EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1203

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 COM(2008) 18 finali — 2008/0015 (COD)

OJ C 27, 3.2.2009, p. 75–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006

COM(2008) 18 finali — 2008/0015 (COD)

(2009/C 27/17)

Nhar it-8 ta' Frar 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Wolf.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b'138 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

Werrej:

1.

Sommarju u konklużjonijiet

2.

Introduzzjoni

3.

Proposta tal-Kummissjoni

4.

Kummenti ġenerali

5.

Kummenti speċifiċi

1.   Sommarju u Konklużjonijiet

1.1

Il-qbid u l-ħżin fuq perijodu fit-tul tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) li joriġina mill-użu (kombustjoni) ta' karburanti fossili (Carbon Capture and Storage jew CCS) ikun ta' kontribut kbir fir-rigward tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Għalhekk l-iżvilupp mgħaġġel ta' din it-teknoloġija u l-applikazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli għandhom ikunu l-miri ewlenin.

1.2

Il-Kumitat jilqa' d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni u jqis li hija prerekwiżit għall-iżvilupp u l-użu tas-CCS filwaqt li jappoġġja b'mod wiesa' l-kontenut tagħha.

1.3

Id-Direttiva tindirizza l-aspetti ewlenin u essenzjali u tistipula dispożizzjonijiet dwarhom. B'mod partikolari d-Direttiva tindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll ir-responsabbiltajiet kollha marbuta magħhom. Permezz ta' dan, id-Direttiva tilqa' wkoll l-approvazzjoni min-naħa taċ-ċittadin u tikkunsidra l-ħtieġa tiegħu għas-sigurtà.

1.4

L-iżvilupp tal-katina ta' valur miżjud globali tas-CCS, bil-qbid, it-trasport u l-ħżin ta' CO2, jinsab f'fażi inizjali u parzjalment esploratorja. Ir-regolamenti tad-Direttiva għandhom jikkunsidraw dan u għalhekk għandhom jadattaw għal xi punti.

1.5

Sabiex il-proġetti inizjali jkunu jistgħu jiġu implimentati malajr, xi wħud mill-punti tad-Direttiva għandhom ikunu modifikati b'tali mod li jkunu maniġġabbli kemm għall-awtoritajiet nazzjonali fil-preżent kif ukoll għall-intrapriżi li huma lesti biex jinvestu. Dan jikkonċerna per eżempju kwistjonijiet ta' kontabilità kif ukoll in-natura u l-kumplessità tas-sigurtà finanzjarja.

2.   Introduzzjoni

2.1

Bħala riżultat tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2007 li jikkonċernaw il-bidla fil-klima u l-provvista ta' sigurtà ta' l-enerġija, il-Kummissjoni pproponiet — permezz ta' dokumenti separati — pakkett sħiħ ta' miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ifformulati fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Dawn il-miżuri jiffokaw fuq l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, it-titjib ta' sorsi ta' l-enerġija sostenibbli kif ukoll l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi korrispondenti. Il-Kumitat ħejja opinjonijiet speċifiċi għal kull każ (1).

2.2

F'dan il-kuntest qasam ta' importanza ewlenija huwa l-iżvilupp ta' metodi sabiex jitnaqqsu b'mod sostenibbli l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li joriġinaw mill-użu ta' karburanti fossili, li huwa s-suġġett ta' din l-opinjoni, b'referenza partikolari għall-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (CO2).

2.3

Din l-opinjoni hija relatata ma' opinjoni tal-Kumitat (2) dwar l-istess teknoloġija li tindirizza l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili”.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Abbażi (i) l-fatt li d-domanda dejjem tiżdied fuq livell internazzjonali għal sorsi ta' l-enerġija hija mistennija li tiġi sodisfatta b'mod predominanti minn karburanti fossili, u (ii) l-mira li sas-sena 2050 l-emissjonijiet tas-CO2 madwar id-dinja jonqsu b'50 % u fil-pajjiżi industrijalizzati b'60 sa 80 %, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa essenzjali li jkunu sfruttati l-possibiltajiet kollha għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Għalhekk il-qbid u l-ħżin tas-CO2 — CCS (3) — huwa ta' importanza kbira.

3.2

Il-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' Marzu 2007 sejjaħ għall-iżvilupp tal-qafas tekniku, ekonomiku u politiku meħtieġ, sabiex is-CCS ikun disponibbli bla ma jkun ta' ħsara għall-ambjent. Il-proposta mressqa tirrappreżenta mezz wieħed kif dan l-objettiv jista' jintlaħaq. Hija marbuta, qabel kollox, ma' l-istabbiliment ta' qafas regolatorju fuq il-bażi ta' l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE. Permezz ta' din il-proposta, għandhom jiġu ffaċilitati l-leġislazzjoni u l-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livell ta' l-UE jew nazzjonali.

3.3

Għalhekk dispożizzjonijiet diġà eżistenti bħal dawk stipulati fid-Direttivi 96/61/KE, 85/337/KEE, 2004/35/KE u 2003/87/KE ġew ikkunsidrati jew adattati fil-proposta.

3.4

Il-kontentut konkret tal-proposta tal-Kummissjoni:

3.4.1

L-ewwel kapitolu jikkonċerna s-suġġett, l-għan u l-ambitu tal-proposta. Huma diskussi wkoll xi definizzjonijiet.

3.4.2

It-tieni kapitolu jitratta l-għażla tas-siti tal-ħżin u l-awtorizzazzjonijiet għall-esplorazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema żoni ser ikunu disponibbli għall-ħżin u liema regolamenti japplikaw għall-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni għall-esplorazzjoni.

3.4.3

It-tielet kapitolu huwa dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ħżin u l-kundizzjonijiet tiegħu kif ukoll is-setgħat rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea. Element importanti huwa l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali li tinkludi evalwazzjonijiet ta' l-impatt u konsultazzjonijiet pubbliċi.

3.4.4

Ir-raba' kapitolu jitratta dwar l-operazzjoni, l-għeluq u l-obbligi ta' wara, kif ukoll dwar il-kriterji għat-tnaqqis tas-CO2, l-obbligi ta' monitoraġġ u rappurtaġġ, spezzjonijiet, miżuri f'każ ta' xi irregolaritajiet u/jew telf ta' gass, l-għeluq u l-obbligi tal-kura ta' wara kif ukoll il-forniment ta' sigurtà finanzjarja.

3.4.5

Il-ħames kapitolu jitratta dwar l-aċċess għal netwerk tat-trasport u tal-ħżin.

3.4.6

Is-sitt kapitolu fih dispożizzjonijiet ġenerali relatati ma' l-awtoritajiet responsabbli, il-kooperazzjoni transkonfinali, sanzjonijiet, rappurtaġġ fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea, emendi u l-proċeduri rilevanti ta' komitoloġija.

3.4.7

Is-seba' kapitolu jiġbor fih l-emendi meħtieġa ta' atti legali oħra, inklużi l-adattamenti meħtieġa tal-liġi ta' l-ilma u dik ta' l-iskart. Jinkludi wkoll ir- rekwiżiti addizzjonali għall-permess ta' impjanti ta' l-enerġija ġodda.

3.4.8

Fl-Anness I jinsabu stabbiliti kriterji dettaljati għall-karatterizzazzjoni tas-sit u l-evalwazzjoni tar-riskju. L-Anness II fih kriterji dettaljati għall-monitoraġġ. Il-Kummissjoni Ewropea tista' temenda l-Annessi, u f'dan il-każ il-Parlament Ewropew ikollu d-dritt ta' kodeterminazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE kemm-il darba (4) ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-enerġija bi prezz raġonevoli hija l-essenza vitali ta' ekonomija nazzjonali soċjali moderna u rekwiżit għall-provvediment tal-ħtiġijiet bażiċi kollha. L-iżvilupp imsaħħaħ ta' teknoloġiji innovattivi huwa importanti (5).

4.2

Il-Kumitat jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar dan is-suġġett bħala prerekwiżit importanti għall-iżvilupp u l-użu tas-CCS bħala teknoloġija sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, u jappoġġja l-kontentut tagħha.

4.3

F'dan ir-rigward, il-Kumitat ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt (6) li l-karburanti fossili tal-faħam, iż-żejt u l-gass jiffurmaw fil-preżent il-qalba (7) tal-forniment ta' l-enerġija kemm Ewropea kif ukoll dik globali u li forsi mhux se jitilfu l-importanza tagħhom fl-għexieren ta' snin li ġejjin.

4.4

Dan mhux kontradittorju għall-għan iddikjarat li jkun hemm żjieda drammatika fis-sehem tas-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, peress li anke meta wieħed jikkunsidra l-għan li l-proporzjon ta' enerġija mis-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli fl-UE (8) sa l-2020 ikun mill-inqas ta' 20 %, fis-snin li ġejjin se jkun hemm ħtieġa sinifikanti għall-enerġija minn sorsi oħra sabiex ikun żgurat il-kumplament tat-80 % tal-konsum ta' l-enerġija, jew madwar 50 % sa l-2050.

4.5

Fil-każ ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli s'issa setgħu jiġu implimentati biss l-idroenerġija u l-bijomassa għall-produzzjoni ta' l-elettriku (9) fuq livell li jilħaq mad-domanda, filwaqt li l-enerġija mir-riħ u mix-xemx huma karatterizzati minn disponibilità limitata, jiġifieri waħda dipendenti mit-temp. Madanakollu, l-iżvilupp u l-użu tagħhom għandu jibqa' jkun prattikat bi sforz kbir, fejn magħhom għandhom ikunu żviluppati possibiltajiet ta' ħżin adegwati u bi prezz raġonevoli. Iżda dan huwa s-suġġett ta' opinjonijiet oħra tal-Kumitat.

4.6

Minn dan joħroġ li għall-provvista sikura ta' ammont fiss — bħala forniment supplimentari għall-enerġija nukleari jew sostitut tagħha (10) — ser ikollhom ikomplu jintużaw b'mod estensiv impjanti ta' l-enerġija fossili. Barra minn hekk, bħala kumpens għall-instabilità ta' l-enerġija mir-riħ, hemm bżonn ta' għadd ikbar ta' impjanti ta' l-enerġija li jkunu jistgħu jiġu kkontrollati f'termini ta' produzzjoni, sabiex ikun hemm ammont adegwat — b'mod pożittiv kif ukoll negattiv — ta' enerġija ta' riserva.

4.7

Għall-forniment ta' l-ogħla rendiment u enerġija ta' riserva għandhom jiġu kkunsidrati qabel kollox l-impjanti idroelettriċi mħaddma bil-gass jew bil-pompi. Madankollu, il-potenzjal ta' estensjoni ta' l-impjanti idroelettriċi mħaddma bil-pompi huwa limitat, billi l-kondizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi li huma jesiġu sa ċertu punt diġà ġew sfruttati.

4.8

Għall-provvista ta' ammont bażiku u intermedju, l-iktar li jintużaw huma l-impjanti ta' l-enerġija li jużaw il-faħam, barra minn impjanti ta' l-enerġija nukleari. F'dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li ma jipproduċux l-enerġija nukleari huma stess, l-użu tal-faħam għall-produzzjoni ta' l-elettriku għandu importanza ikbar.

4.9

Għaldaqstant huwa importanti li anke meta jintużaw impjanti li jaħdmu bil-faħam jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet tas-CO2. B'dan il-għan, qed jiġu segwiti żewġ linji ta' żvilupp — ikkaratterizzati minn livelli varji ta' maturità teknika u effetti differenti: minn naħa, impjanti ta' l-enerġija li qed ikomplu jsaħħu l-effiċjenza tagħhom, u min-naħa l-oħra impjanti ta' l-enerġija bis-CCS (11). Fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, filwaqt li l-biċċa l-kbira ta' l-emissjonijiet ta' CO2 ma jintremewx aktar fl-atmosfera, il-proċess inevitabbilment jinvolvi telfien ta' l-effiċjenza, sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet addizzjonali ta' enerġija li titlob il-proċedura tas-CCS. Barra minn hekk, il-proċeduri għandhom ikomplu jiġu żviluppati sabiex is-CO2 jinġabar mill-proċessi ta' produzzjoni industrijali.

4.10

L-iżvilupp tas-CCS, li jinvolvi l-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2, jinsab f'fażi bikrija u f'xi każijiet anke esploratorja. Waqt li huwa minnu li miżuri favur iż-żjieda ta' l-effettività tat-teknoloġija ta' impjanti ta' l-enerġija konvenzjonali bil-mod qed jagħmlu progress, madankollu din diġà hija qrib il-limiti fiżiċi. B'konsiderazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jkunu sostitwiti l-kapaċitajiet ta' l-impjanti ta' l-enerġija fis-snin li ġejjin, il-KESE jirrakkomanda approċċ pragmatiku, fejn iż-żewġ teknoloġiji jkomplu jiżviluppaw flimkien. Filwaqt li l-iżvilupp ta' livell ogħla ta' effiċjenza jista' jkun influwenzat mis-suq, it-teknoloġiji tas-CCS jeħtieġu — kemm għall-impjanti ta' l-enerġja u l-infrastruttura — għajnuna addizzjonali fil-fażi tad-demostrazzjoni u dik ta' l-introduzzjoni fis-suq.

4.11

It-teknoloġija tas-CCS qiegħda tiġi żviluppata b'diversi modi: (a) it-teknoloġija integrata ta' l-impjanti ta' l-enerġija, li tinvolvi l-ġbir tas-CO2, fejn waqt il-proċess tal-gassifikazzjoni tal-faħam, il-karbonju jinġabar qabel il-proċess tal-kombustjoni, jew waqt il-proċess ta' “oxyfuel”, is-CO2 jiġi arrikkit permezz tal-proċess qabel il-ġbir; u (b) it-teknoloġija ta' wara l-kombustjoni li tinvolvi l-ħasil tas-CO2 wara l-kombustjoni mid-duħħan tal-gass (ħasil tas-CO2). Meta jkun żviluppa b'mod xieraq, il-metodu (b) għandu jkun xieraq għall-applikazjoni f'impjanti ta' l-enerġija ġodda li huma effiċjenti ħafna, sakemm ikunu mibnija kif inhu meħtieġ (lesti għall-ġbir — capture ready). Element komuni taż-żewġ possibbiltajiet ta' żvilupp huwa l-fatt li s-CO2 li jinġabar b'dak il-mod għandu jiġi trasportat mill-impjant ta' l-enerġija għal post ta' ħżin adattat.

4.12

Il-ħżin tas-CO2 jista' jsir biss f'formazzjonijiet ġeoloġiċi adattati u sikuri. Ir-riċerka li saret s'issa turi li l-blat fl-ibħra li jżomm fih ħafna ilma (deep saline aquifers) u d-depożiti eżawriti taż-żejt u tal-gass, filwaqt li l-minjieri tal-faħam abbandunati jidhru anqas adattati. Sabiex tiġi evitata kull tnixxija ta' gass, huwa kruċjali li jkun hemm saqaf tal-blat sħiħ b'kemm jista' jkun ftit kanali li jwasslu sal-wiċċ.

4.13

Meta jintgħażel post għall-ħżin mill-esperti skond ir-regoli proposti fid-Direttiva, għandu jkun stabbilit li r-riskji marbuta mal-ħżin huma minimi. Fil-każ ta' formazzjonijiet xierqa għall-ħżin, l-emissjoni f'daqqa ta' ammonti kbar ta' CO2 hija kważi impossibbli (12). Għandu jkun stabbilit ukoll li ċaqliq siżmiku maħluq apposta mill-bniedem ma joħloqx periklu, u l-pressjoni massima tal-ħżin għandha tintgħażel sabiex ma tagħmilx ħsara lis-safef tal-blat użati għall-ħżin u s-siġill (13), billi dawn għandhom jinżammu sabiex ikun żgurat il-ħżin.

4.14

Għall-approvazzjoni soċjali u politika ta' dan il-proċess, il-kwistjoni ta' ħżin tas-CO2 li jkun sikur u fit-tul hija ta' sinifikat determinanti.

4.15

Il-Kumitat għalhekk iħoss li huwa importanti ħafna li l-pubbliku jiġi infurmat bis-sħiħ mill-Kummissjoni, u b'mod partikulari, mill-Istati Membri u mill-operaturi potenzjali, dwar l-aspetti kollha ta' din it-teknoloġija ġdida, u li jkunu involuti permezz ta' djalogu trasparenti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet assoċjati ma' dan il-qasam. Għal dan il-għan għandhom jiġu żviluppati proċeduri xierqa.

4.16

Fl-aħħar ta' din is-sezzjoni, il-Kumitat jixtieq isejjaħ għal miżura preventiva oħra. Din hija relatata mal-possibbiltà li jaf jerġa' jkun hemm bżonn tas-CO2 fil-futur jew f'applikazzjonijiet li għadhom mhumiex previsti bħala sustanza kimika bażika jew bħala varjant f'ċikli klimatiċi “naturali” fil-perijodu fit-tul (14). Bħala miżura ta' prevenzjoni addizzjonali, sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità fit-tul, il-KESE jirrakkomanda li waqt li l-ħżin tas-CO2 għandu jkompli, għandha tiġi wkoll ikkunsidrata l-possibilità ta' emissjoni (mill-inqas parzjali) mill-ġdid tas-CO2 fil-qafas tal-pjanijiet għall-għeluq ta' sit partikulari, jew li tkun meħtieġa dokumentazzjoni dwar l-għażliet potenzjali għal emissjoni mill-ġdid minn kumplessi tal-ħżin partikulari. Naturalment, il-prijorità għandha tkun li s-siti tal-ħżin ikunu kemm jista' jkun sikuri u li ma jkunx hemm riskju ta' tnixxija.

4.17

B'mod ġenerali, il-KESE jilqa' d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni u fit-taqsima li ġejja jispjega l-fehmiet tiegħu dwar numru ta' punti individwali mħaddna fil-proposta.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-proposta fiha d-dispożizzjonijiet fundamentali li huma neċessarji sabiex l-operaturi ta' l-impjanti tas-CCS ikollhom il-qafas legali meħtieġ, għalkemm f'numru żgħir ta' każijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

5.2

Madankollu xi punti jeħtieġu kjarifika sabiex id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu implimentati u sabiex ikun hemm ċertezza legali.

5.3

Skond il-proposta tal-Kummissjoni, is-CO2 separat u maħżun għandu jiġi kklasifikat bħala “mhux emess” taħt l-iskema għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet (Emissions Trading Scheme jew ETS); konsegwentement, l-ebda kwoti tas-CO2 m'għandhom jiġu mogħtija lura f'dan il-każ (ara l-premessa 23 li tirreferi għad-Direttiva 2003/87/KE). Minn dan jirriżulta li anke jekk għadu mhux adegwat fil-fażi ta' demostrazzjoni, hemm inċentiv utli bbażat fuq is-suq għall-investimenti f'impjanti tas-CCS.

5.3.1

Għalhekk il-KESE jilqa' l-inklużjoni proposta ta' dawn il-miżuri fl-ETS; għax inċentiv ibbażat fuq is-suq ikun preferut minn CCS obbligatorji, partikolarment fil-fażi ta' żvilupp attwali tat-teknoloġija tas-CCS fejn tali obbligu tas-CCS ikun prematur.

5.3.2

Madankollu, huwa tajjeb li impjanti ta' l-enerġija ġodda jkunu obbligati jipprovdu l-ispazju meħtieġ għall-impjanti tal-qbid u l-kompressjoni tas-CO2 (l-Artikolu 32, emenda ta' l-Artikolu 9a fid-Direttiva 2001/80/KE). Iżda dawn il-miżuri bażiċi li jżidu l-ispejjeż għandhom ikunu konnessi ma' inċentivi korrispondenti tas-suq ekonomiku (15). (eż. Kwoti tas-CO2 vantaġġjużi jew l-użu ta' parti mid-dħul mis-sistema ta' l-ETS għas-CCS).

5.4

Sabiex jiġi evitat li l-possibiltajiet ta' ħżin ikunu limitati bla bżonn, il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(3) tal-proposta tal-Kummissjoni m'għandhiex tikkonċerna “il-ħżin tas-CO2 f'formazzjonijiet ġeoloġiċi”, iżda “s-sit tal-ħżin”. Formazzjonijet ġeoloġiċi skond id-definizzjoni fl-Artikolu 3(4) jistgħu jestendu faċilment għal żoni definiti fl-Artikolu 2(1), filwaqt li d-dimensjoni ta' siti ta' ħżin fil-konfront ta' dawn hija iżgħar. Tista' tiġi inkluża klawsola li tipprovdi għal għażliet addizzjonali ta' ħżin permezz ta' ftehimiet kuntrattwali affidabbli ma' pajjiżi barra mill-UE.

5.5

Id-definizzjoni “sit tal-ħżin” skond l-Artikolu 3(3), għandha tirreferi biss għal dik il-parti tal-“formazzjoni ġeoloġika speċjali” li “tintuża għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2”. (Formazzjoni ġeoloġika tista' tkopri miljuni ta' kilometri kwadri, u għalhekk parti minnha biss tista' tiġi identifikata bħala sit tal-ħżin). Huwa possibbli, saħansitra probabbli, li bosta siti tal-ħżin ikunu jinsabu f'formazzjoni ġeoloġika speċifika.

5.6

Skond l-Artikolu 4(1) tal-proposta, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jallokaw siti tal-ħżin adattati. Hawn għandu jiġi stipulat b'mod ċar li s-siti li fil-prinċipju huma adattati għall-ħżin tas-CO2 għandhom jiġu allokati mill-Istati Membri, sakemm ma jkunx hemm xi raġunijiet gravi li jopponu dan.

5.7

Il-KESE jilqa' l-fatt li fid-dispożizzjonijiet proposti tkun mitluba sigurtà massima. Dan huwa essenzjali kemm għall-protezzjoni tal-bniedem, l-ambjent u l-klima (16), kif ukoll sabiex tkun żgurata l-integrità ta' l-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet.

5.7.1

L-għan għandu jintlaħaq permezz ta' sistema avvanzata ta' monitoraġġ. Dan ir-rekwiżit għandu jkun ikkunsidrat waqt il-ħruġ ta' permessi min-naħa ta' l-Istati Membri (17).

5.7.2

Is-sistemi ta' monitoraġġ jesiġu u għandhom jiżguraw ukoll li l-proċess fis-sit proprju tal-ħżin ikun jinftiehem u jiġi mudellat bl-ikbar preċiżjoni possibbli (il-kejl li jsir fil-wiċċ jew ħdejn il-wiċċ ma jagħtix biżżejjed informazzjoni dwar dan). Għal din ir-raġuni, il-mudelli li jintużaw għandhom jiġu ttestjati, jekk ikun possibbli, jew iċċertifikati bl-użu ta' żewġ sistemi indipendenti ta' simulazzjoni u mudellar.

5.7.3

It-terminu “tnixxija” għandu jiġi definit hekk: “Kwalunkwe rilaxx ta' CO2 mill-kumpless tal-ħżin, li jkun verifikat permezz ta' sistema ta' monitoraġġ skond l-aħjar grad ta' teknoloġija”. Konsistenza assoluta (jiġfieri 100 %) li ma tippermettix tnixxija ma hijiex possibbli u lanqas ma tista' tiġi pprovata minħabba t-tnixxija naturali tas-CO2 mill-art. Barra minn hekk, din il-konsistenza assoluta m' hijiex neċessarja għas-sikurezza u l-ħarsien tal-klima (18). Din id-definizzjoni, msejsa fuq teknoloġija mill-iktar reċenti disponibbli bħalissa, għandha tiżgura sistemi ta' monitoraġġ iktar preċiżi, li għandhom jibbenefikaw wkoll mill-iżvilupp tas-CCS, u b'hekk issir kontribuzzjoni li tiżviluppa b'mod dinamiku lejn iktar titjib fis-sikurezza.

5.7.4

Jekk isir pjan matul l-operazzjonijiet ta' kuljum li jiġu stabbiliti livelli massimi ta' tnixxija permessi, il-livell magħżul jista' jkun wieħed fejn m'hemmx periklu għas-sikurezza jew il-klima, u għalhekk livell li m'huwiex rilevanti għall-kwoti ta' emissjonijiet, per eżempju ħruġ ta' 0.1 %/100a.

5.8

Il-perijodu ta' validità tal-permessi għall-esplorazzjoni propost mill-Kummissjoni fl-Artikolu 5(3) huwa qasir wisq. L-esperjenza turi li anke fil-każ ta' ċirkostanzi mill-aqwa, huma meħtieġa ta' l-anqas erba' snin sabiex ikun implementat il-programm ta' ħidma ta' l-esplorazzjoni. Bl-ebda mod m'għandu jiġri li xi esplorazzjoni jkollha titwaqqaf għax ikun skada l-perijodu preskritt, inkluża l-estensjoni, anke meta jkun għad jonqos biss ftit data x'tinġabar. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli flessibbli, li jqisu l-kondizzjonijiet lokali fuq il-post, imma li fl-istess ħin jesiġu mill-operaturi li jkomplu jaħdmu skond kif stipulat fil-programm ta' esplorazzjoni, sabiex jiġi evitat li siti tal-ħżin potenzjali jiġu bblokkati minħabba dewmien fl-esplorazzjoni.

5.9

L-esplorazzjoni ta' siti tal-ħżin potenzjali titlob l-għarfien espert, persunal ikkwalifikat, ħin u flus, filwaqt li s-suċċess bl-ebda mod ma jkun garantit. Għaldaqstant jintilef inċentiv deċiżiv favur l-esplorazzjoni, jekk dan l-impenn għall-intrapriżi ma jintrabatx ma' talba minn qabel għall-użu tas-siti tal-ħżin. Għalhekk id-dispożizzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fl-Artikolu 5(4) għandhom jiġu appoġġjati mill-għoti ta' l-ewwel dritt għall-aċċess għall-ħżin, per eżempju b'sentenza (li qed tiġi diskussa bħalissa): “Wara dan iż-żmien, il-permess għall-esplorazzjoni tas-CO2 jew jinbidel f'permess għall-ħżin tas-CO2 jew jiġi rtirat għaż-żona kollha koperta”.

5.10

Il-Kumissjoni tipproponi, kif inhu xieraq, li jitfassal pjan ta' miżuri korrettivi. Madankollu dan il-pjan (l-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 16(1)) għandu jiġi applikat biss b'konformità mal-bidliet meħtieġa għad-definizzjoni tat-terminu “tnixxija” (l-Artikolu 3(5)).

5.11

L-Artikoli 6 sa 9 tal-proposta jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjonijiet għal permessi tal-ħżin kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' dawn il-permessi u l-kontentut tagħhom. Minn dawn id-dispożizzjonijiet joħroġ biċ-ċar li numru ta' operaturi jistgħu jkunu qed jaħdmu f'formazzjoni ġeoloġika waħda.

5.11.1

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa' l-idea li l-aċċess għandu jkun ħieles minn kull diskriminazzjoni. Madankollu jirriżulta li hemm kwistjonijiet diffiċli relatati mad-delimitazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà għal ħruġ u t-trasferiment ta' responsabbiltà lejn l-Istat.

5.11.2

Għal din ir-raġuni għandha tapplika regola li f'kumpless tal-ħżin operatur tal-ħżin wieħed biss jista' jirċievi permess. B'hekk tkun assigurata allokazzjoni ta' responsabbiltà li hija ċara biżżejjed. L-Artikolu 20 jista' jassigura wkoll li l-aċċess għas-siti tal-ħżin ikun ħieles minn kull diskriminazzjoni.

5.12

Skond il-proposta tal-Kummissjoni awtorità nazzjonali għandha tgħarraf lill-Kummissjoni qabel ma tagħti l-permessi (l-Artikolu 10 u l-Artikolu 18) u wara tistenna l-opinjoni tal-Kummissjoni għal perijodu ta' mhux iktar minn sitt xhur. Din l-opinjoni tal-Kummissjoni għandha mbagħad tkun ikkunsidrata meta jingħata permess jew, fejn applikabbli, f'każ ta' bidla mill-opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-bidla.

5.12.1

Id-dispożizzjonijiet proposti jwasslu għal dewmien u iktar burokrazija. Barra minn hekk, ma jirrispettawx il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

5.12.2

Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li dawn id-dispożizzjonijiet tar-regolament jiġu emendati b'tali mod li jiżguraw uniformità suffiċjenti fil-proċedura nazzjonali, waqt li jiġi evitat dewmien mhux neċessarju u tiġi żgurata konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għal dan il-għan, approċċ wieħed possibbli għandu jkun li l-proċess ta' l-għoti tal-liċenzji jinbidel f'obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali biex jgħarrfu lill-Kummissjoni. F'każ ta' ksur il-Kummissjoni tista' tuża l-istrument li diġà ta prova ta' l-effettività tiegħu ta' proċedura dwar ksur skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE. It-test ta' l-Artikolu 10 jista' jkun kif ġej: “L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni finali tagħha dwar il-permessi tal-ħżin, għall-finijiet tal-verifika”.

5.13

Il-KESE jaħseb li l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġu strumenti effettivi kif ukoll monitoraġġ regolari sabiex kull darba tkun garantita s-sikurezza tas-siti tal-ħżin il-ħin kollu. Il-KESE jiddubita madankollu jekk din il-mira titmexxa 'l-quddiem bil-proposta tal-Kummissjoni għal evalwazzjoni addizzjonali tal-permessi tal-ħżin darba kull ħames snin. Din id-dispożizzjoni ma ssaħħaħx is-sikurezza iżda tista' toħloq burokrazija addizzjonali li taffettwa l-partijiet involuti kollha.

5.14

Fl-Artikolu 18 tad-Direttiva proposta hemm rikjesti stretti fir-rigward tat-trasferiment tar-responsabbiltà għal siti tal-ħżin fuq l-Istat Membri rispettiv. Il-KESE jilqa' dawn id-dispożizzjonijiet, u jemmen li huma l-aħjar azzjoni.

5.14.1

L-Artikolu 18(1) tal-proposta jitlob, madankollu, għall-evidenza kollha disponibbli li tindika li s-CO2 maħżun jinżamm “miġbur kompletament” għal żmien indefinit. Madankollu, konsistenza assoluta ma tistax tkun assigurata, u għaldaqstant, m'għandhiex tiġi mitluba. F'dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jirreferi għall-kummenti tiegħu fil-punti 5.7.3 u 5.7.4.

5.14.2

Sabiex ma jinħoloq l-ebda ostaklu insuperabbli għat-trasferiment tar-responsabbiltà, it-test għandu jkun kif ġej: “… l-evidenza kollha disponibbli tindika li s-CO2 maħżun se jkun miġbur kompletament għall-futur indefinit” (19). (B'konformità mad-definizzjoni li hemm referenza għaliha fil-punt 5.7.3 hawn fuq).

5.15

Skond il-proposta tal-Kummissjoni huwa meħtieġ li l-intrapriża tipprovdi sigurtà finanzjarja meta tiżviluppa siti tal-ħżin u tiftaħ operazzjonijiet (l-Artikolu 19). Il-KESE jappoġġja din id-dispożizzjoni u jilqa' l-fatt li r-responsabbiltà għall-għażla tat-tip ta' sigurtà finanzjarja għandha titħalla lill-Istati Membri.

5.15.1

Fil-fehma tal-KESE, m'huwiex xieraq li s-sigurtà inkwistjoni tingħata kollha kemm hi qabel ma titressaq l-applikazzjoni għall-permess tal-ħżin. Minflok, il-ħlas tas-sigurtà finanzjarja fil-prinċipju għandu jkun adattat għas-sigurtà meħtieġa f'dak l-istadju partikolari tal-proġett. Jekk dan ma jsirx, l-inċentiv finanzjarju biex il-kumpaniji jinvestu f'din it-teknoloġija ġdida, li fi kwalunkwe każ diġà ma kienx biżżejjed, ser ikun dejjem inqas.

5.15.2

F'każ ta' tnixxija li tista' taffettwa l-bidla fil-klima, kwoti ta' emissjonijiet addizzjonali ser ikollhom jinxtraw sussegwentement. Meta wieħed jikkunsidra l-investigazzjonijiet estensivi li jsiru qabel ma jingħataw il-permessi tal-ħżin, m'huwiex mistenni li jiġru każijiet ta' tnixxija bħal dawn. Għalhekk għandu jkun biżżejjed bħala sigurtà finanzjarja li tingħata evidenza ta' assi suffiċjenti li huma aċċessibbli anke fil-każ li l-operaturi tas-sit tal-ħżin ifallu. Meta wieħed iqis il-probabbiltà, remota kemm hi remota, li jkun hemm ħruġ, li jintalab iktar minn hekk ifisser li piż mhux proporzjonat jintefa' fuq spallejn il-kapaċità ta' investiment tal-kumpaniji.

5.16

Uħud mill-proċeduri mitluba fl-Anness I għall-karatterizzazzjoni u l-evalwazzjoni ta' siti tal-ħżin għadhom fl-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex tkun żgurata l-ġestjonabilità ta' dawn il-proċedura fil-prattika, ir-rekwiżiti ta' dokumentazzjoni għandhom jagħmlu referenza għal teknoloġija mill-iktar avvanzata (state-of-the-art).

5.17

Fl-Anness I u fl-evalwazzjoni tar-riskju ta' siti potenzjali tal-ħżin, il-kunċett ta' bijosferi għandu jiġi kkjarifikat. Il-bijosferi fejn l-ebda impatt negattiv ma jkun permess għandhom jinkludu mhux biss bijosferi fuq wiċċ id-dinja iżda wkoll dawk fil-livell tal-blat li jżomm l-ilma għax-xorb.

5.18

Għandhom jingħataw dettalji dwar il-membri u l-metodi ta' ħidma tal-grupp ta' esperti responsabbli għar-reviżjoni li għaddejja bħalissa ta' l-Anness.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  CESE 1201/2008, CESE 1202/2008, CESE 1203/2008, 9.7.2008, għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  COM (2008) 13 finali

(3)  CCS: Carbon Capture and Storage (Il-Qbid u l-Ħżin tad-Dijossidu tal-Karbonju). Fit-TEN/340 — CESE 562/2008 huwa propost li tintuża t-taqsira CCTS: Carbon Capture, Transport and Storage (Il-Qbid, it-Trasport u l-Ħżin tad-Dijossidu tal-Karbonju).

(4)  Eż. ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72.

(5)  Ara CESE 1199/2008, 9.7.2008, għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara, per eżempju, CESE 643/2005 u iktar riċenti CESE 1246/2007. Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  Inizjalment, l-użu tas-CCS huwa previst l-iktar għall-produzzjoni ta' l-elettriku mill-karburanti fossili. Fl-UE, madwar 30 % ta' l-enerġija elettrika bħalissa toriġina mill-enerġija nukleari, bi prattikament l-ebda emissjonijiet ta' dijossidu tal-karbonju.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2007.

(9)  Il-biomassa għandha (biss) effett pożittiv fuq il-bilanċ ta' l-emissjoni tas-CO2, jekk l-ispejjeż ta' l-enerġija għall-proċessi ta' produzzjoni, trasport u proċessar ma jaqbżux il-profitt ta' l-enerġija mmirata. Sakemm impjant ta' l-enerġija tal-biomassa jkun fornut bis-CCS, teżisti l-possibbiltà skond Artikolu 24 a) tad-Direttiva li l-impjant ta' l-enerġija jkun promoss.

(10)  Jiġifieri f'dawk l-Istati Membri li ddeċidew li ma jipproduċux aktar enerġija nukleari.

(11)  Ara wkoll CESE 1246/2007. Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  F'każ bħal dan ikun hemm riskju ukoll għal dawk il-persuni li jgħixu fil-qrib: id-differenza bejn is-CO u s-CO2 hi li dan ta' l-aħħar m'huwiex tossiku u ma jipperikolax il-ħajja tal-bnedmin sakemm ma jilħaqx konċentrazzjoni ta' 'l fuq minn 8 % (il-medja attwali ta' CO2 fl-arja hija ta madwar 380 ppm (ppm: parts per million)).

(13)  Bil-kontra ta' l-enerġija ġeotermika.

(14)  Kampjuni meħudin, permezz tat-tħaffir, mis-silġ, jipprovdu evidenza marbuta ma' l-iżvilupp tal-klima dinjija f'dawn l-aħħar 600 000 sena. Din l-evidenza turi li fil-passat kien hemm sensiela ta' perijodi pjuttost sħan u Eri Glaċjali li alternaw bejn wieħed u ieħor kull 100 000 sena, b'varjazzjoni fit-temperatura, flimkien ma' bidliet relatati fil-livelli tas-CO2 fl-atmosfera. Meta wieħed iqis li bħalissa qegħdin f'perijodu ta' sħana, bit-temperaturi fil-quċċata taċ-ċiklu, u li l-aħħar perijodu ta' sħana spiċċa 100 000 sena ilu, huwa mistenni li nerġgħu naraw tnaqqis gradwali fit-temperaturi dinjija u fil-livelli ta' CO2 fil-ġejjieni, sakemm l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li hemm bħalissa minħabba l-attività tal-bniedem ma jkollhomx l-effett kuntrarju.

(15)  F'dan il-kuntest ara r-rakkomandazzjonijiet ġenerali stipulati fil-punt 3.3 ta' ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72.

(16)  Ta' sikwit anke rekwiżit tas-Saħħa, is-Sigurtà u l-Ambjent (Health, Security, Environment jew HSE).

(17)  Ara wkoll l-Artikolu 13(2) u l-Anness II tad-direttiva proposta.

(18)  F'każ kuntrarju, kien ikun hemm bżonn ta' ċertifikati ta' l-emissjonijiet (ETS).

(19)  Il-Kumitat jixtieq jagħmel l-osservazzjoni li hawnhekk, it-terminu “indefinit” użat fil-proposta tal-Kummissjoni huwa kontradittorju u żbaljat.


Top