EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0631

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE

OJ C 228, 22.9.2009, p. 107–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/107


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE

COM(2008) 636 finali – 2008/0192 (COD)

2009/C 228/21

Nhar l-24 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura SHARMA.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu (seduta tal-24 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’101 vot favur, 29 voti kontra u 26 astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.1.1

Nixtiequ nfaħħru lill-Kummissjoni tal-isforzi tagħha sabiex iżżid l-ugwaljanza għan-nisa fis-suq tax-xogħol u sabiex iżżid l-opportunitajiet għan-nisa li jixtiequ jew ikunu impjegati jew jaħdmu għal rashom, jew inkella intraprendituri. Madanakollu s-soċjetà ċivili temmen li t-titlu tad-Direttiva (1) kkodifikata huwa ta’ tfixkil għax ma jiffokax fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu għal rashom u jiffoka minflok fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali relatati mal-maternità għan-nisa li jaħdmu għal rashom, il-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali għall-konjuġi ta’ għajnuna u l-leave biex wieħed jieħu ħsieb lill-membri tal-familja. L-ugwaljanza għandha titqies b’mod olistiku minħabba l-impatt li għandha f’oqsma oħra bħad-drittijiet soċjali, l-opportunitajiet ugwali, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-familja.

1.1.2

Il-Kummissjoni għandha tittratta t-tliet oqsma indirizzati f’din id-Direttiva bħala każijiet individwali sabiex tiżgura li jingħataw kunsiderazzjoni mistħoqqa fejn tidħol ugwaljanza. Filwaqt li l-Kumitat jifhem li l-kompitu tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi huwa li jindirizza l-ħarsien soċjali, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-istat ta’ min jaħdem għal rasu m’għandux jiġi indirizzat fl-istess kuntest tal-istat ta’ min huwa impjegat.

1.1.3

Sabiex nindirizzaw id-drittijiet kif suppost, il-miżuri jew l-għodda proposti, għandhom ikunu prattiċi u implimentabbli. M’hemm l-ebda dubju li l-emendi proposti fuq din id-Direttiva jtejbu l-qagħda tan-nisa li jaħdmu għal rashom jew li jgħinu lill-konjuġi tagħhom u ser ikollhom effett pożittiv fuq it-tfal tagħhom fil-livell tal-liġi Komunitarja. Il-KESE jemmen li r-riformulazzjoni tad-Direttiva hija meħtieġa.

1.1.4

Sabix jiġu eliminati l-inugwaljanzi, ikun aktar produttiv li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tiġi applikata f’numru ikbar ta’ każijiet. Għalhekk il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet għal din l-implimentazzjoni dgħajfa.

1.1.5

Hija u tipprova żżid l-ammont ta’ intraprendituri, u b’mod partikolari intraprendituri nisa, l-UE għandha tqis il-valuri importanti għal min jixtieq jibda jaħdem għal rasu. B’hekk, u permezz ta’ bidla fl-atitudni kulturali ġenerali lejn l-intraprenditorija fl-Ewropa, id-Direttorati tal-Kummissjoni għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw aħjar liema fatturi għandhom jikkonċentraw fuqhom.

1.1.6

Kwalunkwe żidiet fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew piżijiet amminisitrattivi oħra, mhux biss fuq l-istat iżda anki fuq in-negozji, għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

1.1.7

Jeħtieġ li nistaqsu l-mistoqsija, x’ser tkun l-ispiża ta’ din ir-reviżjoni tad-Direttiva fuq l-Ewropa? Il-valutazzjoni tal-impatt li ppreżentat il-Kummissjoni turi biċ-ċar li l-Istati Membri ftit ser jibbenefikaw mir-reviżjoni.

1.2   Rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ min jaħdem għal rasu u l-intraprendituri

1.2.1

Il-karatteristiċi tal-impjieg indipendenti huma uniċi u mhuwiex possibbli li dawk li jaħdmu għal rashom u l-impjegati jitqiesu bl-istess mod. Lanqas ma huwa possibbli li t-terminu “min jaħdem għal rasu” jitqies bħala terminu ġenerali għall-intraprendituri.

1.2.2

Il-Kumitat jagħraf li huwa diffiċli li wieħed jifhem it-tħaddim tad-dispożizzjoni dwar il-maternità għan-nisa li jaħdmu għal rashom. In-negozju u r-responsabbiltajiet ta’ min jaħdem għal rasu jfissru li perijodi twal ta’ leave ma jistgħux jittieħdu mingħajr pjanar estensiv, sigurtà finanzjarja jew staff kompetenti biżżejjed biex jieħu t-tmexxija tax-xogħol f’idejh. Perijodi twal ta’ assenza, jekk ma jiġux ġestiti tajjeb, jistgħu jikkawżaw terminazzjoni tal-kutratti jew telf fin-negozju, b’mod partikolari f’intrapriżi żgħar ħafna jekk dawn ma jitmexxewx tajjeb.

1.2.3

Il-miżuri proposti kollha għandhom iqisu ż-żmien li hemm bżonn sabiex kollox jimxi sew tul tqala normali, l-irkupru fiżiku tal-omm wara ħlas normali, iż-żmien li hemm bżonn sabiex l-omm u t-tarbija jiżviluppaw rabta bejniethom u l-benesseri tat-tarbija.

1.2.4

Sfortunatament il-Kummissjoni ma toffri l-ebda soluzzjonijiet għal dawn id-dilemmi u l-kunsiderazzjonijiet għadhom f’idejn l-Istati Membri. Ħafna nisa li huma impjegati għal rashom ikollhom jew iħarrġu lil xi ħadd sabiex joħdilhom posthom, jew jagħlqu n-negozju, jew inkella jibqgħu jaħdmu matul it-tqala tagħhom kollha. Skont il-leġiżlazzjoni attwali, din hija s-sitwazzjoni tan-nisa kollha li jaħdmu għal rashom.

1.3   Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-konjuġi ta’ għajnuna

1.3.1

B’mod ġenerali, id-Direttiva ma tindirizzax in-nuqqas ta’ rikonoxximent “tal-konjuġi ta’ għajnuna”, il-kwalità u l-ammont ta’kontribut li jagħtu fin-negozju jew in-nuqqas ta’ miżuri ta’ politika li jappoġġjaw lil dawn in-nisa. Id-Direttiva ma tipproponi l-ebda miżura li ttejjeb il-qagħda soċjali jew finanzjarja jew il-ħarsien soċjali tal-konjuġi ta’ għajnuna.

1.3.2

Hemm bżonn li nirrispettaw il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam u nħallu f’idejhom sabiex jiżviluppaw mezzi biex jintegraw ħaddiema bħal dawn fl-arranġamenti relatati mal-impjieg u l-assigurazzjoni u fl-iskemi tal-ħarsien soċjali tagħhom. L-UE tista’ tikkontribwixxi f’dan il-qasam billi tappoġġja l-iskambju tal-informazzjoni u l-prattika tajba permezz tal-Metodu Miftuħ (2).

1.3.3

Il-Kummissjoni għandha tistħarreġ x’qed iwassal għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-konjuġi ta’ għajnuna fl-ekonomija formali jew fid-dispożizzjonijiet ta’ ħarsien soċjali volontarji, kif ukoll id-diffikultajiet fil-każijiet ta’ konjuġi ta’ għajnuna separati iżda li għadhom imsieħba fin-negozju.

2.   Sfond

2.1

In-nisa jaqdu rwol ekonomiku u soċjali attiv fis-soċjetà, ħafna drabi mingħajr rikonoxximent, qligħ jew status legali. L-UE għandha bżonn tiffoka, b’mod partikolari, fuq li tikseb l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona billi żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-ammont ta’ intraprendituri, b’mod partikolari intraprendituri nisa.

2.2

Id-Direttiva l-ġdida proposta, li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE tindirizza n-nuqqasijiet li fiha fir-rigward tal-impjieg indipendenti u l-konjuġi ta’ għajnuna fin-negozji tal-familja, billi:

ttejjeb il-ħarsien fil-każ ta’ maternità permezz ta’ dispożizzjoni dwar il-maternità għan-nisa li jaħdmu għal rashom;

tagħti l-leave biex wieħed ikun jista’ jieħu ħsieb il-membri tal-familja;

tagħraf il-kontribut tal-konjuġi ta’ għajnuna u tipprovdilhom ħarsien soċjali ekwivalenti għal dak tal-imsieħba tagħhom li jaħdmu għal rashom;

tagħti kompetenza fil-qasam lill-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Nixtiequ nfaħħru lill-Kummissjoni tal-isforzi tagħha sabiex iżżid l-ugwaljanza għan-nisa fis-suq tax-xogħol u żżid l-opportunitajiet għan-nisa li jixtiequ jew ikunu impjegati jew jaħdmu għal rashom jew inkella intraprendituri. Madanakollu jeħtieġ li jitkejjel l-impatt finanzjajru fuq il-partijiet kkonċernati, f’termini ta’ ħin u r-riżorsi involuti sabiex jitwettqu dawn il-bidliet.

3.2

Sabiex nindirizzaw id-drittijiet kif suppost, il-miżuri proposti għandhom ikunu ċari, prattiċi u implimentabbli. Sfortunatament din id-Direttiva ma tidhirx li toffri benefiċċji sostanzjali, infurzabbli u implimentabbli biex jindirizzaw l-inugwaljanzi li jeżistu. Barra minn hekk il-proposta tista’ toħloq konfużjoni għaliex tindirizza tliet suġġetti separati kif ukoll il-korpi għall-ugwaljnza fl-istess dokument.

3.3

L-Ewropa għandha qafas legali li jiprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi permezz ta’ firxa sħiħa ta’ miżuri leġiżlattivi. Madanakollu l-istatistiki Ewropej juru li n-nisa xorta ma jitħallsux daqs l-irġiel u huma rrappreżentati inqas mill-irġiel fil-politika, fil-forza tax-xogħol, fil-qasam tal-ġestjoni u bħala intraprendituri. Hemm bżonn li l-leġiżlazzjoni f’dawn l-oqsma kollha tiġi rinfurzata aħjar u l-Kummissjoni għandha l-ewwel tirrevedi n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv attwali għall-ugwaljanza.

3.4

Hija u tipprova żżid l-ammont ta’ intraprendituri, u b’mod partikolari intraprendituri nisa, l-UE għandha tqis il-valuri li huma importanti għal min jixtieq jibda jaħdem għal rasu (3). Id-dispożizzjoni dwar il-maternità jista’ ma jkollha l-ebda effett fuq l-ammont ta’ nisa li jikkunsidraw l-intraprenditorija. Il-figuri tal-Kummissjoni stess juru tnaqqis fin-numru ta’ intraprendituri ġodda, kemm nisa kif ukoll irġiel u dan ġej mill-atitudni negattiva lejn l-impjieg indipendenti fl-Ewropa. Sabiex ikun hemm bidla sinifikanti hemm bżonn ta’ bidla fil-kultura. L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (4) pereżempju, jista’ joffri ħafna aktar miżuri li jappoġġjaw lill-intraprendituri nisa.

3.5

Il-ħarsien soċjali huwa kompetenza tal-Istati Membri. Din id-Direttiva l-ġdida mhix appoġġjata mill-Istati Membri kollha u hemm ċans li fil-livell Ewropew ma jkollha l-ebda effett u tispiċċa eżerċizzju inutli. Sabiex id-Direttiva tkun effettiva, tirrikjedi titjib sinifikanti bi standards minimi ta’ ħarsien u implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, il-miżuri li tipproponi l-Kummissjoni huma preskrittivi u jinjoraw kemm id-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi ta’ ħarsien soċjali li jeżistu bejn Stat Membru u ieħor, kif ukoll il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar.

3.6

B’mod ġenerali, l-intrapriżi ż-għar u dawk li jaħdmu għal rashom ikollhom jiffaċċjaw diversi restrizzjonijiet finanzjarji għalhekk kull piż addizzjonali jista’ jitqies negattiv minkejja li l-ħarsien soċjali huwa sors ta’ sigurtà għall-ommijiet potenzjali jew il-konjuġi ta’ għajnuna. Kwalunkwe żidiet fil-kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew piżijiet amminisitrattivi oħra mhux biss fuq l-istat iżda anki fuq in-negozji għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

3.7

Id-Direttiva l-ġdida timmira li tindirizza l-aġenda tal-ugwaljanza fil-bidliet li tipproponi, madanakollu ftit tirreferi għal-leave parentali jew il-leave parentali tal-irġiel li jaħdmu għal rashom.

3.8

B’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-tfal (5), il-Kummissjoni għandha tadotta proċedura li tqis l-impatt tal-miżuri proposti fuq it-tfal. Is-saħħa u l-benesseri personali tat-tfal għandhom jingħataw l-attenzjoni li hemm bżonn.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt komprensiva dwar din id-Direttiva, fejn ikkonsultat lil diversi partijiet interessati. Wara reviżjoni tal-valutazzjoni tal-impatt madanakollu, il-KESE jħoss li għad hemm wisq mistoqsijiet mingħajr risposta b’mod partikolari fir-rigward tal-effett reali, iċ-ċarezza u l-implimentazzjoni tar-riformulazzjoni proposta.

4.2

L-impjieg indipendenti jista’ jinqasam f’diversi kategoriji: l-intraprendituri, il-proprjetarji ta’ negozju, professjonisti indipendenti, dawk li jaħdmu mid-dar, “il-psewdo impjegati indipendenti” jiġifieri dawk li qed jaħdmu b’sottokuntratt mingħand min kien iħaddimhom qabel biex issa qed jaħdmu għal rashom. Huwa importanti ħafna li l-ħarsien assoċjat mal-maternità jitħalla f’idejn min jaħdem għal rasu u l-konjuġi ta’ għajnuna tagħhom għax b’hekk tkun qed tiġi rrispettata l-għażla ta’ awtonomija u indipendenza li għamlu u li hija l-għażla li tikkaratterizza l-impjieg indipendenti. L-obbligu li n-nisa li jaħdmu għal rashom jitilqu għal perijodu itwal mhux kompatibbli mat-tħaddim tajjeb tan-negozju tagħhom u ħafna drabi jmur kontra l-vijabbiltà tal-intrapriża tagħhom. Għalhekk din id-Direttiva għandha tevita kull referenza diretta għad-Direttiva 92/85/KE dwar il-leave tal-maternità. Ikun għalhekk inadegwat li nippruvaw narmonizzaw is-sistemi tal-leave tal-maternità ta’ min jaħdem għal rasu u tal-konjuġi ta’ għajnuna ma’ dawk tal-impjegati tagħhom.

4.3

Hemm bżonn ta’ aktar ċarezza fir-rigward ta’ kif l-Istati Membri għandhom jamministraw il-leave tal-maternità msemmi f’Artikolu 7.1 għal dawk li mhumiex impjegati. Dawn il-ħaddiema jqassmu xogħlhom kif iridu u jagħżlu huma stess meta sa jieħdu xi żmien il-bogħod mix-xogħol. Għalhekk m’għandhomx bżonn ikunu intitolati għal-leave.

4.4

Barra minn hekk l-Istati Membri, barra minn allowance, għandhom jikkunsidraw ukoll dipożizzjoni dwar l-assistenza fil-forma ta’ sostituzzjonijiet temporanji. Għan-nisa li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi ta’ għajnuna, l-iskemi ta’ sostituzzjoni tal-appoġġ huma importanti daqs l-allowances finanzjarji. Id-Direttiva għalhekk m’għandiex tagħti prijorità lil benefiċċju fuq ieħor. Barra minn hekk, l-ammont li jingħata f’allowance għandu jiġi deċiż fil-livell nazzjonali b’kunsiderazzjoni tad-differenza bejn dawk li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi ta’ għajnuna.

4.5

Għandhom jitqiesu l-konsegwenzi tal-Artikolu 7.4 fil-każ tal-konjuġi ta’ għajnuna, li jipprovdi għal għajnuna speċifika sabiex jinstab ħaddiem sostitut għal matul il-perijodu tal-leave tal-maternità. Dan l-obbligu ma jeżistix fir-rigward tal-impjegati full-time ta’ negozju. Għajnuna ta’ dan it-tip, mil-lat amministrattiv, hija kumplessa, għolja u tolqot kemm lill-intrapriżi ż-żgħar kif ukoll lill-gvern.

4.6

Hemm bżonn ta’ ċarezza fir-rigward tal- Artikolu 7.2 li jgħid li għandu jiġi żgurat li tingħata allowance xierqa matul il-leava tal-maternità mingħajr kundizzjonijiet. L-artikolu 6 madanakollu jgħid li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għandhom jingħataw lill-konjuġi ta’ għajnuna “taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għal persuni li jaħdmu għal rashom” u Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Nisa Tqal li jippermetti lill-Istati Membri li jpoġġu ċertu kundizzjonijiet ta’ eliġibilità fuq il-benefiċċji tal-maternità.

4.7

Dawk li jaħdmu għal rashom ħafna drabi jaħdmu iktar sigħat mill-ħaddiema bl-istatus ta’ impjegati, għalhekk il-kura tat-tfal hija kwistjoni oħra li tolqot lin-nisa li jaħdmu għal rashom. Il-Kummissjoni ma tipproponi xejn fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jolqtu l-kura tat-tfal jew ir-responsabbiltajiet ta’ kura li għandhom dawk li jaħdmu għal rashom. L-Istati Membri għandhom jaħdmu sabiex il-kura tat-tfal issir aktar aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja u sabiex itejbu l-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni għall-impjegati indipendenti u l-konjuġi ta’ għajnuna, l-istess kif għamlu għall-impjegati.

4.8

L-objettiv ġenerali tad-Direttiva huwa li ttejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-konjuġi ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll li din id-Direttiva żżid l-ammont ta’ nisa li jaħdmu għal rashom, li tagħti status rikonoxxut lill-konjuġi ta’ għajnuna, żżid in-numru ta’ konjuġi ta’ għajnuna li huma koperti mis-sigurtà soċjali u li tipprovdi rimedji legali lil dawk li jaħmdu għal rashom u lill-konjuġi ta’ għajnunja. Madanakollu:

l-ugwaljanza bejn is-sessi għal kulħadd hija koperta mill-qafas legali tal-Ewropa dwar l-ugwaljanza;

miżuri żgħar ta’ ħarsien soċjali x’aktar mhux ser iżidu l-ammont ta’ nisa li jaħdmu għal rashom, meta f’kważi kull Stat Membru jistgħu diġà jistgħu jħallsu l-kontribuzzjonijiet b’mod volontarju u jiġu mħarsa;

il-konjuġi ta’ għajnuna xorta mhux ser jirċievu status legali jew rimedji legali effettivi anki jekk iħallsu l-kontribuzzjonijiet b’mod volontarju tal-ħarsien soċjali.

4.9

18-il Stat Membru minn 27 diġà joffru l-opportunità li l-konjuġi ta’ għajnuna u dawk li jaħdmu għal rashom iħasslu l-kontribuzzjonijiet b’mod volontarju sbiex jirċievu l-benefiċċji tal-maternità. Din il-miżura għandha tiġi introdotta f’kull Stat Membru sabiex in-nisa li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fi skema ta’ sigurtà soċjali jkollhom l-opportunità li dan jagħmluh. Mhuwiex aċċettabbli li Stat Membru jiddiskrimina kontra persuna milli tħallas il-kontribuzzjonijiet sabiex tħares lilha nfisha taħt skema tal-gvern fuq il-bażi ta’ jekk hijiex impjegata, taħdimx għal rasha jew bla impjieg – l-istatus tal-konjuġi ta’ għajnuna bħalissa.

4.10

L-artikolu 6 jipproponi li tinħoloq kategorija kompletament ġdida ta’ assigurazzjoni soċjali (la tal-impjegati, la dawk li jaħdmu għal rashom u lanqas ta’ dawk li għandhom assigurazzjoni volontarja). Madanakollu l-Kumitat jemmen li mhux iġġustifikat li tinħoloq klassi kompletament ġdida ta’ assigurazzjoni soċjali jew arranġamenti li jkopru l-maternità.

4.11

Il-konjuġi ta’ għajnuna jagħmlu parti mill-ekonomija “inviżibbli” li tagħti kontribut lill-Ewropa iżda tibqa’ moħbija. Hemm bżonn ta’ diskussjoni dwar l-istatus legali tagħhom jew nies li jaħdmu għal rashom inkella bħala impjegati. Id-Direttiva attwali, li ilha ma tiġi riveduta mill-1986, tgħid li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom li jeżaminaw taħt liema kondizzjonijiet ir-rikonoxximent tax-xogħol tal-konjuġi msemmija fl-Artikolu 2(b) jista’ jiġi inkoraġġit u, fid-dawl ta’ dan il-kontroll, jikkunsidraw kwalunkwe passi approprjati sabiex jiġi inkoraġġit dan ir-rikonoxximent”. Kienu ftit il-pajjiżi (6) li ħadu fuqhom dan l-obbligu minħabba l-istatus legali ambigwu, għalhekk din id-Direttiva m’għandiex tiġi rriformulata sakemm jiġi stabbilit status legali. Meta jiġi stabbilit l-istatus legali, jeħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni li jinforma lill-konjuġi ta’ għajnuna bid-drittijiet legali tagħhom.

4.12

Il-Kumitat jifhem li l-Istati Membri għandhom id-dubji tagħhom dwar il-bażi legali u b’mod partikolari il-firxa u s-suffiċjenza ta’ Artikolu 141 KE waħdu u b’mod partikolari b’relazzjoni ma’ Artikolu 6 tad-Direttiva. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tqis l-opinjoni tas-Servizzi Legali tal-Kunsill bir-reqqa qabel ma timplimenta d-Direttiva proposta.

4.13

Jekk dan ma jseħħx, il-konklużjoni li ser tirriżulta ser tkun simili għal dik tal-1994 meta l-Kummissjoni adottat rapport (7) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 86/613/KEE fejn ikkonkludiet: “F’termini strettament legali, jidher li d-Direttiva 86/613/KEE ġiet implimentata fl-Istati Membri. Madanakollu, ir-riżultat prattiku mhuwiex sodisfaċenti għal kollox meta mqabbel mal-għanijiet ewlenin tad-Direttiva, li kien titjib ġenerali fl-istat tal-konjuġi ta’ għajnuna.” Ir-rapport saħaq ukoll fuq in-nuqqas ta’ politika ġenerali biex tiġi trattata l-qagħda tal-konjuġi ta’ għajnuna u spjega li “bl-għan li jkun rikonoxxut ix-xogħol tal-konjuġi (...), l-uniku mod li bih jista’ jinkiseb dan il-għan huwa li l-konjuġi jingħataw drittijiet tas-sigurtà soċjali bħala dritt tagħhom.”

4.14

Ir-riformulazzjoni ta’ Artikolu 2 tiġbor fiha d-definizzjonijiet kollha tat-termini użati fid-Direttiva. Id-definizzjonijiet ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom” u ta’ “konjuġi ta’ għajnuna” huma meħuda mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 86/613/KEE. Mad-definizzjoni ta’ “konjuġi ta’ għajnuna” qed jiżdiedu l-kelmiet “ta’ għajnuna” u “jew imsieħba għall-ħajja”. L-emenda timmira li tkopri l-persuni kollha rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali bħala “msieħba għall-ħajja” u li jieħdu sehem b’mod regolari fl-attivitajiet tan-negozju tal-familja, irrispettivament mill-istat konjugali. Biex titneħħa kull ambigwità, “imsieħeb” qed tinbidel f’ “imsieħeb fin-negozju” (8). Madanakollu jekk il-konjuġi ta’ għajnuna jibqgħu mingħajr status legali, kuntestazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fin-negozju quddiem il-qorti tista tkun ambigwa u ma jingħatawx ħarsien fil-każ ta’ mewt, separazzjoni jew tilwim.

4.15

Il-leave għall-kura tal-membri tal-familja jissemma fir-riformulazzjoni mingħajr referenza għal miżuri prattiċi ta’ applikazzjoni. Fid-dawl tal-popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ, dan mhuwiex aċċettabbli. Hemm bżonn ta’ miżuri għan-nisa u għall-irġiel, li jippermettulhom jieħdu ħsieb tal-qraba anzjani u dipendenti żgħar tagħhom bl-istess mod, b’mod partikolari dawk il-familji li għandhom tfal b’xi diżabilità.

4.16

Fid-dawl tal-prijorità li qed tiżdied rigward id-demografija Ewropea, jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina din it-tema lil hinn mir-riformulazzjoni tad-Direttiva. Jekk ma jkunx hemm dibattitu sejru dwar il-kura tal-anzjani u l-kura taż-żgħar, l-ammont ta’ ġranet li ser titlef l-ekonomija kemm min-naħa tal-impjegati kif ukoll min-naħa ta’ min jaħdem għal rasu, ser ikompli jiżdied fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

4.17

Matul il-konsultazzjoni li saret mas-soċjetà ċivili fi ħdan il-Kumitat, ġie enfasizzat il-kunċett “tal-psewdoimpjegati indipendenti”. Peress li l-kwistjonijiet f’dan ir-rigward qed ikomplu jiżdiedu, jeħtieġ li l-korpi ikkonċernati tal-UE jwettqu l-investigazzjonijiet ulterjuri. Il-Kumitat lest li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha f’dan il-qasam.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE COM(2008)636 finali – 2008/0192 (COD).

(2)  Il-Belġu, il-Lussemburgu u Franza joffru mudelli tajba ta’ kif jistgħu jiġu integrati l-konjuġi ta’ għajnuna.

(3)  Irreferi għall-opinjonijiet tal-KESE dwar l-edukazzjoni intraprenditorjali – bħal:

dwar “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali – ir-rwol tas-soċjetà ċivili l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru”, rapporteur: J.M Pariza Castaños (ĠU C 256 tas-27.10.2007);

dwar “L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta’ Liżbona”, rapporteur: M.Sharma; korapporteur: J. Olsson (ĠU C 44 tal-15.1.2008);

dwar “Il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa fir-reġjun tal-EUROMED”, rapporteur: G. Attard (ĠU C 256 tas-27.10.2007);

intitolata “Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim”, rapporteur: I. Jerneck (ĠU C 309 tas- 16.12.2006) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, COM(2008) 394 finali (25.6.2008).

(5)  Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 44/25 nhar l-20 ta’ Novembru 1989 u daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990, b’konformità ma’ Artikolu 49. Tinsab hawn: http://www2.ohchr.org/english/law/crc.htm.

(6)  Il-Belġju, il-Lussemburgu u Franza.

(7)  Ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività, inkluża l-agrikoltura, b’kapaċità ta’ impjieg għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta’ nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal – COM(94) 163 (PART II: Konklużjonijiet, pt.1 u pt. 4).

(8)  COM(2008) 636 finali, Memorandum ta’ spjegazzjoni, pt. 5.


APPENDIĊI I

tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dawn l-emendi li kisbu mill-inqas kwart tal-voti ma ntlaqgħux matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.1.2

Biddel kif ġej:

Il-Kummissjoni għandha tittratta t-tliet oqsma indirizzati f’din id-Direttiva bħala każijiet individwali sabiex tiżgura li jingħataw kunsiderazzjoni mistħoqqa fejn tidħol ugwaljanza. Filwaqt li l-Kumitat jifhem li l-kompitu tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi huwa li jindirizza l-ħarsien soċjali, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-istat ta’ min jaħdem għal rasu m’għandux jiġi indirizzat fl-istess kuntest tal-istat ta’ min huwa impjegat. Il-Proposta tal-Kummissjoni tqis din id-differenza wkoll billi n-nisa li jaħdmu għal rashom iridu jressqu l-applikazzjoni tagħhom biex jieħdu l-istess ammont ta’ leave maternali daqs kemm għandhom l-impjegati nisa skont id-Direttiva 92/85/KE dwar il-leave maternali. B’hekk fil-prinċipju, m’hemm l-ebda projbizzjoni għax-xogħol, u n-nisa msemmija hawn fuq għandhom jingħataw id-dritt li jagħżlu bejn sostituzzjoni temporanja u benefiċċju soċjali.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 72 Kontra: 73 Astensjonijiet: 8

Punt 4.11

Neħħi kif ġej:

Il-konjuġi ta’ għajnuna jagħmlu parti mill-ekonomija ‘inviżibbli’ li tagħti kontribut lill-Ewropa iżda tibqa’ moħbija. Hemm bżonn ta’ diskussjoni dwar l-istatus legali tagħhom jew bħala impjegati indipendenti jew bħala impjegati. Id-Direttiva attwali, li ilha ma tiġi riveduta mill-1986, tgħid li: ‘L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom li jeżaminaw taħt liema kondizzjonijiet ir-rikonoxximent tax-xogħol tal-konjuġi msemmija fl-Artikolu 2(b) jista’ jiġi inkoraġġit u, fid-dawl ta’ dan il-kontroll, jikkunsidraw kwalunkwe passi approprjati sabiex jiġi inkoraġġit dan ir-rikonoxximent’. Kienu ftit il-pajjiżi li ħadu fuqhom dan l-obbligu minħabba l-istatus legali ambigwu (1) , għalhekk din id-Direttiva m’għandiex tiġi rriformulata sakemm jiġi stabbilit status legali. Meta jiġi stabbilit l-istatus legali, jeħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni li jinforma lill-konjuġi ta’ għajnuna bid-drittijiet legali tagħhom.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 68 Kontra: 73 Astensjonijiet: 11


(1)  Il-Belġju, il-Lussemburgu u Franza.


Top