EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0040

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERI)

OJ C 182, 4.8.2009, p. 40–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERI)

COM(2008) 467 finali — 2008/0148 (CNS)

(2009/C 182/08)

Rapporteur: is-Sur STANTIČ

Nhar il-5 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 172 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERI)

COM(2008) 467 finali — 2008/0148 (CNS)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur STANTIČ.

Matul l-450 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2009 (seduta tal-15 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’149 vot favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Infrastruttura tar-riċerka ta’ livell għoli hija waħda mill-pilastri essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.2   L-iżvilupp u t-tħaddim effettiv ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERI) ta’ livell dinji ġeneralment jeċċedu l-kapaċitajiet u d-domanda potenzjali ta’ Stati Membri individwali. Għaldaqstant, azzjoni konġunta f’dan il-qasam għandha valur miżjud Ewropew ta’ livell partikularment għoli. L-attrazzjoni ta’ dawn l-infrastrutturi twassal għal iktar netwerking u kooperazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tgħin biex tagħmel tajjeb għall-frammentazzjoni li għad fadal.

1.3   Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-pjan direzzjonali mressaq mill-Forum tal-Istrateġija Ewropea għall-Infrastruttura tar-Riċerka (l-ESFRI) dwar il-ħolqien ta’ 44 proġett pan-Ewropew ġdid ta’ infrastruttura tar-riċerka fuq skala kbira għall-għaxar sa għoxrin sena li ġejjin.

1.4   L-oqfsa legali nazzjonali x’aktarx ma jistgħux jipprovdu bażi legali adegwata għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tar-riċerka ta’ livell għoli u ta’ interess pan-Ewropew. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta għal Regolament dwar qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka li jista’ jissemplifika u jħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti proposti mill-ESFRI.

1.5   Il-ħolqien ta’ infrastrutturi ġodda tar-riċerka ta’ livell dinji jista’ jsaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka b’mod sinifikanti u jwaqqaf il-brain drain barra mill-Ewropa. Madankollu, il-konċentrazzjoni ta’ infrastrutturi ta’ skala kbira fl-Istati Membri żviluppati biss ser, għall-anqas fil-perijodu qasir, tiġbed ir-riċerkaturi minn madwar l-Ewropa. Fil-perijodu fit-tul, dawn l-effetti potenzjalment negattivi għal ċerti pajjiżi jistgħu jiġu kkompensati permezz ta’ distribuzzjoni ġeografika adegwata tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka kif ukoll permezz ta’ aċċess ħieles kemm jista’ jkun.

1.6   Il-KESE jistieden lill-Istati Membri sabiex isegwu l-inizjattiva tal-ESFRI u tal-Kummissjoni u jfasslu l-pjan nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka mill-aktar fis possibbli.

1.7   Il-Kumitat jaqbel mal-proposta għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) u t-taxxi tas-sisa peress li din il-miżura tista’ ssaħħaħ l-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka u tatihom vantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ proġetti simili madwar id-dinja.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda lill-Komunità sabiex tipparteċipa b’mod aktar attiv fil-finanzjament tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka billi żżid il-fondi tat-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Għalhekk, billi takkwista vantaġġ mis-sjieda parzjali tal-ERIs, il-Komunità tkun f’qagħda aħjar biex tiggarantixxi distribuzzjoni ġeografika aktar wiesgħa kif ukoll aċċess ħieles għall-ikbar ċirklu ta’ riċerkaturi Ewropej possibbli.

1.9   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-politika Ewropea ta’ Koeżjoni u l-istrumenti finanzjarji tagħha, jiġifieri l-Fondi Strutturali, jagħtu prijorità akbar lill-iżvilupp ta’ impjanti ġodda tar-riċerka u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu politiki oħra u strumenti maħsuba biex iħeġġu lis-settur privat jinvesti aktar fl-infrastruttura tar-riċerka.

1.10   Il-Kumitat beħsiebu jiġbed l-attenzjoni għall-problema tal-ispejjeż tat-twettiq u ż-żamma tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka ladarba l-investiment inizjali jkun sar. Dawn l-ispejjeż, li, kull sena, jistgħu jilħqu 20 % tal-ammont investit, jistgħu jxekklu l-kunċett ta’ aċċess ħieles għar-riċerkaturi tal-pajjiżi li ma jagħmlux parti minn din l-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka. Għalhekk, ikun xieraq li ninkludu l-konfinanzjament minn fondi Ewropew għal proġetti li għaddejjin bħalissa fil-kuntest tat-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

2.   Daħla

2.1   It-twaqqif ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka huwa l-għan prinċipali tal-miżuri Komunitarji kollha fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp sa mill-2000 ’il hawn (1). Għalkemm minn dak iż-żmien ’il hawn l-Istati Membri adottaw bosta inizjattivi, illum il-ġurnata għad hemm numru sostanzjali ta’ ostakoli nazzjonali u istituzzjonali li jfixklu l-ksib tal-objettiv aħħari, jiġifieri l-ħolqien tal-“ħames libertà” fl-Ewropa: il-moviment ħieles tal-għarfien. Waħda mill-problemi l-kbar li qed tiffaċċja l-Ewropa fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka hija l-frammentazzjoni tagħha li ma tħallihiex tapprofita kemm tista’ mill-potenzjal tagħha tar-riċerka.

2.2   M’hemm l-ebda dubju li infrastruttura tar-riċerka ta’ livell għoli hija waħda mill-pilastri ċentrali għall-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (2). Fil-fatt, din l-infrastruttura:

tippromovi livell għoli fix-xjenza,

tagħmel ir-riċerka fondamentali u dik applikata kompetittivi fil-livell dinji,

tattira l-aqwa riċerkaturi,

tħeġġeġ l-innovazzjoni fl-industrji u tħaffef l-iskambju tal-għarfien,

tikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea,

tiggarantixxi valur miżjud aktar għoli fil-livell Ewropew.

2.3   L-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka ta’ skala kbira huma kkaratterizzati, fost affarijiet oħra, mill-fatt li l-investiment, l-ispejjeż tal-funzjonament tagħhom kif ukoll il-possibbiltà li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-potenzjalitajiet tagħhom jaqgħu barra mill-ambitu tal-Istati Membri individwali. Dan ifisser li ċ-ċentri Ewropej ta’ livell għoli sikwit ma jilħqux il-massa kritika meħtieġa. Xi wħud ibatu wkoll minn nuqqas ta’ netwerks adegwati u minn nuqqas ta’ kooperazzjoni. Minkejja dawn in-nuqqasijiet, fil-passat l-Ewropa rnexxilha twettaq bosta proġetti pan-Ewropej estensivi u ta’ livell dinji, bħal pereżempju s-CERN, l-ITER, l-EMBO, l-ESA, l-ESRF (3) u oħrajn.

2.4   Il-proposta għal Regolament li qed tiġi analizzata (COM(2008) 467 finali) hija waħda minn ħames inizjattivi mressqa mill-Kummissjoni fl-2008 sabiex tħaffef b’mod sinifikanti t-twaqqif ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka (4).

2.5   L-inizjattiva kkonċernata hija konformi mal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona. L-għan tagħha huwa li tħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka, li għadu ’l bogħod mill-objettiv ta’ 3 % sal-2010, meta attwalment il-medja ta’ dan l-investiment hi ta’ 1,7 sa 1,8 % tal-PGD. Il-proposta tipprovdi l-bażi għall-konsolidazzjoni meħtieġa tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka li ser isaħħu ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

3.   L-isfond

3.1   Bil-għan li jingħelbu b’suċċess il-bosta sfidi marbuta mal-infrastruttura tar-riċerka, fl-2002 il-Kunsill Ewropew ħoloq Forum tal-Istrateġija Ewropea għall-Infrastruttura tar-Riċerka (l-ESFRI) (5) u nkarigah ifassal pjan direzzjonali għall-iżvilupp u t-twaqqif tal-ġenerezzjoni li jmiss tal-infrastruttura tar-Riċerka ta’ interess pan-Ewropew.

3.2   Wara konsultazzjoni estensiva ma’ elf espert f’livell għoli u b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, l-ESFRI identifika 35 proġett pan-Ewropew (6) li jindirizza l-ħtiġijiet marbuta mal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka fuq skala kbira għall-għaxar sa għoxrin sena li ġejjin (7).

3.3   Il-Pjan Direzzjonali jipprevedi infrastrutturi tar-riċerka ġodda u vitali, ta’ dimensjonijiet u valuri differenti, li jkopru ħafna oqsma ta’ riċerka: mix-xjenzi soċjali u naturali sas-sistemi ta’ arkivji elettroniċi tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u tal-bażi tad-data (8). Il-valur stmat għall-proġetti kollha jammonta għal aktar minn EUR 20 biljun.

3.4   Hu u jidentifika l-fatturi li jistgħu jxekklu t-twaqqif tal-infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej ta’ livell dinji, barra l-ostakoli finanzjarji u organizzattivi l-ESFRI, saħaq ukoll fuq il-qafas legali. M’hemmx struttura legali fil-livell Ewropew li tippermetti l-ħolqien sempliċi u effikaċi tal-isħubijiet internazzjonali. Attwalment, l-imsieħba li jixtiequ jikkooperaw bil-għan li jiżviluppaw infrastruttura tar-riċerka komuni għandhom l-ewwel jiftiehmu fuq il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li beħsiebhom japplikaw (9) (jew jibbażaw fuq ftehim internazzjonali), li jwassal għal aktar diffikultajiet amministrattivi.

3.5   Għalhekk, l-ESFRI wasal għall-konklużjoni ċara li jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali Komunitarju speċifiku għall-ħolqien ta’ Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka (minn issa ’l quddiem ERIs) li jinvolvi bosta Stati Membri.

3.6   Il-kunċett ta’ “Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka” jirreferi għall-faċilitajiet, ir-riżorsi u s-servizzi li jintużaw mill-komunità xjentifika sabiex twettaq riċerka ta’ livell għoli. Id-definizzjoni tkopri t-tagħmir xjentifiku, ir-riżorsi bbażati fuq l-għarfien (bħall-kollezzjonijiet, l-arkivji u l-informazzjoni xjentifika strutturata), l-infrastrutturi bbażati fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif ukoll il-mezzi speċifiċi kollha l-oħra li huma essenzjali għal riċerka ta’ livell għoli. Dawn it-tipi ta’ infrastrutturi tar-riċerka jistgħu jkunu f'“sit wieħed” jew “imqassma”(netwerk organizzat ta’ riżorsi).

4.   Il-proposta tal-Kummissjoni

4.1   Fuq il-bażi li l-oqfsa legali attwali, magħmula mill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, ma jissodisfawx il-bżonnijiet tal-infrastrutturi l-ġodda pan-Ewropej u fuq inizjattiva tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 171 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ħejjiet proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Komunità għall-ERI.

4.2   L-għan ewlieni tal-qafas ġuridiku li ġie propost huwa li jiffaċilita t-twaqqif u t-tħaddimkollettiv tal-faċilitajiet tar-riċerka, li huma ta’ interess pan-Ewropew, minn bosta Stati Membri u pajjiżi relatati mal-Programm Qafas Komunitarju għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

4.3   L-ERIs huma entitajiet legali bbażati fuq il-membri tagħhom (minn tal-anqas tliet Stati Membri, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet intergovernattivi), li għandhom personalità ġuridika u jgawdu mill-iżjed kapaċità ġuridika wiesgħa rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha. Ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas legali li jistipula r-rekwiżiti u l-proċeduri għat-twaqqif ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka.

4.4   L-ERIs għandhom statut ta’ organizzazzjoni internazzjonali taħt id-Direttivi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, it-taxxa tas-sisa u l-akkwist pubbliku. Għalhekk, huma eżentati mill-VAT u s-sisa, u l-akkwist pubbliku tagħhom mhuwiex kopert mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku (10).

4.5   L-ERIs jistgħu jiġu kofinanzjati mill-istrumenti finanzjarji tal-Politika ta’ Koeżjoni b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (11) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   Il-KESE jemmen li l-istrument ġuridiku l-ġdid li ġie propost, li għandu jikkomplementa lill-forom ġuridiċi attwali l-oħra, ser jiffaċilita u jħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-infrastrutturi l-ġodda ta’ interess pan-Ewropew u għalhekk iħaffef il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka u l-ksib tal-objettivi ta’ Liżbona.

5.2   Il-KESE jilqa’ l-impenn ċar u deċiż tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri favur l-armonizzazzjoni tal-iżvilupp futur tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka. Fil-fatt, dan huwa l-uniku mezz għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali mressaq mill-ESFRI.

5.3   L-iżvilupp ta’ infrastrutturi ġodda tar-riċerka tal-ogħla livell dinji jista’ jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-interess taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Dan huwa importanti sabiex jinżammu u jiġu mħeġġa aktar l-400 000 riċerkatur żagħżugħ ta’ talent kbir li l-Ewropa għandha bżonn biex tilħaq l-objettiv ta’ 3 % fir-rigward tal-investiment fl-għarfien u l-iżvilupp. Barra minn hekk, infrastruttura tar-riċerka ta’ livell għoli tista’ tattira riċerkaturi li għandhom talent u li huma kwalifikati mid-dinja kollha.

5.4   Minħabba n-natura eżiġenti tal-proġetti tal-infrastruttura tar-riċerka li ġew proposti (12), il-possibbiltajiet li l-pajjiżi ż-żgħar jew dawk anqas żviluppati jilqgħu jew jipparteċipaw fi proġetti ta’ infrastrutturi tar-riċerka kbar fil-prattika huma limitati. Wieħed jistenna li l-infrastrutturi l-kbar tal-ġejjieni ser jitqiegħdu fil-pajjiżi l-aktar żviluppati, li fil-perijodu qasir jista’ jżid il-brain drain ġewwa l-UE. Fuq il-perijodu fit-tul, dan l-iżbilanċ għandu jonqos peress li 28 mill-44 proġett fuq il-lista tal-ESFRI huma kklassifikati bħala “infrastrutturi mqassma”, fi kliem ieħor, infrastruttura li tinvolvi netwerk madwar l-Ewropa li jkabbar il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni, anke għall-pajjiżi ż-żgħar u dawk anqas żviluppati. Sabiex dan l-objettiv ikun jista’ jinkiseb, il-KESE jħeġġeġ li r-riċerkaturi jkollhom aċċess wiesa’ għal dawn l-infrastrutturi. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi garantita mobilità kbira kemm jista’ jkun tal-persunal xjentifiku, tekniku u amministrattiv bejn is-siti differenti ta’ dawn l-istrutturi mqassma.

5.5   Madwar 15 % tar-riċerkaturi fl-istituti Ewropej tar-riċerka jikkooperaw mal-industrija huma u jużaw infrastruttura tar-riċerka. Għaldaqstant, it-twaqqif ta’ infrastrutturi ġodda tar-riċerka jista’ joħloq domanda ġdida, iħalli bosta effetti pożittivi u jistimola aktar it-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġiji għall-industrija. B’hekk inkunu nistgħu nħaffu l-ksib tal-objettivi ta’ Barċellona li jipprevedu tkabbir fl-investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ 2 % tal-PGD.

5.6   Il-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku, mniedi mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Novembru 2008 bil-għan li jtaffi l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, isemmi b’mod espliċitu r-riċerka u l-iżvilupp. Fost il-miżuri fuq il-perijodu fit-tul, il-pjan jisħaq fuq l-investimenti intelliġenti u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur privat sabiex jinvestu aktar fir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-taħriġ. Il-KESE jenfasizza l-effetti pożittivi tal-investimenti fl-infrastrutturi tar-riċerka. Il-valur kummerċjali potenzjali huwa ta’ aktar minn EUR 10 biljun u dan jista’ jgħin sabiex jiġu mħarsa għadd ta’ impjiegi fl-intrapriżi li jwettqu proġetti ta’ infrastruttura. Barra minn hekk, dan jista’ jkun stimolu pożittiv għal tranżizzjoni aktar malajr lejn is-soċjetà tal-għarfien.

5.7   Il-Pjan Direzzjonali Ewropew dwar l-infrastruttura tar-riċerka jservi ta’ bażi tajba ħafna għat-tfassil tal-pjanijiet direzzjonali nazzjonali. Il-Kumitat jinnota li ċerti Stati Membri ma ħadux dawn l-inizjattivi bis-serjetà. Għalhekk, jistedinhom ipattu għalih mill-aktar fis u jsegwu l-inizjattivi tal-ESFRI u tal-Kummissjoni.

5.8   L-enfażi tal-finanzjament għall-infrastrutturi tar-riċerka fil-ġejjieni ser tibqa’ fuq il-finanzjament mill-Istati Membri. Għalhekk huwa importanti li dan il-finanzjament jiġi kkordinat. Huwa l-uniku mezz biex jiġu garantiti massa kritika, investiment effettiv kif ukoll speċjalizzazzjoni adegwata tal-infrastrutturi u l-livell xjentifiku għoli tagħhom.

5.9   Minkejja ż-żjieda fil-fondi allokati għall-infrastruttura tar-riċerka fis-Seba’ Programm Qafas u l-possibbiltajiet tal-politika ta’ koeżjoni, il-baġit Komunitarju mhuwiex biżejjed biex jitwettqu l-proġetti ambizzjużi. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn is-Seba’ Programm Qafas u l-Fondi Strutturali fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura tar-riċerka. Barra minn hekk, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu politiki oħra u strumenti maħsuba biex iħeġġu lis-settur privat jinvesti aktar fl-infrastruttura tar-riċerka. Impenn akbar mill-BEI (b’mod partikolari permezz tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji) u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra huwa wkoll mixtieq.

5.10   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Politika Ewropea ta’ Koeżjoni u l-istrumenti finanzjarji tagħha, jiġifieri l-Fondi Strutturali, jagħtu prijorità akbar lill-iżvilupp ta’ impjanti ġodda tar-riċerka u l-innovazzjoni. Fl-istess waqt, isejjaħ lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jibdew jagħmlu aktar użu mill-Fondi Strutturali bil-għan li jimmodernizzaw u jżidu l-kapaċitajiet tagħhom tar-riċerka. Fl-Istati Membri l-ġodda, b’mod partikolari, il-fondi Ewropej ma jintużawx għax il-gvernijiet ma jagħtux għajnuna finanzjarja adegwata jew ma jagħtux prijorità lit-titjib tal-kapaċitajiet ta’ riċerka. Konsegwentement, ħafna riċerkaturi qed jitilqu minn pajjiżhom minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ riċerka. Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir progress f’dan il-qasam jekk irridu nindirizzaw il-problema tal-brain drain fi ħdan l-UE.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta għall-eżenzjoni mill-VAT peress li dan jista’ jagħmel l-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka aktar attraenti. Barra minn hekk, dan jista’ jkun ta’ vantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma’ proġetti simili madwar id-dinja. Għalhekk, il-Kumitat jitlob li l-ERIs jibbenefikaw minn sistema, wiesgħa kemm jista’ jkun, ta’ eżenzjoni mit-taxxa (b'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat). Għadd ta’ infrastrutturi tar-riċerka diġà eżistenti li rnexxielhom jiksbu l-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali skont id-Direttiva relatata diġà jibbenefikaw minn sistema ta’ eżenzjoni mill-VAT u mit-taxxi tas-sisa. Madankollu, il-proċess attwali jinvolvi negozjati fit-tul u kumplessi, li jwasslu għal dewmien fil-kostruzzjoni kif ukoll inċertezza legali u finanzjara kbira. L-eżenzjoni awtomatika għall-ERIs, kif stipulat f’dan ir-Regolament, telimina ostakoli kbar għall-iżvilupp u l-funzjonament tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka.

6.2   Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi analizzata l-possibbiltà li l-Komunità tipparteċipa b’mod aktar attiv fil-kofinanzjament tal-ERIs. B’hekk, permezz tal-vantaġġ li jinkiseb minn konċessjonijiet immirati għal dan il-għan, il-Komunità tista’ tiggarantixxi distribuzzjoni ġeografika aktar ibbilanċjata tal-ERIs kif ukoll aċċess aħjar għall-pajjiżi li m’humiex membri diretti. Madankollu, biex din il-proposta tiġi implimentata, jeħtieġ li jiġu allokati aktar mezzi finanzjarji speċifiċi fit-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Il-Kumitat jemmen li ma hemm l-ebda raġuni għala, fil-każ tal-infrastrutturi tar-riċerka, l-UE m’għandiex tadotta l-istess approċċ li ntuża għall-finanzjament ta’ netwerks infrastrutturali Ewropej oħra (pereżempju t-toroq, il-ferroviji, il-linji tal-elettriku, il-katusi taħt l-art tal-gass, eċċ).

Il-Kumitat beħsiebu jiġbed l-attenzjoni għall-problema tal-ispejjeż tal-funzjonament u taż-żamma ladarba l-investiment inizjali jkun sar u li skont ċerti stimi jistgħu jilħqu 20 % tal-ammont investit inizjalment kull sena. Dawn l-ispejjeż huma sikwit injorati fl-istudji dwar l-investiment u fil-perijodu fit-tul jistgħu jfixklu l-funzjonament tajjeb tal-infrastrutturi tar-riċerka. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi inkluża l-possibbiltà li l-ispejjeż għall-funzjonament jiġu kkofinanzjati mill-fondi Ewropej taħt it-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

6.3.1   Rigward l-ispejjeż tal-operar, il-KESE jirrakkomanda li l-miżati raġonevoli u ġusti imposti għall-użu tal-infrastruttura jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi limitati (Artikolu 2).

6.4   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-aċċess ħieles għall-ERIs għal ċirklu ta’ riċerkaturi u xjentisti Ewropej kbir kemm jista’ jkun. Tkun ħasra jekk fil-prattika l-aċċess ikun limitat għall-pajjiżi membri ta’ ERI jew ikun esklussiv għal dawk li jistgħu jħallsu għall-aċċess. Il-proposta għal sjieda mill-Komunità mressqa fil-punt 6.2 tiffaċilita wkoll l-aċċess ħieles u tikkontribwixxi għal integrazzjoni aħjar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

6.5   L-iżvilupp u l-użu ta’ infrastrutturi ta’ livell għoli għandhom iqisu wkoll il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali. Il-problemi potenzjali għandhom jissolvew b’mod responsabbli u f’ħinhom.

Brussell, il-15 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Lejn Żona Ewropea tar-Riċerka” f’Jannar 2000.

(2)  Deċiżjonijiet tal-Kunsill “Kompetizzjoni” (suq intern, industrija u riċerka) tad-29 u t-30 ta’ Mejju 2008.

(3)  CERN: Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari; ITER: Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali; EMBO: Organizzazzjoni Ewropea tal-Bijoloġija Molekolari; ESA: Aġenzija Spazjali Ewropea; ESRF: Il-Faċilità Ewropea tar-radjazzjoni sinchroton.

(4)  L-inizjattivi u l-politiki l-oħra jindirizzaw it-temi li ġejjin: il-programmazzjoni konġunta tar-riċerka; is-sħubija Ewropea għal riċerkaturi; il-ġestjoni tal-proprjetà intelletwali; u l-ftuħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għad-dinja.

(5)  ESFRI: Forum tal-Istrateġija Ewropea għall-Infrastruttura tar-Riċerka, http://cordis.europa.eu/esfri/home.html

(6)  Pjan Direzzjonali Ewropew dwar l-Infrastrutturi ta’ Riċerka, rapport 2006, http://cordis.europa.eu/esfri/home.html (disponibbli bl-Ingliż biss). Il-Pjan Direzzjonali ġie aġġornat fl-2008 biex jinkludi b’mod partikolari proġetti dwar ix-xjenzi ambjentali, bioloġiċi u medikali. B’kollox, illum jiġbor fih 44 proġett.

(7)  Pjan Direzzjonali Ewropew dwar l-Infrastrutturi ta’ Riċerka, rapport 2006, http://cordis.europa.eu/esfri/home.html (disponibbli bl-Ingliż biss).

(8)  Il-proġetti tal-infrastruttura jkopru seba’ oqsma xjentifiċi: ix-xjenzi soċjali u umani; ix-xjenzi ambjentali; l-enerġija, ix-xjenzi biomedikali u tal-organiżmi ħajjin; ix-xjenzi materjali; l-astronomija, l-astrofiżika, il-fiżika nukleari u tal-materja; il-komputazzjoni u t-trattament tad-data.

(9)  Pereżempju: is-“société civile” Franċiża, il-“Gesellschaft mit beschränkter Haftung” (GmbH) Ġermaniża, il-kumpanija ta’ responsabbiltà limitata (“Ltd.”) Ingliża jew l-i“stichting” (il-fondazzjoni) Olandiża.

(10)  Direttiva Nru 2006/112/KE tal-Kunsill tat-28.11.2006, Artikolu 151 (1b); Direttiva Nru 92/12/KEE tal-Kunsill tat-25.2.1992, Artikolu 23 (1); u Direttiva Nru 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31.3.2004, Artikolu 15 (c).

(11)  Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11.7.2006.

(12)  L-istima tal-valur medju ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka hija ta’ bejn EUR 500 miljun sa EUR 1 biljun.


Top