EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0808(04)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

OJ C 186, 8.8.2009, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/20


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

2009/C 186/10

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“RICCIARELLI DI SIENA”

Nru tal-KE.: IT-PGI-0005-0666-18.12.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Ricciarelli di Siena”

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott (Anness II):

Klassi 2.4:

Prodotti magħmulin mill-ħobż, tal-ħelu u gallettini.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem ta' (1):

L-isem “Ricciarelli di Siena” jindika l-prodott tal-ħelu miksub minn preparazzjoni ta' għaġina magħmula minn lewż, zokkor u abjad tal-bajd, li wara tinħema fil-forn. Meta jitqiegħdu fis-suq għal konsum, il prodott ikollu l-karatteristiċi li ġejjin: forma: maqrut ġej għall-ovali; piż: bejn 10 u 30 gr kull wieħed; dimensjonijiet: l-itwal djagonalment bejn 50 u 105 mm.; l-iqsar djagonalment bejn 30 u 65 mm.; ħxuna bejn 13 u 20 mm; dehra esterna: il-wiċċ huwa ta' kulur abjad minħabba li jkun miksi biz-zokkor fin tal-ġelu u xi drabi bi xquq fl-għaġina; it-tarf kemm kemm dehbi; dehra interna: l-għaġina hija ta' kulur kannella ċar kemm kemm dehbi; konsistenza: morbida, li ma titfarrakx; kontenut tal-ilma relattiv: bejn minimu ta' 8 % u massimu ta' 11,5 %.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Ingredjenti obbligatorji: L-ingredjenti użati għall-preparazzjoni tar- “Ricciarelli di Siena”, li jirreferu għal 1Kg ta' għaġina, huma: lewż ħelu: minn 35 % sa 50 %; zokkor abjad: minn 35 % sa 47 %; abjad tal-bajd tat-tiġieġa: minn 6 % sa 12 %; zokkor fin tal-ġelu: minn 5 % sa 8 %; aġenti li jgħollu (imluħa tal-ammonju u/jew imluħa tas-sodju): kemm hemm bżonn. Huwa permess l-użu tal-abjad tal-bajd tat-trab jew pasturizzat. Ingredjenti mhux obbligatorji: lewż morr: sa massimu ta' 6 % tat-total tal-għaġina, biex jissostitwixxi parzjalment il-lewż ħelu; ġulepp tal-glukożju jew zokkor invertit: sa massimu ta' 10 % tat-total tal-għaġina, biex jissostitwixxi parzjalment iz-zokkor abjad; għasel minn fjuri differenti: miżjud ma' ingredijenti ħelwin oħra, fi kwantità massima ta' 7 % tal-għaġina; ħwawar: mżiewed tal-vanilla jew vanillina, żjut essenzjali taċ-ċitru, essenza tal-lewż, weħedhom jew flimkien, kemm hemm bżonn; konfettura tal-qxur ta' larinġ: fi kwantità massima ta' 5 % tal-għaġina; karta tal-ostji: użati bħala bażi tal-prodott; aċidu sorbiku: skont ir-regolament fis-seħħ mhumiex awtorizzati ingredjenti oħra, adittivi, koloranti u konservanti.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-fażijiet tax-xogħol ta' preparazzjoni u l-ippakkjar iridu jsegwu lil xulxin kontinwament u għalhekk iridu jsiru fiż-żona speċifikata fil-punt 4 għax hekk biss tista' tiġi garantita il-fwieħa tal-prodott. Iż-żamma tal-livell ta' umdità relattiva indikat fil-punt 3.2, hija żgurata mill-fatt li dan jiġi ppakkjat eżatt wara li jiksaħ u dan jevita li jseħħu żewġ fenomeni opposti, li jħallu effetti ħżiena kemm fid-dehra tal-prodott (tibdil fil-qoxra) kif ukoll fl-irtubija u t-togħma tiegħu: l-assorbiment ta' arja xotta wisq mill-ambjent, li jnixxef l-għaġina, jew ta' arja umda żejjed li tikkawża li l-prodott jitfarrak malajr meta jintmess.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Ir-“Ricciarelli di Siena” huma kkummerċjalizzati kemm f'pakketti ta' porzjon wieħed jew ta' iktar. Il-karatteristiċi ta' freskezza, morbidezza u fwieħa tal-prodott, kif ukoll il-fatt l-integrità tiegħu, huma żgurati mill-ippakkjar fiż-żona u ppreservati wkoll mit-tip ta' pakkett. Meta jinbigħu f'pakketti ta' porzjon wieħed, dawn jitkebbu f'pakketti li ma jħallux arja tgħaddi minnhom. Iżda, meta jinbiegħu f'porzjonijiet akbar, jitqegħdu f'tilari jew dixxijiet trasparenti li jingħalqu sew biex ma tgħaddix arja jew f'tilari imtaqqbin ta' forma u daqs proporzjonat ma' porzjon wieħed, li mbagħad jitkebbu bi plastik trasparenti li ma jħallix sħana tgħaddi minnu u normalment jingħalqu f'kaxex tal-kartun jew tal-metall.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketta trid iġġib fuqha l-kitba “Ricciarelli di Siena” u “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” sħiħa jew imqassra bl-akronimu (IĠP), kif ukoll informazzjoni oħra kif ġej: l-isem, l-isem u l-indirizz tal-azjenda li tipproduċi u tippakkja l-prodott; il-logo marbut max-xbieha li għandha tintuża flimkien u inseparabbli mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

Id-denominazzjoni “Ricciarelli di Siena” ma tistax tiġi tradotta. Il-logo jista' jiġi adattat proporzjonalment għall-użi varji li jsir minnu.

Image

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni u tal-ippakkjar tar-“Ricciarelli di Siena” tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-provinċja ta' Siena.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona hija kkaratterizzata minn preżenza qawwija tas-snajja' tal-preparazzjoni tal-ħelu, wirt storiku tar-rwol importanti li kellhom il-ħwienet tal-ħwawar lokali għall-produzzjoni tipika tat-territorju, sa mill-bidu tal-eżistenza tagħhom fil-Medju Evu. Minbarra l-għadd ta' azjendi u ta' ħaddiema involuti fil-produzzjoni tal-ħelu, l-importanza tas-settur hija evidenti ukoll mis-sehem relevanti tal-esportazzjonijiet totali taż-żona. Dan is-suċċess huwa dovut l-iktar għar-rabtiet li l-prodott għandu mat-tradizzjoni b'xhieda ta' speċjalizzazzjoni notevoli fil-ħiliet li jintużaw fil-produzzjoni.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristika partikolari ta' dan il-prodott hija l-konsistenza morbida, kompatta u li ma titfarrakx tal-għaġina u l-kulur abjad kemm kemm dehbi tagħħa. L-ispeċifiċità tar-“Ricciarelli di Siena” hija dovuta għal tekniki produttivi tradizzjonali propji tad-denominazzjoni li jistgħu jitqassru hekk:

l-għoli u l-ħami tal-għaġina fil-forn;

il-granulometrija tal-għaġina;

l-irtubija partikolari dovuta għall-mod ta' kif isir l-għaġina u għall-użu tal-abjad tal-bajd.

Ir-“Ricciarelli di Siena” huma differenzjati minn produzzjonijiet simili oħra għax la fihom dqiq u lanqas lamtu tal-patata, li jnaqqsu l-kwalità tal-prodott. Il-kulur abjad tal-għaġina huwa dovut esklussivament għal preżenza taz-zokkor.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP):

Ir-reputazzjoni li ma tħalli l-ebda dubju tar-“Ricciarelli di Siena” twieldet meta dawn affermaw rwieħhom bħala l-ħelu tipiku u li ma tbiddlu ma' xejn tal-festi tal-Milied. Kitbiet importanti dwar il-gastronomija u tradizzjonijiet tal-ikel juru li għas-seniżi (abitanti ta' Siena) ma jkunx Milied mingħajr ir-“Ricciarelli di Siena”. Maż-żmien il-konsum tagħhom xtered għal matul xhur oħra tas-sena, l-iktar minħabba l-għadd kbir ta' viżitaturi u turisti mid-dinja kollha li jżuru l-post. Dan il-fattur saħħaħ l-esportazzjoni iżda fl-istess waqt dgħajjef ir-rabta tal-prodott mal-festi reliġjużi u okkażjonijiet importanti tal-ħajja. Il-preparazzjoni tar-“Ricciarelli di Siena” kienet issir fil-kunventi jew fil-ħwienet tax-xogħol tal-ispiżjara tal-epoka, l-uniċi postijiet fejn wieħed seta' jsib il-ħwawar u l-aromi meħtieġa biex jagħtu l-aroma u jiġi preservat l-ikel. Bħala xhieda ta' din it-tradizzjoni, sal-ġurnata tal-lum wieħed jista' jara, fuq l-affreski tass-soqfa tal-ispiżeriji antiki fiċ-ċentru storiku tal-belt ta' Siena, kitbiet indurati bi kliem ta' tifħir għar-Ricciarelli, il-Panforti u ħelu tipiku ieħor tal-lokal li kien jinħadem f'dawn il-ħwienet. In-novellier u drammaturgu Seniż Parige, jirrakkonta f'waħda min-novelli tiegħu, li ċertu tali bl-isem ta' Ricciardetto della Gherardesca (li minnu ġie l-isem Ricciarello), meta ġie lura mill-Kruċjati daħħal l-użu ta' xi ħelu Għarbi li kien ifakkar fil-forma mibruma tal-papoċċ tas-Slaten. L-ewwel referenza speċifika għat-terminu Ricciarello instabet f'lista twila ta' ħelu tat-Toscana ppubblikata fil-“Ditirambo di S.B. in onore del Caffè e dello Zucchero” stampat f'Livorno fl-1814. Hawn insibu l-kitba “della lupa i Riciarelli” fejn ir-referenza għall-oriġini minn Siena tintwera bl-indikazzjoni tas-simbolu tal-belt, li hija propju l-mara tal-lupu.

Fl-1891 giet ippubblikata l-ewwel edizzjoni tal-volum fundamentali “La scienza in cucina e l'arte del mangiar bene” ta' Pellegrino Artusi, l-ewwel eżempju ta' ktieb tar-riċetti tad-tradizzjoni gastronomika nazzjonali. Ir-riċetta nru 629, iddedikata lill-prodott inkwistjoni, ġġib bħala titlu l-isem “Ricciarelli di Siena”. L-ingredjenti indikati fir-riċetta huma dawk li għadhom jintużaw sal-lum: “zokkor abjad fin, lewż ħelu u morr, l-abjad tal-bajd, il-fwieħa tal-qoxra tal-larinġ”

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

Din l-amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni għall-proposta ta' rikonoxximent tal-“Riciarelli di Siena”, fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 149 tad-29.06.2005.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli:

http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

billi wieħed jidħol fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministero (www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


Top