EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0331(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 Diċembru 2008 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.5046 — Friesland Foods/Campina) (notifikata bid-dokument numru C(2008) 8459) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ C 75, 31.3.2009, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/21


SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 Diċembru 2008

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.5046 — Friesland Foods/Campina)

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 8459)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/C 75/06)

Fis-17 ta' Diċembru 2008 l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' amalgamazzjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq il-websajt tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Friesland Foods għandha 9 417-il membru (fl-2007) u tbigħ prodotti tal-ħalib għal konsumaturi fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani, fl-Ażja u fl-Afrika kif ukoll ingredjenti għal konsumaturi professjonali u industrijali madwar id-dinja.

(2)

Campina hija kooperattiva fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib li għandha 6,885 bidwi bħala membri (2007), b'attivitajiet marbutin ma' prodotti tal-ħalib friski, ġobon, butir, u ma' xarbiet tal-ħalib aromatizzati friski li jżommu fit-tul, kif ukoll ma' emulsjonijiet f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, fl-Amerika ta' Fuq u t'Isfel u fl-Ażja.

II.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fit-12 ta' Ġunju 2008, il-Kummissjoni reċeviet notifika formali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li biha l-kooperattivi Zuivelcoöperatie Campina U.A. (minn hawn 'il quddiem “Campina”) u Zuivelcoöperatie Friesland Foods U.A. (minn hawn 'il quddiem “Friesland Foods”) ġew amalgamati permezz ta' amalgamazzjoni legali sħiħa. Minn hawn 'il quddiem Campina u Freisland Foods flimkien se jissejħu “il-partijiet notifikanti”.

III.   SOMMARJU

(4)

Wara li eżaminat in-notifika l-Kummissjoni adottat, fis-17 ta' Lulju 2008, deċiżjoni li biha kkonkludiet li l-operazzjoni taqa' fi ħdan l-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet u tqajjem dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE, u tat bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)c tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet.

(5)

Fit-3 ta' Ottubru 2008, intbagħtet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lill-partijiet notifikanti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Friesland Foods u Campina wieġbu għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet fis-17 ta' Ottubru 2008. Fil-21 ta' Ottubru 2008, sar Smigħ Orali fuq it-talba tal-partijiet notifikanti.

(6)

Fit-28 ta' Ottubru 2008, il-partijiet notifikanti offrew impenji bl-għan li jrendu l-konċentrazzjoni proposta kompatibbli mas-suq komuni. Dawn l-impenji ġew modifikati u l-verżjoni finali tal-impenji tressqet lill-Kummissjoni fis-27 ta' Novembru 2008.

IV.   MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

(7)

Is-settur tal-prodotti tal-ħalib huwa magħmul minn serje ta' swieq ta' prodotti relatati ma' xulxin, li jirriflettu l-varjetà kbira ta' prodotti finali bbażati fuq il-ħalib. Il-mudell ta' negozju tipiku li jintuża minn kumpaniji li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib, b'mod partikolari l-kooperattivi ta' dawk li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib, jinvolvi l-ipproċessar ta' ħalib mhux ipproċessat miġbur mill-bdiewa f'varjetà kbira ta' prodotti magħmulin mill-ħalib. Il-materjal komuni mhux ipproċessat, il-ħalib mhux ipproċessat, jfisser li l-prezzijiet tal-prodotti magħmulin minnu jsegwu xejriet simili.

(8)

Il-ħalib mhux ipproċessat huwa magħmul minn diversi komponenti nutrittivi: xaħam, proteini, lattożju (= zokkor tal-ħalib) u minerali. Għal ċertu tipi ta' prodotti tal-ħalib jintużaw biss komponenti mingħajr xaħam (b'mod partikolari l-proteini u l-lattożju) Prodotti oħra, b'mod partikolari l-butir u l-krema, huma bbażati fuq ix-xaħam li jinkiseb mill-ħalib. Bosta prodotti ewlenin bħall-ġobon u l-ħalib għandhom kontenut b'taħlita ta' komponenti bix-xaħam u mingħajru. Xi prodotti, b'mod partikolari l-krema, ix-xorrox tal-butir jew ix-xorrox waħdu — huma essenzjalment prodotti sekondarji li jirriżultaw mill-produzzjoni ta' prodotti ewlenin tal-ħalib bħall-ħalib li huwa tajjeb għax-xorb u l-ġobon.

A.   IS-SWIEQ RILEVANTI

1.   Il-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat

(9)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, l-investigazzjoni tas-suq kkonfermat li mill-aspett tad-domanda l-ħalib mhux ipproċessat organiku u l-ħalib mhux ipproċessat konvenzjonali mhumiex sostitwibbli għal dawk li jipproċessaw il-ħalib. Min-naħa tal-fornitura, il-bdiewa li jipproduċu l-ħalib organiku m'għandhomx inċentivi li jeqilbu għall-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat konvenzjonali, fid-dawl tal-primjum fil-prezz li jiksbu meta jipproduċu l-ħalib organiku mhux ipproċessat u l-investimenti li jkunu għamlu biex jipproduċu dan it-tip ta' ħalib mhux ipproċessat. Huwa possibbli li bidwi li jkun qiegħed jipproduċi l-ħalib mhux ipproċessat konvenzjonali, jeqleb għall-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat organiku, iżda dan jeħtieġ investimenti sinifikanti f'artijiet bil-ħaxix (l-użu aktar estensiv tagħhom) u perjodu ta' tranżazzjoni medju ta' sentejn. Għalhekk, ġie konkluż li l-ksib ta' ħalib mhux ipproċessat konvenzjonali u l-ksib ta' dak organiku jikkostitwixxu swieq ta' prodott separati.

(10)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti (kemm tal-ħalib konvenzjonali kif ukoll tal-ħalib organiku), instab li l-attivitajiet tal-partijiet jikkoinċidu biss fl-Olanda. Il-volumi li Campina tittrasporta kull sena mill-Ġermanja u l-Belġju lejn l-Olanda huma negliġibbli meta mqabbla mal-volum totali ta' ħalib mhux ipproċessat li nxtara mill-partijiet notifikanti fl-Olanda (iżjed minn 8 000 miljun kilogramm fis-sena). Għalhekk ġie kkunsidrat li l-amalgamazzjoni mhi se jkollha l-ebda impatt sinifikanti fuq is-suq tal-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat barra mit-territorju tal-Olanda u l-valutazzjoni ffukat fuq l-Olanda.

2.   Prodotti tal-ħalib bażiċi

(11)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, ġie konkluż li għandha ssir distinzjoni bejn il-prodotti tal-ħalib bażiċi friski u l-prodotti tal-ħalib bażiċi li jżommu fit-tul. Fi ħdan kull kategorija, tista' ssir distinzjoni ulterjuri bejn prodotti organiċi u prodotti mhux organiċi.

(12)

Fi ħdan il-prodotti tal-ħalib bażiċi friski organiċi u dawk mhux organiċi, il-ħalib frisk, ix-xorrox tal-butir frisk, il-jogurt naturali u l-kustard jaqgħu taħt swieq ta' prodotti rilevanti separati minħabba nuqqas ta' sostituzzjoni min-naħa tal-konsumaturi u n-nuqqas ta' sostitwibbilità min-naħa tal-provvista. Il-kustard se jiġi diskuss fit-taqsima tad-diżerti tal-ħalib friski; fis-settur tal-ħalib frisk, ix-xorrox tal-butir frisk, il-jogurt naturali u l-prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta jaqgħu taħt l-istess suq tal-prodotti upstream Id-distinzjoni possibbli,fir-rigward tal-kanal ta' distribuzzjoni, f'bejgħ bl-imnut u bejgħ OOH (Out of Home — 'il barra mid-djar), tibqa' miftuħa għal prodotti tal-ħalib bażiċi friski mhux organiċi, filwaqt li l-prodotti bażiċi friski organiċi mibjugħin OOH u dawk mibjugħa bl-imnut jagħmlu parti mill-istess suq.

(13)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, ġie konkluż li suq bħal dan huwa nazzjonali fil-każ tas-suq upstream tal-ħalib frisk, tax-xorrox tal-butir frisk u tal-jogurt naturali (organiċi u mhux organiċi).

(14)

Peress illi fil-każ ta' prodotti tal-ħalib bażiċi li jżommu fit-tul, l-unika konverġenza tinsab fil-ħalib li ma jiskadix malajr u la s-sostitwibbilità min-naħa tad-domanda u lanqas dik min-naħa tal-fornitura ma tipprevali, is-suq tal-prodott rilevanti huwa dak tal-ħalib li ma jiskadix malajr mingħajr distinzjoni bejn prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta. Titħalla miftuħa l-possibilità ta' distinzjoni bejn il-kanal ta' distribuzzjoni għall-bejgħ bl-imnut u dak OOH. Is-suq ġeografiku rilevanti huwa aktar mifrux minn dak nazzjonali u jinkludi l-Belġju, il-Ġermanja u l-Olanda.

3.   Ġobon tat-tip Olandiż

(15)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, swieq tal-prodotti separati għall-bejgħ tal-ġobon tat-tip Olandiż lil grossisti tal-ġobon speċjalizzati u lil tipi ta' bejjiegħa bl-imnut moderni (supermerkati, ipermerkati, bejjiegħa li jiskontaw il-prezzijiet) għandhom ikunu definiti. Kwalunkwe distinzjoni ulterjuri bejn il-bejgħ ta' ġobon tat-tip Olandiż lil bejjiegħa tal-ġobon bl-imnut speċjalizzati (tal-Gouda/Maasdam/Edam, tal-ġobon naturali/mingħajr qoxra, tal-ġobon naturali ta' 15-il ġurnata/ġobon naturali ieħor) u l-bejgħ ta' ġobon tat-tip Olandiż lil tipi ta' bejjiegħa bl-imnut moderni (Gouda/Maasdam/Edam, naturali/mingħajr qoxra) se tibqa' miftuħa peress illi fil-prattika din mhix se jkollha impatt fuq il-valutazzjoni kompetittiva.

(16)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, is-swieq għall-bejgħ ta' ġobon tat-tip Olandiż lil grossisti tal-ġobon speċjalizzati u lil tipi ta' bejgħ bl-imnut moderni (li jinkludu s-segmentazzjonijiet idjaq kollha minbarra dawk tal-ġobon mingħajr qoxra) huma nazzjonali fl-ambitu tagħhom filwaqt li s-swieq għall-bejgħ tal-ġobon mingħajr qoxra tat-tip Olandiż (li jinkludi s-segmentazzjonijiet idjaq kollha) lill grossisti tal-ġobon speċjalizzati u lil tipi ta' bejgħ bl-imnut moderni huma aktar mifruxa minn dawk nazzjonali u jinkludu minn tal-inqas l-Olanda u l-Ġermanja.

4.   Il-Butir

(17)

Instab li s-suq tal-prodott rilevanti għall-butir għandu, l-ewwelnett, ikun diviż fi swieq separati tal-butir fi kwantità kbira u tal-butir bil-pakkett. Il-butir bl-massa magħmul mill-ħalib jagħmel parti minn suq separat minn dak tax-xaħmijiet veġetali bi kwantità kbira. Barra minn hekk, is-suq jista' jitqassam f'butir bażiku (b'kontenut ta' xaħam ta' 82 %), f'żejt tal-butir mhux iffrazzjonat (jew, sempliċiment, żejt tal-butir, b'kontenut ta' xaħam ta' 99,8 %) u żejt tal-butir iffrazzjonat (jew, sempliċiment, butir iffrazzjonat, imqassam skont it-temperatura li fiha jinħall). Fir-rigward tal-butir tal-pakkett, il-butir tal-ħalib u x-xaħmijiet veġetali jagħmlu parti minn swieq separati u s-suq għall-butir tal-ħalib fil-pakkett għandu jerga' jinqasam f'butir tal-pakkett mibjugħ lill-bejjiegħa bl-imnut u butir tal-pakkett mibjugħ lil konsumaturi OOH. Il-kwistjoni jekk il-butir tal-pakkett tad-ditta u b'tikketta privata għandhomx ikunu tal-istess suq hija miftuħa, peress illi d-distinzjoni hawnhekk ma jkollhiex impatt fuq il-valutazzjoni kompetittiva.

(18)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, is-swieq tal-butir fi kwantità kbira, taż-żejt tal-butir iffrazzjonat u taż-żejt tal-butir mhux iffrazzjonat huma mifruxa maż-ŻEE kollha. Is-suq ġeografiku rilevanti għall-butir tal-pakkett jinkludi minn tal-inqas l-Olanda, il-Belġju u l-Ġermanja. Il-kwistjoni jekk is-suq ġeografiku rilevanti tal-butir tal-pakkett huwiex mifrux maż-ŻEE kollha tista' titħalla miftuħa peress illi din il-konklużjoni mhijiex tali li jkollha effett determinanti fuq il-valutazzjoni kompetittiva.

5.   Jogurts u krema quark b'valur miżjud

(19)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, hemm swieq separati għall-jogurt u l-krema quark b'valur miżjud skont il-kanal ta' distribuzzjoni. Tqassim f'jogurt b'valur miżjud fuq naħa u l-quark fuq in-naħa l-oħra, tqassim f'prodotti ta' saħħa/indulġenza kif ukoll f'prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta jistgħu jibqgħu miftuħa peress illi dan mhuwiex se jaffettwa l-valutazzjoni kompetittiva. Peress illi Friesland Foods mhijiex attiva fis-segment tas-saħħa, il-jogurt u l-krema quark tas-saħħa b'valur miżjud ma ġewx diskussi aktar.

(20)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, suq bħal dan huwa nazzjonali fejn jidħol is-suq upstream tal-jogurt u l-krema quark b'valur miżjud li jinbiegħu lil grossisti OOH u usa' minn nazzjonali fejn jidħol is-suq upstream tal-jogurt u l-krema quark b'valur miżjud li jinbiegħu lill-bejjiegħa bl-imnut.

6.   Xarbiet aromatizzati magħmulin mill-ħalib

(21)

F'dan is-suq saret distinzjoni preliminari bejn xarbiet tal-ħalib friski aromatizzati u xarbiet tal-ħalib aromatizzati li jżommu fit-tul.

(22)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, jeżistu swieq tal-prodotti rilevanti separati għal xarbiet tal-ħalib friski aromatizzati relatati mas-saħħa u dawk li mhumiex, li jistgħu jitqassmu ulterjorment skont il-fornitura ta' prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta u skont il-kanal ta' distribuzzjoni (bejgħ bl-imnut/OOH). Peress illi l-amalgamazzjoni proposta m'għandhiex twassal għal xkiel fil-kompetizzjoni effettiva fis-suq tax-xarbiet tal-ħalib friski aromatizzati relatati mas-saħħa u s-suq tal-prodotti b'tikketta privata m'għandux se jiġi affettwat, il-valutazzjoni kompetittiva tiffoka fuq is-suq li m'għandux x'jaqsam mas-saħħa tax-xarbiet tal-ħalib aromatizzati friski li huma tad-ditta.

(23)

Fir-rigward tax-xarbiet tal-ħalib aromatizzati li jżommu fit-tul, tax-xarbiet tal-ħalib b'togħma taċ-ċikkulata u dawk b'togħma tal-frott, instab li dawn ilkoll jagħmlu parti minn swieq ta' prodotti distinti. Ma hemm l-ebda bżonn li wieħed jikkonkludi jekk il-provenjenza tax-xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul b'tikketta privata u dawk tad-ditta jaqgħux taħt swieq ta' prodotti differenti. Distinzjoni skont il-kanal ta' distribuzzjoni bejn il-bejgħ bl-imnut u OOH tista' wkoll titħalla miftuħa.

(24)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, suq bħal dan huwa nazzjonali fil-każ tas-suq upstream tal-prodotti tal-ħalib aromatizzati friski mhux relatati mas-saħħa. Fil-każ ta' xarbiet tal-ħalib aromatizzati li jżommu fit-tul, instab li f'suq li jinkludi prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta, l-ambitu ġeografiku huwa usa' minn dak nazzjonali u jinkludi l-Olanda, il-Belġju u l-Ġermanja. Jekk is-suq tal-prodott fil-livell upstream huwa limitat għal prodotti tad-ditta, dawn is-swieq għandhom ambitu nazzjonali, peress illi jeżistu differenzi kbar bejn id-ditti minn pajjiż għal ieħor.

7.   Diżerti tal-ħalib friski

(25)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, jeżistu swieq tal-prodotti rilevanti separati għall-kustard frisk, il-poriġ u għad-diżerti tal-pakket maqsumin f'porzjonijiet. Fir-rigward tal-kustard, tqassim skont prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta mhuwiex meħtieġ. Il-kwistjoni jekk is-suq għandux jitqassam ulterjorment skont il-kanal ta' distribuzzjoni, tista' tibqa' miftuħa peress illi din mhijiex se taffettwa l-valutazzjoni kompetittiva;

(26)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, suq bħal dan huwa nazzjonali fir-rigward tas-swieq tal-kustard u l-poriġ.

8.   Il-krema

(27)

Instab li s-suq tal-prodott rilevanti għall-krema għandu, l-ewwelnett, ikun diviż fi swieq separati għall-krema likwida u l-krema fil-forma ta' sprej. Fir-rigward tal-krema likwida, teżisti distinzjoni bejn krema likwida magħmula mill-ħalib u dik li mhijiex u, fi ħdan kull segment, bejn krema mibjugħa permezz tal-kanal tal-bejgħ bl-imnut, dak OOH u dak industrijali. Is-suq għall-krema likwida magħmula mill-ħalib jinkludi krema likwida b'kontenut ta' xaħam baxx jew għoli. Fi ħdan is-suq tal-krema likwida magħmula mill-ħalib, id-distinzjoni bejn il-krema friska u l-krema li żżomm fit-tul tħalliet miftuħa, peress illi din ma jkollhiex impatt fuq il-valutazzjoni kompetittiva. Bl-istess mod, il-il-kwistjoni rigward id-distinzjoni bejn il-krema likwida b'tikketta privata u dawk tad-ditta tħalliet miftuħa peress illi din mhijiex se jkollha impatt fuq il-konklużjoni finali dwar l-effetti tat-tranżazzjoni. Fl-aħħar nett, peress illi l-attivitajiet tal-partijiet ma jikkoinċidux fis-suq tal-krema likwida li mhijiex magħmula mill-ħalib, il-valutazzjoni ffukat fuq il-krema likwida tal-ħalib.

(28)

Fir-rigward tal-krema fil-forma ta' sprej, jeżistu żewġ swieq tal-prodotti rilevanti l-krema fil-forma ta' sprej magħmula mill-ħalib mibjugħa lill-bejjiegħa bl-imnut u dik mibjugħa lill-konsumaturi OOH. Is-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-krema fil-forma ta' sprej jinkludi kemm prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta, filwaqt li l-kwistjonijiet dwar id-distinzjoni bejn prodotti b'tikketta privata u dawk tad-ditta jistgħu jibqgħu miftuħa fil-każ tas-suq OOH, peress illi dawn m'għandhomx impatt fuq il-valutazzjoni kompetittiva.

(29)

Is-suq ġeografiku rilevanti għal krema likwida magħmula mill-ħalib mibjugħa lil bejjiegħa OOH, lil bejjiegħa bl-imnut u lil konsumaturi industrijali u dak għal krema fil-forma ta' sprej mibjugħa lill-bejjiegħa bl-imnut u dawk OOH, imorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jinkludu minn tal-inqas l-Olanda, il-Belġju u l-Ġermanja.

9.   Sustanzi li jagħtu lewn abjad lill-kafè

(30)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, jeżistu swieq ta' prodotti rilevanti separati għall-ħalib tal-kafe u għall-krema tal-kafè. m'hija meħtieġa l-ebda separazzjoni fi prodotti b'tikketta privata minn dawk tad-ditta. Għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-kanali ta' distribuzzjoni f'dak tal-bejgħ bl-imnut u dak OOH.

(31)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, is-swieq ġeografiċi rilevanti għall-ħalib tal-kafè u l-krema tal-kafè huma usa' minn dawk nazzjonali u jinkludu l-Olanda, il-Belġju u l-Ġermanja.

10.   Emulsjonijiet imnixxfin bi sprej (EIS)

(32)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, l-emulsjonijiet likwidi u l-EIS huma swieq ta' prodotti separati. Barra minn hekk, kategoriji differenti ta' EIS, bħal prodotti li jintużaw minflok il-krema, prodotti li jagħmlu r-ragħwa u prodotti li jintużaw biex jgħattu l-ħelu jagħmlu parti minn swieq ta' prodotti separati. Peress illi Campina mhijiex attiva fis-suq tal-konċentrati tax-xaħam u taż-żjut nutrittivi kkapsulati u Friesland Foods mhijiex preżenti fis-segment tal-istabilizzanti tal-panura, id-definizzjoni preċiża tas-suq tal-prodott għal dawn it-tliet prodotti ma ġietx indirizzata.

(33)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, is-swieq għall-prodotti li jintużaw minflok il-krema, il-prodotti li jagħmlu r-ragħwa u l-prodotti li jintużaw biex jgħattu l-ħelu kif ukoll dawk tal-istabilizzanti tal-panura huma mifruxa maż-ŻEE kollha.

11.   Il-Lattożju

(34)

Fir-rigward tas-suq tal-prodott rilevanti, il-lattożju ta' grad alimentari u dak ta' grad farmaċewtiku jagħmlu parti minn żewġ swieq tal-prodotti distinti. Fir-rigward tal-lattożju farmaċewtiku, eċċipjenti bħal-lamtu, il-Mannitol u l-MCC mhumiex sorsi effettivi ta' fornitura alternattiva għall-klijenti u minħabba f'hekk mhumiex limitazzjoni kompetittiva. Barra minn hekk, peress illi t-tranżazzjoni m'għandha twassal għall-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni la fis-suq tal-lattożju farmaċewtiku u lanqas fis-swieq idjaq possibbli tal-lattożju ta' grad farmaċewtiku li jintuża fil-proċess ta' kompressjoni diretta u tal-lattożju farmaċewtiku li jintuża fil-proċess ta' granulazzjoni mxarraba, kieku dawn kollhom jiġu definiti, id-distinzjoni bejniethom tħalliet miftuħa. Fl-aħħar mill-aħħar, suq tal-prodott rilevanti separat għandu jkun definit għal-lattożju li jintuża f'Inalaturi ta' Trab Niexef (Dry Powder Inhaler — DPI). Fi ħdan il-lattożju li jintuża fid-DPI, għandu jiġi definit suq rilevanti separat fir-rigward tal-lattożju sofistikat li jintuża fid-DPI u dak anqas sofistikat li jintuża għad-DPI.

(35)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, fil-każ tal-lattożju ta' grad alimentari, m'hemmx bżonn li wieħed jasal għal konklużjoni peress li ma jirriżulta l-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni, irrispettivament mid-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti. Fir-rigward tal-lattożju farmaċewtiku u dak li jintuża fid-DPI, id-definizzjoni tas-suq ġeografiku tħalliet miftuħa. Tabilħaqq, fis-suq dinji kemm għal-lattożju ta' grad farmaċewtiku u dak li jintuża fid-DPI, il-pożizzjoni tal-entità li ġiet amalgamata tkun prattikament l-istess bħal ma hi fis-suq li jkopri ż-ŻEE. It-tranżazzjoni mhix se xxekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq globali u fis-swieq li jkopru ż-ŻEE għal-lattożju farmaċewtiku u l-lattożju li jintuża fid-DPI, irrispettivament mid-definizzjoni eżatta tal-ambitu ġeografiku tas-swieq

B.   Il-VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

1.   Daħla

(36)

Saret investigazzjoni fil-fond tal-istruttura u tat-tħaddim tas-swieq tal-prodotti tal-ħalib, li huma affettwati mill-amalgamazzjoni proposta. B'riżultat ta' din l-investigazzjoni, instab li l-amalgamazzjoni x'aktarx li mhijiex se twassal għal xkiel sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-ħalib li jżomm fit-tul, tal-prodotti tal-ħalib friski bażiċi organiċi, tal-butir fi kwantità kbira u dak tal-pakkett, tal-krema likwida u dik fil-forma ta' sprej, tas-sustanzi li jagħtu lewn abjad lill-kafè, tal-emulsjonijiet imnixxfin bl-isprej, tal-lattożju ta' grad alimentari u tal-lattożju farmaċewtiku u kif ukoll ta' dak li jintuża fid-DPI.

(37)

L-amalgamazzjoni proposta twassal għal xkiel sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva fis-swieq għall-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat, tal-prodotti tal-ħalib bażiċi friski, tal-ġobon, tal-jogurt u l-krema quark b'valur miżjud, tax-xarbiet tal-ħalib aromatizzati friski, tax-xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul u tal-kustard frisk u l-poriġ.

2.   Il-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat

(38)

Fir-rigward tal-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat, l-amalgamazzjoni se ġġib flimkien iż-żewġ xerrejja prinċipali tal-ħalib mhux ipproċessat fl-Olanda, li flimkien se jikkontrollaw [70-80 %] tas-suq.

(39)

L-element ta' tħassib dwar il-kompetizzjoni mhuwiex li l-entità amalgamata tkun kapaċi teżerċita influwenza kbira fis-suq upstream u tbaxxi l-prezzijiet li jitħallsu lill-bdiewa għall-ħalib. Pjuttost, minħabba l-influwenza kbira li l-operatur il-ġdid se jkollu fuq is-swieq downstream se jkun jista' jagħmel profitti addizzjonali u bil-flus żejjed iħallas prezzijiet aktar għoljin lill-bdiewa. Bħala konsegwenza, l-entità li ġiet amalagamata se tkun f'pożizzjoni li tiġbed aktar bdiewa lejha u tmantni u/jew issaħħaħ l-bażi tagħha tal-bdiewa. Din is-sitwazzjoni se żżid l-ostakoli għad-dħul fi u/jew l-espansjoni tas-swieq primarji downstream tal-prodotti tal-ħalib fejn il-ħalib mhux ipproċessat mill-Olanda huwa meħtieġ biex ikun hemm kompetizzjoni effettiva.

3.   Prodotti tal-ħalib friski

(40)

Il-kunċett ta' prodotti tal-ħalib friski jinkludi prodotti bażiċi tal-ħalib (il-ħalib frisk, ix-xorrox tal-butir frisk u l-jogurt naturali), il-jogurt u l-krema quark b'valur miżjud, xarbiet tal-ħalib aromatizzati friski, il-kustard frisk u l-poriġ.

(41)

It-tranżazzjoni proposta se xxekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti fis-suq tal-ħalib frisk, tax-xorrox tal-butir frisk u tal-jogurt naturali fl-Olanda u f'parti sostanzjali tas-Suq Komuni irrispettivament minn jekk dan is-suq jiġix segmentat aktar skont il-kanal ta' distribuzzjoni. Il-konklużjoni kienet ibbażata, fost affarijiet oħrajn, fuq is-sehem kbir tas-suq li l-partijiet għandhom flimkien, fuq il-fatt li kienu kkunsidrati bħala l-kompetituri l-aktar qrib ta' xulxin, fuq id-diffikultà għall-klijenti li jeqilbu għal fornituri alternattivi u fuq id-diffikultà għall-kompetituri li jespandu l-produzzjoni fil-każ ta' żieda fil-prezzijiet.

(42)

Għall-istess raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-konċentazzjoni notifikata xxekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti fis-suq tal-jogurt u tal-krema quark b'valur miżjud fl-Olanda, li jiġi fornut lill-qasam tal-bejgħ OOH u fis-suq tax-xarbiet tal-ħalib aromatizzati friski mhux tas-saħħa li huma tad-ditta fl-Olanda, imqassmin skont il-kanal ta' distribuzzjoni tal-bejgħ bl-imnut u dak tal-bejgħ OOH.

(43)

Fis-swieq għad-diżerti friski, il-konċentrazzjoni notifikata x'aktarx li xxekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva (i) fis-suq tal-kustard frisk fl-Olanda u (ii) fis-suq tal-poriġ fl-Olanda, li flimkien jagħmlu parti sostanzjali mis-suq komuni irrispettivament minn jekk dawn is-swieq għandhomx jitqassmu aktar skont il-kanal ta' distribuzzjoni. Barra minn hekk, f'dan il-każ, il-konklużjoni hija bbażata, fost affarijiet oħrajn, fuq il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq u fuq il-fatt li l-partijiet kienu meqjusa bħala l-kompetituri l-aktar fil-qrib ta' xulxin u għalhekk kien diffiċli għall-konsumaturi tagħhom biex jeqilbu għal fornituri alternattivi.

4.   Ġobon tat-tip Olandiż

(44)

Il-konċentrazzjoni twassal għal xkiel sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva fis-swieq għall-bejgħ tal-ġobon tat-tip Olandiż lil grossisti speċjalizzati (li jinkludu s-segmentazzjonijiet idjaq tal-ġobon li żviluppa bis-sħiħ fit-togħma, tal-Gouda u tal-ġobon ta' 15-il ġurnata) u lil tipi ta' bejjiegħa bl-imnut moderni (li jinkludu s-segmentazzjonijiet idjaq f'ġobon naturali u ġobon Gouda) fl-Olanda. Kull wieħed minn dawn is-swieq jikkonstitwixxi parti sostanzjali tas-Suq Komuni.

(45)

Fir-rigward ta' bejgħ lil grossisti speċjalizzati fil-ġobon, din il-valutazzjoni hija bbażata, fost affaijiet oħrajn, fuq is-sehem kbir fis-suq li għandhom il-partijiet ([40-70 %] %), fuq il-kompetizzjoni mill-qrib bejn il-partijiet, fuq il-kapaċitajiet limitati tal-grossisti speċjalizzati fil-ġobon li jeqilbu għal fornituri alternattivi lokali jew barranin, fuq il-prospetti limitati għal dħul fis-suq u l-espansjoni tiegħu fil-futur qarib u fuq il-fatt li l-fatturi kollha ta' kontrobilanċ li tressqu mill-partijiet (perżempju, tnaqqis fid-domanda u żieda fl-importazzjoni mill-ġdid/bejgħ tal-ġobon li oriġinarjament kellu jkun għall-esportazzjoni fil-każ ta' żieda fil-prezzijiet, l-allegazzjoni ta' dipendenza fuq il-kapaċità ta' ħżin u ta' maturazzjoni tal-grossisti) mhumiex suffiċenti biex iwaqqfu l-partijiet li qed jamalgamaw milli jżidu l-prezzijiet.

(46)

Fir-rigward ta' ta' tipi moderni ta' bejgħ bl-imnut, din il-valutazzjoni hija bbażata, fost affarijiet oħrajn, fuq l-ishma kbar fis-suq tal-partijiet ([60-70 %] %), il-kompetizzjoni mill-qrib bejn il-partijiet, il-grad limitat ta' kompetizzjoni bejn il-partijiet u l-grossisti speċjalizzati fil-ġobon, il-possibiltajiet limitati tat-tipi moderni ta' bejgħ bl-imnut li jeqilbu għal fornituri alternattivi lokali jew barranin, il-prospetti limitati għal dħul fis-suq u l-espansjoni tiegħu fil-futur qrib u l-fatt li l-fatturi kollha ta' kontrobilanċ li tressqu mill-partijiet (peżempju, is-saħħa tax-xerrej, żieda fl-importazzjoni mill-ġdid/bejgħ ta' ġobon li orġinarjament kien se jiġi esportat minħabba żieda fil-prezzijiet u l-użu akbar ta' ġobon bla qoxra fil-każ ta' żidiet fil-prezzijiet) mhumiex suffiċenti biżżejjed biex iwaqqfu l-partijiet li ġew amalgamati milli jżidu l-prezzijiet.

(47)

L-ebda element ta' tħassib dwar il-kompetizzjoni ma ġie identifikat fis-swieq tal-bejgħ tal-ġobon Maasdam u tal-ġobon tat-tip Olandiż mingħajr qoxra (inklużi sottosegmentazzjonijiet idjaq) lill-grossisti tal-ġobon speċjalizzati u lil tipi ta' bejjiegħa bl-imnut moderni, fl-Olanda.

5.   Xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul

(48)

Fir-rigward tas-suq tax-xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul, x'aktarx li l-konċentrazzjoni notifikata se xxekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-Olanda tax-xarbiet tal-ħalib tad-ditta b'togħma taċ-ċikkulata li jżommu fit-tul, fis-suq tal-Olanda tax-xarbiet tal-ħalib tad-ditta b'togħma tal-frott li jżommu fit-tul, fis-suq tal-Belġju tax-xarbiet tal-ħalib tad-ditta b'togħma taċ-ċikkulata li jżommu fit-tul, fis-suq tal-Belġju tax-xarbiet tal-ħalib tad-ditta b'togħma tal-frott li jżommu fit-tul, fis-suq tal-Olanda, tal-Belġju u tal-Ġermanja tax-xarbiet tal-ħalib tad-ditta u b'tikketta privata b'togħma taċ-ċikkulata li jżommu fit-tul u fis-suq tal-Olanda, tal-Belġju u tal-Ġermanja tax-xarbiet tal-ħalib tad-ditta u b'tikketta privata b'togħma tal-frott li jżommu fit-tul, irrispettivament minn jekk dawn is-swieq jeħtiġux li jiġu segmentati aktar skont il-kanal ta' distribuzzjoni.

(49)

Din il-konklużjoni hija bbażata fuq is-sejba li, fost affarijiet oħrajn, il-kumpaniji li ġew amalgamati għandhom flimkien ishma kbar fis-suq, huma kkunsidrati bħala kompetituri mill-qrib u lkoll għandhom ditti b'saħħithom fis-suq. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tas-suq indikat li l-konsumaturi ftit jeqilbu għal fornituri oħra u l-possibilità li jidħol kompetitur ieħor fis-suq hija zgħira.

6.   Impenji offruti mill-partijiet notifikanti.

(50)

Sabiex jitneħħew l-elementi ta' tħassib identifikati dwar il-kompetizzjoni li tqajmu minħabba t-tranżazzjoni, Campina u Friesland Foods ipproponew li jieħdu impenji taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. L-ewwel sett ta' impenji ġie sottomess fit-28 ta' Ottubru 2008, ikkumplimentat fil-5 ta' Novembru 2008, bl-għan li tinkiseb approvazzjoni tal-operazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Il-pakkett ta' rimedju jikkonsisti fiċ-ċessjoni ta' negozji fil-prodotti tal-ħalib friski, tal-ġobon, tax-xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul u tal-aċċess għall-ħalib mhux ipproċessat.

(51)

Sussegwentament il-Kummissjoni ittestjat l-impenji fis-suq. Ir-riżultati tal-ewwel test urew li titjib sinifikanti kien meħtieġ. Bħala konsegwenza, il-partijiet issottomettew, fid-19 ta' Novembru, pakkett ta' impenji rivedut li indirizza, kif inhu xieraq, id-dgħufijiet li ġew identifikati fl-ewwel pakkett ta' rimedju li jikkonċerna ċ-ċessjoni tan-negozju fil-prodotti tal-ħalib friski, iċ-ċessjoni tan-negozju fil-ġobon u l-pakkett dwar ix-xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul bħala tali. Madanakollu, il-Kummissjoni kienet għadha mħassba li n-nuqqas ta' aċċess għall-ħalib mhux proċessat joħloq xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq downstream tal-prodotti tal-ħalib bażiċi friski u tal-ġobon tat-tip Olandiż, fl-Olanda inġenerali, u li jirriżulta f'nuqqas ta' vjabbilità għan-negozji ċeduti għas-suq downstream b'mod partikolari. L-ittestjar tat-tieni pakkett fis-suq ikkonferma li titjib kien meħtieġ f'dan ir-rigward.

(52)

Sussengwentament, fis-27 ta' Novembru 2008 il-partijiet issottomettew pakkett finali ta' Impenji.

(53)

B'dan l-isfond t'hawn fuq, il-pakkett finali ta' impenji jinkludi:

(54)

In-negozju kollu tal-prodotti tal-ħalib friski ta' Friesland Foods fl-Olanda li jkopri bħala prodotti l-ħalib frisk, ix-xorrox tal-butir frisk, il-jogurt naturali, jogurts u krema quark b'valur miżjud, il-kustard frisk, il-poriġ, xarbiet tal-ħalib aromatizzati friski, il-krema friska u prodotti tal-ħalib bażiċi friski organiċi (minn hawn 'il quddiem imsejħin “in-Negozju Ċedut fil-prodotti Friski”).

(55)

Liċenzja esklussiva ta' ħames snin li tiġġedded, l-isem tad-ditta Friesche Vlag jintuża fl-Olanda għall-portfolju attwali tal-prodott FF Fresh, segwita minn perjodu ta' żmien perpetwu li fih l-aċċess għall-isem tad-ditta jkun miċħud.

(56)

Is-sjieda tad-ditta ta' Campina, Melkunie, u s-sjieda tas-sottoditti kollha ta' Friesche Vlag u d-ditti kollha li huma speċifiċi għall-prodotti ta' FF Fresh (bl-eċċezzjoni tad-ditta Friesche Vlag nfisha) huma inklużi fiċ-ċessjoni.

(57)

Iċ-ċessjoni tal-faċilità ta' produzzjoni ta' Campina fi Bleskensgraaf li ġie mibjugħ u s-separazzjoni ta' tim tal-bejgħ u impjegati oħra għar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-ippjanar u l-loġistika u l-appoġġ ġenerali mill-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-entità amalgamata (minn hawn 'il-quddiem in-Negozju Ċedut tal-Ġobon).

(58)

Fir-rigward tax-xarbiet tal-ħalib li jżommu fit-tul, iċ-ċessjoni tad-ditta ta' Campina, Choco Choco fis-segment tal-prodotti tal-ħalib b'togħma taċ-ċikkulata u ċ-ċessjoni tad-ditta Yogho Yogho għal b'togħma tal-frott, fl-Olanda.

(59)

In-negozji ċeduti jinkludu, fost affarijiet oħrajn, l-assi kollha tanġibbli u mhux tanġibbli (li jinkludu drittijiet ta' propjetà intelletwali), li jikkontribwixxu għall-operazzjoni attwali. Barra minn hekk il-liċenzji, il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet kollha li nħarġu minn kwalunkwe organizazzjoni tal-gvern ġew inklużi kif ukoll il-kuntratti, il-kirjiet, l-impenji u l-ordnijiet tal-konsumaturi kollha tan-negozji ċeduti u r-rekords kollha tal-klijenti, ta' kreditu u rekords oħra tan-negozji ċeduti. Il-persunal huwa inkluż ukoll.

(60)

Tliet elementi huma mmirati għall-iżgurar tal-aċċess ta' kompetituri tas-suq downstream, inklużi n-negozji ċeduti, għall-ħalib mhux ipproċessat. L-ewwelnett, hemm ftehim ta' fornitura tranżizzjonali li jiżgura l-aċċess għall-ħalib mhux ipproċessat għaż-żewġ faċilitajiet ta' produzzjoni. Taħt dan il-ftehim ta' fornitura tranżizzjonali n-Negozji Ċeduti jistgħu jixtru l-ħalib mhux ipproċessat mill-entitità li ġiet amalgamata bil-“prezz garantit” (li huwa l-prezz garantit mill-entità amalgamata għall-bdiewa tagħha) nieqes 1 %.

(61)

It-tieni, wara l-perjodu kopert mill-ftehim ta' fornitura tranżizzjonali, se tiġi stabbilita fondazzjoni (il-Fond Olandiż tal-Ħalib, FOĦ) sabiex tiżgura aċċess għall-ħalib mhux proċessat sa volum massimu ta' 1,2 biljun kg ta' ħalib mhux ipproċessat fis-sena. Dan se jkun ibbażat fuq sistema ta' drittijiet ta' kreditu li se jingħataw lill-kompetituri downstream. In-Negozju Ċedut fil-prodotti Friski u n-Negozji Ċeduti tal-Ġobon se jkollhom drittijiet ta' kreditu preferenzjali kif ġew stabbiliti fl-impenji mtejbin, jiġifieri, sal-volum li jirrappreżenta l-kapaċità tal-produzzjoni totali ta' dawk in-negozji. Bl-istess mod, permezz ta' dan il-ftehim il-prezz għall-ħalib mhux ipproċessat se jkun “il-prezz garantit” nieqes 1 % matul l-ewwel ħames snin.

(62)

It-tielet element huwa mmirat lejn tibdil strutturali L-ostakoli li jostakolaw il-bdiewa tal-entità amalgamata milli jħallu l-entità tnaqqsu sabiex jiġi żġurat (i) il-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat indipendentement mill-entità amalgamata u (ii) l-abilità għan-negozji ċeduti li jistabilixxu soluzzjoni strutturali fit-tul għall-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat. Din is-soluzzjoni tikkonsisti minn pagament ta' ħruġ (Pagament tal-Bidu) ta' EUR 5/100 kg li jrid jitħallas lil kwalunkwe membru li jħalli l-entità amalgamata sakemm għadd ta' membri li jirrappreżentaw volum ta' 1,2 biljun kilogramma ta' ħalib mhux ipproċessat ikunu ħallew lil FrieslandCampina.

V   KONKLUŻJONI

(63)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhijiex se xxekkel il-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Komuni jew f'parti sostanzjali minnu b'mod sinifikanti.

(64)

Bħala konsegwenza l-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-Suq Komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, b'konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


Top