EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0369

Kawża C-369/08: Rikors ippreżentat fit- 12 ta' Awissu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

OJ C 285, 8.11.2008, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 285/23


Rikors ippreżentat fit-12 ta' Awissu 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-369/08)

(2008/C 285/37)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u P. Dejmek, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tikkonstata li l-punt 2.1 tal-Anness VIIIb tal-Kodiċi Ġermaniż tar-reġistrazzjoni bil-għan ta' ċirkolazzjoni fit-triq (Strassenverkehrszulassungsordnung), jikser l-Artikolu 43 KE flimkien mal-Artikolu 48 KE, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 43(1) KE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment taċ-ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor huma pprojbiti. Mill-Artikolu 48 KE jirriżulta li l-kumpanniji mwaqqfin b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-bini prinċipali tagħhom fi ħdan il-Komunità, għandhom jiġu assimilati għall-persuni fiżiċi li huma ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat f'dak li jirrigwarda d-dritt ta' stabbiliment. Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet manifesti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew, fil-każ tal-kumpanniji, fuq il-bażi tal-Istat tas-sede tal-kumpannija, iżda wkoll il-forom moħbijin kollha ta' diskriminazzjoni li jwasslu għall-istess riżultat bl-applikazzjoni ta' kriterji distintivi oħrajn.

Skont il-punt 2.1 tal-Anness VIIIb tal-Kodiċi Ġermaniż tar-reġistrazzjoni bil-għan ta' ċirkolazzjoni fit-triq (Strassenverkehrszulassungsordnung), korp ta' kontroll jista' jiġi awtorizzat iwettaq kontrolli tekniċi jew kontrolli ta' sigurtà u jirċievi vetturi bil-mutur biss fil-każ li huwa magħmul minn mill-inqas 60 espert fil-vetturi bil-mutur, li huma indipendenti u li jeżerċitaw din l-attività b'mod prinċipali, bil-premessa li n-numru ta' inġiniera ta' kontroll ta' dan il-korp li għandhom is-sede tagħhom f'din iż-żona ta' awtorizzazzjoni għandu jkun ta' mill-inqas wieħed u ta' mhux iktar minn 30 għal kull 100 000 vettura bil-mutur u trejler awtorizzati.

Skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni illegali fuq il-libertà tal-istabbiliment, li hija inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE, jekk ikun il-każ flimkien mal-Artikolu 48 KE. Il-kundizzjoni li l-korp għandu jkun magħmul esklużivament minn numru minimu ta' esperti indipendenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom b'mod prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni kwalitattiva għaliex l-impriżi li jixtiequ jeżerċitaw l-attività in kwistjoni għandhom l-obbligu li jkollhom struttura speċifika. Din il-kundizzjoni timplika b'mod partikolari l-esklużjoni ta' esperti impjegati li ma jistgħux jagħmlu parti minn tali korp. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni kwantittativa għaliex hija tipprovdi għal numru minimu ta' membri għal dan il-korp ta' kontroll. Din il-kundizzjoni ta' awtorizzazzjoni tipprekludi lill-operaturi kollha li huma stabbiliti b'mod legali fi Stat Membru ieħor, li għandhom status ġuridiku ieħor jew stuttura interna oħra, milli joffru servizzi ta' kontroll tekniku fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni li n-numru minimu ta' inġiniera ta' kontroll li għandhom is-sede tagħhom fiż-żona ta' awtorizzazzjoni għandu jkun ta' wieħed għal kull 100 000 vettura bil-mutur jew trejler awtorizzati, tikkostitwixxi restrizzjoni li tikser l-Artikolu 43 KE (flimkien mal-Artikolu 48 KE) sa fejn dan il-kriterju jqiegħed fi żvantaġġ fl-ewwel lok lill-persuni ġuridiċi li huma diġà stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li l-inġiniera ta' kontroll tagħhom m'għandhomx neċessarjament is-sede tagħhom fiż-żona ta' awtorizzazzjoni.

F'dan il-każ, la l-Artikolu 45 KE u lanqas l-Artikolu 46 KE ma huma rilevanti.

Skont l-Artikolu 45 KE, huma esklużi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà tal-istabbiliment, f'dak li jikkonċerna l-Istat Membru interessat, l-attivitajiet li jagħmlu parti f'dan l-Istat, anki jekk b'mod okkażjonali, mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Il-kriterji tal-eżerċizzju dirett u speċifiku tal-awtorità pubblika fil-kuntest tal-attivitajiet tal-korpi ta' kontroll, b'mod partikolari t-twettiq ta' kontrolli tekniċi, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita mhumiex madankollu sodisfatti. La l-fatt li l-korpi ta' kontroll għandhom jiddeċiedu dwar l-għoti jew l-irtirar tal-pjanċi ta' kontroll, u lanqas is-sorveljanza ta' dawn il-korpi mill-Istat ma turi li huma jwettqu missjonijiet ta' setgħa pubblika. Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni finali ta' ċaħda tal-pjanċi ta' kontroll tista' tittieħed biss mill-awtorità kompetenti (jiġifieri l-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni) ta' kull Land u mhux mill-korp ta' kontroll. Dawn tal-aħħar għandhom pjuttost rwol awżiljarju u preparatorju fir-rigward tal-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni. Fit-tieni lok, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Istat jeżerċita sorveljanza fuq ċerti korpi li l-attivitajiet kollha eżerċitati minn dawn tal-aħħar huma marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Anki fil-każ li jkun hemm lok li jitqies li ċerti attivitajiet tal-korp ta' kontroll jikkositwixxu eżerċizzju tal-awtorità pubblika, l-esklużjoni tal-kontrolli tekniċi ta' vetturi mill-portata ta' applikazzjoni tal-libertà tal-istabbiliment tmur wisq lil hinn mill-għan tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45 KE. Il-kontroll tal-vetturi jikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, attività purament teknika li tipproduċi x'uħud mill-effetti fid-dritt pubbliku, iżda li ma tistax titqies bħall-eżerċizzju dirett tal-awtorità pubblika.

Fir-rigward tal-Artikolu 46 KE li jipprovdi għal trattament mhux ugwali ġġustifikat għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika u ta' saħħa pubblika, din ir-raġuni ta' ġustifikazzjoni tista' tiġi invokata biss jekk teżisti theddida effettiva u suffiċjentement serja għall-wieħed mill-interessi msemmijin iktar 'il fuq. Peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma urewx l-eżistenza ta' tali theddida, il-kundizzjonijiet tal-invokazzjoni tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 46 KE mhumiex sodisfatti. Il-Kummissjoni hija konvinta li l-għan imfittex permezz tal-miżuri kkontestati, jiġifieri ż-żamma tas-sigurtà fit-toroq, jista' jintlaħaq ukoll permezz ta' miżuri li huma inqas restrittivi mis-sistema ta' kontroll adattat għall-inġiniera ta' kontroll u l-korpi ta' kontroll kollha fil-Ġermanja.


Top