EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0576

Kawża T-576/11: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Novembru 2011 — Schenker Customs Agency vs Il-Kummissjoni

OJ C 25, 28.1.2012, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 25/56


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2011 — Schenker Customs Agency vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-576/11)

(2012/C 25/109)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Schenker Customs Agency BV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: A. Jansen u J. Biermasz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea mogħtija fis-27 ta’ Lulju 2011 fil-każ REM 01/2010;

tiddeċiedi li r-remissjoni tad-dazji mħallsa a posteriori hija fondata.

Motivi u argumenti prinċipali

Bejn id-19 ta’ Frar 1999 u d-19 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti ppreżentat f’isimha stess, bħala aġent tad-dwana, 52 dikjarazzjoni għat-tpoġġija fis-suq tal-glifosat. It-Tajwan huwa msemmi bħala l-pajjiż li minnu oriġinaw id-dikjarazzjonijiet kollha. Wara investigazzjoni li twettqet mill-OLAF, irriżulta li l-glifosat iddikjarat ma kienx joriġina mit-Tajwan, iżda miċ-Ċina. Minħabba dan il-fatt, dazji antidumping mitluba mill-awtoritajiet doganali Olandiżi huma dovuti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet b’mod żbaljat li r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinitx ġustifikata.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-talba tardiva tad-dażji u l-fatt li Schenker ma setgħetx tipproċedi bid-dikjarazzjonijiet skont il-metodu tar-rappreżentazzjoni diretta, huma argumenti li jirrigwardaw l-eżistenza tad-dejn doganali stess. Skont ir-rikorrenti, dawn l-argumenti jistgħu jammontaw għal sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92 (1) u b’hekk kellhom jiġu eżaminati fuq il-mertu.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ oriġini żbaljati mill-Kmamar tal-kummerċ tat-Tajwan ma jistax jammonta għal sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-aġir tagħha f’dan il-każ ma jammontax għal sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni madankollu ma eżerċitatx kontroll effettiv fuq l-investigazzjoni fuq il-frodi u ma kkoordinatx il-każ.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-aġir tal-awtoritajiet Olandiżi ma poġġiex lil Schenker f’sitwazzjoni partikolari. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni Ewropea injorat il-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ma aġixxewx kif kien mistenni, stante li kienu infurmati dwar l-eżistenza ta’ frodi li tirrigwarda l-glifosat importat mit-Tajwan.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ukoll ikkunsidrat b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kinitx uriet li applikat id-diliġenza kollha li wieħed kien jistenna minn aġent tad-dwana u li, għal din ir-raġuni, ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ma hijiex iġġustifikata. Ir-rikorrenti ssostni li ma tistax tiġi akkużata la b’aġir frawdolenti u lanqas b’negliġenza manifesta u hija tirreferi f’dan ir-rigward għad-deċiżjoni tad-Douanekamer tal-Gerechtshof Amsterdam mogħtija fit-18 ta’ Diċembru 2008 (ara l-punt 5.2.3 tad-deċiżjoni).

(6)

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea b’mod żbaljat naqset milli teżamina l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)


Top