EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1907

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar  il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu

OJ C 175, 28.7.2009, p. 78–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu”

COM(2008) 213 finali — 2008/0082 (COD)

(2009/C 175/13)

Nhar it-22 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu

COM(2008) 213 finali — 2008/0082 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (seduta tat-3 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’172 vot favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Taqsira u konklużjonijiet

1.1   L-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sistemi ta’ pagamenti, mitluba mill-Kunsill u li kellha l-appoġġ tas-suq, għandha l-iskop li taġġorna u tissoda r-regoli dwar in-natura finali tas-sistemi tas-settlement u dwar il-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja. Għaldaqstant, hija ħaqqha l-appoġġ tal-KESE wkoll. F’qasam li hu speċjalizzat ħafna, bħalma hu dan li qed jiġi analizzat, huwa inevitabbli li jqumu dubji jew mistoqsijiet fuq xi aspetti tekniċi fil-proposta, li ġew interpretati mill-ispeċjalisti u l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-fażijiet differenti tal-analiżi tal-proposti tal-Kummissjoni. Il-KESE jmiss ma dawn il-kwistjonijiet biss b’mod marġinali, u jippreferi li jfittex li jikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar il-politika Komunitarja fil-qasam tas-sistemi tal-pagamenti.

1.2   L-inizjattiva rat il-bidu tagħha ‘l fuq minn sena ilu, meta kienet għadha ma faqqitx il-kriżi Amerikana tas-subprimes, li minn dak iż-żmien ’il hawn infirxet, bil-konsegwenzi li kulħadd jaf bihom, mal-komunità finanzjarja dinjija. L-ewwel sintomi tal-kriżi, fil-livell tal-istituzzjonijiet individwali, ħarġu mal-problemi ta’ likwidità, li malajr inbiddlu fi problemi ta’ solvibbiltà: sitwazzjoni tant serja li wasslet għal miżuri min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, fl-Istati Uniti imma wkoll fl-Ewropa. Is-sitwazzjoni attwali toħroġ fid-deher il-ħtieġa li s-suq ikollu garanzija adegwata ta’ kapital. Forom ġodda ta’ sigurtà huma milqugħa sakemm ma jnaqqsux mill-kwalità tal-garanzija.

1.3   Wieħed jista’ jistaqsi jekk ir-regola, li tipprevedi li l-krediti tal-banek jistgħu jiġu inklużi fost il-kapital aċċettat fil-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja, kinitx tiddaħħal fil-proposta tal-Kummissjoni kieku l-kwistjoni qamet illum u mhux sena ilu. Il-krediti tal-banek diġà huma aċċettati f’ħafna pajjiżi u jagħtu kontribut validu lill-likwidità; u għalhekk wieħed għandu jħares lejhom b’mod favorevoli. Madankollu, fl-istat attwali ta’ vulnerabbiltà u instabbiltà tas-swieq l-estensjoni tagħhom madwar l-Istati Membri kollha mingħajr ma ssir armonizzazzjoni minn qabel tar-regoli li jmexxuhom għandha ssir b’mod aktar prudenti u kull bank ċentrali jkompli jikkontrolla s-suq tiegħu skont kif jara s-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tiegħu.

1.4   Hemm bżonn ta’ aktar ħsieb, mhux daqstant dwar iċ-ċertezza tal-liġi, li ġustament il-proposta tfittex li tistabbilixxi, imma dwar kemm ser idumu validi d-dispożizzjonijiet li hemm fil-proposta: il-Legal Certainty Group għadu ma kkonkludix il-ħidma tiegħu, l-inizjattiva tal-Unidroit għadha fil-fażi konklussiva, iżda għadha mhux iffirmata u wisq inqas ratifikata, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tan-netting hija kwistjoni għall-programmi tal-futur, u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ falliment hija mira fit-tul. B’daqshekk il-KESE ma jixtieqx jgħid li l-isforz tal-Kummissjoni mhuwiex validu jew li ma jistħoqqlux appoġġ, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-suq għandu bżonn ta’ regoli li mhumiex biss ċerti iżda wkoll li jservu fit-tul. Minn hawn toħroġ il-ħtieġa li titħaffef il-ħidma leġiżlattiva u ta’ regolatorja.

1.5   Fl-aħħar, iżda żgur mhux l-inqas, l-implikazzjonijiet ta’ natura prudenzjali: il-KESE jistaqsi jekk l-aspetti differenti tar-riskju sistemiku li hemm fis-sistemi interoperabbli, fit-tħaddim ta’ sistema fi ħdan sistema oħra u fil-kwalità tal-kontrolli fuq il-firxa kollha tal-parteċipanti ġewx studjati bir-reqqa mill-awtoritajiet tal-viġilanza, u jekk intalbitx il-parteċipazzjoni diretta tagħhom fit-tfassil tal-proposti. Kif jtindika l-opinjoni tal-KESE, is-saħħa tas-suq tiġi qabel kull kunsiderazzjoni oħra.

1.6   L-opinjoni tal-KESE hija riflessjoni dwar is-sitwazzjoni attwali. Fi żminijiet “normali” ir-regoli dwar l-operattività tal-parteċipanti u s-sistemi, kif ukoll dawk dwar il-kwalità tas-sigurtà, jridu jkunu rigorużi, iżda fi żminijiet ta’ emerġenza jridu jsiru flessibbli mingħajr ma jkunu inqas rigorużi. Id-direttiva għandu jkollha regola li tippermetti lis-sistemi li jadottaw miżuri straordinarji biex jaffrontaw iż-żminijiet tal-emerġenza, taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità tal-viġilanza.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-iskop tal-inizjattiva tal-Kummissjoni huwa li taġġorna d-Direttiva dwar in-natura finali fis-sistemi tas-settlement ta’ pagamenti u titoli kif ukoll dwar il-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja, mal-aktar żviluppi reċenti tas-swieq. Ir-regoli attwali u dawk li għandhom jiddaħħlu, qed jiġu estiżi għas-settlement matul il-lejl u s-settlement bejn sistemi li huma konnessi.

2.2   L-interkonnessjoni tas-swieq, li bdiet minn xi żmien ilu, issa qed kulma jmur dejjem tinfirex: bl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE u tal-kodiċi tal-kondotta Ewropea għall-clearing u s-settlement (“il-Kodiċi tal-Kondotta”), l-interkonnessjoni hija koperta minn regoli ċari u preċiżi li jiffaċilitaw l-introduzzjoni wiesa’ tagħha. Il-proposta tal-Kummissjoni, barra milli tintroduċi tipi ġodda ta’ settlement, twessa’ wkoll il-lista tat-tipi ta’ assi li jistgħu jintużaw bħala garanzija finanzjarja: il-krediti aċċettati bħala garanzija tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-banek ċentrali (“krediti tal-banek”). Minn Jannar 2007, il-BĊE daħħal il-krediti tal-banek fost il-garanziji li jistgħu jiġu aċċettati għall-operazzjonijiet ta’ kreditu fl-Ewrosistema; din l-inizjattiva diġà ġiet adottata b’mod awtonomu minn għadd ta’ banek ċentrali, iżda kien jonqos qafas legali li kien jippermetti ċ-ċirkolazzjoni transkonfinali.

2.3   Bħala rikapitulazzjoni, il-qafas legali attwali, li l-proposta għal Direttiva għandha l-ħsieb li temenda, jinsab fiż-żewġ Direttivi tal-KE 98/26/KE dwar il-finalità tas-settlement (SFD, Settlement Finality Directive), u l-oħra 2002/47/KE dwar il-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja (FCD, Financial Collateral Directive).

2.4   Barra minn hekk, kif soltu jiġri fil-każ ta’ direttiva ta’ aġġornament, il-Kummissjoni tieħu l-okkażjoni biex iddaħħal numru ta’ simplifikazzjonijiet u kjarifiki. B’mod definittiv, hemm il-ħsieb li r-regolament jiġi adattat għall-iżviluppi tas-suq, miżura li hija aktar meħtieġa jekk wieħed iqis it-taqlib reċenti fis-swieq, li l-effetti tiegħu jistgħu jikbru minħabba l-globalizzazzjoni.

2.5   L-inizjattiva tal-Kummissjoni kellha fil-bidu tagħha, fażi ta’ preparazzjoni li ħadet iktar minn sena. Ir-rapport ta’ valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-finalità tas-settlement ikkonkluda li “is-sistema qed taħdem tajjeb”, anke jekk indika li hemm bżonn ta’ xi studji oħra aktar fid-dettall. Il-proposta tfaslet wara sensiela ta’ konsultazzjonijiet mal-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali, u firxa wiesgħa ta’ operaturi u organizzazzjonijiet fis-settur. Id-drittijiet tal-konsumaturi ngħataw attenzjoni speċjali, bil-konklużjoni li “id-dispożizzjonijiet relatati ma’ talbiet għal kreditu ma jfittxux li jindaħlu u jnaqqsu d-drittijiet tal-konsumaturi, u b’mod partikolari, id-drittijiet skont id-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”, peress li l-krediti msemmija huma aċċettabbli bħala garanzija għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-banek ċentrali, “li fil-prinċipju teskludi t-talbiet għal kreditu mill-klijenti individwali”.

2.6   F’sitwazzjoni normali, ir-regoli l-ġodda Ewropej jidhru adegwati biex jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza: is-saħħa tas-suq għandha tkun żgurata mill-interkonnessjonijiet li jiżdiedu bejn is-sistemi ta’ settlement ta’ titoli u ta’ pagamenti li diġà qed jaħdmu, li huma kollha affidabbli, li għandhom likwidità suffiċjenti u li jidhru li huma kkontrollati tajjeb. Barra minn hekk, il-kodiċi tal-kondotta (addottat fl-aħħar tal-2006), daħħal element ta’ kompetittività — u għalhekk ta’ effiċjenza ikbar — fis-sistemi ta’ kumpens u ta’ settlement, li jaqbel lill-utenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-operaturi jqisu l-inizjattiva bħala pass ‘il quddiem fil-ħolqien ta’ spazju finanzjarju Ewropew b’regoli armonizzati: fil-fatt, id-Direttiva l-ġdida tippermetti l-appoġġ tal-miżuri li għad iridu jiġu adottati wara r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti li twaqqaf mill-Kummissjoni (il-Legal Certainty Group) biex jelimina kull ostaklu legali għall-integrazzjoni tas-swieq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-istess direttiva tippermetti li titkompla l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Unidroit li twassal biex jiġu stabbiliti regoli uniformi fis-sustanza tal-liġi fuq livell internazzjonali dwar it-titoli intermedji, fosthom anke regoli fuq il-kuntratti tal-garanzija finanzjarja.

3.2   Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax iqis li tkun intlaħqet l-armonizzazzjoni fil-livell Ewropew jew dak internazzjonali qabel ma jittieħdu numru ta’ miżuri addizzjonali jew kumplimentari, li wieħed jassumi li għad iridu jidħlu fil-programmi futuri tal-Kummissjoni. Miżura adizzjonali għandha tipprovdi l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-fehimiet ta’ netting, jiġifieri s-settlement bejn il-partijiet ta’ ammonti netti, li magħhom hemm il-ftehimiet ta’ settlement li jwasslu biex l-obbligi rispettivi tal-partijiet ikunu dovuti b’effett immedjat (“close-out netting”)

3.3   Fost il-miżuri kumplimentari, li żgur għandha effetti fit-tul, hemm l-integrazzjoni ottimali tas-swieq finanzjarji li għandha twassal għal koerenza akbar fir-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ falliment: is-sitwazzjoni attwali ta’ diskrepanzi fil-livell nazzjonali jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja u l-operazzjonijiet ta’ settlement u pagamenti, li jkabbar ir-riskju ta’ instabbiltà sistematika.

4.   Kummenti dwar il-proposti dwar id-Direttiva 98/26/KE (SFD)

L-artikolu 2 idaħħal numru ta’ spjegazzjonijiet u kjarifiki, li xi wħud minnhom huma purament amministrattivi, imma oħrajn aktar importanti. B’mod speċifiku, Artikolu 2b)jiċċara l-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, u jistabbilixxi b’mod ċar li, għall-iskop tad-Direttiva, huma għandhom jitqiesu għal kollox bħala ekwivalenti għall-istituzzjonijiet tal-kreditu.

4.1.1   Għalkemm il-KESE jagħraf li bħala parteċipanti fis-sistemi tal-ħlas huma fuq l-istess livell tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regoli ta’ kontroll mhumiex l-istess għat-tnejn li huma jew huma biss parzjalment. Wieħed għad irid jara jekk dan jistax ikollu impatt fuq l-affidabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fil-każ ta’ taqlib kbir fis-swieq: il-KESE kien diġà esprima r-riżerva tiegħu dwar il-fatt li jiġu ammessi bħala membri fis-sistema ta’ ħlas. Għalhekk, il-Kumitat jixtieq jerġa jagħmel rakkomandazzjoni li kien diġà għamel fil-passat: li l-politiki li jfittxu li joħolqu ugwaljanza fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu subordinati għal dawk li jiżguraw l-ewwel nett is-saħħa tas-swieq — li għandhom valur akbar, u bħala konsegwenza li jħarsu lill-konsumaturi (investituri aħħarija).

4.1.2   Dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru aktar importanti meta wieħed iqis il-fatt li s-sistemi interoperabbli (li d-definizzjoni tagħhom hija stabbilita f’Artikolu 2(n)) jiffaċilitaw l-aċċess għall-parteċipazzjoni fis-sistemi ta’ settlement u pagamenti permezz tar-rabta li tinħoloq bejnhom, dan bilfors iwassal għal żjieda potenzjali fir-riskju sistemiku. Dan iseħħ b’mod partikolari fis-sistemi ta’ ħlas tat-titoli wara r-rabtiet li jiġu stabbiliti bejn id-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSD), li huma responsabbli għaż-żamma ċċentralizzata u dematerjalizzata (1) tal-istrumenti finanzjarji negozjati, u l-kontropartijiet ċentralizzati (CCP) li għandhom ir-rwol ta’ kontroparti unika tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jipparteċipaw f’sistema li tirrigwarda l-ordnijiet rispettivi tagħhom għat-trasferiment tal-istrumenti finanzjarji negozjati. It-test tad-Direttiva għandu jiċċara li l-għan tal-introduzzjoni ta’ definizzjoni għal “sistemi interoperabbli” mhuwiex li jippermetti l-ħolqien ta’ “super-sistema” legalment iġġustifikata, iżda li jippermetti l-estenzjoni tal-ħarsien legali li normalment ikun hemm f’settlement finali, għat-transazzjonijiet regolati li jsiru bejn is-sistemi.

4.2   Il-fatt li l-proposta tippermetti li sistema tipparteċipa f’sistema oħra huwa sors ta’ tħassib. Hemm bżonn ta’ kjarifika: sistema, kif inhi definita fid-Direttiva 98/26/KE, hija qbil jew għadd ta’ regoli, li m’għandiex personalità ġuridika, li mill-banda l-oħra għandhom il-parteċipanti differenti. Huwa importanti li din id-distinzjoni tiġi ċċarata, biex ikun hemm ċertezza legali akbar, ħalli r-reponsabbiltà tal-partijiet differenti tkun stabbilita, b’mod partikolari b’riferiment għall-liġi tal-falliment.

4.3   L-Artikolu 3 idaħħal emenda, meħtieġa “sabiex titneħħa kwalunkwe inċertezza dwar l-istatus ta’ servizzi” ta’ settlement ta’ bil-lejl: iżżid mal-kelma “jum” li tintuża bħalissa, il-kjarifika “jum ta’ negozju ”, biex tqis il-fatt li l-parti l-kbira tas-swieq jaħdmu b’mod kontinwu fis-siegħat ta’ bil-lejl ukoll. Il-miżura li ttieħdet hija bżonnjuża, iżda għandha tiġi kumplimentata bl-armonizzazzjoni tal-ftehimiet tan-netting. Barra minn hekk, ikun hemm bżonn li tiġi solvuta d-differenza bejn ir-regoli tal-falliment, li jista’ jkollha effett fuq il-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja u ta’ kumpens: l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, mixtieqa imma diffiċli biex tintlaħaq, hija ta’ natura globali u tmur lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sistemi ta’ ħlas biss.

5.   Kummenti dwar il-proposti dwar id-Direttiva 2002/47/KE (FCD)

5.1   L-estensjoni tad-Direttiva 2002/47/KE għas-self mill-banek (emenda tal-Artikolu 1(4)(a)) għandha titqies b’mod favorevoli, peress li tippermetti disponibbiltà ikbar tal-kollaterali u għalhekk tista’ ttejjeb il-likwidità tas-suq. Madankollu, id-definizzjoni ta’ “kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali” tagħti lok għal ċerti dubji: id-definizjoni ta’ “eliġibbiltà ħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq għal kull bank ċentrali”, u ma tiċċarax min hu kkwalifikat u min mhuwiex. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li jitħassar mit-test tal-Artikolu 2(4)(a) il-kliem “jew talbiet għal kreditu eliġibbli għall-kollateralizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu ta’ bank ċentrali”.

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Sociali Ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  Kważi t-titoli ċċentralizzati kollha ġestiti llum huma fil-forma dematerjalizzata; it-titoli li għadhom rappreżentati fil-forma tal-karta huma miġbura f’ċertifikati kbar (ċertifikati globali jew maxi ċertifikati) li jinsabu fid-depożiti ċentrali fl-Istati Membri differenti.


Top