EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0134

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha

OJ C 325, 19.12.2008, p. 87–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/87


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha

(2008/C 325/15)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrievoka l-konvinzjoni tiegħu li viċinat prosperu u sikur jista' jinkiseb biss permezz ta' kooperazzjoni effiċjenti fil-livell lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar post sabiex jidentifikaw u jindirizzaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini u jipprovdu servizzi adegwati;

jenfasizza l-bżonn għat-twaqqif ta' forums reġjonali tal-awtoritajiet sotto-nazzjonali, b'konformità mal-approċċ reġjonali tal-PEV (dimensjoni Mediterranja, dimensjoni tat-Tramuntana, dimensjoni Atlantika u dimensjoni tal-Baħar l-Iswed) u għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u deċentralizzata;

jilqa' l-proposta mressqa fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fis-26 ta' Mejju 2008 sabiex jiġu stabbiliti rabtiet stretti mal-pajjiżi ġirien tal-UE fil-Lvant preċiżament l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna;

jilqa' t-tnedija mill-ġdid tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u jenfasizza l-importanza li tingħata dimensjoni territorjali u li jiġi appoġġjat id-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE u tal-imsieħba tal-PEV fin-Nofsinhar tal-Mediterran;

jilqa' l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) li beda jaħdem fl-2007, u b'mod speċjali d-dimensjoni transkonfinali tiegħu, li tippermetti kooperazzjoni ma' reġjuni li għandhom il-konfini mal-UE (iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-ENPI);

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex toħloq fond tematiku ġdid fil-Baġit tal-UE (apparti l-Fondi Ewropej ta' Integrazzjoni) għall-għajnuna lill-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri tal-UE b'influss partikularment għoli ta' migranti minn pajjiżi terzi sabiex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi attwali li l-popolazzjoni migranti tpoġġi fuq is-servizzi lokali.

Rapporteur

:

Il-Kunsilliera Sharon TAYLOR (UK/PSE) Membru tal-Kunsill tad-Distrett ta' Stevenage

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha

(COM(2007) 774 finali)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Djalogu politiku u riformi ta' deċentralizzazzjoni

1.

jirrievoka l-konvinzjoni tiegħu li viċinat prosperu u sikur jista' jinkiseb biss permezz ta' kooperazzjoni effiċjenti fil-livell lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar post sabiex jidentifikaw u jindirizzaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini u jipprovdu servizzi adegwati;

2.

jistieden lill-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) sabiex imexxu l-elezzjonijiet b'mod ġust u jxerrdu din il-prattika, kif ukoll jilqgħu l-osservaturi internazzjonali ħalli jsegwu l-elezzjonijiet tagħhom bil-għan li tiżdied it-trasparenza tal-proċess elettorali u konsegwentement jitjieb il-livell ta' kunfidenza taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi;

3.

isejjaħ għal promozzjoni usa' tal-kuxjenza pubblika tal-PEV fost iċ-ċittadini kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi tal-PEV, bl-akbar parteċipazzjoni possibbli tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, permezz ta' programmi u miżuri speċifiċi;

4.

jenfasizza l-bżonn għat-twaqqif ta' forums reġjonali tal-awtoritajiet sotto-nazzjonali, b'konformità mal-approċċ reġjonali tal-PEV (dimensjoni Mediterranja, dimensjoni tat-Tramuntana, dimensjoni Atlantika u dimensjoni tal-Baħar l-Iswed) u għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u deċentralizzata u t-tisħiħ tal-programmi tas-sħubija u l-iżvilupp permezz ta' miżuri integrati fir-reġjuni rispettivi. Ir-rappreżentanti tal-KtR għandhom jiġu inklużi fil-ħidma ta' kull Forum;

5.

jilqa' l-proposta konġunta Svediża-Pollakka għall-“Isħubija tal-Lvant” għall-Kunsill Ewropew;

6.

jixtieq ikun assoċjat mal-KE fil-proċess tat-tħejjija u l-evalwazzjoni tal-programmi ENPI (Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija) sabiex tiġi promossa integrazzjoni aħjar ta' dawk il-kwistjonijiet li jirrigwardjaw id-dimensjoni territorjali fil-qafas ta' tħaddim tal-ENPI;

7.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja aktar programmi li jaħdmu għall-iżvilupp u l-appoġġ tal-mezzi tax-xandir ħielsa u professjonali fil-pajjiżi tal-PEV;

8.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tenfasizza aktar l-iżvilupp ekonomiku lokali fil-Pjanijiet ta' Azzjoni relatati ma' kull pajjiż u talloka fondi adegwati permezz tal-ENPI;

9.

jenfasizza li l-Kumitati ta' Monitoraġġ tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali huma mekkaniżmu importanti ta' konsultazzjoni sabiex jiġu solvuti kwalunkwe diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu minħabba modalitajiet ta' tħaddim inkluż il-ġestjoni tal-fondi;

10.

jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba sabiex jaħdmu għat-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà kif ukoll lejn il-ħolqien ta' kapaċità amministrattiva adegwata u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja b'mod strett il-livell globali tal-korruzzjoni u tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni f'dawk il-pajjiżi msieħba fejn il-korruzzjoni għadha tirrappreżenta theddida għall-progress tad-demokrazija, trasparenza u responsabbiltà u jħeġġiġha wkoll tikkunsidra l-iżvilupp li sar f'dawn l-oqsma meta tiġi biex tagħti l-għajnuna;

11.

jistieden lill-gvernijiet ta' Iżrael, tal-Ġeorġja, tat-Tuneżija u tal-Ukrajna sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni u jingħaqdu mal-bqija tal-pajjiżi tal-PEV li diġà għamlu dan;

12.

jilqa' l-ftuħ ta' uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f'Minsk, fil-Belarus, u jispera li dak l-uffiċċju jkun jista' jaħdem għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u għad-demokrazija lokali u reġjonali kif ukoll iqajjem aktar kuxjenza fil-pubbliku ġenerali dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-valuri komuni;

13.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex malajr kemm jista' jkun tipprovdi appoġġ aktar effettiv għas-soċjetà ċivili fil-Belarus, għall-midja indipendenti u professjonali kif ukoll għall-partiti politiċi impenjati fid-demokrazija u r-riformi;

14.

ifakkar li wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-PEV huwa li tibqa' distinta mill-proċess u mill-politika tat-tkabbir tal-UE kif ukoll mill-kwistjoni tas-sħubija tal-UE. Madankollu, dan m'għandux jippreġudika kwalunkwe possibbiltà ta' żviluppi futuri mal-pajjiżi msieħba u l-UE;

15.

jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex toffri l-possibbiltà ta' perspettiva Ewropea lill-Ukrajna u lill-Moldova fil-ftehimiet ġodda li ser jissostitwixxu l-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni li spiċċaw wara għaxar snin;

16.

jilqa' l-proposta mressqa fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fis-26 ta' Mejju 2008 sabiex jiġu stabbiliti rabtiet stretti mal-pajjiżi ġirien tal-UE fil-Lvant preċiżament l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna;

17.

jirrikonoxxi l-isforzi tal-Presidenza Franċiża li terġa' tibda d-djalogu u l-kooperazzjoni multilaterali mal-pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran, u b'hekk tgħin fit-tisħiħ tal-Proċess ta' Barċellona;

18.

jilqa' l-ħidma kontinwa dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni adottati peress li dawn jirrappreżentaw għodod eċċellenti għall-istimolu tar-riformi interni tal-pajjiżi, u jħeġġeġ lill-UE sabiex taħdem fuq l-abbozzar ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-bqija tal-pajjiżi l-oħra;

19.

jilqa' l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni li daħlu fis-seħħ fil-bidu tal-2005 u jitlob għall-iżvilupp ta' ftehimiet imsaħħa mal-Moldova u l-Iżrael;

20.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkludi lill-membri tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-PEV, fejn possibbli, fil-proċess ta' monitoraġġ tal-progress tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV sabiex tinkiseb evalwazzjoni diretta u imparzjali ta' ċerti aspetti ta' implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni individwali;

21.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri fil-proċess ta' monitoraġġ tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-pajjiżi individwali;

22.

jirrakkomanda sabiex il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni transkonfinali kemm fit-Tramuntana u l-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar ikunu definit sew sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u sabiex issir ħidma aktar effettiva lejn l-objettivi stabbiliti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati;

23.

jafferma mill-ġdid li hemm bżonn ta' aktar appoġġ tekniku u politiku sabiex tiġi assigurata kooperazzjoni transkonfinali u internazzjonali kontinwa bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien mal-fruntiera;

24.

jilqa' l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) li beda jaħdem fl-2007, u b'mod speċjali d-dimensjoni transkonfinali tiegħu, li tippermetti kooperazzjoni ma' reġjuni li għandhom il-konfini mal-UE (iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-ENPI);

25.

jilqa' t-tnedija tal-proċess ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali previsti mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u huwa lest li jieħu sehem fis-segwitu ta' dawn il-programmi. Isejjaħ lill-Kummissjoni u lill-partijiet parteċipanti sabiex jassiguraw li l-programmi kollha ta' kooperazzjoni transkonfinali jiġu ffinalizzati u adottati fil-ħin. Jenfasizza l-bżonn li jiġi assigurat li r-riżorsi kollha previsti għall-kooperazzjoni transkonfinali taħt il-PEV jiġu utilizzati, u jiġu distribwiti mill-ġdid, jekk hemm bżonn, fost programmi li diġà qegħdin jiffunzjonaw fir-reġjun viċin;

26.

jilqa' ż-żjieda fir-riżorsi allokati għall-kooperazzjoni transkonfinali fuq il-fruntieri esterni tal-UE għall-perijodu 2007-2013. Madankollu jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fil-qafas tal-politika l-ġdida ta' koeżjoni tal-UE, tkompli żżid il-fondi tal-INTERREG wara l-2013 għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u l-pajjiżi tal-PEV sabiex jiġu solvuti problemi speċifiċi komuni għar-reġjuni li jagħmlu parti minnhom dawn il-pajjiżi;

27.

jitlob lill-Istati Membri u lill-pajjiżi parteċipanti sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti TAIEX u ta' ġemellaġġ sabiex jiġu pprovduti politika u/jew parir legali mmirati lill-awtoritajiet legali u reġjonali tal-pajjiżi tal-PEV fil-kuntest tal-approssimazzjoni leġiżlattiva għall-acquis communautaire;

28.

jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għar-reġjun Ewropew emerġenti tal-Baħar l-Iswed, li għandu l-għan li jippromovi l-kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bejn il-pajjiżi tal-baċir tal-Baħar l-Iswed u b'hekk ikunu appoġġjati l-istabbilità demokratika, il-gvernanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli;

29.

jilqa' b'mod pożittiv l-opportunitajiet eżistenti ta' finanzjament tal-UE tat-tip tematiku, li fihom il-pajjiżi tal-PEV jistgħu jkunu diġà involuti, bħal pereżempju l-Programm Qafas 7 u DAPHNE;

30.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein) sabiex jużaw l-esperjenza sinjifikanti tagħhom fit-twaqqif ta' istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiżi tat-tkabbir u jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-PEV sabiex iżidu l-kapaċitajiet demokratiċi tagħhom u jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom;

31.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-isforzi individwali u kollettivi fl-appoġġ tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-PEV bl-iskop li tiġi evitata l-ħidma doppja u jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-programmi futuri;

32.

jilqa' l-kontinwazzjoni ta' Tempus, Erasmus Mundus u programmi oħrajn għall-kooperazzjoni akkademika fil-perijodu 2007-2010 peress li dawn joffru lill-istudenti mill-pajjiżi tal-PEV opportunità ta' studju;

33.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja kooperazzjoni usa' bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u ċ-ċentri ta' riflessjoni fil-pajjiżi tal-PEV u fl-Istati Membri għax jipprovdu forum għal diskussjoni dwar kwistjonijiet li jistgħu jkunu sensittivi għall-gvernijiet tagħhom;

34.

jinnota li biż-żjieda fil-mobilità u l-użu tat-trasport, il-produzzjoni tas-CO2 u tal-gassijiet b'effett ta' serra ser tiżdied u jistieden lill-pajjiżi tal-PEV sabiex jikkunsidraw il-politiki ambjentali bħala fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-PEV għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-iżvilupp tal-komunikazzjoni u ppjanar li jikkunsidraw il-kwistjonijiet tal-bidla fil-klima. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri tal-UE għandhom jilqgħu djalogu miż-żewġ naħat dwar dawn il-kwistjonijiet;

35.

jilqa' t-tnedija mill-ġdid tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u jenfasizza l-importanza li tingħata dimensjoni territorjali u li jiġi appoġġjat id-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE u tal-imsieħba tal-PEV fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Jikkunsidra li, bħala għodda li tappoġġja dan il-proċess, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija għandu jiġi adattat għall-proċess rinnovat ta' Barċellona;

36.

isejjaħ għall-iżvilupp ta' forums tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE u tal-imsieħba tal-PEV għad-dimensjoni orjentali;

37.

ifakkar l-appoġġ mogħti fid-Dikjarazzjoni Politika dwar Il-kooperazzjoni transkonfinali fir-Reġjuni tat-Tramuntana tal-Ewropa (COR 313/2006 — mhux disponibbli bil-Malti) għall-inizjattiva tal-Parlament Ewropew li jorganizza forum parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u jirrepeti l-proposta li jitwaqqaf korp permanenti adegwat sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' importanza lokali u reġjonali fil-politika tad-Dimensjoni tat-Tramunata;

38.

jilqa' l-fatt li fil-kuntest tal-PEV il-Kummissjoni Ewropea tat l-importanza adegwata lit-tkabbir tal-kurituri tat-trasport f'pajjiżi ġirien tal-UE. Sabiex l-aspetti ekonomiċi tal-PEV jiżviluppaw huwa importanti ferm li jkun hemm sistema tat-trasport integrata u sostenibbli;

Mobilità u migrazzjoni

39.

jerġa' jtenni li l-mobilità u l-kuntatti bejn il-persuni qegħdin isaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi tal-PEV li jibbenefikaw mill-integrazzjoni ekonomika, filwaqt li l-progress fil-qasam tal-fehim reċiproku ser ikunu estremament diffiċli mingħajr ma jiżdiedu l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-PEV sabiex jivvjaġġaw fl-UE;

40.

jilqa' l-possibbiltà għal aktar skambji bejn l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi għat-tkabbir u l-pajjiżi tal-PEV tal-apprendisti u uffiċjali ssekondati mill-gvern lokali u reġjonali;

41.

iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-proċess ta' ħruġ ta' viżi sabiex tiżdied il-mobilità taċ-ċittadini. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-istudenti, lill-iskambji kulturali u akkademiċi u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Il-promozzjoni tal-kuntatti bejn il-persuni ser titjieb jekk jitnaqqsu l-ispejjeż tal-viżi u jiġi ffaċilitat il-proċess;

42.

jistieden lill-Istati Member tal-UE sabiex itejbu l-effikaċja tas-servizzi konsulari fil-pajjiżi tal-PEV u jħeġġu t-twaqqif ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni tal-viża Schengen fil-pajjiżi;

43.

jilqa' b'mod favorevoli l-konklużjoni tal-ftehimiet tal-faċilitazzjoni tal-viżi u ta' rijammissjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tuża l-esperjenza tagħha mal-pajjżi li reċentement ingħaqdu mal-UE u tibda tinnegozja ftehimiet simili ma' pajjiżi oħra tal-PEV;

44.

jisħaq li l-mobilità tista' tiżviluppa biss f'ambjent sigur; fil-kuntest tas-sistema l-ġdida ta' Sħubija għall-Mobilità, dan jirrikjedi r-responsabbiltà konġunta tal-pajjiżi kollha sabiex jiġu solvuti sfidi riżultat tal-migrazzjoni. Għal dan il-għan jeħtieġ nobbligaw lill-imsieħba tal-PEV jaħdmu iktar għas-sigurtà u l-ġustizzja. Is-sistema l-ġdida għandha tinkludi miżuri sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni illegali u tipprovdi aktar opportunitajiet għal migrazzjoni legali mill-pajjiżi tal-PEV fl-UE;

45.

jerġa' jtenni t-twemmin tiegħu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem fir-rigward tal-ġestjoni tal-kwistjonijiet ikkawżati mill-migrazzjoni. Dan japplika għall-migrazzjoni illegali meta l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jiġġestixxu l-akkoljenza u jittrattaw il-konsegwenzi tal-impjieg illegali. Dan japplika wkoll għall-migrazzjoni legali meta l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-provvista tas-servizzi lokali;

46.

jirrikonoxxi l-kooperazzjoni bejn il-FRONTEX (1) u l-awtoritajiet lokali fil-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali u jitlob għal aktar kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri mal-fruntiera;

47.

isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet prattiċi sabiex tiġi rinfurzata l-ġestjoni tal-fruntieri marittimi esterni tan-Nofsinhar u titjieb il-kapaċità tal-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħha sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet kritiċi, bħall-influss bil-massa ta' immigranti illegali (2), bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-oriġini;

48.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex toħloq fond tematiku ġdid fil-Baġit tal-UE (apparti l-Fondi Ewropej ta' Integrazzjoni) għall-għajnuna lill-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri tal-UE b'influss partikularment għoli ta' migranti minn pajjiżi terzi sabiex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi attwali li l-popolazzjoni migranti tpoġġi fuq is-servizzi lokali;

49.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprevedi l-mezzi neċessarji li jippermettu lill-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti, li partikularment isofru minn migrazzjoni ta' forza tax-xogħol speċjalizzata, sabiex jiġu żviluppati opportunitajiet li jiġbdu nies speċjalizzati u edukati u jassiguraw l-iżvilupp ekonomiku u kulturali lokali;

50.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fil-qafas tal-politika l-ġdida ta' koeżjoni tal-UE, tkompli żżid il-fondi tal-INTERREG wara l-2013 għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-PEV sabiex jiġu solvuti problemi speċifiċi komuni għar-reġjuni li jagħmlu parti minnhom dawn il-pajjiżi;

51.

jistieden lill-Istati Membri tal-UE sabiex jużaw ir-“Regolamenti tat-Traffiku għall-Fruntieri Lokali” li jippermetti lill-Istati Membri tal-UE sabiex jikkonkludu ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi terzi ġirien u jitjiebu l-kuntatti transkonfinali. L-Istati Membri tal-UE għandhom iħaffu u jiffaċilitaw l-ipproċessar tal-viżi għall-applikanti li preċedentement issodisfaw il-ħtiġiet neċessarji għall-ksib tal-viża;

Id-drittjiet tal-bniedem u t-traffikar

52.

jinnota l-progress konsiderevoli fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija mit-tnedija tal-PEV u tal-programm tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u jħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-PEV sabiex ikomplu jħaddnu d-drittijiet universali tal-bniedem u l-prinċipji tad-demokrazija peress li dawn jikkostitwixxu l-valuri prinċipali tal-UE;

53.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli taħdem mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi tal-PEV sabiex jitjiebu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoritajiet, u d-drittijiet tan-nisa u t-tfal. Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-PEV sabiex ikunu aktar miftuħin għall-kontribuzzjonijiet mis-soċjetà ċivili;

54.

jilqa' l-miżuri li ttieħdu mill-pajjiżi kollha tal-PEV sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika u sabiex jiġu promossi drittijiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, iżda jinnota li għad hemm ħafna diskriminazzjoni kontra n-nisa u vjolenza domestika; għalhekk jitlob lill-pajjiżi parteċipanti sabiex iżidu l-isforzi fil-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa;

55.

jirrikonoxxi li t-traffikar tal-persuni bejn il-pajjiżi tal-PEV u l-Istati Membri għadu problema partikularment serja;

56.

jistieden lill-Gvern tal-Belarus sabiex jirratifika l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-protokolli rilevanti u jniedi djalogu kostruttiv mal-UE u parteċipazzjoni sħiħa fil-PEV;

57.

jerġa' jtenni l-importanza tad-djalogu soċjali u jistieden lill-Ġordan, lil-Lebanon u lill-Marokk sabiex jirratifikaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-innegozjar kollettiv;

58.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex il-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tkun prijorità fil-Politika tagħha tal-Viċinat, b'konformità mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipju ewlieni tal-UE;

59.

jindika li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jaqdu rwol importanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. Għalhekk jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-PEV, b'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali rispettivi, iħejju u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni u strateġiji lokali u reġjonali kontra t-traffikar f'kooperazzjoni stretta mal-gvernijiet ċentrali u l-Istati Membri l-oħra sabiex jiġi ostakolat it-traffikar u jiġu protetti l-vittmi;

60.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE sabiex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-PEV jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni li jistgħu jinkludu t-twaqqif ta' ċentru ta' riżorsi jew unità ta' appoġġ speċjalizzata fil-livell lokali u/jew reġjonali ddedikati għall-azzjoni kontra t-traffikar tal-bniedem, it-tnedija ta' kampanji għat-tqajjim ta' kuxjenza, l-organizzazzjoni ta' taħriġ speċjalizzat għall-pulizija u professjonijiet li jkollhom kuntatti mal-vittmi tat-traffikar, it-titjib fl-opportunitajiet edukattivi għan-nisa u t-tfal, eċċ.;

61.

jilqa' l-fatt li l-pajjiżi kollha tal-PEV iffirmaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transkonfinali u jistieden lill-gvernijiet ta' Iżrael, tal-Marokk u tal-Ġordan sabiex jiffirmaw u jirratifikaw l-ewwel u t-tieni protokolli li jikkonċernaw it-traffikar tal-persuni u l-kuntrabandu tal-migranti;

62.

japprova l-konklużjonijiet tal-presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Settembru dwar il-kunflitt fil-Ġeorġja u fl-istess ħin jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol kruċjali fit-trasformazzjoni tal-kunflitt u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitti. Isejjaħ lill-gvernijiet tal-Ġeorġja, tar-Russja u lill-awtoritajiet tal-Ossezja tan-Nofsinhar sabiex kemm jista' jkun malajr jieħdu l-passi neċessarji li jwasslu għar-ritorn sikur u sostenibbli tar-rifuġjati kollha u tal-persuni spostati wara l-gwerra fl-Ossezja tan-Nofsinhar;

Kunflitti reġjonali

63.

jerġa' jtenni li l-UE għandha interess dirett li taħdem mal-pajjiżi tal-PEV sabiex tikkontribwixxi ħalli jiġu solvuti dawk li jissejħu “kunflitti iffriżati” (3), peress li dawn jistgħu jdgħajfu s-sigurtà proprja tal-Ewropa permezz ta' eskalazzjoni reġjonali, flussi migratorji inkontrollabli, distruzzjoni fil-provvista tal-enerġija, eċċ.;

64.

jerġa' jtenni li l-PEV ser tiffaċċja diffikultajiet sabiex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha jekk ma jissolvewx il-kunflitti li jagħmlu l-kooperazzjoni reġjonali estremament diffiċli jew impossibbli. Huma l-persuni u l-komunitajiet lokali fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri li jbatu l-aktar mill-inkapaċità tal-gvernijiet ċentrali tagħhom li jimpenjaw ruħhom fi djalogu u jsolvu l-kunflitt b'mod kostruttiv;

65.

jitlob lill-UE sabiex tkun involuta b'mod aktar attiv ħalli jiġu solvuti l'hekk imsejħa “kunflitti ffriżati” permezz ta' appoġġ għal diversi programmi li jsaħħu l-kunfidenza, il-ġestjoni tal-kunflitt, il-kuntatti intrapersonali, id-“diplomazija tal-bliet”, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-territorji li nfirdu. L-UE għandha żżomm il-kwistjoni tal-kunflitti fuq l-aġenda matul il-laqgħat mal-istituzzjonijiet u l-pajjiżi internazzjonali rilevanti;

66.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja programmi għall-ġestjoni tal-fruntieri u miżuri li jsaħħu l-kunfidenza bejn il-komunitajiet lokali fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tar-reġjuni li nfirdu. Il-promozzjoni tal-konverġenza bejn is-sistemi politiċi, ekonomiċi u legali ser jippermettu inklużjoni soċjali aħjar u rijabilitazzjoni tal-infrastrutturi. Il-proġetti li jiġġeneraw id-dħul fil-livell lokali għandhom importanza partikulari;

67.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tapprofitta mill-esperjenza tal-proċessi reċenti ta' tkabbir tal-UE u li r-relazzjonijiet tajba mal-ġirien isiru prerekwiżit għal esplojtazzjoni sħiħa tal-benefiċċji u l-potenzjal tal-PEV. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi kkonċernati mill-“kunflitti ffriżati” sabiex jagħmlu sforzi ġodda u ġenwini sabiex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u reċiprokament aċċettabbli.

Brussell, id-9 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  FRONTEX (L-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġjar tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal- Istati Membri tal-Unjoni Ewropea) hija l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà fil-fruntieri esterni.

(2)  CdR 64/2007 finali.

(3)  Il-kunflitti fit-Transnistrija, l-Abkhazia, l-Ossezja tan-Nofsinhar, in-Nagorno-Karabakh, il-Lvant Nofsani u l-Punent tal-Afrika huma rriferuti bħala “kunflitti ffriżati”.


Top