EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0813(06)

Avviż ta' ftuħ ta' proċedura kontra d-dumping rigward l-importazzjoni ta' ċerti qfieli tal-istainless steel li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja

OJ C 190, 13.8.2009, p. 27–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/27


Avviż ta' ftuħ ta' proċedura kontra d-dumping rigward l-importazzjoni ta' ċerti qfieli tal-istainless steel li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja

2009/C 190/07

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (’ir-Regolament bażiku’) (1), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-istainless steel li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja (’il-pajjiżi kkonċernati’), qegħdin ikunu l-oġġett ta' dumping u b'hekk qegħdin joħolqu ħsara materjali lill-industrija Komunitarja.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fit-30 ta' Ġunju 2009 mill-Istitut Ewropew tal-Qfieli Industrijali ('il-kwerelant') f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta' qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom.

2.   Prodott

Il-prodotti li allegatament qed jiġu oġġett ta’ dumping huma qfieli tal-istainless steel u partijiet minnhom, li joriġinaw mill-Indja u mill-Malażja ('il-prodott ikkonċernat'), attwalment ikklassifikati fil-kodiċijiet NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss bħala informazzjoni.

3.   Allegazzjoni ta’ dumping

L-allegazzjoni ta’ dumping fir-rigward tal-Indja hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet domestiċi u l-valur normal mibni, bil-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

L-allegazzjoni ta' dumping fir-rigward tal-Malażja hija bbażata fuq tqabbil ta' valur normali mibni flimkien mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità.

Fuq din il-bażi, il-marġini ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kkonċernati.

4.   Allegazzjoni ta’ ħsara

Il-kwerelant ipprovda evidenza li importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Indja u l-Malażja żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u f'termini ta' sehem tas-suq.

Huwa allegat li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq is-sehem tas-suq miksub, il-kwantitajiet mibjugħa u l-livell ta' prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Komunità, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq ir-rendiment ġenerali u partikolarment fuq il-qligħ tal-industrija tal-Komunità.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Komunità jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni permezz ta’ dan ta’ hawn qed tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni ta’ dumping u ta’ ħsara

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Indja u l-Malażja huwiex qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara.

(a)   It-teħid ta’ kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ partijiet involuti f’dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   It-teħid ta' kampjuni għall-esportaturi/produtturi fl-Indja u l-Malażja.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni hux meħtieġ u, jekk inhu hekk, biex tkun tista’ tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha fl-Indja u l-Malażja, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, permezz ta’ dan qed jintalbu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom, fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u skont il-format indikat fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat f'valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru b’mod separat jew sħiħ,

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat fis-suq domestiku matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja rigward il-prodott ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (2) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni, barra minn dan, se tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Indja u l-Malażja u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

Minħabba li kumpanija ma tistax tkun ċerta li tintgħażel fil-kampjun, il-produtturi/esportaturi li jixtiequ jitolbu marġini individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku qed jingħataw il-parir li jitolbu kwestjonarju fil-limitu ta' żmien previst fil-punt 6(a)(i) ta' dan l-avviż, u jirreġistrawh fil-limitu ta' żmien speċifikat fil-punt 6 (a)(ii) l-ewwel paragrafu ta' dan l-avviż. Madankollu, qed tinġibed l-attenzjoni għall-aħħar sentenza tal-punt 5.1(b) ta’ dan l-avviż.

(ii)   It-teħid tal-kampjun ta’ importaturi

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat totali f'ewro tal-kumpanija matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

l-għadd totali ta’ impjegati,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

Il-volum f'tunnellati u l-valur f'ewro ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid magħmula fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009 tal-prodott ikkonċernat impurtat li joriġina mill-Indja u l-Malażja,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (3) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Minbarra dan, biex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

(iii)   It-teħid ta' kampjuni għall-produtturi Komunitarji

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi kollha tal-Komunità, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

il-fatturat totali f'ewro tal-kumpanija matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja rigward il-prodott ikkonċernat,

il-valur tal-bejgħ f'ewro tal-prodott ikkonċernat magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

il-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

il-volum ta' produzzjoni f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (4) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

(iv)   L-għażla finali tal-kampjuni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu kwalunkwe informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fit-terminu stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk il-kooperazzjoni ma tkunx disponibbli, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, dwar il-fatti disponibbli. Sejba bbażata fuq fatti disponibbli tista’ tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-kwestjonarji

Biex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja magħżula bħala kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi fl-Indja u l-Malażja magħżula bħala kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi magħżula bħala kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi ta’ esportazzjoni kkonċernati.

Esportaturi/produtturi fl-Indja u l-Malażja li jitolbu marġini individwali, bil-ħsieb tal-applikazzjoni tal-Artikoli 17(3) u 9(6) tar-Regolament bażiku, iridu jressqu kwestjonarju komplut fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii) ta’ dan l-avviż. Għalhekk għandhom jagħmlu talba għal kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(i). Madankollu, dawn il-partijiet għandhom ikunu konxji li jekk it-teħid ta’ kampjuni jiġi applikat lill-esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tikkalkulax marġini individwali għalihom, jekk l-għadd ta’ esportaturi/produtturi tant ikun kbir li eżami individwali jkun ta’ piż bla bżonn u jxekkel it-tlestija f'waqtha tal-investigazzjoni.

(c)   Il-ġbir ta’ tagħrif u l-organizzazzjoni ta’ seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni, minbarra t-tweġibiet tal-kwestjonarju, u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu taż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

5.2.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess Komunitarju

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-allegazzjonijiet ta’ dumping u ħsara kkawżati minħabba f’hekk ikunu sostanzjati, għandha tintlaħaq deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Komunità. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Komunità, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx dwarhom il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li aġixxew b’konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta filwaqt li jistipulaw ir-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kwalunkwe informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

6.   Limiti taż-żmien

(a)   Il-limiti ġenerali ta’ żmien

(i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Il-partijiet kollha interessati għandhom jitolbu kwestjonarju malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet li jridu jiddikjaraw lilhom infushom, biex jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra.

Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali ddefiniti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta lilha nnifisha lill-Kummissjoni matul il-perjodu msemmi qabel.

Il-kumpaniji magħżula f’kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarji fil-limiti ta’ żmien speċifikat fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Is-seduti ta’ smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 40 jum.

(b)   Il-limitu speċifiku ta’ żmien fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

(i)

L-informazzjoni speċifikata fil-punti 5.1(a)(i), 5.1(a)(ii) u 5.1(a)(iii) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Kummissjoni bi ħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull informazzjoni rilevanti oħra għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iv) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u r-rikjesti kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u l-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti (5) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/92

1049 Brussels

BELGIUM

Faks +32 22979524

8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn kwalunke parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-investigazzjoni jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew b’mod sinifikanti tfixkilha, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi skartata u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun kkooperat.

9.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tingħalaq, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn 9 xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Proċessar ta’ dejta personali

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (6).

11.   L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Trade. Huwa jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ tal-websajt tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  Għal gwida dwar it-tifsira ta’ kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(3)  Ara nota tal-qiegħ 2.

(4)  Ara nota tal-qiegħ 2.

(5)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Id-dokument huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Hu dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-anti-dumping).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top