EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0065
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a European Parliament and Council Regulation — Regulation (EU) No …/2010 of the European Parliament and of the Council on the approval and market surveillance of two- or three-wheel vehicles and quadricycles COM(2010) 542 final — 2010/0271 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD)
OJ C 84, 17.3.2011, p. 30–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 84/30 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli
COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD)
2011/C 84/06
Relatur: Is-Sur RANOCCHIARI
Nhar il-5 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill, u fid-19 ta’ Ottubru 2010, il-Parlament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – Ir-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli
COM(2010) 542 finali – 2010/0271 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Diċembru 2010.
Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tad-19 ta’ Jannar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet l-Ewropa fl-2008 laqtet ukoll is-settur tal-muturi. Matul il-perijodu mill-aħħar tliet xhur tal-2008 sal-aħħar tliet xhur tal-2010, is-suq tal-UE naqas b’33 %, b’effetti negattivi fuq l-impjiegi. |
1.2 |
Minkejja s-sitwazzjoni preżenti, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-regolament propost mill-Kummissjoni Ewropea, li jindirizza fost affarijiet oħra żewġ kwistjonijiet sensittivi bħas-sikurezza fit-toroq u l-ambjent, li għalihom ilha mistennija inizjattiva leġislattiva. |
1.3 |
Vetturi tal-kategorija “L” (1) jaqdu wkoll rwol soċjali billi jipprovdu aċċess għall-mobilità, jgħinu jnaqqsu l-konġestjoni fil-bliet u joffru alternattivi f’żoni rurali fejn it-trasport pubbliku huwa nieqes sew. |
1.4 |
Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni lil-limitar taż-żjieda globali fl-ispejjeż għall-konsumatur li joriġinaw mill-bidliet proposti, b’mod partikulari għal prodotti iżgħar li huma orjentati lejn il-mobilità, sabiex jiġi evitat li s-suq jintlaqat iktar minn effetti negattivi. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li r-regolament għandu jipprevedi li jingħata biżżejjed żmien minn qabel biex jiġu implimentati l-miżuri proposti, assoċjat ma’ iktar flessibilità fis-soluzzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu applikati għal vetturi iżgħar, sabiex dawn jibqgħu bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumatur. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li tindirizza diversi kwistjonijiet relatati mal-approvazzjoni tat-tip u mas-sorveljanza tas-suq fis-settur tal-muturi. Din il-proposta tant mistennija tipprovdi lis-settur tal-muturi bil-kapaċità neċessarja li jagħraf il-ħtiġiet tal-futur qarib għall-produzzjoni ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (vetturi tal-kategorija “L”). |
2.2 |
Filwaqt li bħalissa qed tapplika l-istandards ambjentali għall-vetturi tal-kategorija “L” li jmorru lura għall-2006 (2), il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tkompli bil-progress li qed isir fl-introduzzjoni progressiva tul dan id-deċennju tal-istadji l-ġodda tal-Euro. Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-vetturi, billi t-titjib fis-sikurezza tal-motoċiklisti fit-triq huwa fost l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2011-2020 (3). |
2.3 |
Kif diġà ssemma f’opinjoni preċedenti tal-KESE (4), l-industrija tal-vetturi b’żewġ roti motorizzati (PTW: powered two-wheeler industry) għandha rwol importanti fl-UE f’termini ta’ ekonomija u impjiegi. 90 % tal-produzzjoni Ewropea ssir minn madwar mitt manifattur ta’ daqs medju-kbir u medju-żgħir, li joperaw f’diversi pajjiżi tal-UE (l-iktar l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, Spanja u l-Awstrija, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u l-Isvezja), kif ukoll in-Norveġja u l-Isvizzera. L-10 % l-oħra tal-produzzjoni Ewropea hija maqsuma bejn għadd ta’ manifatturi ta’ daqs żgħir jew żgħir ħafna. Id-dħul medju ta’ EUR 8 miljun jirrifletti l-għadd sostanzjali ta’ SMEs. Fl-2007, is-settur tal-manifattura kien qed iħaddem 25 000 ruħ, filwaqt li ġie stmat li l-għadd ta’ persuni impjegati fis-settur kollu tal-muturi (inklużi l-manifattura, d-distribuzzjoni u l-manutenzjoni tal-komponenti) kien jammonta għal madwar 150 000. |
2.4 |
Is-sitwazzjonijiet tal-manifatturi jvarjaw ħafna: xi operaturi globali huma attivi fl-oqsma kollha (muturi għal użi varji b’kapaċitajiet ċilindriċi varji, skuters b’kapaċitajiet ċilindriċi varji, mopeds, muturi b’żewġ jew tliet roti) jew f’oqsma speċjalizzati ħafna, filwaqt li oħrajn joperaw negozji mxerrdin fil-pajjiż kollu jew anki negozji lokali li kultant ixaqilbu lejn negozji tas-snajja’ f’termini ta’ daqs u proċessi ta’ produzzjoni. |
2.5 |
Is-settur intlaqat mill-kriżi fl-aħħar tliet xhur tal-2008, u l-effetti negattivi tat-tnaqqis fid-domanda nħassu fis-settur kollu, b’konsegwenzi serji kemm għall-istruttura kif ukoll għall-impjiegi (tnaqqis ta’ 31 % fid-domanda li wassal għal tnaqqis ta’ 35 % fid-dħul u l-ordnijiet, b’effetti negattivi fuq l-impjiegi). Bejn l-aħħar tliet xhur tal-2008 u l-aħħar tliet xhur tal-2010, is-suq tal-UE kellu tnaqqis ta’ 33 %. Dan it-tnaqqis fid-domanda rriżulta wkoll fi tnaqqis fid-dħul u fl-ordnijiet, u kkawża effetti negattivi fuq l-impjiegi fis-settur tal-produzzjoni (l-iktar minħabba inqas xogħol staġjonali, tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u kumpens għat-tkeċċija) kif ukoll għall-fornituri ta’ qabel u għall-bejgħ, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ wara (stima ta’ 25 % tal-forza tax-xogħol, l-2010 fuq l-2007) (5). Dan huwa l-isfond li fih ġiet adottata l-proposta tal-KE COM(2010) 542, u li l-KESE jixtieq iqis huwa u jfassal l-opinjoni tiegħu. |
3. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea
3.1 |
Fl-4 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposta għal regolament dwar “l-approvazzjoni u s-sorveljanza fis-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli”. Din il-proposta tuża “l-approċċ b’livelli differenti”, filwaqt li r-regolament qafas – li dwaru bħalissa l-KESE qed jikkummenta – għaddej minn proċedura ta’ kodeċiżjoni, u għandu jiġi segwit minn erba’ regolamenti ta’ komitoloġija (atti delegati), sal-2012:
Il-KE għandha l-intenzjoni li tapplika l-pakkett kollu mill-1 ta’ Jannar 2013. |
3.2 |
Il-KESE jilqa’ dan l-approċċ leġislattiv, li għandu l-għan li jtejjeb progressivament il-prestazzjoni ambjentali u jżid l-elementi ta’ sikurezza fil-vetturi, kif ukoll li tinkiseb simplifikazzjoni fil-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-kategorija “L”, li għalihom qed jiġu introdotti sottokategoriji ġodda. Simplifikazzjoni bħal din se tirriżulta fir-revoka ta’ 13-il direttiva u fl-applikazzjoni ta’ Regolamenti tal-UNECE (6), kull meta jkun possibbli. Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja l-enfasi li qed terġa’ tibda titpoġġa fuq is-sorveljanza tas-suq, liema sorveljanza hija meħtieġa biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali kif ukoll biex il-konsumaturi jiġu protetti minn prodotti mhux konformi, l-iktar dawk li joriġinaw mix-Xlokk tal-Asja. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jevalwa b’mod pożittiv il-proposta tal-KE fit-totalità tagħha, b’mod partikulari n-natura progressiva fejn jirrigwarda d-data ta’ applikazzjoni, iżda madankollu ċerti aspetti għad iridu jiġu diskussi mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tinkiseb leġislazzjoni bbilanċjata sew b’miżuri ta’ benefiċċju f’sens ta’ nfiq, speċjalment fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur u l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali. |
4.2 |
Fl-opinjoni tal-KESE, l-ewwel punt li għandu jingħata attenzjoni huwa l-kalendarju għall-introduzzjoni tal-karatteristiċi ġodda tal-vetturi, li għandu jipprovdi lill-manifatturi biżżejjed żmien minn qabel biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet differenti, ladarba l-kontenut kollu tar-regolament kif ukoll l-atti delegati jkunu ġew approvati. Ladarba l-atti delegati mhumiex mistennija jiġu ffinalizzati qabel tmiem l-2012, il-KESE jemmen li d-data ta’ applikazzjoni għall-pakkett kollu għandha tibda mill-1 ta’ Jannar 2014, biex il-manifatturi u l-fornituri tal-komponenti jingħatalhom iż-żmien ta’ introduzzjoni meħtieġ. Dan iż-żmien ta’ introduzzjoni huwa meħtieġ għall-manifatturi biex ikollhom viżibilità biżżejjed dwar ir-rekwiżiti l-ġodda, u flimkien mal-fornituri tal-komponenti jiżviluppaw soluzzjonijiet adatti sabiex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet proposti. |
4.3 |
Ir-rekwiżiti l-ġodda mbagħad iridu jiġu implimentati waqt il-produzzjoni, bi spiża raġjonevoli għall-konsumatur. Dan huwa partikularment importanti fis-sitwazzjoni ekonomika attwali. Iż-żjieda addizzjonali fil-perċentwal tal-ispiża għall-konsumatur, li tiġi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti ambjentali u ta’ sikurezza proposti mir-regolament, hija stmata (7) li ddur bejn +5 % u +10 % għall-ogħla kategoriji tas-suq (muturi ’l fuq minn 750cc) u sa +30 % għall-kategoriji l-iktar baxxi tas-suq (muturi taħt it-300cc). Din iż-żjieda ta’ +30 % tidher sproporzjonata u hemm ir-riskju li toħloq limiti fuq il-propensità għax-xiri tal-konsumaturi, bil-konsegwenza li jkollok flotta ta’ vetturi iktar antiki, b’effetti negattivi fuq l-ambjent u s-sikurezza, kif ukoll fuq l-industrija, l-impjiegi u s-soċjetà. F’termini ta’ volum, iktar minn 80 % tar-reġistrazzjonijiet fl-UE huma għal muturi ta’ kalibru żgħir jew medju. Wieħed għandu jinnota li vetturi taħt it-300cc jirrappreżentaw żewġ terzi tar-reġistrazzjonijiet tal-UE, ħafna minnhom ħaddiema urbani li jridu jivvjaġġaw bil-mutur sal-post tax-xogħol, u b’hekk qed jipprovdu mobilità soċjali u professjonali. |
4.4 |
Mil-lat ambjentali, il-proposta tal-KE għal kalendarju għall-introduzzjoni tal-istadji ambjentali l-ġodda tat-tip Euro ntlaqgħet tajjeb, madankollu l-KESE jinnota li t-teknoloġija ibrida tidher li ġiet ippenalizzata sa ċertu punt bl-allinjament tagħha mal-valuri limitu tad-diżil, meta l-karburant użat bħalissa minn dawn il-vetturi huwa l-petrol. |
4.5 |
Mil-lat tas-sigurtà, il-KESE jilqa’ l-approċċ leġislattiv għal sistemi avvanzati ta’ brejkijiet fil-muturi, iżda jisħaq (8) fuq il-ħtieġa li l-effiċjenza f’sens ta’ nfiq tas-sistemi differenti tiġi vvalutata kif suppost, abbażi tal-prodotti differenti u l-modi ta’ użu tagħhom. Il-KESE jappoġġja approċċ newtrali f’termini teknoloġiċi fil-qasam tas-sistemi avvanzati ta’ brejkijiet, biex jipprovdi lill-manifatturi bil-flessibbiltà meħtieġa u biex iħeġġeġ l-innovazzjoni, fl-interess tal-konsumatur. |
4.6 |
Filwaqt li l-KESE jappoġġja d-dati tal-applikazzjoni proposti għad-dispożizzjonijiet differenti għal approvazzjonijiet tat-tip ġodda, jidher li huwa meħtieġ żmien addizzjonali għal vetturi rreġistrati skont approvazzjoni tat-tip li diġà jeżisti, minħabba l-kumplikazzjonijiet u l-piż tal-ispejjeż żejda marbutin mal-adattament tagħhom. |
4.7 |
Il-KESE jappoġġja wkoll il-livell ogħla ta’ attenzjoni mogħti lill-miżuri kontra l-manipulazzjoni mhux awtorizzata fuq vetturi li għandhom limitazzjonijiet legali fuq il-prestazzjoni dinamika tagħhom u lid-dispożizzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq, sabiex jiġi evitat li jidħlu fis-suq tal-UE vetturi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet dwar approvazzjoni tat-tip. F’dawn l-oqsma l-Istati Membri wkoll se jkollhom rwol ewlieni, permezz ta’ kontrolli regolari li jsiru fuq il-flotta ta’ vetturi u l-punt tad-distribuzzjoni. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Fl-Artikolu 2(2)(g), il-“vetturi li huma maħsuba primarjament għall-użu mhux fit-triq u ddiżinjati biex jimxu fuq uċuħ bla tarmak” ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-KE. Dan jikkawża problema għall-produzzjoni attwali ta’ vetturi ta’ prova u vetturi magħrufa bħala enduro, li sa issa kienu koperti bil-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip, u jikkawża wkoll inċertezza minħabba l-interpretazzjoni soġġettiva tal-esklużjoni ta’ vetturi oħra f’xifer il-limitu. Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-vetturi ta’ prova u dawk magħrufa bħala enduro (9) jinżammu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip, anke biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-ambjent, u l-fatt li jintużaw rekwiżiti ċari biex jiġu inklużi l-eżenzjonijiet mis-sistemi avvanzati ta’ brejkijiet meħtieġa minħabba l-kondizzjonijiet ta’ użu speċifiċi tagħhom. |
5.2 |
Il-KESE jilqa’ wkoll it-tneħħija tal-limitu fakultattiv ta’ 74 kW, li bħalissa jintuża biss fi Stat Membru wieħed tal-UE, liema tneħħija tappoġġja l-għanijiet tal-ikkompletar tas-suq intern tal-UE. |
5.3 |
Il-KESE jiddubita mill-proporzjonalità tad-dispożizzjoni li tirrikjedi l-użu ta’ Sistema Dijanjostika ta’ Abbord fuq mopeds tat-tip L1 u L2, billi l-implikazzjonijiet tekniċi assoċjati mal-miżura għandhom prezz sproporzjonat meta mqabbel mal-prezz baxx għax-xiri ta’ dawn il-vetturi (madwar EUR 1 000). Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol soċjali li l-mopeds joffru, fir-rigward tal-aċċess għal mobbiltà, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjiegi, liż-żgħażagħ u lil gruppi soċjali tal-popolazzjoni li għalihom dawn il-vetturi jirrappreżentaw l-unika forma finanzjarjament aċċessibbli ta’ mobbiltà privata, fil-bliet u b’mod partikolari f’żoni rurali fejn il-mezzi alternattivi ta’ trasport pubbliku huma skarsi. |
5.4 |
Il-KESE jinnota li l-limiti għal “serje żgħira” tnaqqsu mil-limitu ta’ vetturi applikabbli bħalissa, jiġifieri dak ta’ 200, għal 100 (L4e, L5Be, L6Be, L7Be), 50 (L5Ae) u anki 20 (L1Ae, L1Be, L2e, L6Ae, L7Ae). Il-KESE huwa tal-opinjoni li dawn il-limiti huma baxxi wisq kif ukoll li mhumiex prattiċi għall-ammont kbir ta’ SMEs involuti fis-settur; il-KESE għalhekk jipproponi li jinżamm il-limitu ta’ vetturi applikabbli bħalissa, jiġifieri dak ta’ 200, sabiex dawn l-SMEs ikunu jistgħu jingħataw xi eżenzjonijiet limitati mir-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tat-tip li mhumiex finanzjarjament aċċessibbli mil-lat ekonomiku għal negozji żgħar bħalhom. |
5.5 |
Il-KESE jemmen li l-massa massima proposta għal kwadriċikli tat-tip L6e u L7e fl-Anness I hija prematura. Filwaqt li l-massa massima jidher li baqgħet l-istess, issa qed tissejjaħ il-massa fl-istat operattiv. Dan mhux biss huwa minnu nnifsu aktar sever, iżda saħansitra ma jiħux inkonsiderazzjoni l-impatt tal-piż addizzjonali tal-ħtiġiet l-ġodda proposti fl-Anness II, b’mod partikolari, iżda mhux biss f’dak li jirrigwarda l-“istrutturi protettivi ta’ quddiem u ta’ wara”. Ladarba l-karatteristiċi tekniċi ta’ dawn il-ħtiġiet l-ġodda għandhom jiġu stabbiliti mill-atti delegati, il-KESE jemmen li l-fatt li jiġu stabbiliti limiti fuq il-piż massimu għandu jsir fid-dawl tal-ħtiġiet tekniċi. |
Brussell, 19 ta’ Jannar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Vetturi tal-kategorija “L” jikkonsistu f’ mopeds L1e, mopeds bi tliet roti L2e, muturi L3e, muturi L4e b’sidecar, triċikli, kwadriċikli ħfief L6e, kwadriċikli kbar L7e.
(2) Id-Direttiva 2002/51/KE introduċiet Euro2 (mill-2003) u Euro3 (mill-2006).
(3) Orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq, Kummissjoni Ewropea, 2010.
(4) ĠU C 354, 28.12.2010, p. 30.
(5) Data mill-Italja, ANCMA (Associazione Nazionale Ciclo Motociclo e Accessori).
(6) United Nations Economic Commission for Europe.
(7) Sors ACEM. Ara http://circa.europa.eu/Public/irc/enterprise/automotive/library?l=/mcwg_motorcycle/meeting_june_2009&vm=detailed&sb=Title
(8) CESE 1187/2010, “Linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020”, Settembru 2010.
(9) Kif definiti mid-Direttiva 2002/51/KE, Artikolu 2(4).