EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0808(05)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

OJ C 186, 8.8.2009, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/23


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 186/11

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“PATATA DI BOLOGNA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0349-15.06.2004

DPO ( X ) IĠP ( )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b’għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat membru:

Isem:

Ministero delle Politiche Agricole e Forestali

Indirizz:

Via XX Settembre 20

00187 Roma RM

ITALIA

Tel

+39 0646655106

Feks

+39 0646655306

posta elettronika:

saco7@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem:

Consorzio Patata di Bologna D.O.P.

Indirizz:

Via Bassa dei Sassi 1/2

40138 Bologna

ITALIA

Tel

+39 051532320

Feks

+39 051532320

posta elettronika:

cptb@libero.it

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali jew ipproċessati tal-Anness II – patata

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Patata di Bologna”

4.2.   Deskrizzjoni:

 

Il-prodott irid ikun tal-varjetà Primura u għandu jintgħaraf mill-aspett fiżiku u mill-karatteristiċi kimiċi u organolettiċi tiegħu, li għandhom jikkorrispondu ma’ dawn il-parametri:

 

il-forma tat-tuberi: ġeneralment ovali, tawwalin, regolari, b’rimjiet (tikek) fuq il-qoxra li ma jidhrux ħafna;

 

qoxra lixxa, sħiħa u mingħajr difetti esterni li jibdlu l-karatteristiċi tagħha;

 

tuberi ta’ daqs omoġeneu li jvarja bejn l-40 u l-75 mm;

 

polpa konsistenti li l-kulur tagħha jvarja bejn l-abjad u l-isfar lewn it-tiben;

 

il-prodott iżomm fi stat tajjeb għal żmien twil.

 

Il-kompożizzjoni ta’ kull 100 gr tal-parti li tittiekel hija magħmula minn dawn l-elementi:

 

ilma: bejn 70,0 u 85,0 %

 

proteini: bejn 1,8 u 2,2 %

 

xaħmijiet: bejn 0,09 u 1,12 %

 

karboidrati: bejn 13,5 u 17,0 %

 

fibri: bejn 2,2 u 2,7 %

 

minerali (sodju, potassju, manjesju, kalċju, manganiż, ħadid, kobalt, ram, żingu, nikil, kromju, kloru, fosfru, fluworin, jodju, boron, silenju): bejn 1,0 u 1,2 %

 

vitamini: bejn 0,05 u 0,1 %.

 

Il-varjetà Primura, simbolu tal-“Patata di Bologna”, għadha tirrappreżenta l-patata li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq. Dan minħabba l-karatteristiċi tagħha li jagħtu dehra tajba lill-platt, il-kontenut moderat ta’ sustanza niexfa (19-20 %), il-konsistenza tajba tal-polpa, it-togħma tipika u mhux qawwija żżejjed u l-kapaċità li żżomm fi stat tajjeb għal żmien twil. Il-prodott jikseb dawn il-karatteristiċi minħabba li l-artijiet li jitkabbar fihom huma idonei u nżammu fl-istess kundizzjoni matul iż-żmien.

4.3.   Żona ġeografika:

Il-Provinċja ta’ Bologna.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Fir-rigward tal-kontrolli għall-prova tal-oriġini tal-produzzjoni ta’ din id-D.P.O., il-prova tal-oriġini tal-“Patata di Bologna” miż-żona ġeografika delimitata tiġi ċċertifikata minn entità ta’ kontroll speċifika abbażi tad-diversi rekwiżiti li l-produtturi għandhom jissodisfaw matul iċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni. Ir-rekwiżiti ewlenin li jiżguraw it-traċċabbiltà tal-prodott f’kull parti tal-proċess huma dawn: ir-reġistrazzjoni tal-bdiewa u tal-proċessuri fir-reġistri rilevanti tal-Entità ta’ kontroll speċifika; dikjarazzjoni lill-entità ta’ kontroll dwar il-kwantitajiet li jiġu prodotti kull sena.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

L-ispeċifikazzjoni tal-prodott tipprevedi, b’mod partikolari, li l-ewwel azzjoni għandha tkun dik tal-preparazzjoni tal-art, li ssir billi tinħarat f’raded. Dan isir fil-ħarifa ta’ qabel iż-żrigħ biex l-aġenti atmosferiċi tax-xitwa, bħax-xita u l-ġelu, jilħqu jkissru l-aktar tub kbar u b’hekk jagħtu konsistenza idonea lill-art għaż-żrigħ tal-patata.

Għaż-żrigħ, iż-żerriegħa tal-patata li tintuża għandha tkun ċertifikata, kemm dik sħiħa kif ukoll dik maqsuma. Din iż-żerriegħa tiġi ppreparata permezz tal-preġerminazzjoni, li biha, iż-żerriegħa tal-patata tikseb il-proprjetà li meta tinżera’ tkun tista’ tiżviluppa bl-aktar mod prekoċi u reżistenti. Waqt din il-fażi, il-patata tinżamm f’ambjent mhux espost għall-ġlata u fejn id-dawl ikun imxerred, biex b’hekk tiżviluppa nebbieta ta’ ftit millimetri tul u ta’ għamla ħoxna u robusta.

Fir-rigward tat-tbiddil tal-uċuħ tar-raba’, il-patata ma tistax tinżera’ fl-istess art għal sena wara l-oħra, iżda tista’ tinżera biss wara sentejn li fihom l-art tkun intużat għall-kultivazzjoni ta’ prodotti oħra.

L-art tingħata d-demel skont il-ħtieġa tal-kultivazzjoni; id-demel għandu jipprovdi l-aktar nutrienti adegwati, bħan-nitroġenu, il-fosfru u l-potassju, sabiex tkun tista’ tinkiseb l-aqwa produzzjoni, kemm mil-lat ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità. Il-produzzjoni massima hi ta’ 60 tunnellata/ettaru.

It-teknika ta’ kultivazzjoni tiġi kompleta permezz tal-għoti tad-demel u tal-protezzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-ispeċifikazzjoni tar-Regione Emilia Romagna.

Il-patata għandha tinġabar meta tkun immaturat għal kollox, jiġifieri meta l-qoxra ma titqaxxarx bl-għerik tas-swaba’, tant li tkun tiflaħ għall-intervent ta’ makkinarju li jħaffer għall-patata u jiġborha u li wara jqiegħdha f'kontenituri idonei għat-trasport lejn l-imħażen.

Il-konservazzjoni tal-patata ssir f’kontenituri li jinżammu f’ċelel b’kesħa kontrollata, bejn 4 u 7 °C, il-bogħod mid-dawl.

Jistgħu jsirulha t-trattamenti ta’ wara l-ġbir li huma previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Il-“Patata du Bologna” tiġi prodotta biss minn azjendi agrikoli li jinsabu kollha fil-provinċja ta’ Bologna, u tiġi pproċessata u ppakkjata wkoll minn impriżi f’din il-provinċja, peress li l-patata ta’ din id-DPO tippreżenta karatteristiċi ta’ kwalità għolja, kemm organolettiċi kif ukoll kummerċjali, li jistgħu jiġu ppreservati biss permezz ta’ proċessar tajjeb. Fil-fatt, l-operaturi lokali kisbu patrimonju sħiħ ta’ għarfien speċifiku dwar il-prodott, bħall-aħjar mod ta’ kif jiġi pproċessat u ttrasportat, u l-ġestjoni tiegħu immedjatament wara li jinġabar, b’mod partikolari l-konservazzjoni f’ambjent imkessaħ, bl-għan li l-prodott ma jitlifx wisq mill-umdità tiegħu; dan l-għarfien u d-diversi prattiki li jintużaw fuq l-art jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-karatteristiċi kwalitattivi tad-DPO “Patata di Bologna”, fir-rigward tal-proċessi fiżjoloġiċi naturali tiegħu.

4.6.   Rabta:

Il-karatteristiċi tad-DPO “Patata di Bologna”, bħar-riħa, it-togħma, u l-intensità tal-kulur tal-polpa u tal-qoxra, minbarra li jiddependu mill-ġenetika, jiġu ddeterminati wkoll mill-ambjent li fih tiġi kkultivata (l-art, il-klima, it-teknika ta’ kultivazzjoni, it-tip ta’ konservazzjoni), li minnu toħroġ ir-rabta ċara bejn il-“Patata di Bologna” u l-provinċja ta’ Bologna.

Il-karatteristiċi morfoloġiċi tal-art, prevelentament tat-tip alluvjali, stratifikata u konsegwentament b’kontenut għoli ta’ ossiġenu, joħolqu kundizzjoni favorevoli ħafna għall-iżvilupp tal-prodott.

Minħabba dan l-ambjent partikolari, li huwa riżultat tal-integrazzjoni bejn l-art (pedoloġija u idrografija) u l-klima (milwiema fil-perjodu tal-ħarifa u x-xitwa, b’temperaturi moderati tar-rebbiegħa sa mill-aħħar jiem ta’ Frar, li waqt li tifforma l-patata jkunu idonei, jiġifieri madwar 25 °C), il-patata li tikber tikseb karatterististiċi fiżiċi, bħall-konsistenza, il-granulometrija tal-polpa, u karatteristiċi organolettiċi, bħar-riħa u t-togħma partikolari, li jagħtuha kwalità speċifika.

Kif deskritt fil-kitba ta’ Contri (1817), l-artijet tal-provinċja ta’ Bologna huma adatti għall-kultivazzjoni tal-patata peress li din tippreferi “ħamrija baxxa, niexfa mill-ilmijiet u depożiti ta’ ħamrija li x-xmajjar iħallu warajhom”, li huma l-karatteristiċi tal-artijiet irreklamati tal-provinċja ta’ Bologna.

It-tibdil li seħħ maż-żmien fuq l-artijiet, ħoloq witat magħmulin minn sedimenti alluvjonali li jinġarru u jiġu ddepożitati mix-xmajjar u n-nixxiegħat tal-Appennini li għadhom attivi sal-lum. Dawn is-sedimenti jiffurmaw depożitu ta’ ħamrija pjuttost fina, fond u niexef biżżejjed, b’valur ta’ pH alkalin, b’kontenut ta’ sustanzi organiċi u tal-aktar nutrienti importanti għat-tkabbir tal-patata, bħall-kontenut għoli tal-potassju u l-kontenut ta’ fosfru u ta’ nitroġenu.

Dawn il-kundizzjonijiet huma favorevoli għall-kultivazzjoni tal-patata, li tgawdi minnhom l-aktar minħabba li l-għeruq tagħha jifforma f’għanqud mingħajr truf orizzontali u b’estensjonijiet radikali ħoxnin.

Mil-lat idroloġiku, l-art tgawdi ħafna mill-preżenza ta’ xmajjar u nixxiegħat naturali – Idice, Reno, Gaiana, Fossatone, Quaderna, Rido, Sillaro, Samoggia, Savena, u anke mill-preżenza ta’ kanali artifiċjali mibnija apposta – Canale Emiliano Romagnolo – biex ifornu l-ilma għall-uċuħ fil-perjodu tar-rebbiegħa u s-sajf, meta jkun meħtieġ l-aktar.

Sa mill-aħħar jiem ta’ Frar jew tal-bidu ta’ Marzu, il-pjanura tal-provinċja ta’ Bologna tkun karatterizzata minn temperaturi moderati tar-rebbiegħa, li huma ideali għall-ġerminazzjoni taż-żerriegħa tal-patata f’dan il-perjodu. Matul l-istadju li fih il-patata tiżviluppa bl-aktar mod imgħaġġel, li jseħħ l-aktar bejn April u Ġunju, it-temperatura titla’ sa 25-28 °C, li tiffavorixxi l-formazzjoni u l-iżvilupp tal-patata b’rata ta’ maturazzjoni regolari. Il-fatt li x-xita tinżel tul is-sena kollha jiffavorixxi l-iżvilupp u t-tuberifikazzjoni fil-fażi inizjali tagħhom, u jiżgura wkoll il-formazzjoni ta’ saffi tal-ilma taħt l-art u jippermetti li l-art tkun tista’ tinħarat għaż-żrigħ tal-patata.

Il-kultivazzjoni tal-patata ilha żmien twil marbuta mat-territorju tal-provinċja ta’ Bologna minħabba l-karatteristiċi idonei tal-artijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet kwalitattivi u organolettiċi partikolari ta’ xi varjetajiet u minħabba t-teknika ta’ kultivazzjoni li ilha tintuża ħafna mill-produtturi.

Din ir-rabta mat-terrirorju tal-provinċja ta’ Bologna ġejja mill-ħtieġa kbira li l-popolazzjoni tagħha jkollha x’tiekol, speċjalment fil-perjodi meta l-ħsad tal-qamħ ikun baxx, peress li l-qamħ minn dejjem kien meqjus bħala bażi għall-alimentazzjoni umana u minħabba l-idea li l-iżvilupp tal-kultivazzjoni tal-patata kien ta’ benefiċċju għall-istess provinċja għax b’hekk ma kienx ikollha għalfejn iġġib l-ikel minn stati oħra. Ftit, ftit, din ir-rabta kompliet tissaħħaħ minħabba x-xogħol iebes li l-produtturi wettqu biex ħolqu, pass wara pass, teknika ta’ kultivazzjoni kważi perfetta, fejn bnew għodod dejjem aktar effiċjenti u li jagħmlu inqas dannu lill-prodott, u kkonservawh bl-użu ta’ tekniki avvanzati u strutturi kummerċjali li eventwalment swew biex il-prodott jikseb valur akbar fl-aspetti kummerċjali u kwalitattivi tiegħu, dovut ukoll għall-ispeċjalizzazzjoni dedikata ta’ dan it-territorju.

Fl-ewwel snin tas-seklu dsatax, fil-provinċja ta’ Bologna nxterdet il-kultivazzjoni tal-patata, partikolarment bis-saħħa ta’ Pietro Maria Bignami, espert fl-agronomija li indtroduċa lill-bdiewa ma’ din il-kultivazzjoni. Fl-istess żmien li kienet tintuża bħala għalf għall-animali, il-patata bdiet issib postha wkoll fuq l-imwejjed tal-familji.

Lejn tmiem is-seklu tmintax u tul is-seklu dsatax kollu, diversi studjużi ddeskrivew il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ din il-kultivazzjoni, iżda kien minħabba l-kitba ta’ Contri, li fl-1817 bagħat ċirkolari lill-Kardinal Opizzoni, Legat tal-Papa, u li kien fiha deskrizzjoni prattika tal-kultivazzjoni minn ċertu Signor Benni, li l-investimenti fl-artijiet permezz tal-kultivazzjoni tal-patata bdew jiżdiedu b’mod notevoli.

Ta’ min isemmi wkoll il-kitbiet ta’ Berti-Pichat u ta’ Bignardi, ippubblikati fl-aħħar nofs tas-seklu dsatax, li jirreferu għall-patata tal-provinċja ta’ Bologna. Fl-1900, il-firxa tal-kultivazzjoni tal-patata laħqet il-massimu potenzjali tagħha u nxterdet mal-provinċja kollha, mill-pjanura saż-żoni tal-għoljiet u l-muntanji, biex saret font importanti ta’ dħul għall-ekonomija rurali lokali. Minħabba dan il-prodott, ġiet żviluppata s-sistema tal-produzzjoni, kif ukoll inħolqu strutturi ta’ konservazzjoni u kummerċjali moderni u idonei għall-ġestjoni effiċjenti tal-patata.

4.7.   Entità ta’ kontroll:

Isem:

Check Fruit s.r.l.

Indirizz:

Via Cesare Boldrini 24

40121 Bologna

ITALIA

Tel

Feks

posta elettronika:

4.8.   Tikkettar:

 

Il-“Patata di Bologna” għandha titqiegħed fis-suq għall-konsum bl-użu ta’ dawn id-diversi tipi ta’ imballaġġ:

xkejjer li jesgħu’ 4 Kg, 5 Kg, 10 Kg u 25 Kg, b’faxxa fin-nofs jew stampata b’daqs ta’ 10 cm jew aktar.

xbiek li jesgħu 0,5 Kg, 1 Kg, 1,5 Kg, 2 Kg u 2,5 Kg.

pakketti vertbags, quickbags, girsacs u boroż li jesgħu 0,5 Kg, 1 Kg, 1,5 Kg, 2 Kg, 2,5 Kg, 5 Kg.

trejs jew tnelli li jesgħu 0,5 Kg, 0,750 Kg, 1 Kg.

kaxxi tal-kartun u ċestuni li jesgħu 10 Kg, 12,5 Kg, 15 Kg, 20 Kg u 25 Kg.

 

Fuq l-imballaġġ għandu jkun jidher il-kliem: “Patata di Bologna” segwit bil-kitba “D.O.P.” u bil-logo li jkun speċifikat hekk: immaġni stilizzata ta’ patata b’żewġ faxxi djagonali, waħda ħamra u l-oħra blu, li jkollha dawn il-karatteristiċi:

l-isfar tal-patata stilizzata hu Pantone Yellow 116 C, quadrichrome, 0/20/100/0;

l-aħmar tal-ewwel faxxa mmejla hu Pantone Warm Red C, quadrichrome, 0/100/100/0;

il-blu tat-tieni faxxa mmejla hu Pantone Blue 286 C, quadrichrome, 0/100/70/0;

Il-karattru tipografiku użat għall-kompożizzjoni ta’ kwalunkwe test hu Avenir Light u Avenir Bold.

Il-marka ma tistax tiġi riprodotta fuq imballaġġi li jkollhom bażi ta’ daqs iżgħar minn 20 mm u, fi kwalunkwe każ, id-DPO “Patata di Bologna” għandha tidher f’ittri ikbar minn dawk ta’ kwalunkwe kliem ieħor fuq it-tikketta.

Image


Top