EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1458

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress COM(2009) 340 finali - 2009/0091 (COD)

OJ C 318, 23.12.2009, p. 84–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress”

COM(2009) 340 finali - 2009/0091 (COD)

2009/C 318/16

Relatur Ġenerali: is-Sinjura Gabriele BISCHOFF

Nhar is-17 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 152 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress

Nhar l-14 ta’ Lulju 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

B’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu tat-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009) li jaħtar lis-Sinjura Gabriele BISCHOFF bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1

Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-Programm Progress sabiex tissaħħaħ l-Ewropa soċjali, jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, jitnaqqas il-faqar u tinkiseb koeżjoni soċjali akbar. Flimkien mal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), dan il-programm huwa wieħed mill-istrumenti ċentrali li jappoġġjaw l-Aġenda Soċjali. Barra minn hekk, wieħed mill-kompiti ewlenin tal-Programm Progress huwa li jagħti l-appoġġ tiegħu sabiex id-dimensjoni soċjali tkompli tiżviluppa.

1.2

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-isforzi kollha huma kkonċentrati fuq il-ġestjoni tal-kriżi u li, f’dan il-kuntest, ser jiġi eżaminat x’kontribut tista’ tagħti kull linja tal-baġit għall-ġestjoni tal-kriżi, b’mod partikolari biex jiġu assigurati l-impjiegi u biex jinħolqu impjiegi ġodda.

1.3

Huma n-nies qiegħda u l-gruppi żvantaġġati li għandhom bżonn appoġġ u konsulenza effikaċi biex ikunu jistgħu jibdew jaħdmu għal rashom. Għal dan il-għan jeżisti, fost strumenti oħra, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu ppreżentati b’mod aktar dettaljat dawk l-aspetti fejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-faċilità ta’ mikrofinanzjament Progress jikkoinċidu sabiex jiġi żgurat li jinħolqu l-offerti u l-aċċess għall-kreditu maħsuba għal gruppi mmirati speċifiċi u jiġi evitat l-irduppjar.

1.4

Kif jagħmel fl-opinjoni tiegħu INT/494, fil-prinċipju l-KESE jappoġġja l-idea li jiġu pprovduti mikrokrediti b’kundizzjonijiet vantaġġużi għall-mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali bil-kundizzjoni li jimpjegaw nies qiegħda jew persuni żvantaġġati. Però jeħtieġ li jiġi definit b’mod aktar ċar xi jkopri dan il-kunċett.

1.5

Madankollu, il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li r-riallokazzjoni tal-fondi u t-tnaqqis tal-fondi b’EUR 25 miljun fis-sena marbut magħha jista’ jkollhom konsegwenzi konsiderevoli fuq l-effiċjenza u l-ambitu tal-Programm Progress fis-snin 2010-2013, anke fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri u l-orjentament strateġiku tal-programm. Għalhekk il-Kummissjoni qed tintalab tippreżenta l-konsegwenzi b’mod aktar dettaljat u teżamina l-alternattivi possibbli. Barra minn dan, għandhom jiġu ppreżentati l-konsegwenzi possibbli fuq linji tal-baġit u programmi oħra, b’mod partikolari l-FSE u l-linji tal-baġit awtonomi, pereżempju d-djalogu soċjali.

1.6

Billi l-Kumitat jiddubita kemm ir-riallokazzjoni tal-baġit mhux ser tikkomprometti l-effikaċja tal-Programm Progress fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi Ewropea, jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif l-objettivi tal-Programm Progress ser jintlaħqu aħjar bil-fondi li għandhom jiġu riallokati milli bl-approċċ li kien previst s’issa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jintwera kif jista’ jiġi żgurat l-iżvilupp ulterjuri tal-Ewropa soċjali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iżvilupp, il-komunikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġija post-Lisbona wara l-2010.

1.7

Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi ppreċiżat kif Progress għandu jiġi implimentat b’mod aktar effettiv u kif jistgħu jinkisbu pjanar aktar strateġiku u miżuri aktar immirati; u li jiġi spjegat f’liema oqsma u b’liema miżuri jistgħu jitfaddlu l-flus mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi u l-orjentament strateġiku tal-programm fiż-żmien li fadallu.

1.8

Jitlob ukoll tagħrif dwar x’inċentivi tas-suq għandhom jinħolqu sabiex is-settur bankarju fil-fatt iwettaq il-kompitu tiegħu, fost kompiti oħra li għandu, li jagħti l-krediti.

2.   Introduzzjoni u sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Fis-segwitu tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Nixprunaw l-irkupru Ewropew” (1) kif ukoll tal-iskambju ta’ fehmiet fis-Summit dwar l-Impjiegi nhar is-7 ta’ Mejju 2009, fit-3 ta’ Ġunju 2009 l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (2), ipproponiet diversi azzjonijiet ta’ prijorità, fosthom:

użu aħjar tal-arranġamenti għat-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol;

antiċipazzjoni u mmaniġġjar aħjar tar-ristrutturar;

tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi;

appoġġ għaż-żgħażagħ.

2.1.1   Ġie rakkomandat b’mod partikolari li l-Istati Membri, flimkien mal-imsieħba soċjali u bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), jgħinu lin-nies qiegħda u liż-żgħażagħ jibdew negozju tagħhom fuq bażi sostenibbli, pereżempju billi jipprovdu taħriġ fil-qasam intraprenditorjali u kapital biex jibdew (3).

2.1.2   Il-linji tal-baġit disponibbli kollha, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, għandhom jikkontribwixxu aktar għall-ġestjoni tal-kriżi. L-għajnuna finanzjarja tal-FSE għandha, fost affarijiet oħra, tiġi kkonċentrata fuq il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti, pereżempju billi jiġi appoġġjat il-ħolqien tal-intrapriżi jew jitnaqqsu l-ispejjeż għall-għoti tal-krediti.

2.1.2.1

Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ faċilità Ewropea ġdida ta’ mikrofinanzjament għall-impjiegi bil-għan li jinfetħu possibbiltajiet ġodda għan-nies qiegħda u li titwitta t-triq tat-twaqqif ta’ intrapriża, speċjalment għall-gruppi żvantaġġati, fosthom iż-żgħażagħ.

2.1.2.2

Minbarra l-għajnuna marbuta mar-rati ta’ interess li tingħata mill-FSE, dawk li jwaqqfu mikrointrapriża għandhom jiġu appoġġjati wkoll permezz tal-iggwidar, it-taħriġ, il-konsulenza u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet (4).

2.2   Fl-aħħar nett, fit-2 ta’ Lulju 2009 l-Kummissjoni pproponiet faċilità ġdida ta’ mikrofinanzjament għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali – Progress (5), li għandha tgħin fit-twaqqif ta’ mikrointrapriżi minn nies qiegħda u gruppi żvantaġġati u fl-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija soċjali. Barra minn dan, tipproponi li jiġu riallokati EUR 100 miljun mill-baġit attwali, billi jintuża l-Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress.

2.3   Il-Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress (2007-2013) huwa strument ta’ finanzjament li bih għandha tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-ugwaljanza. Ikopri wkoll l-iżvilupp ulterjuri tagħhom. Barra minn dan, Progress jgħin fl-implimentazzjoni u t-tfassil tal-Aġenda Soċjali Ewropea. Il-missjoni tal-programm hija wkoll li jsaħħaħ l-appoġġ għall-impenji u l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar u jibnu soċjetà aktar koeżiva (6).

2.3.1

S’issa mill-fondi ta’ Progress ġew iffinanzjati:

l-analiżi u l-konsulenza politika;

is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE;

il-promozzjoni tal-iskambju tal-politiki bejn atturi differenti;

il-pjattaformi għall-iskambju tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri.

2.3.2

Barra minn hekk, skont il-loġika tal-qafas strateġiku, Progress jipprovdi dawn il-prodotti  (7):

taħriġ u tagħlim rilevanti ta’ professjonisti legali u tal-politika;

rapporti dwar il-monitoraġġ / valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-liġi u tal-politika tal-UE;

identifikazzjoni u tixrid ta’ prattiki tajbin;

attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, netwerking bejn il-partijiet interessati, u avvenimenti;

għodda, metodi u indikaturi statistiċi adattati;

konsulenza, riċerka u analiżi adattata tal-politika;

appoġġ għall-NGOs u n-netwerks.

2.3.3

Bit-twaqqif tal-Programm Progress ġew sostitwiti bosta programmi Komunitarji preċedenti bil-għan li jinħolqu s-sinerġiji u jinkisbu, b’dan ir-raggruppament, aktar trasparenza u koerenza.

2.4   Fl-2005, fl-opinjoni tiegħu SOC/188, il-KESE laqa’ b’mod ċar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li, flimkien mal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), fil-ġejjieni Progress ikun wieħed mill-istrumenti ċentrali li jappoġġjaw l-Aġenda Soċjali.

2.4.1

Fl-istess opinjoni, madankollu l-KESE fakkar fl-importanza li jkun hemm fondi baġitarji suffiċjenti għal Progress. U esprima d-dubji tiegħu dwar kemm il-mezzi proposti mill-Kummissjoni Ewropea huma biżżejjed. Barra minn dan, għandu jiġi żgurat li s-semplifikazzjoni amministrattiva mħabbra ma twassalx biss għal ġestjoni teknika aħjar tal-programm, iżda wkoll għall-istrutturar adegwat tal-kontenut b’mod li jiffavorixxi l-gruppi mmirati.

2.4.2

Barra minn hekk, il-Kumitat ħeġġeġ li flimkien mal-promozzjoni tan-netwerks UE-NGO rilevanti jiġi promoss ukoll l-iskambju bejn l-atturi tas-soċjetajiet ċivili nazzjonali.

2.5   Fil-kuntest tal-ftehim interistituzzjonali tal-2006 u bl-insistenza tal-Parlament Ewropew, il-fondi ta’ Progress żdiedu b’EUR 114 miljun. Għaldaqstant, il-programm beda b’baġit totali ta’ EUR 743 250 000 għal perijodu ta’ seba’ snin (2007-2013) u ġie strutturat b’mod korrispondenti. Dan il-baġit għandu jintuża biex jippromovi l-bidliet u l-immodernizzar fil-ħames oqsma ta’ Progress: l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

2.6   Progress huwa miftuħ għas-27 Stat Membru tal-UE, għall-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE u għall-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE. Il-gruppi mmirati huma l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-aġenziji pubbliċi tal-impjiegi u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika. L-universitajiet, l-istituti tar-riċerka kif ukoll l-imsieħba soċjali u l-ogranizzazzjonijiet mhux governattivi jistgħu jieħdu sehem ukoll.

2.6.1

Il-Kummissjoni tagħżel il-proġetti li jkunu ser jiġu appoġġjati finanzjarjament jew fuq il-bażi ta’ sejħa għal offerti pubbliċi jew permezz ta’ sejħa għal proposti.

2.7   Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-riallokazzjoni ta’ parti mir-riżorsi baġitarji mhux ser tkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-Programm Progress.

2.7.1

Il-kontribut ta’ EUR 100 miljun għandu jiġi allokat għall-faċilità Ewropea l-ġdida ta’ mikrofinanzjament għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali – Progress, jiġifieri għall-perijodu li fadal, mill-2010 sal-2013, Progress ser ikollu EUR 25 miljun inqas fis-sena (8).

2.7.2

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress jinbidel kif ġej:

“Il-qafas finanzjarju sabiex jiġu implimentati l-attivitajiet Komunitarji msemmija f’din id-Deċiżjoni, għall-perijodu ta’ żmien li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013, huwa b’dan stabbilit għal EUR 643 250 000” (9).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-fatt li ser jiġi eżaminat x’kontribut jista’ jagħti kull programm Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżi, b’mod partikolari biex jiġu assigurati l-impjiegi u biex jinħolqu impjiegi ġodda.

3.1.1

Huma preċiżament l-aktar gruppi żvantaġġati, jiġifieri n-nies qiegħda, iż-żgħażagħ, il-persuni li qed irabbu t-tfal waħdehom, il-migranti jew in-nisa, li għandhom bżonn appoġġ effikaċi. Madankollu, mhux biżżejjed li jiġu pprovduti l-krediti, għaliex aktar mill-krediti huma għandhom bżonn il-konsulenza, il-kwalifiki u l-appoġġ minn qabel, b’mod partikolari sabiex ifasslu pjan ta’ negozju tajjeb. Hawnhekk għandhom jiġu ppreżentati dawk l-aspetti fejn l-appoġġ jikkoinċidi ma’ dak tal-FSE, anke sabiex jiġu eżaminati l-opportunitajiet u r-riskji possibbli tal-idea tan-negozju.

3.2   Fil-prinċipju, meta tkun qed titfassal il-faċilità ta’ mikrofinanzjament Progress għandha ssir distinzjoni akbar bejn il-gruppi mmirati:

a)

il-mikrointrapriżi eżistenti fl-ekonomija soċjali

b)

l-applikanti individwali.

3.3   Kif jagħmel fl-opinjoni tiegħu INT/494, fil-prinċipju l-KESE jappoġġja l-idea li jiġu pprovduti mikrokrediti b’kundizzjonijiet vantaġġużi għall-individwi u l-mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali bil-kundizzjoni li permezz ta’ dan jinħolqu jew jiġu żgurati l-impjiegi. Madankollu, il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li r-riallokazzjoni tal-fondi u t-tnaqqis tal-fondi b’EUR 25 miljun fis-sena marbut magħha jista’ jkollhom konsegwenzi konsiderevoli fuq l-effiċjenza u l-ambitu tal-Programm Progress (10). Hemm dubji, b’mod partikolari, dwar kif Progress ser iwettaq b’mod suffiċjenti l-kompitu tiegħu li jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-Ewropa soċjali, anke fil-perspettiva tal-istrateġija post-Lisbona. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta dan l-aspett b’mod aktar dettaljat mill-aktar fis possibbli. Mhux biżżejjed li, bħalma ġara fl-evalwazzjoni ex-ante  (11), tinsilet il-konklużjoni li l-adegwatezza tal-linji tal-baġit ta’ Progress ġejja mill-fatt li l-flus realistikament għandhom jittieħdu minn linja tal-baġit li diġà teżisti.

3.3.1

Fl-aħħar nett, jeżistu linji tal-baġit u programmi oħra, li xi drabi huma ħafna aktar estensivi, b’mod partikolari l-FSE, li diġà joffru l-possibbiltà li l-Istati Membri jużaw il-fond għall-mikrokrediti. Madankollu, s’issa l-Istati Membri qatt ma użaw din il-possibbiltà.

3.3.2

Barra minn hekk, għandhom jiġu ppreżentati l-konsegwenzi li jista’ jkun hemm fuq linji tal-baġit awtonomi, bħad-djalogu soċjali.

3.4   B’mod ġenerali għadu mhux ċar x’inċentivi għandu s-settur bankarju sabiex jassumi l-kompitu konkret tiegħu li jagħti l-krediti. Fih innifsu l-ħruġ ta’ fondi mill-Programm Progress sabiex ikun hemm il-flus għal miżura waħda ma jirrappreżenta l-ebda valur miżjud għall-promozzjoni tal-objettivi tal-Programm Progress. Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummisjoni tipproponi l-inċentivi tas-suq korrispondenti sabiex jinħoloq, min-naħa tal-offerta, suq tal-mikrokrediti għall-gruppi mmirati msemmija.

3.5   Fl-istess ħin il-Kummissjoni hija mitluba tispjega jekk il-programm tal-faċilità ta’ mikrofinanzjament jistax jiġi ffinanzjat minn fondi baġitarji oħra jew minn programmi oħra. Wara li jsir dan biss jista’ jingħad li qed jintefqu l-fondi addizzjonali għall-promozzjoni tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. Bħala konsegwenza tal-kriżi l-Ewropa ser tiffaċċja sfidi kbar: qgħad dejjem jiżdied, dħul dejjem jonqos mit-taxxi u defiċits kbar fil-baġit. F’dan ir-rigward, Progress għandu jagħti kontributi importanti wkoll. Għaldaqstant għandu jiġi żgurat li jkun hemm fondi biżżejjed biex jagħmel dan.

3.6   Jekk il-faċilità l-ġdida ta’ mikrofinanzjament tiġi ffinanzjata permezz ta’ riallokazzjoni tal-fondi ta’ Progress, għandu jiġi spjegat b’mod aktar konkret liema proġetti jew prodotti ser jitneħħew jew jitnaqqsu billi l-baġit ta’ Progress ser ikollu EUR 25 miljun inqas fis-sena. Dan it-tnaqqis – li fil-perijodu kollu (2007-2013) jammonta għal ftit iktar minn 13 % iżda fil-verità huwa ħafna iktar minn hekk għaliex il-EUR 100 miljun ser jittieħdu u jiġu riallokati mill-baġit li fadal għall-2010-2013 – m’għandux iwassal biex, pereżempju, jitnaqqas l-appoġġ għal netwerks Ewropej ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma ffinanzjati minn Progress. Bħal fil-każ tal-qafas strateġiku ta’ Progress, l-indikatur tal-prestazzjoni għal Progress huwa l-ammont ta’ fondi li jingħataw lill-NGOs u lin-netwerks.

3.6.1

B’hekk, fil-qafas strateġiku tal-2009 ġiet enfasizzata r-rieda li jiżdiedu l-investimenti fil-qasam, li tiżdied il-kapaċità tan-netwerks nazzjonali u tal-UE biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-politki kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali u jinfluwenzaw dawn il-proċessi (12).

3.7   Fl-istess ħin, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-ebda każ ma ġie indikat li jitnaqqas il-finanzjament tal-miżuri fil-qasam tat-tagħlim reċiproku (mutual learning / peer-reviews), li huwa parti ewlenija tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni. Dawn il-miżuri għandhom jiġu żviluppati sabiex tiġi appoġġjata aħjar il-ġestjoni tal-kriżi fl-Istati Membri, anke billi jiġu involuti aktar l-imsieħba soċjali u l-orgnanizzazzjonijiet mhux governattivi kkonċernati.

3.8   Il-Kumitat huwa konvint li t-tnaqqis ġenerali f’oqsma individwali ta’ Progress ser jipperikola l-objettivi u ser ikun ta’ ħsara kbira għall-effikaċja tal-programm. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li, jekk il-faċilità l-ġdida ta’ mikrofinanzjament titwaqqaf permezz tal-fondi ta’ Progress, għandu jissejjaħ il-Kumitat tal-Programm Progress u jiġi dikuss kif għandu jsir it-tnaqqis baġitarju, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

3.9   Fil-perijodu li fadal tal-Programm Progress għandu jintlaħaq ftehim ukoll dwar strateġija post–Lisbona ġdida, u din għandha tiġi kkomunikata u implimentata filwaqt li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha. Sabiex isir dan ser ikun hemm bżonn appoġġ kbir, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jiġi ffinanzjat mill-fondi ta’ Progress. Għal dan il-għan, il-pjan ta’ ħidma annwali ta’ Progress għall-2009 jipprevedi miżuri suffiċjenti. Mill-2010 għandhom jiġu ddedikati aktar fondi minn Progress.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 114, 4.3.2009.

(2)  COM(2009) 257.

(3)  COM(2009) 257, p. 7.

(4)  Ara ibid, p. 12.

(5)  COM(2009) 333 u COM(2009) 340.

(6)  Ara d-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea: “Nassiguraw li Progress jagħti riżultati – Qafas Strateġiku għall-implimentazzjoni ta’ Progress, il-programm tal-UE għall-impjiegi u s-solidarjetà soċjali (2007–2013)”, p. 5.

(7)  Ara ibid, p. 9.

(8)  Skont id-dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata tal-Kummissjoni, fi tmiem l-2009 ser ikunu ntefqu ftit aktar minn EUR 280 miljun mill-baġit totali ta’ EUR 745 miljun. Mill-ammont li jifdal imbagħad ser jiġu mnaqqsa u riallokati EUR 100 miljun.

(9)  COM(2009) 340.

(10)  Fl-evalwazzjoni ex-ante dwar il-proposta tagħha, il-Kummissjoni tispjega li huwa mixtieq li jiġu allokati iktar minn EUR 100 miljun għall-faċilità l-ġdida ta’ mikrofinanzjament, iżda jekk jitnaqqsu iktar minn EUR 100 miljun mill-fondi jista’ jkun hemm konsegwenzi negattivi fuq l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Programm Progress. Madankollu, ma tingħatax raġuni għaliex dan jiġri biss meta l-ammont jaqbeż il-EUR 100 miljun.

(11)  “The only realistic possibility would therefore be to reallocate funding from an existing budget line. The Progress budget line seems to be the most appropriate in this regard”. (Għalhekk, l-unika possibbiltà realistika hija li jiġu riallokati l-fondi minn linja tal-baġit eżistenti. Jidher li l-linja tal-baġit Progress hija l-aktar waħda adatta f’dan ir-rigward.) SEC(2009) 907, p. 12.

(12)  Kummissjoni Ewropea: “Nassiguraw li Progress jagħti riżultati – Qafas Strateġiku għall-implimentazzjoni ta’ Progress, il-programm tal-UE għall-impjiegi u s-solidarjetà soċjali (2007-2013)”, p. 18.


Top