturi huma Conadecus u Odecu, iżda r-rwol u l-influwenza tagħhom fis-soċjetà huma limitati ħafna. Iż-żewġ organizzazzjonijiet qed jitolbu li jipparteċipaw aktar fil-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-UE fil-qafas tal-FA.

5.   Konklużjonijiet

5.1   Il-KESE jemmen li, għalkemm l-applikazzjoni tal-FA ma toħloqx problemi kbar, dan għandu jiġi aġġornat biex, fost affarijiet oħra, jinkludi kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan il-kapitolu kummerċjali tiegħu, b’konformità mal-ftehimiet kummerċjali l-aktar reċenti. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hi fattur essenzjali għall-monitoraġġ ta’ relazzjonijiet imsejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali, tax-xogħol u ambjentali u d-drittijiet tal-konsumatur. Il-kapitolu dwar il-kooperazzjoni għandu jgħin biex l-atturi soċjoekonomiċi jsiru aktar b’saħħithom u jibdew japparteċipaw aktar, u għandu jibdel id-direzzjoni tal-għanijiet tiegħu biex minflok fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp konvenzjonali jibda jiffoka fuq għanijiet b’interess reċiproku akbar, bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tan-nisġa soċjali. Fil-fehma tal-KESE hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet Ċileni tas-soċjetà ċivili jiġu involuti aktar fl-evalwazzjoni tal-FA.

5.2   Il-KESE hu lest li jaħdem mal-UE fid-djalogi settorjali maċ-Ċilì rigward kwistjonijiet rilevanti bħall-edukazzjoni, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, l-iżvilupp sostenibbli, id-djalogu soċjali, l-impjieg, il-ħarsien u l-informazzjoni tal-konsumatur u l-koeżjoni soċjali.

5.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-awtoritajiet Ċileni, sew governattivi u sew parlamentari, għarfu li ċ-Ċilì ma kkonformax mal-Artikolu 10 tal-Ftehim u stqarrew pubblikament li beħsiebhom isibu remedju għal dan. Ħa nota wkoll tal-pjani reċenti tal-Gvern Ċilen li b’mod sistematiku joħloq mekkaniżmi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni għas-soċjetà ċivili fl-oqsma kollha ta’ gvern. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-intenzjoni, iżda bil-prudenza kollha jesprimi ċerti riservi rigward xi proposti li mid-dehra se jwasslu għal proliferazzjoni ta’ mekkaniżmi ad hoc, maqtugħin għalihom waħedhom u ffokati fuq temi jew setturi partikolari, minflok ma joħolqu korp konsultattiv wieħed u komprensiv li jikkomplementa l-korpi parzjali.

5.4   Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili Ċilena għandha bżonn sforz enormi ta’ appoġġ politiku u ta’ ħidma interna ffokata fuq it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet rilevanti u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, u fuq ir-rikonoxximent tagħhom bħala msieħba kostruttivi kemm fil-qafas tal-konsultazzjoni istituzzjonali ġenerali (djalogu ċivili) kif ukoll fir-relazzjonijiet tax-xogħol (djalogu soċjali).

5.5   Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ korp istituzzjonali Ċilen għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili li jirrifletti l-pluraliżmu tas-soċjetà ċivili Ċilena. Bħall-KESE, dan għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tar-rappreżentanza, l-indipendenza u l-leġittimità tal-organizzazzjonijiet rappreżentati fih. L-esperjenza tal-KESE tindika li sabiex tinħoloq istituzzjoni b’dawn il-karatteristiċi, huwa fundamentali li jsir sforz mis-setturi differenti kollha tas-soċjetà ċivili li huma involuti. Il-KESE huwa lest u jista’ jikkontribwixxi f’dawn l-isforzi bis-saħħa tal-esperjenza tiegħu f’attivitajiet simili ma’ pajjiżi oħra. F’dan is-sens, xi eżempji pożittivi fl-Amerika Latina huma l-kollaborazzjoni mal-korpi konsultattivi tas-soċjetà ċivili bħas-CDES tal-Brażil, is-CC-SICA tal-Amerika Ċentrali u l-FCES tal-Mercosur.

5.6   Fil-fehma tal-KESE, l-eżistenza tal-inugwaljanzi soċjali u l-movimenti ta’ protesta li qed isiru bħalissa fiċ-Ċilì huma raġuni oħra għaliex għandhom jinħolqu mezzi importanti ta’ djalogu u parteċipazzjoni konsultattiva tas-soċjetà ċivili fid-deċiżjonijiet u l-politiki pubbliċi.

5.7   Il-ħolqien ta’ korp konsultattiv jiffaċilita wkoll l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u dawk Ċileni, u jkun pass pożittiv biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u dan il-pajjiż bis-saħħa tat-twaqqif mill-aktar fis possibbli tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt previst fl-Artikolu 10 tal-FA.

5.8   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn l-UE u ċ-Ċilì għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-applikazzjoni tal-FA. Għandu wkoll joħroġ opinjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jew tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni b’rabta mat-temi kollha koperti fil-Ftehim. Jista’ wkoll iħejji opinjonijiet jew ifassal rakkomandazzjonijiet minn rajh dwar il-kwistjonijiet relatati mal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jorganizza laqgħa annwali mal-Kumitat Konġunt UE-Cilì.

5.9   Il-KESE jirringrazzja lill-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Ċilì tal-interess u l-appoġġ tiegħu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kumitat Parlamentari Konġunt u l-Kumitat Konsultattiv Konġunt li ser jitwaqqaf għandhom iżommu relazzjoni fluwida u regolari bil-għan li jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-Ftehim.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Madwar 4,6 % tal-popolazzjoni, l-aktar Mapuches.

(2)  Ċifri tal-OECD u tal-Istħarriġ Soċjoekonomiku Nazzjonali tal-2009 – www.ministeriodesarrollosocial.gob.cl.

(3)  Michelle Bachelet, Juan Somavía u José Miguel Insulza rispettivament.


Top