EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0273

Kawża T-273/11: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Mejju 2011 — Régie Networks u NRJ Global vs Il-Kummissjoni

OJ C 226, 30.7.2011, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/27


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2011 — Régie Networks u NRJ Global vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-273/11)

2011/C 226/55

Lingwa tal-kawża: il-Franċiz

Partijiet

Rikorrenti: Régie Networks (Lyon, Franza) u NRJ Global (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: B. Geneste u C. Vannini, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 6483 finali, tad-29 ta’ Settembru 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna C 4/09 (ex N 679/97) li Franza implementat għax-xandir bir-radju (ĠU L 61, p. 22);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2008, C-333/07, sa fejn il-Kummissjoni ma osservatx il-kunsiderazzjonijiet rilevanti u d-dispożittiv tas-sentenza, meta matul eżami mill-ġdid tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ma applikatx il-metodu ta’ finanzjament tagħha li kien indikat lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi dwar ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni iddisassoċjat b’mod artifiċjali l-metodu ta’ finanzjament illegali mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, filwaqt li fid-deċiżjoni tagħha ta’ bidu ta’ proċeduri kontradittorji tas-16 ta’ Settembru 2009, hija ddikjarat li l-illegalità tat-taxxa kellha bħala konsegwenza l-illegalità, neċessarja u immedjata, tal-imsemmija skema ta’ għajnuna fl-intier tagħha.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn l-illegalità tat-taxxa li tiffinanzja din l-iskema ta’ għajnuna, minħabba li l-metodi fuq bażi temporali tagħha jmorru kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun stabbilita. Ir-rikorrenti jsostnu li r-rimbors parzjali, ordnat bid-deċiżjoni kkontestata, ma jibdilx in-natura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ma jattribwixxilhiex natura konformi mat-Trattat b’mod retroattiv.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ma spjegatx kif il-kundizzjonijiet imposti fid-deċiżjoni kienu tali li jagħmlu l-iskema kompatibbli minkejja l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-metodu ta’ finanzjament.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li, meta għażlet li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli u imponiet kundizzjonijiet retroattivi minflok ma sempliċement ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, filwaqt li eżentat lir-Repubblika Franċiża milli tipproċedi bl-irkupru tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarji, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(6)

Is-sitt motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura u fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, sa fejn fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tat deċiżjoni kundizzjonali filwaqt li, mhux biss id-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna ma tneħħewx iżda l-Kummissjoni kisbet il-konvinzjoni li l-iskema kienet inkompatibbli. Hija kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 569/1999 u għaldaqstant, wettqet użu ħażin ta’ proċedura.


Top