EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1169

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE COM(2010) 769 finali

OJ C 318, 29.10.2011, p. 95–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE”

COM(2010) 769 finali

2011/C 318/15

Relatur: is-Sur FARRUGIA

Nhar l-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: It-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE

COM(2010) 769 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'74 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-eżistenza ta’ ġurisdizzjonijiet fiskali differenti fl-UE tqiegħed piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu, jinvestu u joperaw min-naħa għall-oħra tal-fruntiera minħabba t-tassazzjoni doppja u l-irduppjar ta’ rekwiżiti amministrattivi. Dawn il-kundizzjonijiet qed joħolqu impedimenti effettivi għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku u qed ixellfu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE. L-intrapriżi ż-żgħar ta’ spiss jiġu affettwati ħażin b'mod sproporzjonat minn dawn l-impedimenti.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li r-regoli fiskali eżistenti fl-Unjoni mhumiex kapaċi jipprevjenu d-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi differenti u jeliminaw l-ostakoli għal-libertà tal-moviment tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital.

1.3

Sabiex isir rimedju għal dawn il-problemi, il-KESE jirrakkomanda l-azzjonijiet li ġejjin, li huma mmirati lejn it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja u t-titjib tas-semplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali:

it-twaqqif ta’ servizzi ta’ punt ta’ waqfa waħda li bihom iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni, iħallsu t-taxxa u jirċievu ċ-ċertifikati u d-dokumenti meħtieġa għall-użu fl-UE kollha;

is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi applikati għas-sitwazzjonijiet transkonfinali għandha titwettaq fuq bażi bilaterali u multilaterali fl-Istati Membri kollha, inklużi, fost oħrajn, it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja u l-utilizzazzjoni tal-istrumenti amministrattivi sabiex jiġi żgurat it-tħaddim mingħajr xkiel tal-bosta ftehimiet eżistenti dwar it-tassazzjoni doppja;

l-għoti ta’ deċiżjonijiet minn qabel dwar it-tassazzjoni, li jagħtu informazzjoni dwar ir-riżultat tat-taxxa dovuta finalment, li jiġi adattat speċifikament għall-kontribwent individwali;

it-twaqqif ta’ Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali indipendenti li, wara perjodu bikri inizjali jopera taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ewropea b'riżorsi speċifiċi u funzjonijiet mogħtija lilu b'mod ċar, fl-istess ħin tul perjodu ta’ tliet snin għandu jiġi żviluppat f'istituzzjoni b'personalità ġuridika sħiħa skont il-liġi pubblika bl-istatus ta’ Aġenzija ta’ Politika. L-għan tal-Osservatorju huwa li, fuq bażi kontinwa, jinkiseb fehim dettaljat u prattiku dwar l-ostakoli fiskali eżistenti u l-iżvilupp tagħhom. Il-funzjonijiet mogħtija lilu għandhom jinkludu:

l-investigazzjoni tal-ostakoli fiskali hekk kif jiġu rrappurtati miċ-ċittadini tal-UE;

it-twettiq ta’ riċerka sabiex jiġu skoperti ostakoli oħra;

l-investigazzjoni tal-effettività ta’ sforzi kontinwi għat-tneħħija tal-ostakoli;

l-istima tal-effetti fuq iċ-ċittadini tal-UE tal-kwistjonijiet eżaminati mill-Osservatorju;

valutazzjonijiet regolari tal-bidliet fil-politiki fiskali u r-rekwiżiti amministrattivi fi ħdan l-Istati Membri tal-UE sabiex jiġi vvalutat kemm u kif jistgħu jkunu qed jevolvu l-ostakoli fiskali, u biex b'mod speċifiku jiġu enfasizzati u rappurtati d-drabi meta dawn l-ostakoli jibdew jiżdiedu;

l-istudju tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi għall-ibbilanċjar fiskali, li bihom dawk il-ħaddiema li ta’ spiss ibiddlu l-post tax-xogħol tagħhom bejn il-pajjiżi fi ħdan l-UE ikunu jistgħu jħallsu t-taxxa dejjem fl-istess ġurisdizzjoni unika, possibbilment fil-pajjiż fejn il-ħaddiem ikun reġistrat għas-sigurtà soċjali;

jiġi studjat kemm hija effettiva l-armonizzazzjoni fil-kuntest ta’ skemi fiskali speċifiċi bħalma hija l-VAT u l-mod kif l-implimentazzjoni tagħha, jew in-nuqqas tagħhom, qed ikollha impatt fuq id-distorsjonijiet fiskali fi ħdan is-Suq Uniku;

it-twaqqif ta’ gruppi ta’ ħidma ad hoc għall-ġbir tal-informazzjoni u l-proposta ta’ soluzzjonijiet fil-kuntest tal-kwistjonijiet hawn fuq imsemmija;

il-ħruġ ta’ rapporti fuq bażi regolari u ad hoc sabiex jingħataw id-dettalji tar-riżultati tal-ħidma tal-Osservatorju u biex jitressqu rakkomandazzjonijiet għat-tneħħija tal-ostakoli fiskali għas-sitwazzjonijiet transkonfinali.

1.4

F'termini aktar ġenerali, fil-fehma tal-KESE r-responsabbiltà għat-twettiq effiċjenti tal-proċeduri fiskali fis-sitwazzjonijiet transkonfinali m'għandhiex titqiegħed fuq iċ-ċittadin individwali, iżda għandu jkun hemm mekkaniżmi adegwati fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri operattivi jkunu sempliċi u ċari biżżejjed sabiex iċ-ċittadin ikun jista' jlaħħaq magħhom. Filwaqt li jiġi rikonoxxut il-kontribut validu mill-faċilitajiet disponibbli għaċ-ċittadini biex jirrappurtaw l-ostakoli fiskali, l-isforz ta’ politika għat-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli għandu jipprogressa lil hinn minn dan.

1.5

Bil-proposta tiegħu ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-KESE, f'dan l-istadju, qed jiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakoli fiskali iktar milli jindirizza l-kwistjoni iktar ġenerali tal-armonizzazzjoni fiskali. Din tal-aħħar tista' tiġi interpretata bħala waħda mill-kriterji meħtieġa għal Suq Uniku, iżda tista' tkun ukoll f'kunflitt ma’ objettivi fundamentali oħra tal-Unjoni Ewropea.

1.6

It-tneħħija tal-ostakoli fiskali għas-sitwazzjonijiet transkonfinali hija meħtieġa sabiex jiġu rispettati d-drittijiet individwali taċ-ċittadini, tiġi promossa l-kompetittività, b'mod speċjali tal-SMEs, u jiżdiedu l-għarfien u l-bażi tar-riċerka tal-ekonomija Ewropea b'konformità mal-miri tal-UE 2020.

2.   Kuntest

2.1

Il-programm ta’ azzjoni oriġinali taħt l-Att dwar is-Suq Uniku kien immirat lejn it-tneħħija tal-ostakoli kollha relatati mat-taxxa għall-intrapriżi transkonfinali. Il-White Paper tal-1985 pproponiet miżuri li l-mira tagħhom kienet l-eliminazzjoni tal-ostakoli fiskali permezz tat-tneħħija tal-ostakoli relatati mat-taxxi indiretti differenti, iżda dawn il-kwistjonijiet għadhom pendenti. Hemm bżonn votazzjoni unanima sabiex jiġu stabbiliti, jew emendati, miżuri li jinvolvu t-tassazzjoni.

2.2

It-tneħħija tal-ostakoli fiskali fost l-Istati Membri hija msemmija fl-“Istrateġija Ewropa 2020” (1), li tenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-ostakoli fiskali għall-ksib ta’ Suq Uniku li jopera bis-sħiħ.

2.3

Fit-12 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni bbażata fuq kwistjonijiet relatati mat-tneħħija tal-ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE, b'referenza speċifika għad-dħul, il-kapital, u t-taxxa fuq il-wirt, it-taxxa fuq id-dividendi, ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u t-taxxi fuq iċ-ċirkolazzjoni, u t-tassazzjoni fis-suq tal-kummerċ elettroniku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, it-tkabbir fil-moviment tal-oġġetti, is-servizzi u l-kapital qajjem aktar tħassib dwar problemi assoċjati mat-tassazzjoni transkonfinali, kif ġie rrappurtat permezz ta’ inizjattivi bħalma huma s-Servizz ta’ Informazzjoni għaċ-Ċittadini, is-SOLVIT, iċ-Ċentri ta’ Kuntatt Europe Direct, iċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi u s-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (il-EURES). Il-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar fl-implimentazzjoni tal-politiki fiskali ġiet rikonoxxuta wkoll mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fiż-żona tal-euro.

3.2

Il-kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni fiskali relatati ma’ restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità jew restrizzjonijiet oħra mhux ġustifikati jiġu ttrattati l-aktar permezz tar-regoli tat-Trattat tal-UE. Madankollu, is-sistema attwali ma tipproteġix liċ-ċittadini tal-UE mill-problemi varji l-oħra, inklużi l-aċċess limitat għall-informazzjoni fiskali, li huwa meqjus bħala ostakolu maġġuri għas-sitwazzjonijiet transkonfinali (2), it-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tqabbil minħabba strutturi fiskali differenti. Minkejja li huwa rikonoxxut sew li l-armonizzazzjoni fiskali sħiħa la hija mixtieqa u lanqas fattibbli, hemm bżonn miżuri li jnaqqsu l-ostakoli fiskali għall-kummerċ transkonfinali.

3.3

It-tassazzjoni doppja fuq id-dħul hija waħda mill-ostakoli prinċipali għall-attività transkonfinali u tillimita l-funzjonijiet tas-Suq Intern. Ostakoli fiskali oħra huma relatati mal-problemi fil-ksib tal-indennizzi, il-ħelsien mit-taxxi u t-tnaqqis mill-awtoritajiet fiskali barranin. F'ċerti każijiet iċ-ċittadini tal-UE jħallsu taxxi ogħla fuq id-dħul barrani. Id-diskriminazzjoni fil-profitti tal-kapital tippreżenta sfida oħra lill-Istati Membri. Skont is-sistema attwali, l-investituri barranin fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE huma mitluba jħallsu taxxi ogħla mir-residenti. Il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta soluzzjonijiet potenzjali billi l-ewwel tħejji valutazzjoni tal-impatt sabiex tqis il-problemi li ġejjin mill-funzjonament mhux adatt jew insuffiċjenti tal-istrumenti eżistenti għall-ħelsien mit-tassazzjoni doppja, bħat-trattati bilaterali ta’ tassazzjoni doppja kemm fuq id-dħul kif ukoll fuq il-kapital.

3.4

Stati Membri differenti japplikaw regoli differenti tat-taxxa fuq il-wirt filwaqt li l-ftehimiet fiskali bilaterali fost l-Istati Membri huma limitati ħafna. Aktar minn 80 % ta’ dawn l-Istati Membri għandhom taxxa fuq il-wirt filwaqt li l-bqija adottaw taxxa fuq l-assi. Il-Kummissjoni bdiet proċess ta’ konsultazzjoni, u dalwaqt ser tipproponi kif l-Istati Membri jistgħu jfasslu sistemi ta’ taxxa fuq il-wirt mhux diskriminatorji u biex jagħmlu l-mekkaniżmi ta’ ħelsien mit-taxxa aktar komprensivi sabiex inaqqsu kemm jista' jkun l-ostakoli tat-taxxa fuq il-wirt transkonfinali.

3.5

It-taxxi fuq il-pagamenti tad-dividendi ġeneralment jitħallsu fiż-żewġ Stati Membri fejn ikunu involuti s-sitwazzjonijiet transkonfinali. Dan iqajjem problemi fir-rigward tat-tassazzjoni doppja ekonomika u ġuridika kif ukoll għal problemi ta’ rimborż fiskali, b'mod partikolari meta jkunu involuti diversi saffi ta’ tassazzjoni. Il-Kummissjoni qed tfassal valutazzjoni tal-impatt li minnha ser tinsilet inizjattiva biex issolvi l-problemi tat-tassazzjoni transkonfinali li jinħolqu meta d-dividends jitħallsu b'mod transkonfinali lill-investituri b'portafoll.

3.6

Il-ħtieġa għas-semplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-vetturi u t-taxxi taċ-ċirkolazzjoni fl-UE, li tinsab f'Direttiva (3) proposta mill-Kummissjoni fl-2005, għandha l-għan li gradwalment tneħħi t-taxxi fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi filwaqt li tiġi applikata sistema ta’ rimborż. Madankollu, għad m'hemm l-ebda ftehim unanimu dwar dan, u din il-kwistjoni qed terġa' tiġi vvalutata.

3.7

Ir-riċerka uriet li madwar 60 % tal-konsumaturi tal-UE jkollhom il-problemi meta jixtru oġġetti u servizzi onlajn min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (4). Il-kwistjonijiet tal-VAT huma wieħed mill-ostakoli fiskali li jiskoraġġixxu lill-intrapriżi milli jbiegħu l-prodott tagħhom fi Stati Membri barranin. Id-disponibbiltà ta’ punt ta’ waqfa waħda ffaċilitat il-kummerċ f'dan ir-rigward u t-tħeġġiġ għal applikazzjoni usa' ta’ din il-faċilità huwa meqjus bħala prijorità (5). Bħalissa għaddejja konsultazzjoni dwar din il-kwistjoni fil-forma ta’ Green Paper (6).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-ostakoli fiskali qed ifixklu t-twettiq tal-iskop prinċipali tas-Suq Unika, jiġifieri l-libertà tal-moviment tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital.

4.2

L-aċċess imtejjeb u informazzjoni aħjar huma kruċjali għall-governanza tajba fil-politika fiskali. Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument – “Il-Promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” (7) – fejn kienet qalet li l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa twassal għal kooperazzjoni amministrattiva mtejba u b'hekk għal relazzjonijiet ekonomiċi aħjar. Dan jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri filwaqt li jippromovi l-ftehimiet bilaterali.

4.3

Fejn għadha teżisti t-tassazzjoni doppja, il-pajjiżi għandhom jitħeġġu jneħħuha b'modi komprensivi li jqisu kull forma ta’ tassazzjoni. Fejn diġà jeżistu l-ftehimiet għat-tneħħija tat-tassazzjoni doppja, għandhom jiġu implimentati arranġamenti speċifiċi (pereżempju arbitraġġ vinkolanti) sabiex ikun żgurat li ftehimiet bħal dawn jaħdmu sew. Barra minn hekk, huwa importanti li kwalunkwe sistema fiskali addizzjonali li jkun hemm fil-proċess ta’ implimentazzjoni tiġi eżaminata sabiex iċ-ċittadini tal-UE jiġu salvagwardjati minn elementi ġodda ta’ tassazzjoni doppja.

4.4

F'dan l-ispirtu, l-KESE jipproponi erba' miżuri bħala soluzzjoni għall-problemi tat-tassazzjoni doppja filwaqt li tittejjeb is-semplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali. Dawn il-miżuri huma: (i) it-twaqqif ta’ servizzi ta’ punt ta’ waqfa waħda; (ii) is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; (iii) l-għoti ta’ deċiżjonijiet fiskali minn qabel; u (iv) it-twaqqif ta’ eżerċizzju ta’ Osservatorju tat-tassazzjoni transkonfinali.

4.5

Il-punti ta’ waqfa waħda kif inhuma meqjusa f'dan id-dokument ikollhom żewġ għanijiet prinċipali. L-ewwel wieħed hu li jservu bħala ċentri ta’ informazzjoni fejn iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa relatata mat-tassazzjoni f'forma diretta, aċċessibbli u rilevanti. Il-KESE jipproponi wkoll it-tieni funzjoni għal dawn il-punti ta’ waqfa waħda, li jservu bħala punt ta’ servizz għaċ-ċittadini li jkollhom iħallsu t-taxxa billi joffru servizzi estiżi li jinkludu l-għoti ta’ ċertfikati u dokumentazzjoni relatati mat-tassazzjoni.

4.6

Sabiex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw l-għajnuna biex ikunu jistgħu jadattaw għar-regoli attwali u potenzjali futuri jeħtieġ li l-proċeduri amministrattivi attwali jiġu semplifikati. Din il-miżura tirreferi b'mod partikolari għall-ftehimiet dwar it-tassazzjoni doppja. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tas-sistemi fiskali li jiffokaw fuq l-għoti ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa minn qabel, li jkunu adattati għall-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sitwazzjonijiet individwali, hija mezz effiċjenti biex tittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri fiskali għaċ-ċittadini tal-UE u biex ikun hemm inqas inċertezza involuta fis-sitwazzjonijiet transkonfinali kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-kumpaniji.

4.7

Fl-aħħar nett, permezz ta’ dan id-dokument, il-KESE qed jippromovi b'mod attiv it-twaqqif ta’ eżerċizzju ta’ Osservatorju relatat mal-ostakli għas-sitwazzjonijiet transkonfinali. Din l-inizjattiva hija meqjusa kruċjali għall-analiżi, fuq bażi frekwenti, tal-ostakoli attwali u potenzjali futuri li jinbtu mill-politiki fiskali u tal-effikaċja ta’ tali politiki fit-tneħħija tal-ostakoli. Ir-riżultati li joħorġu mir-riċerka u l-investigazzjonijiet regolari f'dan ir-rigward ser jiġu ppubblikati f'rapporti regolari flimkien ma’ proposti relatati mat-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli fiskali. L-Osservatorju jista' juża diversi sorsi biex jidentifika l-ostakoli, inklużi l-istrumenti disponibbli bbażati fuq ir-rappurtar miċ-ċittadini, kif ukoll permezz tat-twettiq ta’ riċerka speċifika. Wieħed mill-elementi importanti tal-funzjoni tar-rappurtar mill-Osservatorju jkun li jivvaluta l-implikazzjonijiet ta’ tali ostakoli għas-sigurtà soċjali, għaċ-ċittadini b'mod ġenerali, għall-kummerċ u għall-kategoriji speċifiċi fi ħdanhom.

4.8

L-implimentazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ Osservatorju tiżgura li l-politiki fiskali li qed jiġu implimentati jkunu effettivi fil-prattika, speċjalment fir-rigward tal-mobbiltà tal-impjieg. B'mod partikolari, l-Osservatorju jingħata mandat biex jistudja sistema li permezz tagħha l-ħaddiema li jibdlu l-impjieg minn pajjiż għal ieħor fuq bażi frekwenti jħallsu t-taxxi f'ġurisdizzjoni waħda, preferibbilment fil-pajjiż fejn il-ħaddiem ikun reġistrat għas-sigurtà soċjali. Din l-hekk imsejħa sistema ta’ “Bilanċjar Fiskali” tista' titħaddem permezz ta’ kmamar ta’ kumpens (clearing houses) li jitwaqqfu speċifikament għal dan il-għan, jew f'kumpaniji privati jew bħala parti minn istituzzjonijiet pubbliċi. L-Osservatorju jintalab jagħmel analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji f'dan ir-rigward, u biex iressaq rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar approċċi għall-implimentazzjoni ta’ tali sistemi f'kuntest differenti.

4.9

Barra minn hekk, l-Osservatorju għandu jwettaq studji dwar l-aħjar livell ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tas-sistemi fiskali speċifiċi bħall-VAT, li jippermettu analiżi iktar dettaljata assoċjata mal-impatt tad-distorsjoni tat-taxxa fuq l-elementi prinċipali tas-Suq Uniku. Fi ħdan l-Osservatorju jitwaqqfu gruppi ta’ ħidma ad hoc biex jistudjaw problemi u kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jinħolqu minn żmien għal żmien u biex jipproponu soluzzjonijiet għalihom.

4.10

Fil-fehma tal-KESE l-proċeduri semplifikati jtejbu l-effiċjenza billi l-proċess tal-ksib tal-informazzjoni u kif jinfehmu r-regoli jsir iktar ċar u faċli li jinftiehem miċ-ċittadini tal-UE. Għandha tkun disponibbli informazzjoni adatta biex iċ-ċittadini jingħataw appoġġ aħjar biex jissodisfaw l-obbligu legali li jħallsu t-taxxi dovuti kif suppost.

4.11

Fl-istess ħin, il-KESE jemmen ħafna li għandha tintuża kull opportunità li joffru dawn il-miżuri biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa.

4.12

Il-bżonn li jiġi stabbilit l-Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali huwa urġenti billi hemm evidenza sostanzjali li, mingħajr azzjoni immedjata, il-problema ser tkompli tikber b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali iktar serji iktar milli tonqos. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel nett l-Osservatorju jiġi stabbilit u jopera taħt il-partoċinju tal-Kummissjoni. Huwa rakkomandat li l-Kummissjoni tassenjalu l-awtorità u r-responsabbiltajiet u r-riżorsi speċifiċi li jippermettulu jwettaq il-funzjonijiet delegati lilu b'mod effettiv u kif definit f'din l-opinjoni. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li mill-iktar fis possibbli, l-Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali jiġi stabbilit bħala Aġenzija ta’ Politika b'personalità ġuridika sħiħa taħt il-liġi pubblika. Dan l-istatus legali jiżgura li l-Osservatorju jista' jkun kompletament indipendenti u jopera mingħajr kwalunkwe preġudizzju. Bħala Aġenzija ta’ Politika, l-Osservatorju jikkwalifika għall-allokazzjoni ta’ riżorsi speċifiċi neċessarji biex iwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu.

4.13

Hemm bżonn li tingħata attenzjoni lit-tneħħija tal-ostakoli fiskali irrispettivament mid-deċiżjonijiet rigward l-armonizzazzjoni fiskali. Din tal-aħħar tista' titqies teoretikament bħala waħda mill-kriterji meħtieġa għal Suq Uniku, tal-inqas fil-qasam tat-taxxa indiretta, iżda fil-prattika hija għan ta’ sfida kbira li, barra minn hekk, tista' tkun ukoll f'kunflitt mal-objettivi fundamentali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, huwa iktar u iktar importanti li ssir enfasi fuq it-tneħħija tal-ostakoli fiskali għas-sitwazzjonijiet transkonfinali sabiex isir kontribut għat-twettiq tal-għanijiet tas-Suq Uniku. L-isforzi mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakoli fiskali għan-negozju transkonfinali huma meqjusa li jikkomplementaw u jiġu kkomplementati minn għadd ta’ inizjattivi importanti fis-seħħ, mhux tal-inqas dawk li jirrigwardaw il-proċess tal-UE 2020 u s-Small Business Act.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 2020 finali.

(2)  COM(2010) 769 finali.

(3)  COM(2005) 261 finali.

(4)  COM(2009) 557 finali u SEC(2009) 283 finali.

(5)  Fl-2004 l-Kummissjoni proponiet sistema ta’ “post ta’ waqfa waħda” (COM(2004) 728) li jippermetti li jintlaħqu ċerti obbligi ta’ rappurtar fl-Istati Membri fejn ikun stabbilit in-negozju. Madankollu, il-proposta s'issa għadha ma ġietx adottata.

(6)  COM(2010) 695 finali.

(7)  COM(2009) 201 finali.


Top