EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0345

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-2009-2010: il-pajjiżi kandidati potenzjali”

OJ C 267, 1.10.2010, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/12


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-2009-2010: il-pajjiżi kandidati potenzjali”

(2010/C 267/04)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Progress ġenerali u skeda

1.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “L-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009–2010”, li tindirizza wkoll il-pajjiżi kandidati potenzjali, kif ukoll il-komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għall-adeżjoni fl-UE;

2.   jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-progress li sar mill-pajjiżi kandidati potenzjali, li wassal biex l-Albanija u s-Serbja applikaw għall-adeżjoni fl-2009; ta’ min isemmi wkoll l-implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehimiet Interim dwar il-Kummerċ u Kwistjonijiet fil-qasam tal-Kummerċ u tal-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pajjiżi kandidati potenzjali kollha, kif ukoll aktar riformi fil-Kosovo;

3.   josserva wkoll li l-UE ħabirket bil-bosta biex tqarreb il-pajjiżi kandidati potenzjali lejha. Fost affarijiet oħra, reċentement wettqet ħidma biex ittaffi l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u pproponiet ukoll li l-ħtiġijiet relatati mal-viża jsiru inqas riġidi. Iż-żewġ każi huma inizjattivi li jenfasizzaw il-benefiċċji tal-UE għaċ-ċittadini;

4.   jilqa’ b’sodisfazzjon it-tneħħija tas-sistema tal-viża għaċ-ċittadini tal-Montenegro u s-Serbja, li għamluha possibbli li wieħed jivvjaġġa mingħajr il-bżonn ta’ viża lejn il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, u jittama li l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina dalwaqt jissodisfaw il-kriterji meħtieġa għat-tneħħija tal-viża;

5.   jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġiji tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku adottati fis-26 ta’ Ottubru 2009 u tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Adrijatiku – Joniku favur l-istrateġija Ewropea għar-reġjun Adrijatiku – Joniku, adottata f’Ancona fil-5 ta’ Mejju 2010 (1) mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tat-tmien pajjiżi msieħba fl-Inizjattiva Adrijatika – Jonika (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, il-Montenegro, is-Serbja u s-Slovenja) u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-istrateġija Ewropea għall-makroreġjuni tirrappreżenta strument importanti għat-tħaffif tal-proċess tal-integrazzjoni, bis-saħħa wkoll tas-sehem aktar attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

6.   jenfasizza li livell għoli ta’ appoġġ għall-mixja lejn l-adeżjoni huwa fattur importanti biex il-proċess tal-integrazzjoni jirnexxi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu għal dan, u għall-hekk imsejħa “kapaċità ta’ assorbiment” tal-acquis tal-UE u l-appoġġ finanzjarju. Għalhekk, huwa importanti ħafna li:

l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw l-opporunità li jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess ta’ integrazzjoni nazzjonali, b’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-Karta Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Awtonomija Lokali;

l-IPA (Instrument for Pre-Accession Assistance – Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni) jitfassal b’mod li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jagħmlu użu aktar wiesa’ mill-investiment u l-programm għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

fid-dawl tal-fatt li l-kriterji ta’ Kopenħagen jitolbu istituzzjonijiet u sistemi finanzjarji b’saħħithom, il-livell lokali u reġjonali tal-gvern jibqa’ jiġi involut fil-proċess tal-integrazzjoni. B’hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċeduri preparattivi u ta’ teħid tad-deċiżjonijiet;

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1085/2006 dwar l-IPA huwa li jappoġġja: “(a) it-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet demokratiċi …” u “(ċ) ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-istabbiliment ta’ sistema li tippermetti d-deċentralizzazzjoni tat-tmexxija tal-assistenza lill-pajjiż benefiċjarju …”. Fid-dawl ta’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni u tal-prattiki attwali fil-pajjiżi kandidati potenzjali, ir-Regolament għandu jinkludi mekkaniżmu obbligatorju fil-fażi tal-ippjanar tal-IPA sabiex jiġu kkonsultati r-rappreżentanti tal-gvern lokali u reġjonali;

il-perijodu tal-ippjanar tal-IPA fil-livell nazzjonali huwa twil wisq u b’hekk mhuwiex aċċettabbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi l-kundizzjonijiet għall-ippjanar b’mod urġenti, sabiex il-proċeduri jiġu armonizzati;

Miżuri fil-qasam tal-informazzjoni

7.   josserva li l-awtortajiet lokali u reġjonali qegħdin f’pożizzjoni eċċellenti biex jippromovu d-djalogu maċ-ċittadini u jipprovdu informazzjoni dwar il-proċess tal-integrazzjoni, b’mod partikolari dwar l-isfidi relatati mal-konformità mal-acquis tal-UE;

8.   jenfasizza kemm huwa importanti li l-UE tħeġġeġ il-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni f’kull livell tas-soċjetà. L-aċċess għall-informazzjoni huwa partikolarment importanti għad-demokraziji l-ġodda, peress li sikwit, dawn il-pajjiżi jkunu partikolarment vulnerabbli għall-movimenti populisti, li mhux dejjem ikunu kontrobilanċjati minn dibattitu pluralistiku;

9.   jisħaq fuq il-bżonn li l-kampanji ta’ informazzjoni li tniedi l-UE, kif ukoll l-analiżi li tagħmel tal-qagħda tal-pajjiżi kandidati potenzjali, ikunu konkreti u trasparenti. B’hekk, ma jkunx hemm lok għal interpretazzjonijiet ħżiena. F’dawn il-każi, il-gvernijiet responsabbli għall-proċess tal-integrazzjoni jistgħu jsibu diffikultajiet relatati mal-ġestjoni tad-dimensjonijiet kollha ta’ dan il-proċess. Iżda, huwa probabbli li aktar ma jsiru dibattiti miftuħa u aktar ma ċ-ċittadini jkunu informati tajjeb, aktar huwa probabbli li l-istrateġiji tradizzjonali użati biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitti, li fil-milja taż-żmien ikkonsolidaw id-diviżjonijiet etniċi, isiru inqas riġidi;

Tisħiħ tal-kapaċitajiet

10.   iqis li għandu jsir użu aħjar mill-programm tal-IPA bil-għan li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll is-soċjetà ċivili, jingħataw l-opportunità li jużaw il-ħiliet tagħhom biex isaħħu l-proċess tal-integrazzjoni. L-IPA jista’ wkoll iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali fil-livelli kollha tas-soċjetà;

11.   jaqbel mal-Kummissjoni li r-relazzjonijiet interreġjonali huma ta’ importanza kbira għall-proċess tal-integrazzjoni. Permezz tan-NALAS (2), l-awtoritajiet lokali ħolqu eżempju fil-livell reġjonali għall-iskambji bejn il-pajjiżi;

12.   josserva li l-valur tar-rapport tal-Kummissjoni jiżdied b’mod sostanżjali jekk l-ambitu jitwessa’ biex jinkludi aktar il-livell lokal u reġjonali. Huwa f’dan il-livell li jiġu implimentati partijiet sostanzjali tal-acquis wara l-adeżjoni;

13.   jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma toħroġx ukoll b’mod regolari evalwazzjonijiet tal-kapaċità li jiffokaw fuq il-livelli sottonazzjonali tas-soċjetà fil-pajjiżi kandidati;

Il-livell lokali u reġjonali tal-gvern u s-soċjetà ċivili

14.   iqis li s-soċjetà ċivili hija ta’ importanza kbira għall-ħolqien ta’ demokraziji stabbli, u għalhekk, għandha tkun rappreżentata fil-proċess tal-integrazzjoni;

15.   jirrakkomanda impenn imsaħħaħ permezz tar-regolazzjoni biex jiġu appoġġjati l-gruppi vulnerabbli tas-soċjetà. Għadd ta’ pajjiżi kandidati għadhom lura fir-rigward tas-saħħa pubblika u l-benesseri soċjali kif ukoll tal-kwistjonijiet relatati mal-vulnerabbiltà u l-ugwaljanza tan-nisa;

16.   josserva li l-kapaċità tal-pajjiżi kandidati potenzjali li jindirizzaw l-interessi tal-gruppi tal-minoranzi hija importanti ħafna għall-proċess tal-intergrazzjoni. Bosta drabi, is-soluzzjonijiet prattiċi ta’ kompromess jinsabu preċiżament fil-livell lokali jew reġjonali;

17.   jaqbel mal-Kummissjoni li l-kapaċità istituzzjonali għandha tissaħħaħ fil-pajjiżi kandidati potenzjali. Meta l-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika tibda topera mija fil-mija, huwa ta’ importanza kruċjali li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jieħdu sehem fil-programmi tat-taħriġ;

Kummenti dwar il-pajjiżi individwali

L-Albanija

18.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-oppożizzjoni qed terġa’ tieħu sehem fil-ħidma tal-parlament, għalkemm b’ċerti limitazzjonijiet. Dan il-pajjiż għad m’għandux il-koordinazzjoni meħtieġa bejn id-diversi livelli tas-soċjetà biex il-proċess tal-integrazzjoni jimxi ’l quddiem;

19.   josserva li sar progress fl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni f’għadd ta’ oqsma ttrattati fl-acquis Komunitarju, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-pajjiż ressaq applikazzjoni formali għall-adeżjoni mal-UE. Meta jibdew in-negozjati formali, għandhom isegwu l-proċess stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona, li jitlob li ssir analiżi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li dawn jiġu involuti fil-proċeduri;

20.   jisħaq fuq l-importanza li l-awtoritajiet lokali jiġu involuti fil-proċess li ser tidħol għalih l-Albanija, jiġifieri l-proċess futur tan-negozjati;

21.   jisħaq fuq l-importanza li jintużaw l-istrumenti tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (proġetti ta’ ġemellaġġ, TAIEX u SIGMA) fir-riformi amministrattivi attwali fil-livelli kollha fl-Albanija. Dan huwa ta’ importanza kbira għall-ħolqien ta’ istituzzjonijiet effettivi u miftuħa u għat-tħeġġiġ ta’ miżuri li jtaffu l-problema serja tal-korruzzjoni;

22.   jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-Albanija tħaffef ix-xogħol biex tiżviluppa suq tal-beni immobbli li jaħdem tajjeb. Proċess ta’ din ix-xorta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jtejbu l-bażi tat-taxxa tagħhom;

23.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proċess tad-deċentralizzazzjoni fl-Albanija għadu f’fażi bikrija. Mhux il-leġiżlazzjoni kollha adottata – li l-awtoritajiet lokali huma mistennija jimplimentaw – ġiet verament implimentata. Il-protezzjoni tal-gruppi tal-minoranzi hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

24.   josserva wkoll li fit-taqsima tar-rapport li tittratta d-drittijiet ekonomiċi u soċjali, il-Kummissjoni tillimita ruħha għal-leġiżlazzjoni biss, mentri pereżempju għandha ssemmi wkoll l-implimentazzjoni u analiżi ta’ kif in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida jista’ jaffettwa l-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni;

25.   jaqbel mal-Kummissjoni li sar progress fil-qasam tat-tassazzjoni, iżda fl-istess ħin josserva li l-iżbilanċi fit-tqassim tal-kompetenzi u r-riżorsi fil-proċess tad-deċentralizzazzjoni joħolqu ċerti riskji;

Il-Bosnja-Ħerzegovina

26.   josserva li l-kostituzzjoni tal-Bosnja, li tissejjes fuq il-Ftehim ta’ Dayton, ikkontribwixxiet għall-ħolqien ta’ struttura amministrattiva kumplessa. L-istruttura tal-Ftehim ta’ Dayton hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-Bosnja-Ħerzegovina m’għandhiex ix-xorta ta’ governanza meħtieġa biex tadatta ruħha għar-regoli Ewropej. Bħala pajjiż diviż, il-Bosnja għandha bżonn tmexxija li tkun kapaċi ssib soluzzjoni għall-kunflitti u tibda t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet kollettivi. Mhuwiex fl-interess tal-Bosnja li jkollha tip ta’ tmexxija li tqis l-etniċità bħala l-prinċipju fundamentali għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

27.   jiddispjaċih li t-taħditiet ta’ Butmir fuq ir-riformi kostituzzjonali fallew u jħeġġeġ il-mexxejja tal-gruppi etniċi kollha fil-Bosnja-Ħerzegovina jsibu soluzzjoni adatta bil-għan li l-pajjiż ikollu sovranità sħiħa u jkun jista’ jimxi ’l quddiem fir-riformi u l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea;

28.   josserva wkoll li, meta l-pubbliku ġenerali jsir konxju tal-konsegwenzi tat-tmexxija frammentata tal-Bosnja, ser ikun hemm pressjoni fuq is-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet u madankollu dan għandu jwassal għal riforma. Sabiex ikun hemm din il-pressjoni, l-UE trid tagħmilha ċara x’inhuma l-għażliet politiċi reali – enfasi kontinwa fuq il-kwistjonijiet li jaggravaw il-firda jew politika li twitti t-triq għall-erba’ libertajiet tas-suq intern;

29.   wasal għall-konklużjoni li, fil-qasam tal-viża, l-għamla u s-sustanza tad-dibattitu għandhom jinbidlu. Il-kwistjoni tal-viża turi li, jekk l-opinjoni pubblika titlob hekk, il-mexxejja nazzjonali wkoll jkunu jistgħu jieħdu azzjoni. L-UE u b’mod partikolari l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom responsabbiltà x’jerfgħu hawnhekk. Iċ-ċittadini Bosnjaċi għandhom jiġu megħjuna mill-mexxejja lokali tagħhom sabiex jifhmu x’inhuma l-esiġenzi – u l-vantaġġi – tal-integrazzjoni. L-impenn u l-koerenza għandhom jissaħħu, u l-enfasi għandha ssir fuq il-valuri u l-ideat li jirrispettaw il-prinċipju tar-rispett tal-bniedem u ta’ drittijietu;

30.   jaqbel mal-Kummissjoni li l-istrutturi istituzzjonali attwali jwasslu għal ineffiċjenzi li għandhom impatt negattiv fuq in-negozju;

31.   jagħraf li jeżistu l-mezzi li jappoġġjaw il-forzi tar-riforma fil-Bosnja, forzi li jridu jippromovu kemm stat aktar b’saħħtu kif ukoll proċess tad-deċentralizzazzjoni b’awtoritajiet lokali msaħħa. Iċ-ċittadini li jixtiequ jivvjaġġaw, u li jifhmu għaliex hemm nuqqas ta’ investiment jew għaliex il-fondi strutturali għad baqagħlhom ħafna biex isiru realtà, jistgħu jagħmlu parti mill-grupp li jmexxi ’l quddiem id-dibattitu f’oqsma oħra minbarra dak relatat mal-kwistjoni tal-viża. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jappoġġja l-kampanji ta’ informazzjoni u l-laqgħat fil-Bosnja mar-rappreżentanti lokali, li min-naħa tagħhom jistgħu jħeġġu l-bidla;

32.   josserva li l-kumplessità istituzzjonali hija waħda mir-raġunijiet li l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom biss informazzjoni limitata dwar l-UE u l-IPA;

33.   jasal għall-konklużjoni li l-gvern nazzjonali għandu jissaħħaħ f’għadd ta’ oqsma ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari billi jingħata r-responsabbiltà li jfassal liġi konġunta dwar il-governanza lokali;

34.   jitlob li l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-IPA;

Is-Serbja

35.   jilqa’ l-fatt li l-Parlament Serb approva l-istatut il-ġdid tal-Provinċja Awtonoma ta’ Vojvodina li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u li jsaħħaħ il-kompetenzi reġjonali ta’ Vojvodina, u josserva li s-Serbja għamlet passi kbar ’il quddiem fil-proċess tal-integrazzjoni. Iżda l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni għadu pjuttost frammentat u, b’dispjaċir, jinnota li l-oqsma ta’ responsabbiltà tal-ministeri huma ddupplikati. Bħalissa qed issir ħidma ta’ riforma biex jiġi żviluppat livell reġjonali li jkollu r-responsabbiltà għall-kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp u t-tkabbir, iżda għad hemm xi konfużjoni rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li x-xogħol li qed isir fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet mill-assoċjazzjoni tal-muniċipalitajiet Serbi (3) – li għandha appoġġ internazzjonali – huwa riżorsa ewlenija fil-modernizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali;

36.   josserva li l-proċess ta’ integrazzjoni għandu akkumpanjat minn riforma interni implimentati fil-livelli kollha tal-governanza;

37.   jilqa’ l-fatt li l-Kunsill Nazzjonali għad-Deċentralizzazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja, li twaqqaf f’Marzu 2009, ingħata l-kompitu li jfassal strateġija komprensiva għad-deċentralizzazzjoni skont l-istandards Ewropej. Dan għandu jagħti spinta lix-xogħol li għaddej bħalissa fil-qasam tar-riforma;

38.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar biex jissaħħu s-setgħat tal-awtoritajiet lokali. Finanzi sodi u, għaldaqstant, prevedibbli huma ħtiġijiet ewlenin li jitolbu mhux biss miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, iżda wkoll ħidma bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali jissodisfaw bis-sħiħ il-kriterji ta’ Kopenħagen li jesiġu istituzzjonijiet pubbliċi stabbli. Huwa importanti li fil-futur qrib il-beni immobbli jingħataw lura lill-awtoritajiet lokali u li tinħoloq il-possibbiltà li dawn ikunu jistgħu jakkwistaw il-proprjetà;

39.   josserva li, minkejja li s-Serbja għandha sistema għall-istandardizzazzjoni fiskali, ċerti awtoritajiet lokali jsibuha diffiċli jipprovdu s-servizzi bażiċi. Fost ir-riformi meħtieġa, insibu miżuri favur it-tisħiħ tal-awtonomija finanzjarja tal-awtoritajiet lokali. Dan jista’ jinkiseb bis-saħħa ta’ prinċipju finanzjarju li jiżgura li l-ispejjeż li jintefqu f’oqsma ta’ responsabbiltà ġodda jiġu koperti mill-fondi statali;

40.   jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva li ħadet is-Serbja bil-għan li tiffaċilita l-miżuri ambjentali tal-awtoritajiet lokali permezz ta’ fond favur l-ambjent ibbażat fuq it-taxxi ambjentali. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-konformità tal-awtoritajiet lokali mal-UE. L-awtoritajiet lokali jirċievu parti minn din it-taxxa fil-forma ta’ dħul bi skop speċifiku, bħall-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għat-tfassil tal-evalwazzjonijiet ambjentali;

41.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fis-Serbja, l-IPA jitqies l-aktar bħala strument għar-riforma tal-gvern ċentrali u għall-iffaċilitar tal-infrastruttura fuq skala kbira. F’dan il-kuntest, jiddispjaċih li parti limitata ħafna biss hija ddedikata għall-ħidma li hija meħtieġa b’mod urġenti, pereżempju, favur l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-livell lokali;

42.   jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 tal-Parlament Serb dwar l-avvenimenti li ġraw f’Srebrenica f’Lulju 1995, li fiha ġie kkundannat il-massakru li seħħ hemmhekk. L-adozzjoni tar-riżoluzzjoni hija pass importanti ’l quddiem biex is-Serbi jivvalutaw mill-ġdid il-passat tagħhom. Għalhekk, il-gvern Serb qiegħed jibgħat messaġġ pożittiv favur ir-rikonċiljazzjoni, l-iżvilupp fis-Serbja u l-ħolqien ta’ rabtiet aktar stretti mal-Unjoni Ewropea;

Il-Kosovo (4)

43.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-proċess ta’ stabilizzazzjoni li għaddej fil-Kosovo. Il-miżuri meħuda minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom grupp kbir ta’ Stati Membri tal-UE, wittew it-triq għal stat tad-dritt stabbli u għat-titjib tas-sikurezza taċ-ċittadini. Madankollu, ċerti aspetti ta’ dan il-proċess ta’ stabilizzazzjoni jixbhu s-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina u jiġbdu l-attenzjoni għall-periklu ta’ kunflitti etniċi li jistgħu jxekklu l-integrazzjoni fil-ġejjieni. Dan jista’ jxekkel il-proċess tal-integrazzjoni fil-Kosovo, fejn il-livell tal-edukazzjoni fis-soċjetà huwa baxx u l-istituzzjonijiet pubbliċi huma sottożviluppati;

44.   jisħaq fuq l-importanza li jibqgħu jiġu rispettati l-prinċipji tal-istat tad-dritt, u jirrikonoxxi li l-preżenza internazzjonali fil-pajjiż taqdi rwol deċiżiv fil-miżuri meħuda biex jiġi żgurat li l-gruppi etniċi jgħixu flimkien fil-paċi;

45.   jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi li qed jieħu l-Kosovo fil-qasam tar-riformi tal-awtoritajiet lokali u l-ħidma li qed iwettaq favur id-deċentralizzazzjoni;

46.   josserva li l-iżviluppi attwali fil-Kosovo qed jipproduċu għadd akbar ta’ awtoritajiet lokali bbażati fuq l-etniċità, u dan iġib miegħu bżonn akbar ta’ djalogu fil-livell lokali. Fid-dawl ta’ din it-tendenza, il-korpi ta’ kooperazzjoni fil-livell lokali jaqdu rwol partikolarment importanti fit-tħeġġiġ tal-koordinazzjoni f’dan il-livell. It-tnedija ta’ proġetti konġunti fil-qasam tal-IPA tista’ sservi biex tqarreb dawn il-korpi lejn xulxin. Huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp futur tal-Kosovo, mhux biss fid-dawl tal-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi iżda anke minħabba r-rwol importanti li jaqdu l-istituzzjonijiet sabiex jippromovu s-solidarjetà soċjali u l-universalità tas-servizzi pubbliċi bażiċi, li l-istituzzjonijiet iddupplikati għal raġunijiet etniċi (bħall-iskejjel u l-isptarijiet) ikunu jistgħu jiġu evitati. Affarijiet bħal dawn jibdew jissimbolizzaw id-defiċjenzi politiċi u l-ġestjoni ħażina tal-fondi pubbliċi, pubbliċi, u fuq kollox ikomplu biss ikabbru d-diviżjonijiet etniċi;

47.   jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari għall-kapaċitajiet fil-qasam tat-tagħlim fil-Kosovo, peress li l-pajjiż għandu jkun jista’ jgawdi mill-kompożizzjoni demografika tiegħu. Jeżisti periklu serju li għadd kbir ta’ żgħażagħ (dawn huma numerużi ħafna fil-pajjiż) jemigraw wara li jispiċċaw l-iskola;

48.   jisħaq fuq l-importanza li l-Kosovo jiżviluppa l-kapaċitajiet istituzzjonali tiegħu jekk jixtieq juża r-riżorsi pubbliċi limitati li għandu b’mod effettiv. Fl-istess ħin, dan jillibera r-riżorsi meħtieġa għal titjib f’oqsma oħra, pereżempju dak tas-saħħa pubblika;

49.   jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jkun hemm investiment fuq skala kbira fl-edukazzjoni biex titjieb l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-akkwisti pubbliċi li ġiet adottata reċentement;

50.   jirrakkomanda li l-programm tal-IPA jintuża bħala riżorsa għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fuq skala wiesgħa fil-Kosovo. B’hekk, l-esiġenzi tal-integrazzjoni u l-vantaġġi tal-adeżjoni mal-UE jkunu jistgħu jinftiehmu aħjar;

Il-Montenegro

51.   jilqa’ b’sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Montenegro rigward il-proċess tal-integrazzjoni. Dan l-aġir huwa rifless fid-djalogu formali bejn il-gvern u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali, li jiltaqgħu diversi drabi matul is-sena;

52.   jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn urġenti ta’ persunal kwalifikat f’kull livell tal-amministrazzjoni pubblika tal-Montenegro. Dan wassal lill-gvern biex jiffoka r-riżorsi tiegħu fuq ħidma fil-qasam tal-koordinazzjoni, qasam li fih l-awtoritajiet lokali huma rappreżentanti tajjeb ħafna. Dan diġà ta xi riżultati, kemm f’dak li jirrigwarda r-ritmu tal-proċess tar-riforma, kif ukoll fil-kapaċità koordinattiva tal-investituri esterni. Dan kollu kien possibbli minħabba li l-awtoritajiet lokali huma fil-qalba tal-programm tal-IPA;

53.   josserva li, minkejja d-dewmien fil-proċess tar-riforma, ir-riforma kontinwa tal-awtoritajiet lokali kienet preċeduta minn dibattitu wiesa’ kemm dwar ir-rwol tas-sindki kif ukoll dwar l-isħubijiet volontarji tal-awtoritajiet lokali biex jitħejjew b’mod aktar effettiv għall-appoġġ tal-Fondi Strutturali;

54.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-leġiżlazzjoni aktar riġida li ġiet introdotta biex trażżan il-korruzzjoni fl-elezzjonijiet lokali permezz ta’ verifika esterna aktar rigoruża;

55.   josserva li l-influwenza tal-awtoritajiet lokali fuq ir-ratti tat-taxxa hija limitata, u dan għandu implikazzjonijiet għall-awtonomija lokali;

56.   josserva wkoll li l-perijodu ta’ tliet snin li jridu jgħaddu biex l-ewwel proġetti ffinanzjati mill-IPA jaslu sal-fażi implimentattiva, jiġifieri mill-ippjanar inizjali sat-tnedija, huwa twil wisq u inaċċettabbli. Anke jekk, fis-snin li ġejjin, il-fażi preparatorja tal-appoġġ ipprovdut mill-IPA ser tiqsar, ir-regoli xorta waħda għandom jiġu ssemplifikati bil-għan li l-implimentazzjoni tieħu inqas żmien;

L-Islanda

57.   jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jinfetħu n-negozjati mal-Islanda dwar l-adeżjoni fl-UE u l-inklużjoni tal-pajjiż bħala benefiċjarju tal-appoġġ finanzjarju ta’ qabel l-adeżjoni skont l-Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

Brussell, 9 ta’ Ġunju 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  www.aii-ps.org

(2)  Network of Associations of Local Authorities of South East Europe (netwerk tal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali fix-Xlokk tal-Ewropa).

(3)  Standing Conference of Towns and Municipalities (Konferenza permanenti tal-bliet u l-muniċipalitajiet).

(4)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244/99 tal-Kunsill tas-Sikurezza tan-Nazzjonijiet Uniti UNSCR 1244/99.


Top