EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0233

Kawża T-233/09: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Ġunju 2009 — Access Info Europe vs Il-Kunsill

OJ C 205, 29.8.2009, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/40


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2009 — Access Info Europe vs Il-Kunsill

(Kawża T-233/09)

2009/C 205/75

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Access Info Europe (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: O. Brouwer u J. Blockx, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, inklużi l-ispejjeż ta’ eventwali intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1), l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-Dokument 16338/08, nota mis-Segretarjat Ġenerali lill-Grupp ta’ Ħidma fuq l-Informazzjoni dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Il-Kunsill allegatament ipprovda lir-rikorrenti biss b’aċċess għal verżjoni mqassra ta’ dan id-dokument, u eskluda dawk il-partijiet li jagħmluha possibbli li jiġu identifikati d-delegazzjonijiet li jipproponu emendi.

Ir-rikorrenti ssosnti li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata abbażi tal-motivi segwenti:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi

(a)

naqas milli juri kif l-iżvelar tal-ismijiet tad-delegazzjonijiet seta’ jkun ta’ dannu serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni;

(b)

la ta prova tar-riskju li l-opinjonijiet tad-delegazzjonijiet ma jibqgħux jiġu ppreżentati bil-miktub u lanqas kif dan seta’ jkun ta’ dannu serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni; u

(ċ)

naqas milli jqis l-interess imperattiv pubbliku fl-iżvelar tal-identità tad-delegazzjonijiet nazzjoniali.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssosnti li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif stabbilit mill-Artikolu 253 KE u mill-Artikoli 7(1) u 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni


Top