EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0554

Kawża T-554/10: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Novembru 2010 — Evropaïki Dynamiki vs Frontex

OJ C 30, 29.1.2011, p. 54–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/54


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2010 — Evropaïki Dynamiki vs Frontex

(Kawża T-554/10)

()

2011/C 30/95

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-FRONTEX li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata bi tweġiba għas-sejħa għal offerti Frontex/OP/98/2010 — EOROSUR Proġett Pilota Kbir (ĠU 2010, S 90-134098), kif ukoll kull deċiżjoni oħra relatata tal-FRONTEX, inkluża dik li permezz tagħha l-kuntratt rispettiv ingħata lill-kuntrattur magħżul;

tannulla d-deċiżjoni tal-FRONTEX li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata bi tweġiba għal-Lott 1 u l-Lott 6 tas-sejħa għal offerti Frontex/OP/87/2010 — Kuntratt Qafas (ĠU 2010, S 66-098323), kif ukoll kull deċiżjoni oħra relatata tal-FRONTEX, inkluża dik li permezz tagħha l-kuntratti rispettivi ngħataw lill-kuntratturi magħżula;

tordna lill-FRONTEX tħallas lir-rikorrenti d-danni sostnuti minħabba l-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta’ EUR 9 358 915,00;

tordna lill-FRONTEX tħallas lir-rikorrenti d-danni sostnuti minħabba telf ta’ opportunità u danni għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha fl-ammont ta’ EUR 9 358 915,00; u

tikkundanna lill-FRONTEX għall-ħlas tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra tar-rikorrenti marbuta ma’ dan ir-rikors, anki f’każ li r-rikors preżenti jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-konvenuta, tas-16 ta’ Settembru 2010 u tal-20 ta’ Ottubru 2010, li jiċħdu l-offerta tagħha fil-kuntest tas-sejħa għal offerti Frontex/OP/98/2010 — EOROSUR Proġett Pilota Kbir (ĠU 2010, S 90-134098) u l-Lott 1 u l-Lott 6 tas-sejħa għal offerti Frontex/OP/87/2010 — Kuntratt Qafas (ĠU 2010, S 66-098323), kif ukoll ta’ kull deċiżjoni oħra relatata tal-FRONTEX, inkluża dik li permezz tagħha l-kuntratti rispettivi ngħataw lill-kuntratturi magħżula. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni allegati minħabba s-sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-Artikoli 100(2) tar-Regolament Finanzjarju (1), l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress illi l-FRONTEX irrifjutat li tipprovdi lir-rikorrenti ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni suffiċjenti.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet diversi żbalji serji ta’ evalwazzjoni, ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ma osservatx il-kriterji ta’ esklużjoni, u għalhekk kisret l-Artikoli 93(1)(f) u 94 tar-Regolament Finanzjarju.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress illi ħawdet illegalment il-kriterji tal-għażla mal-kriterji tal-għoti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)


Top