EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0236

Kawża T-236/09: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Ġunju 2009 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

OJ C 193, 15.8.2009, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/26


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2009 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-236/09)

2009/C 193/42

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b’risposta għas-sejħa għal offerti RTD-R4-2007-001, Lott 1 għal “Perizja dwar żvilupp fuq il-post (intra-muros)” u għal Lott 2 “Proġetti ta’ żvilupp barra l-post (extra-muros)” (ĠU 2007/S 239-288854) innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ żewġ ittri separati tas-27 ta’ Marzu 2009 u d-deċiżjonijiet kollha ulterjuri tal-Kummissjoni inkluż dik li tassenja l-kuntratt lill-kontraenti magħżul;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni li sofriet ir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni għall-ammont ta’ EUR 69 445 200 (33 271 920 għal Lott 1 u 36 173 280 għal Lott 2);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra mġarrba mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta tagħha ppreżentata b’risposta għas-sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizz estern għall-iżvilupp, studji u ta’ sostenn għal sistemi ta’ informazzjoni (RTD-R4-2007-001-ISS-FP7) kemm għal Lott 1 għal “Perizja dwar żvilupp fuq il-post (intra-muros)” kif ukoll għal Lott 2 “Proġetti ta’ żvilupp barra l-post (extra-muros)” u li tassenja l-kuntratt lill-kontraenti magħżul. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għall-allegati danni kkawżati permezz tal-proċedura għas-sejħa għal offerti.

Ir-rikorrenti tressaq is-segwenti motivi insostenn tat-talba tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta għamlet żbalji varji u manifesti ta’ evalwazzjoni u li rrifjutat li tipprovdi kwalunkwe ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni lir-rikorrenti bi ksur tar-regolament finanzjarju (1) u r-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu kif ukoll bi ksur tad-Direttiva 2004/18 (2) u tal-Artikolu 253 KE.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret ir-regolament finanzjarju billi obbligat lill-offerenti jestendu l-offerti tagħhom kontra l-volontà tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li anki fl-ipoteżi li l-konvenuta kellha d-dritt tagħmel dan, quod non, kien fi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni xierqa, trasparenza u trattament ugwali li ddeċidiet li tipproċedi bit-tkomplija tal-proċedura tal-assenjazzjoni tal-kuntratt anki wara li kienet skadiet l-estensjoni peress li, fl-opinjoni tar-rikorrenti, l-ebda kuntratt ma jista’ jiġi ffirmat meta offerta waħda jew aktar ma jkunux għadhom iktar validi.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li r-riżultat tal-proċedura stabbilita bis-sejħa għal offerti kien distort minħabba ħruġ ta’ informazzjoni relatat ma’ tentattiv sabiex ir-rikorrenti ta’ titħalliex teżerċita d-drittijiet tagħha.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tressaq argumenti speċifiċi rigward kull lott.

Fir-rigward tal-Lott 1, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u amministrazzjoni xierqa billi naqset milli tosserva l-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti bl-Artikoli 93(1) u 94 tar-regolament finanzjarju fir-rigward ta’ wieħed mill-membri tal-konsorzju magħżul li kien fi ksur tal-obbligi kuntrattwali fil-konfront tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-offerent magħżul tħalla b’mod illegali juża r-riżorsi minn kumpanniji bbażati f’pajjiżi li mhumiex membri tad-WTO/GPA u li din il-prassi hija illegali.

Fir-rigward tal-Lott 2, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta m’għandhiex tħalli lill-offerenti li jagħtu subappalt lil pajjiżi li mhumiex membri tad-WTO/GPA jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti; jekk tagħmel dan, ir-rikkorrenti tqis li hija għandha tipproċedi b’mod ġust, trasparenti u non-diskriminatorju, filwaqt li tiċċara l-kriterji ta’ selezzjoni li hija tuża sabiex teskludi ċerti kumpanniji u taċċetta oħrajn. Għalhekk, fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-konvenuta applikat approċċ partikolarment diskriminatorju billi naqset milli tiddeskrivi l-kriterji ta’ selezzjoni li użat sabiex tagħżel l-offerenti. Barra minn hekk, hija ssostni li l-konvenuta naqset milli tosserva l-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti bl-Artikoli 93(1) u 94 tar-regolament finanzjarju u l-Artikoli 133a u 134 tar-regoli ta’ implementazzjoni u l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18 intiż sabiex jeskludi mill-proċeduri ta’ kuntratt pubbliku kumpanniji li jew kienu ġew ikkundannati jew li kienu involuti f’attivitajiet illegali bħal frodi, korruzzjoni, tixħim u kondotta professjonali kontra l-etika. Ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-każ l-offerent magħżul irrikonoxxa l-involviment tiegħu f’dawn l-attivitajiet u kien ikkundannat mill-qrati Ġermaniżi.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-konvenuta għamlet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward taż-żewġ lottijiet u fir-rigward tal-kwalità tal-proposta tal-offerent għall-ġestjoni kollha tas-servizz, servizzi ta’ ordnijiet u għall-provvista ta’ servizzi kif ukoll il-proposta teknoloġika tal-offerent fil-qasam tal-lottijiet.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)

(2)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi]


Top