EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0475

Kawża C-475/10 P: Appell ippreżentat fl- 1 ta’ Ottubru 2010 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal- 14 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-571/08, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

OJ C 328, 4.12.2010, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/21


Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2010 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-571/08, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-475/10 P)

()

2010/C 328/37

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze, J. Möller u N. Graf Vitzthum, aġenti)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tirrevoka d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-571/08, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta’ dan l-appell huwa d-digriet tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu din il-qorti, fil-kuntest ta’ kwistjoni proċedurali, ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti kontra l-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2008 fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Deutsche Post AG (iktar ’il quddiem “DPAG”).

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lill-appellanti tikkomunika l-informazzjoni dwar l-ispejjeż kollha u dwar id-dħul kollu ta’ DPAG fil-perijodu bejn l-1989 u l-2007 u dan minkejja li l-privatizzazzjoni ta’ DPAG, li fil-kuntest tagħha essenzjalment sar il-ħlas tat-trasferiment ikkontestat, kienet diġà tlestiet fl-1994. Minflok ma ċċarat il-kwistjoni legali ta’ liema perijodi ta’ żmien kellhom attwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni u mingħajr ma kkunsidrat l-oneru relatat mat-talba tagħha, il-Kummissjoni talbet inizjalment informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż ta’ DPAG għall-perijodu kollu mill-privatizzazzjoni tagħha sal-preżent. B’dan l-approċċ il-Kummissjoni ħolqot oneru sproporzjonat għall-appellanti u għall-impriża kkonċernata.

Huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk, bħala prinċipju, il-Kummissjoni tistax effettivament tobbliga b’mod arbitrarju lil Stat Membru, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna mill-Istat, sabiex jikkomunika informazzjoni mingħajr ma din l-ordni tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju dirett. Jekk l-evalwazzjoni legali tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri li tali ordnijiet ma jistgħux jiġu kkontestati, tkun korretta, l-Istati Membri u l-impriżi kkonċernati jkollhom inizjalment jassumu f’kull każ oneru kunsiderevoli (anki mill-aspett finanzjarju) sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ tali ordnijiet, anki jekk fil-fehma tagħhom dawn ikunu illegali. Barra minn hekk, dan joħloq ir-riskju li jiġu żvelati sigrieti kummerċjali li jista’ jkun il-każ li l-iżvelar tagħhom ma jkunx importanti għall-proċedura dwar għajnuna mill-Istat.

Id-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali huwa legalment żbaljat minħabba diversi raġunijiet.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod legalment żbaljat il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u ma mxietx mal-ġurisprudenza dwar dan is-suġġett meta eżaminat l-att ikkontestat “billi rreferiet għas-sustanza tiegħu”. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ att fid-dawl tal-effetti legali materjali tiegħu hija rilevanti biss meta ma jkunx hemm deċiżjoni li, minħabba n-natura legali tagħha, jkollha natura vinkolanti. Madankollu, peress li n-natura vinkolanti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tirriżulta diġà min-natura legali tagħha, ma kienx hemm lok li jiġi mistħarreġ jekk ir-rieda tal-awtur tal-att kinitx li dan l-att effettivament ikollu effetti legali għall-appellanti.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura provviżorja tal-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni meta kkonkludiet b’mod żbaljat, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, li n-natura definittiva tad-deċiżjoni hija wkoll determinanti għall-ammissibbiltà tar-rikors kontra ordni li tiġi pprovduta informazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni, ordni li hija inkwistjoni f’din il-kawża.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod legalment żbaljat l-effetti legali tal-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni minħabba li injorat il-fatt li att jipproduċi effetti legali vinkolanti meta jolqot l-interessi tad-destinatarju tiegħu billi jibdel is-sitwazzjoni legali tiegħu. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni minħabba li jekk id-destinatarju ma jikkonformax ruħu magħha huwa jkun qiegħed jesponi ruħu għal sanzjonijiet. Dawn is-sanzjonijiet huma, minn naħa, il-fatt li l-Istat Membru ma jkunx jista’ jinvoka n-natura inkompleta tal-fatti u li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-istat li jkun jinsab fih il-fajl. Min-naħa l-oħra, dan jimplika tnaqqis fl-oneru ta’ prova meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tassumi li l-fatti allegati minnha huma stabbiliti. Dan jiffavorixxi s-sitwazzjoni proċedurali tal-Kummissjoni u, għalhekk, jisfavorixxi s-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni tqiegħed lill-appellanti f’pożizzjoni fejn ikollha tagħżel bejn jew li tikser l-obbligi tagħha, u b’hekk ma tkunx tista’ tinvoka n-natura inkompleta tal-fatti u jitnaqqas l-oneru ta’ prova meħtieġ min-naħa tal-Kummissjoni, jew li, sabiex tipproteġi d-drittijiet tad-difiża tagħha, hija effettivament ikollha tipprovdi l-kwantità sproporzjonata ta’ informazzjoni mitluba. Min-naħa tiegħu dan jimplika, minbarra l-iżvantaġġ legali mġarrab, investiment straordinarju f’termini ta’ ħin u ta’ flus li ma jkunx ikkumpensat. B’mod ġenerali, l-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni jista’ jkollha effetti legali anki għall-Istat Membru inkwistjoni sa fejn, jekk ma jikkonformax ruħu ma’ din l-ordni, dan l-Istat Membru jista’ jkun suġġett għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE u, eventwalment, għal proċedura għall-impożizzjoni ta’ multa taħt l-Artikolu 260 TFUE.

Ir-raba’ nett, id-digriet tal-Qorti Ġenerali jippreġudika l-prinċipju tal-istat tad-dritt u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-uniku rimedju sabiex wieħed jipproteġi ruħu minn ordni li tiġi pprovduta informazzjoni li tkun ta’ natura eċċessiva huwa li ma jikkonformax ruħu magħha. Madankollu, tali rimedju ma huwiex raġonevoli u jikser il-prinċipji msemmija. Il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-ordnijiet illegali li tiġi pprovduta informazzjoni ma tistax tiddependi mill-fatt li l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu mal-imsemmija ordnijiet. Il-possibbiltà ta’ rikors kontra l-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni hija l-uniku rimedju sabiex l-obbligu ta’ lealtà tal-Istat Membru ma jkunx suġġett għal setgħa diskrezzjonali illimitata tal-Kummissjoni u tippermetti wkoll lill-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tosserva l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tagħha mal-Istati Membri.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-kompetenzi fil-kawżi dwar għajnuna mill-Istat meta ddeċidiet li l-protezzjoni kontra l-ordnijiet li tiġi pprovduta informazzjoni li jkunu ta’ natura eċċessiva hija, għall-Istati Membri, li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li fil-fehma tagħha ma tkunx neċessarja sabiex jiġu stabbiliti l-fatti. Dan jimplika trasferiment tal-obbligu li jiġu stabbiliti l-fatti u tal-obbligu li jiġi ddeterminat is-suġġett tal-proċedura fuq l-Istati Membri, trasferiment li huwa kuntrarju għat-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dan it-trasferiment ta’ kompetenza li tirreferi għalih il-Qorti Ġenerali jippreġudika s-sistema ta’ kompetenzi prevista fl-Artikolu 107 TFUE u 108 TFUE, b’tali mod li r-riskju ta’ żball ta’ evalwazzjoni jgħaddi fuq l-Istati Membri u, għalhekk, il-Kummissjoni tinħeles mill-obbligu ta’ investigazzjoni materjali fid-dettall fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.


Top