EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IE0980
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘European Technology, Industrial and Science Parks in the crisis management, preparation of the after-crisis and post-Lisbon strategy period’ (additional opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija għall-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona”
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija għall-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona”
OJ C 44, 11.2.2011, p. 136–141
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/136 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija għall-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona”
2011/C 44/22
Relatur: is-Sur TÓTH
Korelatur: is-Sur SZŰCS
Nhar l-14 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija tal-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-1 ta’ Lulju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’147 vot favur, 7 voti kontra u l-ebda astensjoni.
1. Rakkomandazzonijiet
1.1 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-Parks tat-Tekonoloġija, Industrijali u tax-Xjenza (PTIX) fis-sostenn tal-iżvilupp ekonomiku u l-modernizzazzjoni. L-istrutturi stabbiliti jappoġġjaw il-bidla industrijali bl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, il-konċentrazzjoni tar-riżorsi u l-bażi tal-għarfien. |
1.2 |
L-UE teħtieġ approċċ iktar iffokat u integrat, orjentat lejn is-sostenn u l-iżvilupp tal-PTIX tas-seklu 21. B’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi u l-perijodu wara l-kriżi, għandha tiġi segwita strateġija iktar komprensiva, sabiex jinkisbu l-benefiċċji potenzjali tal-parks għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati bi tmexxija u ambizzjoni f’isem l-UE. |
1.3 |
Huwa rrakkomandat li jiġu identifikati u żviluppati sinerġiji mal-inizjattivi prinċipali tal-UE f’dan il-qasam, b’mod partikolari mal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni u l-Komunitajiet tiegħu tal-Għarfien u l-Innovazzjoni. |
1.4 |
L-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda, għamla ġdida ta’ parks għandhom jiġu nnotati u mħeġġa. Ir-rwol tal-parks fit-tfassil tal-istrutturi ta’ innovazzjoni għandu jiġi promoss ukoll. |
1.5 |
Rigward id-dimensjoni reġjonali, l-involviment tal-gvernijiet lokali u l-agglomerati fl-iżvilupp tal-PTIX għandu jissaħħaħ bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm bżonn li jittejbu l-attivitajiet tan-netwerking bejn l-atturi tas-settur pubbliku, il-komunità tal-kummerċ u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. |
1.6 |
Fl-iżvilupp tal-parks, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet xjentifiċi u b’mod partikolari mal-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka qed issir dejjem iktar importanti. L-istess jgħodd għall-aspetti universitarji u tar-riċerka; madankollu, il-kollaborazzjoni mal-parks, attwalment għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha. Il-parks jistgħu jservu l-funzjoni tagħhom bħala pont bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Is-sħubija mal-parks tista’ tkun parti minn sistema ta’ kriterji għall-ippremjar tal-universitajiet eċċellenti. |
1.7 |
L-attivitajiet ta’ osservazzjoni, ta’ evalwazzjoni u ta’ akkreditazzjoni f’dan il-qasam għandhom jitnedew u jiġu appoġġjati, flimkien mat-tixrid ta’ prattiki tajba. L-analiżi u l-istudji empiriċi tat-tqabbil huma meħtieġa biex jagħtu qafas lill-politiki Ewropej u nazzjonali u l-istrumenti relatati mal-ħolqien u t-tkabbir tal-parks. Huwa rakkomandat li tiġi appoġġjata l-identifikazzjoni ta’ PTIX madwar l-Ewropa fl-għamla ta’ bażi tad-data komprensiva. Dan jista’ jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn il-parks billi tinħoloq matriċi interkonnessa li tippromovi l-konnettività biex jingħelbu l-ostakli reġjonali għat-tkabbir. |
1.8 |
Il-professjonalizzazzjoni kontinwa fl-iżvilupp u t-tħaddim tal-parks hija rikonoxxuta fil-ġestjoni organizzattiva, fl-aspetti kumplessi tal-iżvilupp (reġjonali) u anke fl-integrazzjoni tal-element tar-riċerka, l-approċċ ta’ clustering strutturat u l-element tal-kwalità. Madankollu, għadu meħtieġ iktar titjib fl-istandards tat-tħaddim tal-parks. |
1.9 |
Hemm lok li jiġi sfruttat iktar il-potenzjal f’termini ta’ żvilupp li joriġina mill-possibbiltajiet offerti mill-Unjoni Ewropea rigward il-koeżjoni u l-aġġustament; dawn jistħoqqilhom li jiġu maħsuba f’perspettiva fit-tul. |
2. Daħla
2.1 |
F’Novembru 2005, il-KESE approva opinjoni komprensiva fuq inizjattiva proprja fuq it-tema tal-Parks tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza (PTIX). Ingħatat attenzjoni partikolari lill-parks fl-Istati Membri l-ġodda iżda r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li saru jgħoddu għall-UE b’mod ġenerali. |
2.2 |
Ta’ min jinnota li l-opinjoni li ssemmiet hawn fuq tinkludi bosta stqarrijiet rilevanti u fformulat rakkomandazzjonijiet adatti, li kellhom impatt politiku konsiderevoli tul dawn l-aħħar snin. Il-progress li sar bis-saħħa t’hekk huwa f’sinerġija mal-isforzi fil-kamp tal-politika reġjonali, industrijali u tal-innovazzjoni tal-UE. |
2.3 |
Għandhom jitfakkru dawn ir-riżultati u rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li kellhom impatt ċar:
|
2.4 |
Wasal iż-żmien li ssir analiżi tal-impatt tal-opinjoni preċedenti, kemm rigward il-lezzjonijiet ta’ politika kif ukoll dawk prattiki li ttieħdu. Din l-opinjoni ta’ segwitu tiżviluppa wkoll ir-rwol u l-potenzjal tal-parks fil-ġestjoni tal-kriżi ekonomika. F’dan id-dokument, il-KESE huwa interessat fl-ispeċjalizzazzjoni tal-parks, fl-inizjattivi ġodda tal-industrija, tal-ħaddiema u anke tal-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili, fl-isfidi l-ġodda fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej li qed jiffaċċjaw il-parks, kif ukoll fil-missjonijiet kumplessi tal-korpi li jmexxu dawn il-parks. |
2.5 |
Il-Parks tat-Teknoloġija, Industrijali, tal-innovazzjoni u tax-Xjenza (PTIX) qed jitqiesu dejjem iktar bħala mezz kif jistgħu jinħolqu sistemi produttivi lokali (clusters) dinamiċi li jaċċeleraw it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività internazzjonali. Huma qed jikkontribwixxu għat-tibdil industrijali fl-Ewropa, itejbu l-attività fl-innovazzjoni, fil-clustering u ta’ bejn il-kumpaniji (B2B) u jappoġġjaw is-settur tal-SME u l-ħolqien tal-intrapriżi. Id-definizzjoni tas-sistemi produttivi lokali (clusters) ġiet żviluppata b’mod dettaljat fil-punt 2.3 tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Id-distretti industrijali Ewropej fil-konfront ta’ netwerks ġodda tal-għarfien (1). |
2.6 |
L-UE għandu jkun lest ukoll għall-perijodu ta’ wara l-kriżi, fejn il-kapaċitajiet u r-riżorsi innovattivi, xjentifiċi u industrijali jinsabu fil-PTIX madwar l-UE. Huwa rilevanti li nenfasizzaw ir-rwol potenzjali tal-parks fit-tħejjija tal-ippjanar tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010. L-għan ta’ din l-opinjoni ta’ segwitu huwa li jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet b’konformità/b’rabta ma’ dawn ir-riżultati. |
3. Ir-rwol u l-pożizzjoni dejjem jinbidlu tal-PTIX
3.1 |
Il-bidliet ekonomiċi u soċjali profondi f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari l-proċess u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika jew il-problemi marbutin mas-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima li qed joħorġu fid-dieher wasslu għal orjentazzjoni ġdida fl-Ewropa u d-dinja kollha rigward l-ideat u l-kompiti relatati mal-modernizzazzjoni, it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku. F’dan il-kuntest, sabiex ikunu effiċjenti f’dan l-ambjent, il-parks għandhom jiżviluppaw funzjonijiet u servizzi ġodda u joħorġu b’mudelli kummerċjali ġodda li jippermettu attivitajiet u setturi emerġenti jiffjorixxu. |
3.2 |
L-importanza tal-parks tax-xjenza u t-teknoloġija, u oħrajn, li jikkostitwixxu strutturi ta’ żvilupp konċentrat u integrat, kibret. Fl-Unjoni Ewropea, bħal fil-bqija tad-dinja, l-innovazzjoni u l-kreattività ngħataw attenzjoni partikolari. Dawn l-istrutturi huma rikonoxxuti bħala elementi favorevoli għal ekonomija innovattiva u kompetittiva li fl-istess ħin isostnu l-ħolqien ġdid u l-konsolidazzjoni. |
3.3 |
Il-parks madwar id-dinja jvarjaw b’mod konsiderevoli f’termini tal-missjoni u l-iskala tagħhom. Madankollu, fehim iktar sħiħ tal-varjanti differenti ta’ parks jiddependi mill-identifikazzjoni tal-bżonnijiet, it-twaqqif ta’ prijoritajiet u t-tfassil ta’ ppjanar strateġiku. L-organizzazzjonijiet professjonali taw ħafna definizzjonijiet ta’ x’inhu park. Fost dawn id-definizzjonijiet hemm element komuni li park huwa tip ta’ sħubija pubblika-privata li jħeġġeġ il-flussi tal-għarfien – ħafna drabi bejn il-kumpaniji tal-park u l-universitajiet u fost il-kumpaniji tal-park stess – u li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. |
3.4 |
It-terminu “park tax-xjenza u tat-teknoloġija” sar iħaddan kull tip ta’ cluster ta’ livell tekniku għoli bħal: technopolis, park tax-xjenza, belt tax-xjenza, cyber park, park (industrijali) ta’ livell teknoloġiku għoli, ċentru tal-innovazzjoni, park tar-riċerka u l-iżvilupp, park tar-riċerka universitarja, park tar-riċerka u t-teknoloġija, park tat-teknoloġija, inkubatur tat-teknoloġija, technopark, technopole u inkubatur ta’ intrapriżi tat-teknoloġija. Filwaqt li huma simili f’ħafna aspetti, l-esperjenza turina li hemm differenza bejn inkubatur ta’ intrapriża tat-teknoloġija, park tax-xjenza jew park tar-riċerka, belt tax-xjenza, technopolis u sistema ta’ innovazzjoni reġjonali. |
3.5 |
Huwa rakkomandabbli li ssir distinzjoni bejn il-Parks tax-Xjenza u l-Parks tar-Riċerka. Filwaqt li tal-ewwel hija l-iktar denominazzjoni komuni fl-Ewropa, tal-aħħar tintuża ħafna fl-Istati Uniti u l-Kanada. Fl-Ewropa, il-parks tax-xjenza jeżistu b’mod konġunt mal-parks tat-teknoloġija u d-differenzi prinċipali bejn iż-żewġ kunċetti jirrigwardaw id-daqs jew jekk hijiex permessa l-attività produttiva. B’mod ġenerali, park tax-xjenza għandu tendenza jkun iżgħar fid-daqs, b’rabtiet stretti mal-università u b’inqas enfasi fuq attivitajiet tal-manifattura, filwaqt li park tat-teknoloġija jkun ta’ daqs medju/kbir u jippermetti l-attivitajiet produttivi. Ġeografikalment, il-parks tax-xjenza għandhom tendenza jsegwu l-mudell Ingliż, filwaqt li l-parks tat-teknoloġija jirreferu għal “mudell Mediterranju”, tipiku ta’ pajjiżi bħal Franza, Spanja, l-Italja u l-Portugall. |
3.6 |
Huwa ċar li l-fatturi organizzattivi li essenzjalment ikkontribwew għas-suċċess tal-inizjattivi prinċipali kienu:
|
4. Netwerks, clusters u kollaborazzjoni bejn l-università u l-industrija
4.1 |
It-tiġdid soċjali u ekonomiku joħroġ minn ekosistemi kreattivi ta’ innovazzjoni b’riżultat tal-konnettività prevalenti fl-ekonomija postindustrijali Ewropea. Ikun tajjeb li l-parks jikkooperaw ma’ entitajiet simili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali. |
4.2 |
Il-clusters huma l-aktar eżempji rilevanti ta’ “ekosistemi” li jappoġġjaw il-kompetittività. Il-parks tax-xjenza u t-teknoloġija qed juru li jixprunaw tajjeb l-organizzazzjonijiet tal-clusters. |
4.3 |
L-iżviluppi reċenti fl-ekonomija jenfasizzaw dejjem aktar il-produzzjoni, l-esplojtazzjoni, it-trasferiment u l-applikazzjoni tal-għarfien. Hemm bżonn li jiżviluppaw u jissaħħu l-attivitajiet tan-netwerking bejn l-atturi tas-settur pubbliku, il-komunità tal-kummerċ u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. |
4.4 |
Hemm bżonn ta’ ġestjoni sensittiva f’diversi livelli li tiżgura s-sinerġija bejn id-diversi livelli ta’ gvern – UE, nazzjonali, reġjonali u lokali – u li tinkoraġġixxi s-sħubija bejn in-negozji, l-universitajiet u l-NGOs sabiex ikunu jistgħu jinħolqu kuntatti wiesgħa bejn l-istituzzjonijiet li jiġġeneraw l-għarfien u dawk innovattivi. |
4.5 |
Huwa meħtieġ li l-inċentivi u l-missjonijiet tal-universitajiet, ta’ istituti xjentifiċi oħrajn u ta’ riċerka u tal-Parks tat-teknoloġija, l-industrijali u tax-xjenza (PTIX) jiġu armonizzati biex jinkoraġġixxu modi ġodda ta’ kollaborazzjoni. Il-parks jistgħu jżidu ferm l-attrazzjoni tagħhom billi joffru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet bħat-trasferiment tat-teknoloġija, l-appoġġ fil-qasam tal-privattivi, l-istart-ups u l-ispin-offs, il-ġestjoni ta’ proġetti u l-appoġġ finanzjarju. Kull servizz aċċessibbli fil-PTIX għandhom ikunu aġġornati u ta’ kwalità għolja, b’tali mod li jkun jista’ jsir kontribut ġenwin għall-għamliet ta’ kooperazzjoni meħtieġa. |
4.6 |
Fl-iżvilupp tal-parks, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet xjentifiċi u b’mod partikolari mal-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka qed issir dejjem iktar importanti. L-istess jgħodd għall-aspetti universitarji u tar-riċerka; madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-kooperazzjoni bejn iċ-ċrieki xjentifiċi u d-dinja tal-kummerċ, li għadha ma laħqitx il-livell mixtieq, hija ta’ problema u s’issa l-kollaborazzjoni bejn il-parks għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha. |
4.7 |
Bħala parti mill-funzjoni tagħhom, il-parks jistgħu jservu bħala pont bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-prestazzjoni u tal-impatt tal-universitajiet, ikun tajjeb li l-impatt tagħhom fuq l-industrija u s-settur ekonomiku jirċievi attenzjoni akbar. Bis-saħħa ta’ miżuri ta’ taħriġ għall-adulti, il-kmamar tal-kummerċ, u l-awtoritajiet reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali fl-università. Il-preżenza ta’ parks tan-negozji tista’ tkun element li jitqies mis-sistema ta’ kriterji għall-ippremjar tal-universitajiet eċċellenti. |
4.8 |
Ir-rwol tal-parks fit-tnaqqis tad-distanza bejn l-università u l-industrija tista’ tkun partikolarment importanti fl-Istati Membri l-ġodda. |
5. Governanza Ewropea, inizjattivi u miżuri operattivi u ta’ kontroll
5.1 |
L-UE teħtieġ aproċċ iktar iffokat u integrat, orjentat lejn is-sostenn u l-iżvilupp tal-PTIX tas-seklu 21. B’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi u l-perijodu ta’ wara l-kriżi, l-UE għandha ssegwi strateġija komprensiva sabiex jinġabru l-benefiċċji potenzjali tal-parks għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. |
5.2 |
Wara l-miri ta’ Lisbona, li ntlaħqu biss parzjalment, u l-lezzjonijiet li nkisbu minn din l-esperjenza, l-inizjattivi għall-perijodu ta’ wara Lisbona għandhom jiġu semplifikati b’mod razzjonali u ffukati fuq għadd limitat ta’ objettivi konkreti li jistgħu jitkejlu u jiġu differenzjati skont il-pajjiż, filwaqt li jsir żvilupp fuq il-potenzjal tal-kapaċitajiet differenti li hemm fil-PTIX. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati b’sens ta’ tmexxija u b’ambizzjoni f’isem l-UE. |
5.3 |
Il-kumpaniji, l-impjiegi, l-għarfien u l-kapaċità ekonomika u innovattiva li hemm fil-PTIX huma l-assi moħbija tal-UE. Nafu li hemm numru kbir minnhom iżda ma għandniex l-istampa globali u lanqas m’ghandna strateġija komuni biex nersqu lejhom u ninvolvuhom. Fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali jeżisti biss għarfien frammentat u miżuri limitati. Għandna ninsistu b’mod partikolari fuq l-importanza tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet professjonali u tas-soċjetà ċivili fil-livell reġjonali jew nazzjonali li huma attivi fil-qasam tal-parks. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw bejniethom u għandhom jingħataw l-inċentiv li l-kollaborazzjoni tagħhom tista’ twassal għall-ħolqien ta’ pjattaforma teknoloġika fil-livell Ewropew. |
5.4 |
Jeħtieġ li l-PTIX jidħlu b’mod integrat fl-ippjanar strateġiku u dak immirat li huma meħtieġa biex tkun tista’ tikseb suċċess id-determinazzjoni qawwija tal-Ewropa li tikber u ssir kompetittiva internazzjonalment permezz ta’ investiment reġjonali qawwi fl-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq ix-xjenza. Dawn l-inizjattivi għandhom jidhru b’mod formali fil-pjan Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni, li għandu jikkonferma l-importanza tal-PTIX fil-politika Ewropea tal-innovazzjoni. |
5.5 |
Ikun tajjeb li d-DĠ tal-Kummissjoni jadottaw azzjonijiet orizzontali konġunti biex jippromovu s-sinerġija bejn strumenti differenti, ħalli jsaħħu l-governanza u l-koordinazzjoni bejn il-programmi differenti. Dan l-approċċ għandu jwassal għat-twaqqif ta’ pjattaformi, korpi u gruppi ta’ livell għoli li jneħħu l-ostakli għall-attivitajiet ta’ kofinanzjament u biex ifasslu u jniedu azzjonijiet kofinanzjati. |
5.6 |
Ikun tajjeb li jiġu żviluppati kriterji għall-valutazzjoni, l-analiżi u l-identifikazzjoni tal-parks. Il-valutazzjoni, l-analiżi, u l-istudji empiriċi tat-tqabbil huma meħtieġa biex jagħtu qafas lill-politiki Ewropej u nazzjonali u l-istrumenti relatati mal-ħolqien u t-tkabbir tal-parks li jwassluhom f’livell superjuri. |
5.7 |
Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ trasparenza pubblika, jiġifieri l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ metodi ta’ valutazzjoni u għodod li jikkwantifikaw il-benefiċċji netti li jinkisbu mill-appoġġ tas-settur pubbliku. Bħalissa m’hemm l-ebda kunsens dwar il-parametri ta’ suċċess (pereżempju kriterji finanzjarji - investiment, turnover eċċ. – indikaturi ta’ tendenzi ta’ innovazzjoni (start-ups, privattivi, prodotti ġodda). Id-differenzi fit-tipi ta’ park u fil-kuntesti nazzjonali/reġjonali wkoll joħolqu problemi ta’ livelli ta’ referenza. |
5.8 |
Huwa rakkomandat li tiġi appoġġjata l-identifikazzjoni tal-PTIX madwar l-Ewropa fl-għamla ta’ bażi ta’ data komprensiva. Dan jista’ jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn il-parks billi tinħoloq matriċi interkonnessa li tippromovi l-konnettività biex jingħelbu l-ostakli reġjonali għat-tkabbir. |
5.9 |
Parteċipazzjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija importanti wkoll għall-għarfien u l-innovazzjoni, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-sostenibbiltà u ekonomija li tirrispetta aktar l-ambjent. |
6. Id-dimensjoni reġjonali
6.1 |
Ir-reġjuni għandhom rwol importanti f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien billi jiffukaw fuq l-integrazzjoni tar-R&D u l-innovazzjoni fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom. L-awtoritajiet reġjonali għandhom iħarsu aktar lejn l-innovazzjoni fl-appoġġ li jagħtu lir-ristrutturar tal-ekonomija. |
6.2 |
Għandhom jiġu promossi l-istrateġiji reġjonali tal-innovazzjoni u fuq il-bażi tagħhom, l-iżvilupp ta’ programmi operattivi speċifiċi. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiffukaw fuq it-titjib tal-kondizzjonijiet lokali billi jistabbilixxu klima ekonomika u politika stabbli u prevedibbli. |
6.3 |
L-aċċess għall-fondi (kapital ta’ riskju, kapital tal-bidu) għall-parks tat-teknoloġija u x-xjenza huwa ostaklu reali u jirrappreżenta restrizzjoni fuq l-iżvilupp sistematiku. L-allokazzjoni adatta tal-fond lokali u reġjonali għandha tikkomplementa b’mod organiku r-riżorsi Ewropej. Hemm bżonn ta’ għarfien espert akbar li jappoġġja l-aċċess għall-kofinanzjament mill-fondi Ewropej. Għandu jiġi żgurat li l-użu tar-riżorsi finanzjarji tal-BEI u tal-FEI jkunu strutturati u li dan isir prattika normali. |
6.4 |
Għall-PTIX, id-disponibbiltà ta’ fondi fuq tul ta’ żmien hija fattur prinċipali għas-suċċess. F’sitwazzjoni ta’ kriżi, huwa importanti ferm li jiġi żgurat li l-parks ikollhom appoġġ finanzjarju u politiku mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-livell tal-UE. |
6.5 |
Hemm bżonn li t-talent jinġibed u jitmexxa peress li jirrappreżenta assi speċjali fid-dawl tal-iżvilupp armonjuż, sostenibbli u fit-tul tar-reġjuni. |
6.6 |
L-eċċellenza fil-ġestjoni tal-parks hi fattur ewlieni fil-garanzija tal-eċċellenza fit-tħaddim tagħhom. It-taħriġ kontinwu u l-iżvilupp professjonali tal-amministraturi huwa importanti biex tinżamm il-kwalità tas-servizz. Għandhom ikunu disponibbli programmi strutturati biex jibnu l-kapaċità meħtieġa għall-organizzazzjonijiet tal-amministraturi tal-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija, u x-xjenza. |
7. Inizjattiva strateġika tal-UE – l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni
7.1 |
L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (IETI) jimmira li jixpruna l-eċċellenza fl-innovazzjoni Ewropea. L-istitut għandu l-għan li joħloq l-innovazzjoni permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-atturi u “t-trijanglu tal-għarfien”, biex jittrasforma r-riżultati tal-edukazzjoni u l-għarfien f’opportunitajiet ta’ innovazzjoni kummerċjali tanġibbli, jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi madwar l-Unjoni. Il-KESE qed jantiċipa bil-ħerqa dan il-perijodu ġdid fl-UE, u jittama li l-PTIX u l-korpi kwalifikati b’mod adegwat assoċjati magħhom ikunu jistgħu jkunu msieħba u parteċipanti ta’ siwi fil-proġetti organizzati mill-IETI. |
7.2 |
Bħala għodda operattiva, il-“Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni” ntgħażlu fuq bażi strateġika biex jirrispondu għall-isfidi li qed tiffaċċja l-UE, u jindirizzaw l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, l-enerġija rinnovabbli u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tal-ġejjieni. Dawn il-Komunitajiet huma sħubijiet integrati tajjeb bejn l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u n-negozji, li jdaħħlu d-dimensjoni tan-negozju fl-attivitajiet kollha ta’ għarfien biex jiġġeneraw l-innovazzjoni f’oqsma ewlenin ta’ interess ekonomiku u soċjali. |
7.3 |
L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija joffri wkoll opportunità għall-iżvilupp reġjonali u lokali. Ir-rwol u l-impatt tiegħu jistgħu jkunu importanti billi jipprovdi għarfien espert f’reġjuni fejn dan l-għarfien u din l-esperjenza huma neqsin. Barra minn hekk, ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jibbenefikaw mill-attivitajiet ta’ dan l-Istitut u dawn il-Komunitajiet bis-saħħa tal-effetti li jġibu u billi jiġbdu nies u riżorsi ġodda. |
7.4 |
L-Istitut jirrappreżenta kunċett ġdid ta’ clusters, billi jibni netwerks virtwali flok komunitajiet b’rabta ġeografika. Il-kriżi ekonomika attwali qed turi biċ-ċar kemm l-inizjattiva tat-twaqqif tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija kienet f’waqtha. Għalhekk ikun raġonevoli ħafna li jiġi mistħarreġ il-potenzjal ta’ appoġġ li jeżisti fil-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija u x-xjenza tal-UE. |
8. Il-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija u x-xjenza u l-kriżi ekonomika – bidliet meħtieġa u fatturi għall-irkupru
8.1 |
Il-kriżi ekonomika affettwat b’mod differenti u bi gradi differenti t-tħaddim tal-PTIX u l-kumpaniji allokati fihom. Il-kumpaniji jistgħu jirreaġixxu għall-kriżi bi tnaqqis fl-attività, tnaqqis fl-impjegati u tnaqqis fl-ispejjeż kif ukoll it-twaqqif ta’ proġetti u investiment. |
8.2 |
Huwa ttamat li l-amministrazzjoni tal-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija u x-xjenza qed tirreaġixxi b’politika attiva biex iżżomm il-kumpaniji u x-xogħol flimkien ħalli jonqos kemm jista’ l-impatt tal-kriżi billi:
|
8.3 |
Sadattant tista’ tiġi żviluppata wkoll talba għal prodotti u servizzi aktar sofistikati mill-kumpaniji. L-industriji l-ġodda – il-bijoteknoloġiji, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-aħħar ġenerazzjoni – iġibu magħhom opportunitajiet u sfidi. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-għarfien tal-iżvilupp ta’ fatturi ġodda fil-kompetittività – is-sostenibbiltà, il-ħolqien tal-valur u r-responsabbiltà soċjali korporattiva – fl-ambjent ekonomiku u l-atmosfera soċjali l-ġodda. |
8.4 |
L-intraprenditorija tingħata enfasi ġdida fiċ-ċirkostanzi attwali u b’mod partikolari, fil-kuntest tal-parks. In-negozji u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu joffru tmexxija billi jifhmu aktar fil-fond is-sitwazzjoni strateġika. Huwa importanti li l-element kompetittiv tal-parks jiġi identifikat u enfasizzat b’mod adegwat. |
8.5 |
Kemm l-investimenti mis-suq intern, kif ukoll l-investiment barrani dirett (IBD) jaqdu rwol konsiderevoli fl-iżvilupp tal-parks. Għandhom jiġu notati s-sinjali li l-investiment barrani dirett qed jippreferi l-attivitajiet tar-R&D mill-produzzjoni. Il-KESE jappoġġja dan il-proċess u jħeġġeġ li s-setturi prinċipali, definiti sew fil-politika industrijali tal-UE, huma u jsiru parti mill-parks, biex jibbenefikaw mis-sitwazzjoni. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 1