EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0145

Kawża C-145/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgerichts Wien (l-Awstrija) fit- 22 ta’ Marzu 2010 — Eva-Maria Painer vs Standard VerlagsGmbH et

OJ C 148, 5.6.2010, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgerichts Wien (l-Awstrija) fit-22 ta’ Marzu 2010 — Eva-Maria Painer vs Standard VerlagsGmbH et

(Kawża C-145/10)

2010/C 148/27

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgerichts Wien (l-Awstrija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eva-Maria Painer

Konvenuti: Standard VerlagsGmbH, Axel Springer AG, Süddeutsche Zeitung GmbH, SPIEGEL-Verlag Rudolf AUGSTEIN GmbH & Co KG, Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti minħabba ksur tad-dritt tal-awtur sostanzjalment identiċi bbażati fuq bażijiet legali li huma differenti skont il-pajjiż, iżda li l-kontenut tagħhom huwa essenzjalment identiku — kif inhu l-każ għall-Istati Ewropej kollha fir-rigward tad-dritt li jinkiseb mandat ta’ inibizzjoni tal-aġir inkwistjoni indipendentament minn kull nuqqas tal-konvenut, id-dritt għal kumpens adegwat għal atti li jiksru d-dritt tal-awtur u d-dritt għad-danni minħabba l-użu illegali tax-xogħol — ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu u għaldaqstant li dawn it-talbiet jkunu investigati u deċiżi fl-istess żmien?

(2)

(a)

Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2), l-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li artikolu tal-istampa jiċċita xogħol jew oġġett ieħor protett ma jkunx xogħol litterarju protett mid-dritt tal-awtur ma jostakolax l-applikazzjoni tiegħu?

(b)

Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li l-isem tal-awtur jew l-artist li jinterpreta x-xogħol jew oġġett ieħor protett ma jkunx indikat ma jostakolax l-applikazzjoni tiegħu?

(3)

(a)

Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(e) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu fl-interess tal-ġustizzja kriminali fil-kuntest tas-sigurtà pubblika jirrikjedi sejħa konkreta, attwali u espressa tal-awtoritajiet ta’ sigurtà li jippublikaw ir-ritratt, jiġifieri li r-ritratt għandu jiġi ppubblikat għall-finijiet ta’ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet, u li hemm ksur tad-dritt tal-awtur jekk dan ma jsirx?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 3(a) iktar ’il fuq: jistgħu l-medja jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 anki fil-każ fejn dawn jiddeċiedu minn rajhom, mingħajr avviż ta’ tfittixija mill-awtoritajiet, li dawn ir-ritratti jkunu ppubblikati “fl-interess tas-sigurtà pubblika”?

(ċ)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(b) iktar ’il fuq: f’dan il-każ, huwa biżżejjed l-medja tiddikjara a posteriori li ritratti jkunu ġew ippubblikati għall-finijiet ta’ investigazzjoni, jew, fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ li ssir sejħa konkreta lill-qarrejja, sabiex jintalbu jikkontribwixxu jagħtu dawl fuq ksur ta’ liġi kriminali u li din is-sejħa tkun direttament assoċjata mal-pubblikazzjoni tar-ritratt?

(4)

Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (KEDB), tal-20 Marzu 1952, u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), l-Artikoli 1(1) u 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (irriveduta f’Pariġi fl-24 ta’ Lulju 1971 u emendata fit-28 Settembru 1979), għandhom jiġu interpretat fis-sens li d-dritt tal-awtur jagħti lil xogħlijiet fotografiċi u/jew lil ritratti, b’mod partikolari lil ritratti ta’ persuni, protezzjoni “inqas” jew saħansitra l-ebda protezzjoni, minħabba l-fatt li, fir-rigward tar-“ritratt realista”, dawn tal-aħħar għandhom potenzjal artistiku żgħir wisq?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

(3)  ĠU 2000, C 364, p. 1


Top