EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0434

Kawża C-434/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis- 6 ta’ Settembru 2010 — Peter Veselinov Aladzhov vs Zamestnik direktor na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti

OJ C 317, 20.11.2010, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-6 ta’ Settembru 2010 — Peter Veselinov Aladzhov vs Zamestnik direktor na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti

(Kawża C-434/10)

()

2010/C 317/31

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Peter Veselinov Aladzhov

Konvenut: Zamestnik direktor na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti

Domandi preliminari

(1)

Il-projbizzjoni li wieħed jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imposta fuq ċittadin ta’ tali Stat fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat imsemmi minħabba l-fatt li din il-kumpannija naqset milli tħallas dejn ta’ natura pubblika, għandha titqies li hija konformi mar-raġuni tal-protezzjoni tal-“politika pubblika [ordni pubbliku]” prevista fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (1), fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u, fl-istess ħin, fid-dawl ta’ dawn il-fatti addizzjonali:

1.1

il-Kostituzzjoni ta’ tali Stat Membru ma tipprevedi ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-persuni fiżiċi sabiex jiġi protett l-ordni pubbliku;

1.2

ir-raġuni tal-“ordni pubbliku” bħala bażi għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni msemmija tinsab f’liġi nazzjonali adottata sabiex jiġi traspost att legali ieħor tal-Unjoni Ewropea;

1.3

ir-raġuni tal-“ordni pubbliku”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija tad-Direttiva 2004/38, tinkludi wkoll ir-raġuni tal-“protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini oħra”, meta tiġi adottata miżura sabiex jiġi ggarantit id-dħul tal-Istat Membru permezz tal-ħlas tad-dejn ta’ natura pubblika.

(2)

Mir-restrizzjonijiet u mill-kundizzjonijiet previsti fir-rigward tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll mill-miżuri adottati taħt id-dritt tal-Unjoni għall-implementazzjoni ta’ din il-libertà, u fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, jirriżulta li hija ammissibbli dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li l-Istat Membru jista’ jimponi fuq wieħed miċ-ċittadini tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, minħabba n-nuqqas li jitħallas dejn ta’ natura pubblika fil-konfront ta’ tali Stat, dejn li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa kkunsidrat bħala dejn ta’ “ammont għoli”, il-miżura amministrattiva vinkolanti tal-“projbizzjoni li wieħed jitlaq mill-pajjiż”, meta, għall-ħlas ta’ tali dejn, tista’ tiġi applikata l-proċedura dwar l-assistenza reċiproka bejn l-Istat Membri, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE, tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (2) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1179/2008, tat-28 ta’ Novembru 2008, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/55 (3)?

(3)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u r-restrizzjonijiet u kundizzjonijiet previsti fir-rigward tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll il-miżuri adottati għall-implementazzjoni ta’ din il-libertà fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u l-kriterji stabbiliti fl-Artiklu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jkun hemm dejn ta’ natura pubblika min-naħa ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt ta’ Stat Membru, li skont tali dritt huwa meqjus bħala “dejn ta’ ammont għoli”, jippermettu li persuna fiżika, direttur ta’ din il-kumpannija, tiġi pprojbita milli titlaq minn tali Stat Membru, u dan meta fl-istess ħin ikun hemm dawn iċ-ċirkustanzi:

3.1

il-fatt li jkun hemm dejn “ta’ ammont għoli” li jkun ta’ natura pubblika jitqies bħala perikolu effettiv, attwali u gravi, li għandu impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà, evalwazzjoni din magħmula mil-leġiżlatur meta stabbilixxa l-miżura amministrattiva tal-“projbizzjoni li wieħed jitlaq mill-pajjiż”;

3.2

ma tkun prevista ebda evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw l-aġir personali tad-direttur u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, bħal pereżempju d-dritt tiegħu li jeżerċita attività bħala impjegat li tinvolvi vjaġġi barra mill-pajjiż fil-kuntest ta’ relazzjoni legali oħra;

3.3

il-konsegwenzi għall-attività kummerċjali tal-kumpannija debitriċi u l-possibbiltà li jitħallas id-dejn ta’ natura pubblika ma jiġux evalwati wara l-applikazzjoni tal-projbizzjoni;

3.4

il-projbizzjoni ġiet applikata wara istanza ta’ natura vinkolanti sa fejn tiddikjara li dan huwa dejn “ta’ ammont kbir” u ta’ natura pubblika dovut minn kumpannija kummerċjali partikolari, li d-dejn ma ġiex iggarantit sal-livell tal-ammont prinċipali u tal-interessi u li l-persuna li fil-konfront tagħha ntalbet l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tirrappreżenta l-bord tad-diretturi ta’ tali kumpannija kummerċjali;

3.5

il-projbizzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-ħlas sħiħ ta’ jew sakemm tingħata garanzija sħiħa li tkopri d-dejn ta’ natura pubblika, mingħajr ma hija prevista verifika ta’ tali projbizzjoni fuq talba tal-persuna kkonċernata quddiem l-awtorità li tapplikaha u lanqas kontroll tat-termini ta’ preskrizzjoni tad-dejn.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

(2)  ĠU L 150, p. 28

(3)  ĠU L 310, p. 21


Top