EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0279

Kawża T-279/11: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Mejju 2011 — T&L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni

OJ C 232, 6.8.2011, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/33


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2011 — T&L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-279/11)

(2011/C 232/60)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: T&L Sugars Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda (Santa Iria de Azóia, il-Portugall) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263(4) TFUE kontra r-Regolament Nru 222/2011, ir-Regolament Nru 293/1022, ir-Regolament Nru 302/2011 u r-Regolament Nru 393/2011 bħala ammissibbli u fondat, u/jew tiddikjara li l-eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra r-regolamenti inkwistjoni hija ammissbbli u fondata;

tannulla r-Regolament Nru 222/2011 li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2010/2011;

tannulla r-Regolament Nru 293/2011 li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijiet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed;

tannulla r-Regolament Nru 302/2011 li jiftaħ kwota tariffarja eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta' zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011; u

tannulla r-Regolament Nru 393/2011 li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mill-1 sas-7 ta’ April 2011 għal prodotti taz-zokkor fil-kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji;

sussidjarjament, tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikoli 186(a) u 187 tar-Regolament 1234/2007 ammissibbli u fondata u tiddikjara dawn id-dispożizzjonijiet illegali, kif ukoll tannulla r-regolamenti kkontestati, li huma bbażati direttament jew indirettament fuq dawn id-dispożizzjonijiet;

tikkundanna lill-UE kif irrappreżentata mill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni sostnuti mir-rikorrenti bħala riżultat tal-ksur tal-Kummissjoni tal-obbligi legali tagħha u tiffissa l-ammont ta’ dan il-kumpens għad-danni sostnuti mir-rikorrenti matul il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2009 sal-31 ta’ Marzu 2011 għal EUR 35 485 746 flimkien mat-telf kurrenti sostnut mir-rikorrenti wara din id-data jew kull ammont ieħor li jirrifletti d-danni sostnuti jew li jiġu sostnuti mir-rikorrenti kif jiġu stabbiliti ulterjorment minnhom matul din il-proċedura speċjlament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni debitament danni futuri;

tordna l-ħlas tal-interessi fuq l-ammont prinċipali dovut, mid-data tas-sentenza tal-Qorti sakemm isir il-ħlas effettiv, bir-rata stabbilita dak iż-żmien mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, biż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali, jew bi kwalunkwe rata xierqa oħra li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1234/2007 (1) u fuq nuqqas ta’ bażi legali xierqa. Bi ksur tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-Regolament Nru 222/2011 ikkontestat iżid effettivament il-kwoti ta’ produzzjoni mogħtija lil produtturi domestiċi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandiex dan it-tip ta’ poter u hija inkarigata espressament sabiex tnaqqas il-kwoti ta’ produzzjoni. Madankollu, sabiex jinkiseb riżultat ekwivalenti, u minkejja l-obbligu legali tal-Kummissjoni li timponi imposta dissważiva fuq l-ammont żejjed, ir-Regolament Nru 222/2011, illegalment, jistabbilixxi għal EUR 0 l-imposta fuq l-ammont żejjed fuq zokkor ’il fuq mill-kwota. Barra minn hekk, sabiex jiġi kkoreġut it-taqlib fis-suq ikkawżat minn tnaqqis fl-importazzjonijiet, kemm ir-Regolament Nru 222/2011 kif ukoll ir-Regolament Nru 302/2011 jinjoraw il-prijorità li r-Regolament Nru 1234/2007 jagħti lill-miżuri ta’ importazzjoni u lir-raffinaturi full-time.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li minkejja l-identiċità bejn iz-zokkor tal-kannamiela u z-zokkor mill-pitravi, ir-regolamenti kkontestati jiffavorixxu l-produtturi domestiċi bi ħsara għar-raffinaturi li jimportaw.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-regolamenti kkontestati jimmiraw biex jirrispondu għal nuqqasijiet fis-suq taz-zokkor tal-UE kkawżati minn defiċit ta’ zokkor tal-kannamiela mhux irraffinat importat. Madankollu, minflok ma solvew il-problema billi awtorizzaw l-importazzjonijiet neċessarji taz-zokkor tal-kannamiela mhux irraffinat, żiedu l-possibbiltajiet għall-produzzjoni domestika taz-zokkor. Għaldaqstant, dawn ir-regolamenti huma manifestament mhux xierqa u sproporzjonati.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żgurat ripetutament li ma kinitx ser iżżid il-kwota ta’ produzzjoni u kienet ser iżżomm bilanċ bejn il-partijiet ikkonċernati. Madankollu, kjarament, ir-regolamenti kkontestati ġew imfassla b’tali mod li jiffavorixxu l-produzzjoni domestika bi ħsara għar-raffinaturi li jimportaw.

(5)

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, naqset għalkollox milli taġixxi, minkejja li kienet ġiet avżata ripetutament li kien ser kien ikun hemm taqlib fis-suq u fit-tieni lok, adottat miżuri manifestament mhux xierqa sabiex jirrispondu għal dan it-taqlib, u b’hekk ħassret il-bilanċ li kien ġie stabbilit mill-Kumsill bejn l-operaturi differenti tas-suq.

Ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi għal annullament msemmija hawn fuq anki kontra r-Regolament Nru 222/2011 u r-Regolament Nru 302/2011 insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità abbażi tal-Artikolu 277 TFUE. Sussidjarjament, ir-rikorrenti iqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu TFUE anki kontra l-Artikoli 186a u 187 tar-Regolament Nru 1234/2007, li fuqhom huma bbażati r-regolamenti kkontestati


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).


Top