EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0327

Kawża C-327/08: Rikors ippreżentat fis- 17 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Franza

OJ C 285, 8.11.2008, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 285/15


Rikors ippreżentat fis-17 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' Franza

(Kawża C-327/08)

(2008/C 285/26)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Rozet u D. Kukovec, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta' Franza

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li,

bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 44-1 tad-Digriet Nru 2005-1308 tal-20 ta' Ottubru 2005, tal-Artikolu 46-1 tad-Digriet Nru 2005-1742 tat-30 ta' Diċembru 2005 u tal-Artikolu 80-1-1 tad-Digriet Nru 2006-975 tal-1 ta' Awwissu 2006, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kontraenti u/jew l-entitajiet kontraenti jnaqqsu t-terminu raġjonevoli li għandu jiġi osservat bejn in-notifika tal-offerenti u l-iffirmar tal-kuntratt mingħajr ebda limitu ta' żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oġġettiva ffissata minn qabel mil-leġiżlazzjoni nazzjonali,

u

bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 1441-1 tal-Kodiċi Ġdid tal-Proċedura Ċivili kif emendat bid-Digriet Nru 2005-1308 tal-20 ta' Ottubru 2005, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi terminu ta' għaxart ijiem għat-tweġiba tal-awtorità kontraenti u/jew tal-entità kontraenti kkonċernati filwaqt li hija prekluża kull proċedura prekuntrattwali għal miżuri provviżorji qabel din it-tweġiba u mingħajr ma dan it-terminu ma jissospendi t-terminu li għandu jiġi osservat bejn in-notifika tal-offerenti u l-iffirmar tal-kuntratt,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 89/665/KEE (1) u d-Direttiva 92/13/KEE (2), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha “Alcatel” (C-81/98) u “Il-Kummissjoni vs L-Awstrija” (C-212/02) u b'mod iktar partikolari taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665/KEE u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/13/KEE;

tikkundanna lir-Repubblika ta' Franza għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-konvenuta li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti, f'każi urġenti, li jnaqqsu għal inqas minn għaxart ijiem it-terminu minimu li għandu jiġi osservat bejn in-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kollha u l-iffirmar ta' dan il-kuntratt. Fil-fatt, minn naħa, l-urġenza, li hija l-kwistjoni kkunsidrata fil-leġiżlazzjoni Franċiża, titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtorità kontraenti, mingħajr ma hija meħtieġa ebda kundizzjoni oġġettiva. Min-naħa l-oħra, f'din l-istess leġiżlazzjoni, ma hemm ebda garanzija li l-offerenti jiġu mgħarrfa bin-numru ta' jiem li bih it-terminu jitnaqqas, u dan jista' jkollu l-konsegwenza li dawn l-offerenti jibdew proċedura prekuntrattwali kontra deċiżjoni tal-għoti ta' kuntratt fi stadju fejn il-kuntratt relattiv ikun diġa ġie ffirmat. Sitwazzjoni bħal din tmur b'mod ċar kontra l-għan previst mid-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE, kif tikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa dak li jiġu implementati proċeduri effikaċi u spedjanti li jkollhom bħala suġġett id-deċiżjonijiet illegali tal-awtorità kontraenti, fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista' jiġi rrimedjat.

Permezz tat-tieni ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika wkoll lill-konvenuta li injorat l-effett utli tal-istess direttivi meta pprovdiet, fil-leġiżlazzjoni Franċiża, fażi preliminari ta' tqegħid fil-mora obbligatorja tal-awtorità kontraenti, li ma tissospendix it-terminu li għandu jiġi osservat bejn in-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt u l-iffirmar ta' dan il-kuntratt. Fil-fatt, sa fejn proċedura mressqa minn offerent eskluż ma tkunx tista' titressaq fit-terminu tat-tweġiba għat-tqegħid fil-mora, ekwivalenti għal għaxart ijiem, tweġiba mogħtija mill-awtorità kontraenti fl-għeluq ta' dan it-terminu tipprekludi lill-offerent eskluż minn kull possibbiltà ta' rimedju effettiv peress li f'din id-data il-kuntratt ikun diġà ġie ffirmat.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta' Frar 1992, li tikkordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta' akkwist ta' entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, p. 14).


Top