EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1917

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) Nru …/… li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)

OJ C 175, 28.7.2009, p. 97–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) Nru …/… li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)”

COM(2008) 483 finali — 2008/0159 (CNS)

(2009/C 175/18)

Nhar l-4 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 171 u 172 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill(KE) Nru …/… li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)

COM(2008) 483 finali — -2008/0159 (CNS).

Nhar is-16 ta’ Settembru 2008 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-449 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008) li jaħtar lis-Sinjura Le Nouail Marlière bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’99 vot favur, 16-il vot kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposta ta’ armonizzazzjoni tar-regolament u l-istatuti tal-Impriża Konġunta (IK) SESAR.

1.2   jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex li tagħti eżempju aħjar fir-rigward tat-trattament ugwali bejn il-persunal issekondat u l-persunal reklutat bil-għan li jitwettaq il-proġett SESAR, kemm fir-rigward tat-tul tal-kuntratti kif ukoll fil-qafas tal-programm ta’ twettiq tas-Sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Il-KESE ġie kkonsultat dwar il-proposta ta’ armonizzazzjoni tar-Regolament u l-istatuti tal-IK SESAR (1) permezz tal-approċċ il-ġdid addottat mill-UE għall-ħolqien ta’ Impriżi Konġunti oħrajn fil-qafas tas-7 Programm Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp (7PQ): CLEAN SKY (2), ENIAC (3), IMI (4), ARTEMIS (5) u FCH (6). Il-KESE esprima l-opinjoni tiegħu fuq kull proposta bl-eċċezzjoni ta’ waħda.

L-istatus tal-IK SESAR

2.2.1   L-IK SESAR ilha teżisti legalment sa mit-3 ta’ Marzu 2007 u s-sede tagħha tinsab fi Brussell. Għandha żewġ membri fundaturi: il-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Eurocontrol, rappreżentata mill-Aġenzija tagħha.

2.2.2   L-IK SESAR twaqqfet mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 219/2007. Fl-2007 inħolqu l-gvernanza (magħmula minn Bord Amministrattiv u Direttur Eżekuttiv) u l-istruttura amministrattiva inizjali.

2.2.3   F’Ġunju 2007 l-IK SESAR nediet sejħa għal turija ta’ interess għal membri kandidati. Din is-sejħa wasslet għall-preselezzjoni ta’ 15-il kandidat bil-għan li jinħoloq grupp ċentrali inizjali b’saħħtu għat-tnedija tal-fażi tal-iżvilupp tas-SESAR. Il-15-il membru kandidat jirrappreżentaw il-partijiet interessati ewlenin mis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (Industrija): il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-ajruporti u l-manifutturi tal-apparat. Il-kontribuzzjonijiet offruti f’din il-fażi inizjali tal-IK SESAR kienu ta’ aktar minn EUR 1.4 biljun.

2.2.4   L-industrija ikkonfermat l-impenn tagħha għall-programm hekk kif kienet diġà uriet fil-fażi ta’ definizzjoni. Bħalissa tinsab għaddejja minn ħidma flimkien mal-IK SESAR sabiex jinħoloq għarfien komuni dwar kif tista’ issir ħidma bi sħubija mal-IK SESAR. Il-konformità tar-riċerka u l-iżvilupp tagħha dwar l-ATM ma’ SESAR u l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa huma meqjusa bħala kisba kbira. It-tmiem tal-proċess ta’ sħubija hu skedat għall-aħħar tal-2008 bil-għan li l-attivitajiet ta’ żvilupp jitnedew fil-bidu tal-2009.

2.2.5   Għalkemm b’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex jagħtu lill-IK l-aktar eżenzjoni estensiva possibbli mit-tassazzjoni fir-rigward tal-VAT u taxxi oħra u dazji tas-sisa”, ir-Regolament li waqqafha ma jipprovdix bażi legali li tiggarantixxi lill-Impriżi Konġunti l-eżenzjoni mill-VAT u mit-taxxi tas-sisa jew minn kull benefiċċju li jirriżulta mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-UE jew lill-korpi Komunitarji. Lanqas ma tipprovdi għall-protezzjoni tal-persunal tagħha skont il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej jew ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Għaldaqstant, l-IK u l-persunal tagħha huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni fiskali u tal-impjiegi tal-Belġju.

2.2.6   Hu stmat li l-ispejjeż amministrattivi riżultat tal-istatus partikolari tal-Impriża se jkunu ta’ madwar EUR 300 miljun tul il-ħajja tal-IK. Biss biss, l-IK SESAR jeħtiġilha tħallas EUR 290 miljun f’VAT u taxxi oħra. L-EUR 10 miljun li jifdal huma kollha marbutin ma’ spejjeż tal-persunal.

2.2.7   Dan l-ammont ser jitħallas permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-membri għall-IK SESAR u b’mod partikolari mill-fondi ta’ Riċerka u Żvilupp tal-Komunità u għalhekk ser ikollhom jitnaqqsu mill-iffinanzjar tal-attivitajiet ta’ żvilupp.

Natura tal-emenda proposta

2.3.1   L-emendi proposti għar-Regolament 219/2007 jikkunsidraw il-fatt li l-IK SESAR diġà bdiet l-attivitajiet tagħha skont status legali differenti. Dawn jinkludu:

ir-rikonoxximent tal-IK SESAR bħala korp Komunitarju (Artikolu 2 tar-Regolament).

l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej u tar-regoli adottati b’mod konġunt mill-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej bil-għan li jiġu applikati għall-persunal tal-IK SESAR (Artikolu 2a tar-Regolament);

l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-IK SESAR, għall-persunal tagħha u għad-Direttur Eżekuttiv (Artikolu 2b tar-Regolament);

l-adattament tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà (Artikolu 2c tar-Regolament);

l-adattament tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-liġi applikabbli (Artikolu 2d tar-Regolament);

il-kwantifikazzjoni tal-kontribut tal-Komunità u l-arranġamenti prattiċi għat-trasferiment tiegħu għall-IK (Artikolu 4(2) tar-Regolament);

l-emenda tad-dispożizzjoni marbuta mal-modifika tal-Istatuti tal-IK (Artikoli 3(2) u 5(4) tar-Regolament u 24(2) tal-Istatuti). Din l-emenda mhix marbuta mal-konformità tal-istatus tal-IK; hija biss korrezzjoni tal-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-Istatuti tal-IK. L-għan tad-dispożizzjoni oriġinali kien li tippermetti li jiġu adottati l-emendi tal-Istatuti permezz ta’ proċedura ta’ komitoloġija regolatorja bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku. Madankollu, it-test tad-dispożizzjoni oriġinali ma jesprimix dan il-ħsieb b’mod ċar u għalhekk jeħtieġ li jiġi adattat;

l-applikazzjoni tal-Artikolu 185 tar-Regolamenti Finanzjarji, b’mod partikolari dak marbut: mal-adozzjoni ta’ regoli finanzjarji b’konformità mal-qafas ta’ regolamenti finanzjarji għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju (Artikolu 4a tar-Regolament) kif ukoll mal-kwittanza (Artikolu 4b tar-Regolament) u mal-preżentazzjoni tal-baġit (Artikolu 15(2) u (4) tal-Istatuti);

il-proċedura għall-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv (Artikolu 7(5) tal-Istatuti);

id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità (Artikolu 17(3) tal-Istatuti);

id-dispożizzjonijiet transnazzjonali biex il-persunal tal-IK jintrabat mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità (Artikolu 2 tal-proposta).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat japprova l-għan ġenerali tal-Kummissjoni li titgħallem mill-ġestjoni tal-IK Galileo u l-ħolqien tal-IK SESAR (7), u li tħeġġeġ il-Kunsill jiċċara l-istatus tal-IK SESAR. Barra minn hekk, fid-dawl tan-numru dejjem jikber tal-inizjattivi teknoloġiċi konġunti meħuda skont is-7 Programm Qafas tar-Riċerka, japprova wkoll l-għan li tiggarantixxi l-koerenza mal-approċċ ġenerali fil-konfront tal-impriżi konġunti.

3.2   Il-Kumitat japprova l-ħidma li saret bl-għan li r-riżorsi finanzjarji tas-SESAR jitqassmu b’tali mod li l-aktar sforzi importanti jkunu ddedikati għall-attivitajiet marbuta mar-riċerka u l-iżvilupp biex is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tiġi armonizzata. Il-bidla fl-istatus tal-IK SESAR għandha tirrendi lill-Kummissjoni Ewropea żieda ta’ madwar EUR 290 miljun minħabba l-eżenzjoni fiskali tal-VAT, taxxi u dazji oħra. Il-fatt li l-persunal ikun marbut bir-regolamenti li japplikaw għall-uffiċjali tal-UE huwa pass ’il quddiem u jkollhom l-għażla li jsiru uffiċjali tal-Komunitajiet, mingħajr però ma jkunu obbligati li jagħmlu dan. Din il-bidla jkollha impatt pożittiv ukoll (EUR 10 miljun) fuq l-ispejjeż amministrattivi bla ħsara għar-rimunerazzjonijiet, il-benefiċċji u d-drittijiet għall-pensjoni addizzjonali, minħabba li minn mindu nħolqot l-IK SESAR, il-Kummissjoni stipulat li l-istatuti tal-IK SESAR fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol “għandhom ikunu bbażati fuq dawk li jservu l-Komunitajiet Ewropej”.

3.3   Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li l-kontroll Komunitarju fuq is-SESAR għandu jissaħħaħ permezz tal-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji Komunitarji, tal-kwittanza baġitarja u tal-ġestjoni strateġika u tar-riżorsi umani. Din il-proposta tirrifletti s-suġġeriment tal-Kumitat li, fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar is-SESAR, enfasizza li hemm bżonn urġenti li titwaqqaf entità legali li tkun kapaċi tiggarantixxi l-ġestjoni koordinata tal-fondi allokati lis-SESAR waqt il-fażi tal-implimentazzjoni tagħha. Il-proposta għandu jkollha impatt pożittiv fuq is-superviżjoni tal-proġett. Il-Kumitat jinnota ż-żieda tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fi programm iffinanzjat mill-UE (EUR 700 miljun), mill-Eurocontrol (EUR 700 miljun) u mill-industrija ajrunawtika (EUR 700 miljun); peress li l-biċċa l-kbira tal-kontribut tat-tnejn tal-aħħar mhux se jsir fi flus, l-eżenzjoni tal-VAT tiġi ddedikata għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp.

3.4   Il-fażi tal-IK SESAR għandha titnieda fil-bidu tal-2009 biex l-industrijalisti kkonċernati jiġu involuti u jkunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom skont l-għanijiet ta’ SESAR. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni — li dan ir-regolament għandu jiġi adottat minnufih biex il-ftehim kollu milħuq mal-membri tas-SESAR ikun konformi mad-dispożizzjonijiet il-ġodda. Tajjeb li jiġi evitat kwalunkwe dewmien fit-twettiq tas-SESAR minħabba l-kompetizzjoni li ħolqot l-inizjattiva NextGen fl-Istati Uniti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Minħabba li diġà ġie deċiż li l-attività tal-IK SESAR għandha tieħu tmien snin, fl-aħħar tal-programm, il-persunal issekondat imur lura l-Eurocontrol jew fid-dipartimenti tal-Kummissjoni minn fejn ġie. Il-kuntratti tal-persunal impjegat minn barra jintemmu skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-bidu tar-reklutaġġ. Il-Kumitat jinnota li dan joħloq preċedent (Il-ħolqien ta’ impriża li topera għal żmien fiss) u joħloq sitwazzjoni prekarja fil-konfront ta’ ċerti impjiegi. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti eżempju ta’ prassi tajba fir-rigward tat-trattament ugwali tal-persunal impjegat bl-għan li jitwettaq il-programm SESAR.

4.2   Il-Kumitat jagħraf li dan huwa settur partikolari (is-sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom, is-sħubiji bejn il-qasam pubbliku u privat, is-servizzi sovrani) u jirrakkomanda li peress li l-għanijiet tal-IK SESAR huma l-armonizzazzjoni u r-riċerka bl-għan li niksbu l-aqwa sigurtà fl-ajru, u għalhekk jirrakkomanda li din is-sigurtà m’għandniex inqisuha biss mill-perspettiva teknika (l-apparat) jew kummerċjali (ir-rotot) iżda għandha tqis ukoll il-fatt li tiddependi mill-bniedem (irġiel u nisa li jagħtu s-sehem tagħhom u li ċertament għandhom jissieħbu b’mod aktar sfiq u jiġu kkunsidrati aktar).

4.3   Il-Kumitat jieħu nota tad-Deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-IK SESAR tal-24 ta’ April 2008 li fih ħadu sehem rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Eurocontrol, tal-qasam militari, l-utenti tal-qasam tal-avjazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, il-persunal inkarigat mill-apparat tekniku, l-ajruporti, ir-rappreżentanti tal-persunal tas-settur tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-komunità xjentifika, id-Direttur Eżekuttiv, l-Aġent Direttur Amministrattiv u Finanzjarju u s-Segretarjat, u li “approva l-prinċipji tal-modifika tal-Istatuti u l-konsegwenzi tiegħu” (“endorses the principles for the contemplated modification of the Statutes and the related process”).

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27.02.2007; CESE ĠU C 309, 16.12.2006, p. 133.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20.12.2007, ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20.12.2007, ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20.12.2007, ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20.12.2007, ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30.05.08, ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1.

(7)  L-IK SESAR kienet biss it-tieni entità ta’ dan it-tip imwaqqfa skont l-Artikolu 171 tat-Trattat; l-ewwel waħda kienet l-IK Galileo.


Top