EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0405

Kawża T-405/10: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Settembru 2010 — Justice & Environment vs Il-Kummissjoni

OJ C 301, 6.11.2010, p. 54–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/54


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Settembru 2010 — Justice & Environment vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-405/10)

()

2010/C 301/86

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Justice & Environment (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: P. Černý, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara l-miżuri kkontestati (Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/135/UE u 2010/136/UE u r-risposta tal-Kummissjoni C(2010) 4632) nulli u bla effett.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/135/UE (1) u 2010/136/UE (2) dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodott tal-patata modifikat ġenetikament bħala ikel u għalf kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4632 li tiċħad it-talba għal reviżjoni interna ppreżentata mir-rikorrenti abbażi tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (3).

Insostenn tat-talba, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-motivi li ġejjin.

Hija ssostni li fl-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2010/135/UE u 2010/136/UE, il-Kummissjoni kisret forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/18/KE (4). Fl-opinjoni tar-rikorrenti d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE peress li: l-evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni kienet kontradittorja, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-Kummissjoni kkunsidrat il-provi b’mod mhux eżawrjenti u injorat liġi emendata. Ir-rikorrenti ssostni ukoll li billi tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodott tal-patata modifikat ġenetikament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/136/UE tikser ukoll ir-Regolament Nru 1829/2003/KE (5).

Barra minn dan, ir-rikorrenti tissottometti li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4632 hija illegali peress li tissanzjona l-illegalità taż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq billi ċaħdet it-talba għal reviżjoni interna ppreżentata mir-rikorrenti. Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqqset milli tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizza u l-obbligi tagħha li tikkunsidra l-provi b’mod xieraq waqt il-proċess amministrattiv tat-teħid ta’ deċiżjonijiet peress li naqset milli tikkunsidra b’mod xieraq l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal reviżjoni interna.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2010 dwar it-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-patata (Solanum tuberosum L. linja EH92-527-1) modifikat ġenetikament għal kontenut miżjud tal-komponent amylopectin tal-lamtu (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1193) (ĠU L 53, 04.03.2010, p. 11).

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2010 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ għalf magħmul mill-patata modifikata ġenetikament EH92-527-1 (BPS-25271-9) u traċċi tekniċi li ma jistgħux jiġu evitati jew aċċidentali tal-patata fl-ikel u prodotti oħra tal-għalf taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1196) (ĠU L 53, 04.03.2010, p. 15).

(3)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.09.2006, p. 13).

(4)  Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).

(5)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).


Top