EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0636

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi

OJ C 228, 22.9.2009, p. 123–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi

COM(2008) 616 finali

2009/C 228/24

Nhar is-6 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur OLSSON.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 88 vot favur, l-ebda vot kontra u 11-il astensjoni.

1.   Sfond

1.1   Sa mill-bidu nett tal-ħolqien tagħha, l-Unjoni Ewropea ngħatat il-missjoni li tiżgura l-iżvilupp armonjuż tal-ekonomiji billi tnaqqas l-inugwaljanzi reġjonali (1).

1.2   Din il-ħidma, li baqgħet pjuttost mistura fl-ewwel għexieren ta’ snin tal-integrazzjoni Ewropea, kisbet importanza kbira bis-saħħa tar-riforma tal-1988 imnedija minn Jacques Delors, b’riżultat tal-adozzjoni tal-Att Uniku li waqqaf il-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.

1.3   It-Trattat ta’ Amsterdam, iffirmat fl-1997, inkluda l-koeżjoni soċjali u territorjali flimkien mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħala espressjonijiet tal-valuri Ewropej (2).

1.3.1   It-Trattat ta’ Amsterdam jistipula li “l-Komunità għandu jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma naqas favoriti, inklużi ż-żoni rurali”.

1.4   Jekk il-proċedura tar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona tasal fi tmiemha, l-Unjoni Ewropea tingħata għan ġdid: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (3).

1.5   Ser tingħata attenzjoni partikolari “lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi” (4).

1.6   F’Mejju 2007, il-Kunsill informali tal-ministri responsabbli mill-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali adotta l-Aġenda Territorjali. F’dan id-dokument, is-27 Stat Membru jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw bejniethom, u mal-Kummissjoni u mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex iħeġġu l-iżvilupp territorjali poliċentriku tal-UE u użu aħjar tar-riżorsi disponsibbli fir-reġjuni (5).Adottaw ukoll programm ta’ ħidma sal-2011.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Fis-6 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat “Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi” (6). F’dan id-dokument qasir hija tibda billi tippreżenta l-koeżjoni ekonomika u soċjali minn perspettiva territorjali; imbagħad tidentifika l-vantaġġi u l-isfidi tad-diversità territorjali Ewropea, fid-dawl ta’ 3 tipi ewlenin ta’ rispons politiku – il-konċentrazzjoni, il-kollegament u l-kooperazzjoni – kif ukoll xi karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħar-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni gżejjer u r-reġjuni b’popolazjoni baxxa. Hija tissuġġerixxi li l-aħjar approċċ biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali huwa li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki settorjali u titwessa’ s-sħubija f’diversi livelli.

2.1.1   Il-konsultazzjoni tispiċċa b’lista ta’ 15-il mistoqsija miġbura f’6 temi. Il-KESE se jsegwi l-ordni li bih saru l-mistoqsijiet. Madanakollu, jinnota li kull darba l-mistoqsijiet huma ppreċeduti minn sentenza, li f’xi każijiet għandha tiġi diskussa.

2.1.2   Il-Green Paper tagħti opportunità lill-KESE biex jippreċiża l-kummenti tiegħu dwar il-koeżjoni territorjali billi jaqdi r-rwol speċifiku li ngħatalu mit-Trattati, u dwar il-kompożizzjoni tiegħu u l-għarfien tal-membri tiegħu.

2.1.3   Biex isaħħaħ id-dibattitu, il-KESE se jintrabat li jagħti wkoll il-kontribut tiegħu għad-diskussjonijiet tal-korpi Komunitarji l-oħra u mhux jappoġġjahom biss.

2.1.4   Ta’ min jinnota li d-dimensjoni territorjali tal-azzjoni Komunitarja u tal-politiki settorjali, u l-approċċ territorjali tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, ġew indirizzati f’diversi opinjonijiet tal-KESE, u dan huwa sors ta’ ispirazzjoni siewi ħafna.

2.1.5   Għaldaqstant, għall-KESE l-koeżjoni territorjali għandha tkun għan komuni, li għandu jintlaħaq bil-ħidma tal-livelli ġeografiċi kollha filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà; dan l-għan jintlaħaq b’mod effettiv biss jekk il-livelli kollha jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom b’mod ikkoordinat u komplementari.

2.2   Il-KESE għandu rwol essenzjali x’jaqdi biex jiffavorixxi adeżjoni u parteċipazzjoni ikbar tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proġett Ewropew u, f’dan il-każ, biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet li jippromovu l-koeżjoni territorjali. Jenfasizza li biex dan iseħħ tinħtieġ demokrazija parteċipattiva, li hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni (7).

2.2.1   Fil-fatt, it-tendenza li jiżdiedu l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, li ta’ sikwit jakkumulaw f’ċerti territorji, issarraf f’element ta’ riskju politiku sinifikattiv. Din it-tendenza tista’ żżid l-isfiduċja taċ-ċittadini fil-konfront tal-gvernijiet tagħhom, b’mod ġenerali, u tal-integrazzjoni Ewropea b’mod partikolari.

2.2.2   Iżda, min-naħa l-oħra, il-koeżjoni territorjali tista’ tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-kapital soċjali. Fil-fatt, l-għadd sabiħ ta’ relazzjonijiet bejn il-membri ta’ grupp jew ta’ komunità f’livell lokali, li huma garanzija ta’ dinamiżmu u innovazzjoni fil-livell soċjali, ekonomiku, politiku u kulturali, jiddependu ħafna mill-preżenza ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien armonjużi u possibbiltajiet ta’ skambji mat-territorji l-oħra.

2.3   Il-KESE jagħti prijorità partikolari lil approċċ imsejjes fuq il-ħtiġijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni, b’mod partikolari dawk l-iktar żvantaġġati, iridu jkunu fiċ-ċentru tad-dibattiti u għandhom ikunu wkoll għan fundamentali tal-koeżjoni territorjali. Il-progress soċjali mirfud mill-iżvilupp ekonomiku huwa l-bażi fundamentali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn iċ-ċittadini jew bejn it-territorji.

2.4   Peress li l-bniedem u ċ-ċittadinanza għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politiki u l-azzjonijiet Komunitarji, il-KESE jisħaq fuq l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem bħala strument essenzjali tal-koeżjoni territorjali.

2.4.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tkun ibbażata fuq kuntratt ġdid maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata, li jippermetti l-interazzjoni bejn proċeduri parteċipattivi minn isfel għal fuq, inklużi d-djalogu ċivili u l-inizjattivi tal-UE.

2.4.2   Għalhekk iħeġġeġ it-tħaddin tal-prinċipju “L-ewwel aħseb fiż-żgħir” bil-għan li jitfasslu politiki settorjali li jirriflettu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet soċjoekonomiċi fl-iżgħar livell territorjali.

2.5   Il-KESE jippromovi mudell soċjali Ewropew ibbażat fuq valuri u għanijiet komuni Ewropej li jintegraw l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali. Il-politika soċjali u l-politika ekonomika jiddependu minn xulxin u jsaħħu lil xulxin u ħafna drabi ikollhom impatt konkret fil-livell territorjali.

2.5.1   Il-KESE jfakkar li l-kunċett tal-koeżjoni territorjali ilu stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea iktar minn għaxar snin, flimkien mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-applikazzjoni fil-prattika ta’ dan l-Artikolu mil-lat legali u ekonomiku, minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam.

2.5.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kunċett ta’ territorju mhuwiex biss ġeografiku; jinkludi wkoll dimensjoni tal-identità. Għalhekk, il-koeżjoni territorjali hija marbuta mas-sens ta’ appartenenza, u tinkludi l-elementi kollha tal-ħajja individwali u kollettiva.

2.5.3   Għal xi wħud, it-territorju joħloq sens pożittiv u huwa sors ta’ kburija, pereżempju fil-każ ta’ raħal, belt jew reġjun b’passat prestiġjuż, b’wirt naturali konsiderevoli jew li jkun magħruf għad-dinamiżmu kulturali jew ekonomiku tiegħu. Bil-maqlub, għal oħrajn inissel sens negattiv minħabba li jassoċjawh ma għadd ta’ żvantaġġi, ma’ post ta’ tbatija ekonomika, privazzjonijiet u vjolenza soċjali, pereżempju fil-każ ta’ okalitajiet urbani żvantaġġati.

2.5.4   L-azzjoni favur il-koeżjoni territorjali trid għaldaqstant tkun kemm multidimensjonali kif ukoll multidirezzjonali; Xi minn daqqiet għandu jkollha l-għan li tiffaċilita u tappoġġja l-aspetti pożittivi, u xi minn daqqiet oħra li ssewwi jew timpedixxi l-aspetti negattivi.

2.6   Il-KESE huwa tal-fehma li jinħtieġ li tingħata forma konkreta lill-għan tal-koeżjoni territorjali u jsir operattiv, billi jiġi definit pjan direzzjonali ċar. Fil-fatt, fil-passat, l-istrateġija tal-“pjan direzzjonali” dejjem tat riżultati effikaċi ħafna, pereżempju l-hekk imsejjaħ għan tat-92 għas-suq uniku, l-istadji tal-unjoni ekonomika u monetarja, u n-negozjati għall-adeżjoni mal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Għaldaqstant jirrakkomanda li fit-tmiem tal-konsultazzjoni jiġu stabbiliti kemm skeda kif ukoll proposti marbuta mal-istrumenti u l-metodi ta’ azzjoni.

2.6.1   F’dan ir-rigward, jixtieq ifakkar li l-baġit Ewropew attwali ma jiżgurax l-implimentazzjoni xierqa tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa (8). Barra minn hekk, jikkundanna l-fatt li ta’ spiss l-imprattikabilità u l-kumplessità tal-proċeduri jxekklu l-aċċess tal-utenti finali – iċ-ċittadini u l-intrapriżi – għall-fondi.

2.6.2   Il-KESE jilqa’ l-Green Paper bħala pass ieħor fil-mixja lejn l-integrazzjoni Ewropea u jilqa’ wkoll il-ftuħ ta’ dan id-dibattitu. Jagħraf li dan l-għan il-ġdid jista’ joħloq ostakli materjali u oppożizzjoni politika. Madanakollu, il-KESE jiddispjaċih li dan id-dokument jagħti ftit wisq informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni li diġà jeżistu, u li ma jipproponix biżżejjed metodi ta’ azzjoni.

3.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet

3.1   Liema hija l-aħjar definizzjoni għall-koeżjoni territorjali?

3.1.1

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ġabritx id-diskussjonijiet li diġà saru fuq dan is-suġġett fil-Green Paper, għalkemm diġà pproponiet xi definizzjonijiet fir-Rapporti ta’ Koeżjoni tagħha.

3.1.2

Huwa jaqbel mal-analiżi li għamlet il-Kummissjoni fit-Tielet Rapport dwar il-Koeżjoni, li f’termini ta’ politika, l-għan huwa li jinkiseb żvilupp iktar bilanċjat billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jeżistu, billi jiġu evitati l-iżbilanċi territorjali u billi kemm il-politiki settorjali li għandhom impatt territorjali kif ukoll il-politika reġjonali jsiru iktar koerenti. Il-preokkupazzjoni hi wkoll li tittejjeb l-integrazzjoni u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, u biex, ikunu x’ikunu d-diffikulatjiet li jifaċċaw, il-kundizzjoni fundamentali tal-koeżjoni territorjali tkun aċċess ugwali għat-tagħmir bażiku, is-servizzi l-aktar essenzjali u l-għarfien – l-hekk imsejħa servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – għal kulħadd, ikunu fejn ikunu joqogħdu.

3.1.3

Fid-dawl tal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tippermetti li tiġi adottata viżjoni komuni tat-territorju Ewropew (9). Iqis li l-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorji tal-UE (10) għandu jservi biex jirrikonċilja l-kompetittività, il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-prestazzjoni ekonomika bbażata fuq l-għarfien (11) mal-għanijiet tas-solidarjetà u l-ekwità soċjali (12).

3.1.4

Il-KESE huwa tal-fehma li ċ-ċittadini jħaddnu tabilħaqq il-kunċett tal-koeżjoni territorjali jekk dan ikollu sinifikat ġenwin għalihom u jekk ikollhom sehem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE iħaddan id-definizzjoni tal-koeżjoni territorjali li tenfasizza l-“benefiċċji” mill-perspettiva taċ-ċittadini u tal-atturi soċjoekonomiċi fil-livell lokali: il-koeżjoni territorjali għandha tiggarantixxi ugwaljanza fl-opportunitajiet u kundizzjonijiet tal-għajxien indaqs lill-Ewropej kollha, kullimkien.

3.2   Liema elementi addizzjonali kieku toffri l-koeżjoni territorjali tista’ lill-mod kif l-Unjoni Ewropea bħalissa timplimenta l-koeżjoni ekonomika u soċjali?

3.2.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali tenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata sinerġija bejn il-koeżjoni ekonomika u soċjali. Fil-kuntest attwali, ikkaratterizzat minn sensiela ta’ kriżijiet – finanzjarji, ekonomiċi u dawk marbuta mal-ikel, mas-suq tal-proprjetà u mal-klima – il-koeżjoni territorjali tixħet dawl fuq in-natura mhux sostenibbli tal-mudell ta’ żvilupp li ilna nużaw dawn l-aħħar 50 sena.

3.2.2

Il-KESE huwa tal-opinjoni li t-tliet dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u territorjali għandhom ikunu promossi simultanjament, waqt li jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli.

3.2.3

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fit-Tielet Rapport dwar il-Koeżjoni, il-Kummissjoni fasslet tliet aspetti għal politika ta’ koeżjoni territorjali, u t-tlieta li huma importanti ndaqs: l-ewwel wieħed huwa korrettiv u jimmira għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi li jeżistu, it-tieni aspett preventiv ifisser titjib tal-koerenza tal-politiki settorjali li għandhom impatt territorjali u t-tielet aspett jipprovdi inċentiv bis-saħħa tal-integrazzjoni territorjali billi tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni.

3.2.4

Din id-dimensjoni tripla tidher raġonevoli għall-KESE, li madanakollu jixtieq jenfasizza li l-koeżjoni territorjali ma tista’ fl-ebda ċirkustanza tkun limitata li żżid biss komponent wieħed mal-politika attwali ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Fil-fatt, għandha titfassal strateġija territorjali, li trid tiġi definita fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u anke lokali li tħaddan l-oqsma ta’ politika kollha (13).

3.2.5

F’dak li għandu x’jaqsam mal-politiki strutturali tal-Unjoni (kif definiti fil-Green Paper), huwa jitlob li l-fondi jkunu integrati aħjar, u dan għandu jinvolvi aktar minn sempliċi koordinazzjoni bażika.

3.3   L-iskala u l-ambitu tal-azzjoni territorjali

3.3.1

Il-KESE jistagħġeb li l-Kummissjoni tippreżenta l-gvernanza f’diversi livelli bħala eventwalità jew possibbiltà biss, għax fil-fehma tiegħu hija ħtieġa li uriet l-effikaċja tagħha u li gradwalment qed tikkostitwixxi prinċipju ta’ tmexxija fl-Unjoni Ewropea.

3.3.2

Jappoġġja l-proposta dwar strateġija integrata, iżda jemmen, kif imsemmi qabel, li din trid tissarraf b’mod konkret f’miżuri preċiżi, bħall-integrazzjoni tal-fondi marbuta mal-politiki strutturali tal-Unjoni. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt spjaċevoli li l-prattika attwali għadha lura ħafna meta mqabbla mal-perjodi ta’ programmazzjoni ta’ qabel. Fil-fatt, il-kumplessità dejjem tiżdied tar-regoli tal-kontabilità, dawk finanzjarji u dawk dwar il-verifika (auditing) wasslu għal żieda fil-kontrolli amministrattivi, u dan iwassal għal proċeduri aktar kumplessi għall-benefiċjarji finali.

3.4   Hemm rwol għall-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali? Kif jista’ jiġi definit dan ir-rwol fl-isfond tal-prinċipju tas-sussidjarjetà?

3.4.1

Fl-opinjoni tal-KESE, l-aspett prinċipali tal-koeżjoni territorjali effikaċi jikkonsisti qabel kollox fl-identifikazzjoni ta’ sistemi ta’ gvernanza adegwati bl-għan li s-sitwazzjonijiet kumplessi jkunu jistgħu jiġu ġestiti b’mod integrat, li jikkunsidraw l-elementi kollha li ġejjin:

id-diversi livelli territorjali responsabbli għall-interventi u t-teħid tad-deċiżjonijiet,

id-diversi korpi inkarigati mid-deċiżjonijiet bil-partikolaritajiet u l-għanijiet prijoritarji tagħhom;

3.4.2

Approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq ċittadini responsabbli jiffavorixxi l-integrazzjoni tal-politiki Komunitarji u nazzjonali, b’mod partikolari għax is-soċjetà ċivili organizzata normalment tadotta strateġija olistika fir-rigward tal-politiki u l-azzjonijiet, għall-kuntrarju tal-awtoritajiet inkarigati mill-politiki settorjali fil-livell nazzjonali u Ewropew. Din l-istrateġija hija kompatibbli bis-sħiħ mas-sussidjarjetà fil-forom kollha tagħha.

3.4.3

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal skeda preċiża li tiġbor fiha l-għanijiet u l-azzjonijiet fuq perjodu qasir, medju u twil (14) u li tinkludi l-iskadenzi u l-azzjonijiet li l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati diġà ntrabtu magħhom jew ipproponew, l-iktar fil-livell Ewropew u nazzjonali.

3.5   Kemm tista’ tvarja l-iskala territorjali tal-intervenzjoni politika skont in-natura tal-problemi indirizzati?

3.5.1

Għall-KESE wieħed mill-aktar modi konkreti importanti biex titħaddem fil-prattika l-koeżjoni territorjali hija li ċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw garanzija tal-aċċess għall-hekk imsejħa SGIs u SGEIs  (15), ikunu fejn ikunu joqogħdu jew jaħdmu. Dan huwa qasam li jeħtieġ livell għoli ta’ koerenza tal-politiki u gvernanza f’diversi livelli li tkun effikaċi. Is-sitwazzjoni attwali għadha mhix sodisfaċenti, b’mod partikolari għat-territorji l-iktar dgħajfa u għar-residenti jew l-atturi ekonomiċi u soċjali tagħhom.

3.5.2

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex ikunu definiti fil-livell Komunitarju “n-normi komuni għas-servizzi ta’ interess ġenerali kollha (ekonomiċi u mhux ekonomiċi), inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, li għandhom jinżammu f’direttiva qafas, adottat bil-proċedura ta’ ko-deċiżjoni, fejn ikun jista’ jiġi stabbilit qafas Komunitarju marbut mal-partikolaritajiet tagħhom” (16).

3.6   Żoni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi jeħtieġu miżuri politiċi speċjali? Jekk iva, liema?

3.6.1

Bl-għan jinħolqu opportunitajiet ugwali ġenwini bejn it-territorji, il-KESE huwa favur l-adozzjoni ta’ politika speċifika għar-reġjuni bi żvantaġġi permanenti, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, fuq il-bażi tal-prinċipji tal-permanenza (miżuri previdibbli fuq perijodu twil), id-diskriminazzjoni pożittiva (fir-rigward tar-riżorsi baġitarji u ċerti derogi legali għall-prinċipji komuni) u l-proporzjonalità (l-iskala tal-miżura u l-impatt tagħha għandhom jiġu adattati skont il-każ ikkonċernat) biex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet kollha differenti (17).

3.6.2

F’dawn ir-reġjuni, li jeħtieġu ħidma aktar sfiqa b’rabta mal-ippjanar tal-iżvilupp u t-tħejjija ta’ proġetti finanzjarji, l-UE m’għandhiex tissostitwixxi l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjoekonomiċi fil-livell lokali u reġjonali, iżda tħeġġiġhom bis-sħiħ biex jikkonsultaw u jikkooperaw ma’ xulxin.

3.7   Kooperazzjoni mtejba

3.7.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tal-mudell soċjali Ewropew u tirrappreżenta strument essenzjali ta’ integrazzjoni.

3.7.2

Iqis li l-kooperazzjoni territorjali qed tiġi mxekkla minħabba r-riluttanza tal-awtoritajiet pubbliċi livelli differenti li jikkooperaw u jaqsmu l-kompetenzi tagħhom. L-UE għandha tippromovi kultura ta’ kooperazzjoni fir-reġjuni, billi tiffaċilita u tissemplifika l-istrumenti eżistenti bħal pereżempju s-sħubija.

3.7.3

Il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut tal-ewwel żewġ komponenti tal-għan tal-kooperazzjoni territorjali, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni transnazzjonali. Madanakollu, huwa jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni – kwistjoni li l-Kummissjoni Ewropea naqset li tindirizza fil-Green Paper – li hija strument notevoli għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin bejn it-territorji li ma jmissux ma’ xulxin iżda jaqsmu l-istess għanijiet.

3.8   Liema rwol għandu jkollha l-Kummissjoni fit-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-kooperazzjoni territorjali?

3.8.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tkun opportunità għall-atturi u l-persuni li ġejjin mit-territorji l-inqas għonja biex iħaddmu l-istrateġija ta’ żvilupp tagħhom huma stess u ma jispiċċawx biss f’sitwazzjoni ta’ dipendenza u jibqgħu jistennew biex forsi jingħataw kumpens finanzjarju. Sabiex ikunu mħeġġa jużaw ir-riżorsi tagħhom bis-sħiħ u jibnu l-proġetti tagħhom, għandu jkollhom aċċess għal netwerks speċifiċi ta’ innovazzjoni u ta’ skambju ta’ prattiki tajbin, bi sħab ma’ atturi oħra minn territorji li jiffaċċjaw l-istess sfidi ġeografiċi, klimatiċi u demografiċi.

3.8.2

Għaldaqstant il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tenfasizza aktar l-innovazzjoni territorjali, soċjali u politika fl-istrument ta’ kooperazzjoni interreġjonali INTERREG IV C, issaħħaħ il-kooperazzjoni fid-dawl tar-raba’ komponent tal-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) iddedikat lill-programm LEADER, u toħloq skemi ġodda biex tiffaċilita l-użu tal-fondi disponibbli.

3.9   Hemm ħtieġa għal għamliet ġodda ta’ kooperazzjoni territorjali?

3.9.1

Il-KESE huwa favur it-twaqqif (mill-ġdid) ta’ programmi ta’ inizjattiva Komunitarja ladarba ssir ir-reviżjoni f’nofs it-term tal-politiki strutturali. It-tneħħija ta’ programmi li taw prova tal-effikaċja tagħhom, bħall-programmi URBAN, EQUAL, Interprise u oħrajn, kienet ta’ telf għall-kooperazzjoni territorjali tematika u l-innovazzjoni soċjali, minħabba li dan ir-rwol la ttieħed fil-“mainstreaming” tal-fondi u lanqas xi mkien ieħor.

3.9.2

Il-KESE jenfasizza li l-forom normali ta’ kooperazzjoni territorjali għandhom jiġu adattati fil-każ tar-reġjuni tal-UE li minħabba li huma ġirien ta’ reġjuni dinjija kbar, għandhom karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Karibew jew l-Oċean Indjan u r-reġjuni fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni.

3.10   Hemm ħtieġa għall-iżvilupp ta’ għodod leġiżlattivi u amministrattivi ġodda biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, inkluż fuq il-fruntieri esterni?

3.10.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta’ Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali. Jitlob li l-oqsfa legali nazzjonali jiġu adattati biex ikunu jistgħu jiġu użati fl-UE kollha. Peress li għadhom kemm ġew stabbiliti, il-KESE huwa tal-fehma li għadu kmieni wisq biex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u biex ikun hemm ħsieb li jinħolqu strumenti ġodda. Dan jista’ jseħħ fil-kuntest tal-pjan direzzjonali propost hawn fuq.

3.11   Koordinazzjoni mtejba

3.11.1

Il-KESE huwa tal-fehma li t-titjib tal-koeżjoni territorjali jeħtieġ approċċ strateġiku tal-iżvilupp tat-territorji permezz ta’ koerenza ikbar tal-interventi, għax l-ebda politika waħedha ma tista’ ssewwi l-inugwaljanzi territorjali kollha kkawżati mill-politiki settorjali u minħabba l-fatt li l-mudell tal-iżvilupp attwali mhuwiex ikkontrollat.

3.12   Kif tista’ titjieb il-koordinazzjoni bejn il-politiki territorjali u settorjali?

3.12.1

Il-KESE jenfasizza li l-politiki Ewropej kollha għandhom jippromovu l-għan tal-koeżjoni soċjali kif ukoll żvilupp ekonomiku iktar ibbilanċjat fit-territorji (18).

3.12.2

Il-koeżjoni territorjali teħtieġ koordinazzjoni minn qabel tal-politiki settorjali kollha u d-diversi livelli ta’ gvernanza, minn dak lokali sa dak tal-UE.

3.13   Liema politiki settorjali għandhom iqisu iktar l-impatt territorjali tagħhom fl-istadju tat-tfassil tagħhom? Liema għodod jistgħu jiġu żviluppati f’dan ir-rigward?

3.13.1

Il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew li approċċ integrat tal-politiki Komunitarji li jinkludi d-dimensjoni territorjali huwa essenzjali, b’mod partikolari fil-politika tat-trasport, fil-politiki ambjentali u agrikoli u fil-politiki tal-enerġija, il-kompetizzjoni u r-riċerka.

3.13.2

Jirrakkomanda li d-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-politika agrikola jqis l-isfidi tal-koeżjoni territorjali, fid-dawl tal-importanza tal-politika agrikola fid-dimensjoni ekonomika, soċjali, ambjentali u tal-pajsaġġ tagħha fl-Ewropa.

3.13.3

Il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-programmi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu analizzati mill-perspettiva tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-koeżjoni territorjali. Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari f’din l-evalwazzjoni tal-impatt, li għandha tinvolvi mill-qrib l-atturi kollha kkonċernati. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji ta’ kwalità għall-analiżi u l-evalwazzjoni meħtieġa (19).

3.14   Kif tista’ tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki territorjali?

3.14.1

Il-KESE jirrakkomanda li din il-koerenza tissaħħaħ u jipproponi li l-Kunsill tal-Ministri juża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni  (20) għall-koeżjoni territorjali, b’linji gwida preċiżi segwiti minn kalibrazzjoni, evalwazzjoni bejn il-pari, skambji ta’ prattiki tajbin, indikaturi u l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha kkonċernati. Jirrakkomanda li l-gvernanza f’diversi livelli u l-koordinazzjoni intersettorjali jiġu rikonoxxuti fost il-linji gwida ta’ dan il-metodu meta jiġi implimentat.

3.14.2

It-twaqqif tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jista’ wkoll jagħmel parti mill-pjan direzzjonali propost hawn fuq.

3.15   Il-politiki Komunitarji u dawk nazzjonali kif jistgħu jingħaqdu aħjar biex jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali?

3.15.1

Il-KESE jixħet dawl fuq il-progress li għamlu l-Istati Membri waqt il-laqgħat informali tal-ministri responsabbli għall-iżvilupp urban u għall-koeżjoni territorjali f’Leipzig, l-Azores u Marsilja. Jirrakkomanda li tinbeda koordinazzjoni volontarja tal-politiki nazzjonali u l-integrazzjoni tal-politiki settorjali, b’konformità mal-impenji stipulati fl-Aġenda Territorjali, u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu mħeġġa japplikaw dawn il-prattiki fil-livell tagħhom. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, anke fin-nuqqas ta’ ċerti kompetenzi espliċiti, il-wirt kulturali u naturali jirrappreżenta sfida ewlenija għat-territorju Ewropew, u dan jeħtieġ approċċ ikkoordinat.

3.16   Sħubijiet territorjali ġodda

3.16.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni aktar wiesgħa tal-partijiet interessati waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki hija essenzjali għall-koeżjoni territorjali.

3.16.2

Id-djalogu soċjali għandu jkun wieħed mill-pilastri prinċipali tal-gvernanza territorjali. Bl-għan li l-imsieħba soċjali jkunu involuti aktar, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvalorizza u tippromovi d-djalogu soċjali.

3.16.3

Il-KESE jilqa’ sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-ministri kkonċernati li fl-Ewwel Programm ta’ Azzjoni (21) saħqu dwar il-konvinzjoni tagħhom li l-gvernanza f’diversi livelli hija għodda fundamentali biex jiġi żgurat ippjanar spazjali bbilanċjat fl-UE u li pproponew li jiltaqgħu ma’ għadd ta’ atturi kkonċernati u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ippreżentati fl-Aġenda Territorjali.

3.17   It-triq lejn il-koeżjoni tirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ atturi ġodda fit-tfassil tal-politika, bħar-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali, il-partijiet interessati lokali, l-organizzazzjonijiet volontarji u l-NGOs?

3.17.1

Il-patti territorjali għall-iżvilupp joffru approċċ interessanti minħabba li d-diversità tas-sitwazzjonijiet u tal-isfidi konkreti teħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti u l-kompetenzi differenti, u b’mod partikolari l-partijiet interessati kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali, l-ekonomija soċjali u l-NGOs li jaħdmu fl-oqsma soċjali u ambjentali u fl-oqsma tal-iżvilupp lokali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u t-tagħlim tul il-ħajja.

3.17.2

Fid-dawl tar-ristrutturazzjonijiet ikkawżati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, bħalissa huwa importanti aktar minn qatt qabel u saħansitra urġenti li jinħolqu patti ta’ dan it-tip fit-territorji kkonċernati.

3.17.3

Il-KESE jappoġġja l-idea tal-KtR li s-sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu strument importanti għall-iżvilupp soċjoekonomiku effikaċi tal-irħula, il-bliet u r-reġjuni u tal-livelli territorjali l-oħra u għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali. Dan l-approċċ imsejjes fuq is-sħubija għandu jinkludi wkoll l-atturi kollha ġodda tas-soċjetà ċivili kkonċernati.

3.17.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ekonomija soċjali minħabba li huwa stmat li 10 % tal-intrapriżi Ewropej joperaw f’dan il-qasam. Jisħaq ukoll dwar ir-rwol ta’ dan il-qasam fil-koeżjoni u l-iżvilupp sostenibbli minħabba li l-ekonomija soċjali tankra l-impjiegi fit-territorju, tagħti nifs ġdid liż-żoni rurali, toħloq kapital soċjali u tipparteċipa fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni settorjali u territorjali (22).

3.18   Kif jista’ jinkiseb il-livell mixtieq ta’ parteċipazzjoni?

3.18.1

Il-KESE huwa tal-fehma li konsultazzjonijiet strutturati sew jistgħu jwasslu għal sħubijiet effettivi ma’ atturi mhux governattivi u l-imsieħba soċjali fil-katina sħiħa tad-definizzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-koeżjoni territorjali (23).

3.18.2

Gvernanza f’livelli diversi effettiva tfisser ukoll sħubijiet mas-soċjetà ċivili organizzata rappreżentattiva fil-livell reġjonali u lokali. Bis-saħħa tal-azzjoni tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ mudell inklużiv tas-soċjetà ċivili fil-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ politiki għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali (24).

3.18.3

Għaldaqstant, ikun tajjeb li s-soċjetà ċivili organizzata rappreżentattiva fil-livell reġjonali u lokali tingħata l-opportunità li tipparteċipa b’mod responsabbli u trasparenti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-koeżjoni territorjali (25).

3.19   Intejbu l-għarfien dwar il-koeżjoni territorjali

3.19.1

Biex il-koeżjoni territorjali tinftiehem aħjar miċ-ċittadini, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi organizzat dibattitu permanenti fil-livelli kollha biex jiġu identifikati l-isfidi tal-ġejjieni u l-għażliet strateġiċi fil-qasam tal-koeżjoni territorjali. L-għan ta’ dan id-dibattitu għandu jkun li jikkontribwixxi biex jinstab kunsens ġdid dwar il-koeżjoni territorjali msejsa fuq l-impenn komuni tal-partijiet kollha kkonċernati, b’mod partikolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.20   Liema indikaturi kwantitattivi/kwalitattivi għandhom jiġu żviluppati fil-livell tal-UE biex jimmonitorjaw il-karatteristiċi u t-tendenzi fil-koeżjoni territorjali?

3.20.1

Il-KESE huwa tal-fehma li tajjeb jiġu stabbiliti indikaturi ġodda tal-“benesseri” li ma jkunux aktar marbuta mill-qrib mal-PGD/PGN iżda li jkunu jistgħu juru l-progress fil-qasam tal-kwalità tal-ħajja skont il-livell territorjali (26).

3.20.2

Huwa tal-fehma li hemm bżonn urġenti li jinħolqu numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni sabiex tiġi stabbilita mappa ġdida tal-koeżjoni Ewropea biex tiġi ddeterminata l-eleġibbiltà tar-reġjuni Komunitarji għall-għajnuna, għaliex il-kriterju tal-PGN per capita waħdu huwa sors ta’ diskriminazzjoni relattiva fejn għandha x’taqsam l-implimentazzjoni tal-politiki strutturali. Il-livell tal-kwalifiki tal-ħaddiema, l-inugwaljanzi rigward id-dħul, id-dgħufijiet tal-infrastruttura, inklużi l-livell tal-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-ambitu tal-protezzjoni soċjali, id-distanza miċ-ċentru tal-gravità ekonomija Ewropea, l-istruttura demografika, eċċ. huma lkoll fatturi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati (27). L-Eurostat, l-ESPON u l-kontropartijet nazzjonali tagħhom għandhom iħabirku biex jikkonsolidaw firxa ta’ għodod statistiċi aktar kompleti u preċiżi. Dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-għodod statistiċi se jservu ta’ bażi għall-indikaturi fil-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni propost hawn fuq.

3.20.3

Jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-metodi u jixterrdu prattiki tajbin stabbiliti mir-reġjuni nnifishom (28).

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Preambolu tat-Trattat ta’ Ruma.

(2)  L-Artikolu 14 tat-Trattat futur dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)  L-Artikolu 3(3) tat-Trattat futur dwar l-Unjoni Ewropea.

(4)  L-Artikolu 174 tat-Trattat futur dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)  “Lejn Ewropa aktar kompetittiva u aktar sostenibbli magħmula minn reġjuni differenti”, l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp urban u l-koeżjoni territorjali, Leipzig, 25.5.2007 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  COM(2008) 616 finali.

(7)  L-Artikolu 11 tat-Trattat futur dwar l-Unjoni Ewropea.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73, punt 2.1.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tieni pilastru tal-PAK: il-perspettivi ta’ adattament tal-politika tal-iżvilupp tat-territorji rurali (Is-segwitu tal-konferenza ta’ Salzburg)”, ĠU C 302, 7.12.2004, p. 53, punt 2.4.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-bidla industrijali u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, ĠU C 302, 7.12.2004, p. 41, punt 1.3.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Perspettiva ta’ żvilupp tat-territorju Komunitarju (EDSP)”, ĠU C 407, 28.12.1998, punt 2.5. (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban”, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 86, punt 2.3.7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Servizzi ekonomiċi ta’ interess ġenerali u Servizzi soċjali ta’ interess ġenerali.

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73, punt 3.4.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kif tista’ tinkiseb integrazzjoni aħjar tar-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew strutturali permanenti”, ĠU C 221, 8.9.2005, p. 141 (mhux disponibbli bil-Malti).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar “ L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16, punt 7.2.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99.

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenda Territorjali”, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 16.

(21)  “L-ewwel programm ta’ azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea”, 23 ta’ Novembru 2007 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Ara r-“Rapport dwar l-Ekonomija Soċjali” tal-Parlament Ewropew (Rapporteur: Patrizia Toia, 2008/2250 (INI) u “L-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea”, rapport ippubblikat mill-KESE, 2007 (ir-rapport tal-KESE mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali”, ĠU C 10, 14.1.2004, p. 2 (mhux disponibbli bil-Malti); Opinjoni tal-KESE dwar “Il-governanza u sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali”, ĠU C …, punt 1.9 u punt 1.10. (ECO/228).

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali”, ĠU C …, punt 1.2. (ECO/228).

(25)  Il-kunċett tar-responsabbiltà territorjali soċjali (RST), li nħoloq min-Netwerk tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Ekonomija (REVES) huwa mudell ta’ dan it-tip ta’ parteċipazzjoni attiva.

(26)  Opinjoni tal-KESE dwar “Programm ta’ azzjoni soċjali Ewropew ġdid”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99, punt 7.11.1.

(27)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali fuq il-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 93, 27.4.2007, p. 6, punt 1.3 (mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  Pereżempju l-kunċett tar-responsabbiltà territorjali soċjali (RST), li nħoloq min-Netwerk tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Ekonomija (REVES).


Top