EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AR0309

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija għall-ibgħad reġjuni dwar il-kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

OJ C 172, 5.7.2008, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/7


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija għall-ibgħad reġjuni dwar il-kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

(2008/C 172/02)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jikkunsidra li l-istrateġija għall-ORs (l-ibgħad reġjuni) għadha kompletament valida u li għadha l-bogħod milli titwettaq, għalhekk għandha titkompla, tiżviluppa u tiġi aġġornata;

jinnota li l-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni bħala sfidi għall-futur kemm ta' l-UE kif ukoll ta' l-ORs — il-bidla fil-klima, il-bidla demografika u l-ġestjoni tal-flussi migratorji, il-politika marittima u l-agrikoltura — huma kwistjonijiet ta' importanza ewlenija, u huma prijoritajiet fuq l-aġenda Ewropea u Dinjija u għandhom impatt sinifikanti fuq ir-reġjuni differenti ta' l-UE;

madankollu jixtieq jinnota li l-istrateġija Komunitarja għall-ORs identifikata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha ta' Mejju 2004 kienet ibbażata fuq approċċ koerenti u globali mmirat lejn l-inklużjoni tat-tliet objettivi ta' l-istrateġija fil-politiki Komunitarji kollha — it-titjib ta' l-aċċessibbiltà interna u esterna, il-ħidma għal kompetittività akbar tal-fibra ekonomika lokali u t-tisħiħ ta' l-integrazzjoni tar-reġjuni fl-inħawi ġeografiċi;

jappella sabiex il-Kummissjoni tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK li jmiss u f'riformi oħra mnedija fil-futur, iż-żamma ta' l-eċċezzjonjiet tagħhom f'termini ta' separazzjoni u modulazzjoni, u l-iżgurar li jitwarrbu riżorsi baġitarji adegwati għall-attivitajiet agrikoli tagħhom;

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis b'urġenza s-sitwazzjoni speċifika ta' l-ORs u tadotta miżuri li jnaqqsu l-effetti ħżiena li jiġu mill-inklużjoni tat-trasport bl-ajru fl-iskema ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet.

Rapporteur

:

Is-Sur Paulino RIVERO BAUTE, President tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji (ES/ALDE)

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija għall-Ibgħad Reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

COM(2007) 507 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

Is-seba' l-ibgħad reġjuni — l-Azores, il-Gżejjer Kanarji, il-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Madeira, il-Martinique u Réunion — huma membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea iżda jinsabu ukoll f'sitwazzjoni unika u speċjali li hi differenti ħafna minn dik ta' reġjuni oħra fil-Komunità;

2.

Kif rikonoxxut fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE, din is-sitwazzjoni hi karatterizzata mill-interazzjoni permanenti ta' numru ta' żvantaġġi fatturi kostanti, partikularment il-pożizzjoni mbiegħda, id-daqs żgħir u d-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li huma l-kawżi ta' l-iżolament u l-vulnerabbiltà li taħkem dawn ir-reġjuni;

3.

Dawn il-fatturi jwasslu għal spejjeż addizzjonali u jikkawżaw ostakoli partikulari għat-tkabbir, il-konverġenza u l-istabbiltà ekonomika ta' dawn ir-reġjuni, li żżommhom milli jipparteċipaw b'mod sħiħ fid-dinamiki tas-suq intern, tillimita l-opportunitajiet disponibbli għar-residenti tagħhom u tnaqqas il-kompettitività ta' l-industriji tagħhom;

4.

L-ORs huma ukoll ta' valur għall-Unjoni Ewropea. Grazzi għall-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jistgħu jsiru pjattaformi strateġiċi importanti għall-iżvilupp tar-rwol li l-Unjoni Ewropea tixtieq li tħaddan fid-dinja;

5.

Dawn il-fatturi jiġġustifikaw it-trattament speċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni u tiżdied il-kapaċità tagħhom għall-iżvilupp maħluq lokalment;

6.

Għalhekk għandu jingħata appoġġ għas-sejħiet ta' l-ORs u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, biex jikkonsolidaw, jarrikkixxu, jibnu fuq u jaġġornaw l-istrateġija globali koerenti li għandha tiġi implimentata għal dawn ir-reġjuni, u li għandha twassal għal politika Komunitarja ġenwina għall-ORs.

Kummenti ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni

It-trattament speċifiku ta' l-ibgħad reġjuni: l-iżvilupp ta' strateġija globali koerenti għal dawn ir-reġjuni: hi ġeneralment pożittiva, iżda għad fadal ħafna xi jsir

7.

jilqa' l-fatt li, sa mill-1986, il-Kummissjoni Ewropea ħadet l-inizjattiva li toħloq qafas adegwat għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja u l-politiki komuni dwar dawn ir-reġjuni fuq il-bażi ta' Programmi ta' Possibbiltajiet speċifiċi għan-natura mbiegħda u insulari ta' l-ibgħad reġjuni (POSEI);

8.

ifakkar fl-adozzjoni ta' artikolu speċifiku fit-Trattat (Artikolu 299(2))sabiex tingħata konsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ta' l-ibgħad reġjuni ta' l-Unjoni, u sabiex jindirizza ġabra ta' miri speċifiċi, fosthom:

li jikkonferma n-natura unika ta' l-ORs u l-bżonn li dan kollu jiġi inkluż fil-politiki ta' l-Unjoni, partikolarment billi tibqa tinżamm l-assistenza prijoritarja mogħtija skond il-politika strutturali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali;

li jadatta l-politiki Komunitarji għas-sitwazzjoni reali tar-reġjuni bl-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi u l-istipulazzjoni ta' kondizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tat-Trattat fejn jenħtieġ għall-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni;

li jqis l-ambjent ġeografiku ta' l-ORs fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi ġirien li m'humiex membri fl-Unjoni Ewropea;

9.

għalhekk ifakkar fis-sodisfazzjon muri mill-Kumitat ma' l-addozzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-14 ta' Marzu 2000, dwar il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat, li fittex li jiżgura qabża kbira fl-approċċ Komunitarju lejn l-ORs u li nieda stadju kruċjali ġdid fid-definizzjoni tal-politika ġenerali koerenti għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-ORs;

10.

ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Sevilja f'Ġunju 2002 stqarrew il-bżonn li titmexxa 'l quddiem l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat u li jitressqu proposti adegwati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-ORs li għandhom jitqiesu permezz ta' bosta politiki komuni, partikolarment il-politika tat-trasport, u r-riforma ta' uħud minn dawn il-politiki, b'mod partikulari l-politika reġjonali; il-Kumitat jixtieq ukoll jieħu din l-opportunità sabiex jenfasizza d-dedikazzjoni murija mill-Kummissjoni sabiex tressaq rapport ġdid dwar dawn ir-reġjuni bbażat fuq approċċ globali u koerenti għall-karatteristiċi speċjali ta' dawn ir-reġjuni u mezzi kif għandhom jiġu indirizzati;

11.

għalhekk jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Sħubija msaħħa għall-ibgħad reġjuni fis-26 ta' Mejju 2004 u tar-rapport tal-Kummissjoni Sħubija msaħħa għall-ibgħad reġjuni: evalwazzjoni u prospetti, fis-6 ta' Awwissu 2004. Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni twettaq biss parzjalment, u għalhekk b'mod inadegwat, il-mandat mogħti waqt il-Kunsill Ewropew ta' Sevilja u l-ħtiġijiet dikjarati mir-reġjuni u mill-Istati tagħhom, il-Kumitat jinnota r-rikonoxximent mogħti lis-sitwazzjoni unika ta' l-ORs, li tiġġustifika bis-sħiħ it-trattament speċjali f'politiki Komunitarji differenti;

12.

jilqa' l-ħeġġa tal-Kummissjoni li tippreżenta rapport ta' progress dwar l-istrateġija tagħha għall-ORs u dwar il-prospetti għall–ġejjieni ta' din l-istrateġija fil-komunikazzjoni tagħha msemmija Strateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni u d-dokument anness ta' ħidma tagħha li jevalwa l-progress ta' l-istrateġija ta' l-OR (SEC(2007) 1112;

13.

jikkunsidra li din l-istrateġija għadha valida fit-totalità tagħha u li mhux talli ma ntemmitx iżda għandha titkompla, tissaħħaħ u tiġi aġġornata. xhieda ta' dan hu l-fatt li l-istatus ta' l-ORs ġie integrat fl-Artikolu 299 tat-Trattat ta' Lisbona adottat reċentement;

Lejn il-konsolidazzjoni fit-tul ta' l-istrateġija globali għall-iżvilupp koerenti għall-ibgħad reġjuni: espansjoni u aġġornar ta' din l-istrateġija;

14.

l-ewwelnett jixtieq jifraħ lill-Kummissjoni, minħabba li l-komunikazzjoni l-ġdida tikkonferma s-sensittività tagħha lejn l-ORs, billi tenfasizza l-ħtieġa li tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni u timpenja ruħha li tkompli tagħti attenzjoni speċjali lil dawn ir-reġjuni;

15.

ifaħħar lill-Kummissjoni għaliex, filwaqt li tagħraf il-ħtieġa li l-politiki Komunitarji differenti jqisu il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs, tirrikonoxxi ukoll il-valur miżjud u l-opportunitajiet li dawn ir-reġjuni joffru l-UE fil-kuntest globali;

16.

jinnota li l-evalwazzjoni tal-miżuri għat-tisħiħ ta' l-istrateġija għall-2004 hi pożittiva u li l-mod li bih ġew evalwati u definiti mill-ġdid il-politiki ewlenin għall-iżvilupp ta' l-ORs hu ġeneralment sodisfaċenti;

17.

jinnota li l-iżvantaġġi ffaċċjati mill-ORs huma permanenti u komuni għalihom irrispettivament mill-livelli tad-dħul tagħhom, u li l-problemi li jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni ma jistgħux jitqiesu biss bħala kwistjoni ta' dħul iżda huma msejsa f'sitwazzjoni strutturali kumplessa li taffettwa fil-fond liċ-ċittadini ta' dawn ir-reġjuni u l-kompettitività ta' l-industrijali tagħhom;

18.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għax-xewqa tagħha li tespandi kull punt ta' l-istrateġija Komunitarja għal dawn ir-reġjuni bl-implimentazzjoni ta' miżuri addizzjonali u ukoll għax-xewqa tagħha li taġġorna u tlaħħam din l-istrateġija billi tadattha għall-isfidi globali tal-ġejjieni; jitlob lill-Kummissjoni sabiex turi l-konsistenza meħtieġa fit-tfassil tal-proposti f'dawn l-oqsma;

19.

jikkunsidra li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għal żvilupp f'qasir żmien, biex tnaqqas d-defiċit aċċessibbli u biex tagħmel lill-ORs aktar aċċessibbli huma kemmxejn vagi jew joffru ftit aktar minn linji ta' gwida għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi li diġà ġew allokati lil dawn ir-reġjuni;

20.

jinnota li l-miżuri imressqa għall-integrazzjoni reġjonali huma aktar prattiċi u utli, iżda inadegwati u jenħtieġu jiġu kkumplimentati b'oħrajn li jgħinu biex jiżguraw li l-objettiv ta' l-integrazzjoni ta' l-ORs fl-inħawi ġeografiċi tagħhom jitwettaq fil-prattika;

21.

ifakkar li l-ORs jiffaċċjaw sfida doppja ta' integrazzjoni kemm fis-suq intern kif ukoll fl-inħawi ġeografiċi tagħhom. Il-pożizzjoni ġeo-strateġika tagħhom tirrapreżenta ukoll potenzjal enormi għall-UE u tagħmel minn dawn ir-reġjuni pjattaformi ewlenin li minnhom l-UE tista' tniedi l-azzjoni esterna tagħha f'dawk l-inħawi tad-dinja;

22.

ifaħħar lill-Kummissjoni fuq il-bidu ta' ħidmietha fuq it-tlaħħim tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Viċinanza Usa' mniedi fil-komunikazzjoni tagħha ta' l-2004. Madankollu l-Kumitat jinnota, li l-isforzi għandhom jitkomplew, partikolarment fir-rigward ta' l-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-ERDF u l-EDF, sabiex jintlaħaq l-għan ta' integrazzjoni ta' l-ORs fl-inħawi ġeografiċi tagħhom;

23.

ifaħħar l-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li tat lill-ORs bħala parti mit-tħejjijiet għall-ftehimiet ta' assoċjazzjoni ekonomika ta' l-UE mal-pajjiżi ta' l-ACP. Madankollu l-Kumitat jinnota li hekk kif jinsabu n-negozjati, dawn l-ftehimiet huma ta theddida għall-ORs u l-opportunitajiet li jirrapreżentaw huma għat-tul u dubjużi;

24.

b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni ma nkludietx proposti prattiċi għal miżuri li jinkoraġġixxu lil SMEs fl-ORs biex jinvestu esternament bħalma ħabbret li ser tagħmel, għaliex kieku dan jgħin biex dawn ir-reġjuni jintegraw aħjar fl-inħawi ġeografiċi tagħhom;

25.

jinnota li kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni bħala sfidi għall-ġejjieni kemm ta' l-UE kif ukoll ta' l-ORs u li dwarhom il-Kummissjoni nediet didattitu fil-komunikazzjoni tagħha — il-bidla fil-klima, il-bidla demografika u l-ġestjoni ta' flussi migratorji, politika marittima u l-agrikoltura — huma oqsma ta' importanza enormi, u huma prijoritarji għall-aġendi Ewropej u dinjija u għandhom impatt sostanzjali fuq ir-reġjuni differenti ta' l-UE;

26.

jenfasizza li l-impatt għall-ORs jista' jkun ikbar, li minħabba fil-karatteristiċi speċifiċi tagħhom huma partikolarment fraġli u vulnerabbli;

27.

madankollu jixtieq jinnota li l-istrateġija Komunitarja għall-ORs identifikata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha ta' Mejju 2004 kienet ibbażata fuq approċċ koerenti u globali mmirat lejn l-inklużjoni tat-tliet objettivi ta' l-istrateġija fil-politiki Komunitarji kollha — it-titjib ta' l-aċċessibbiltà interna u esterna, il-ħidma għal kompetittività akbar tal-fibra ekonomika u t-tisħiħ ta' l-integrazzjoni tar-reġjuni fl-inħawi ġeografiċi;

28.

jilqa' u jaqbel mal-kumment tal-Kummissjoni li l-approċċ starteġiku adottat fl-azzjoni Komunitarja għall-ORs qed isir aktar trans-settorjali u l-kontribut tal-politiki Komunitarji kollha hu kruċjali għall-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni u għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq intern;

29.

itenni r-rilevanza u l-importanza topika tat-tliet elementi strateġiċi msemmija hawn fuq, li jibqgħu l-oqsma fundamentali ta' l-istrateġija Komunitarju għall-ORs u jinsisti ukoll li l-bidliet tal-politiki Komunitarji differenti għandhom jikkunsidraw u jadattaw għas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien;

30.

jikkunsidra li l-qawmien ta' dawn l-isfidi ġodda u l-prijoritajiet fuq l-aġenda Ewropea u r-reviżjoni ta' politiki ewlenin bħall-politika agrikola komuni, jitolbu għal evalwzzjoni ta' l-impatt li dawn l-isfidi u l-prijoritajiet jista' jkollhom fuq it-tliet elementi ta' l-istrateġija Komunitarja ta' l-ORs, bil-għan li jipprovdu analiżi dettaljata li tgħin biex tiġi inkorporata s-sitwazzjoni speċifika ta' l-ORs fid-diskussjoni ġenerali dwar kif l-UE għandha twieġeb għall-dawn l-isfidi;

31.

jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tuża l-metodu imsemmi hawn fuq biex tevalwa l-impatt li l-erba' oqsma identifikati jista' jkollhom fuq it-tliet elementi ta' l-istrateġija u jiddispjaċih, pereżempju għall-fatt li l-Kummissjoni ma kkonsidratx biżżejjed dan l-impatt fuq qasam daqshekk fundamentali u kruċjali għall-ORs bħat-trasport bl-ajru u ma pproponietx approċċ aktar speċifiku għal dawn ir-reġjuni fil-proposta għal Direttiva tagħha biex tinkludi l-attivitajiet bl-ajru fl-iskema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonjiet;

32.

jikkonsidra li minħabba s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, l-ORs, għandhom ħafna x'joffru f'dawn l-erba' oqsma minħabba li dawn il-kwistjonijiet huma ta' interess partikulari għalihom;

33.

ifakkar li l-ORs għandhom dimensjoni marittima qawwija, li tagħti lill-UE opportunitajiet bla xkiel f'oqsma bħall-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent u l-bijodiversità;

34.

għall-darb' oħra jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ globali għall-fenomenu ta' migrazzjoni dejjem akbar li għandha effett partikolarment sinifikanti fuq l-ORs bħala fruntieri “ħajjin” ta' l-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-konklużjonijiet tal-konferenza dwar Ir-Rwol tar-reġjuni u l-bliet fil-ġestjoni tal-flussi migratorji, li seħħet f'Ottubru 2007 f'Adeje (Tenerife, Spanja), u b'mod partikulari, il-ħtieġa ta' aktar involviment mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej fil-ġestjoni ta' dan il-fenomenu, fl-iskambju tal-piż finanzjarju u fl-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-migrazzjoni fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali ta' l-ORs;

35.

Fir-rigward tal-flussi migratorji, huwa konvint li huwa ferm importanti li jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-ORs għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-promozzjoni ta' din il-kooperazzjoni, u jistgħu jservu ta' pjattaformi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi fil-viċinat; għal dan il-għan jistgħu jintużaw il-programmi tal-Kummissjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-inizjattiva pilota ta' programmazzjoni konġunta għall-kooperazzjoni territorjali bejn l-ibgħad reġjuni u l-pajjiżi ġirien li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea;

36.

Jemmen li għandha tittieħed azzjoni fuq il-kawżi ta' l-immigrazzjoni irregolari permezz ta' politika effikaċi dwar l-immigrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-ekonomija irregolari u l-problema ta' l-immigranti taħt l-età mhux akkumpanjati fis-sors, permezz tal-promozzjoni ta' l-edukazzjoni u l-aċċess għall-impjiegi.

37.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tindirizza l-isfidi enormi kkawżati mill-pressjoni demografika f'reġjuni ġirien mifruda u jenfasizza l-ħtieġa li, malajr kemm jista' jkun, tippromovi studji dwar l-implikazjonijiet għall-ippjanar ta' l-użu ta' l-art, is-suq tax-xogħol, il-ħtiġijiet ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-servizzi pubbliċi f'dawn ir-reġjuni u tipproponi miżuri adegwati fejn hemm bżonn;

38.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattazzjoni għall-effetti tagħha jsarfu fi sfida sostanzjali għall-ORs, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika u l-vulnerabbiltà tagħhom; il-miżuri speċifiċi meħtieġa f'dan il-qasam biex iwaqqfu l-impatt ta' detriment dwar l-aċċessibbiltà, l-ekonomija u l-abitanti ta' dawn ir-reġjuni, għandhom ikunu prattiċi u effettivi;

39.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-agrikoltura hija fattur essenzjali għall-ekonomija ta' l-ORs, li huma limitati minħabba fl-iżvantaġġi ġeografiċi u klimatiċi tagħhom u għalhekk iqis li huwa essenzjali li titfassal strateġija għall-ġejjieni dwar l-iżvilupp tas-settur agrikolu f'dawn ir-reġjuni sabiex b'hekk wieħed ikun jista' jindirizza l-isfidi marbutin ma' kompetizzjoni globali iktar qawwija.

40.

jikkonsidra li, minħabba li l-koeżjoni ekonomika u soċjali hi l-istrument prinċipali fil-bażi tal-politika Komunitarja ta' l-OR, hu partikolarment importanti li jiġi evalwat jekk il-kwistjonijiet miftuħa għad-diskussjoni jistgħux ikollhom effett fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali f'dawn ir-reġjuni;

41.

jikkonsidra li r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni jistgħu joffru kontribut sinifikanti għar-reviżjoni tal-politika Komunitarja ta' koesżjoni wara l-2013. Jistgħu ukoll jikkontribwixxu għal Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali li l-Kummissjoni fi ħsiebha tadotta fl-2008;

42.

għalhekk jemmen li l-fażi l-ġdida ta' żvilupp ta' l-istrateġija ta' l-OR Komunitarja, li l-Kummissjoni ser tniedi meta tikkonkludi l-proċess ta' konsultazzjoni, għandha tinkludi dawn l-elementi fl-istrateġija tagħha sabiex tiżviluppha, tibni fuqha u taġġornha;

43.

jikkonsidra li s-sħubija bejn l-ORs, l-Istati rispettivi tagħhom u l-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' l-istrateġija Komunitarju fit-tul għal dawn ir-reġjuni;

44.

jixtieq jiddikjara l-konvinzjoni deċiża tiegħu li l-ORs għad għandhom bżonn ta' l-appoġġ tal-politiki Komunitarji kollha sabiex isiru aktar kompetittivi u biex ikomplu l-proċess ta' konverġenza f'termini ta' żvilupp ekonomiku u ta' opportunitajiet indaqs għall-abitanti tagħhom meta mqabbla ma' l-abitanti tar-reġjuni l-oħra Ewropej;

45.

fl-aħħarnett, jixtieq jesprimi appoġġ lill-Kunsill Ewropew, li għandu jafferma mill-ġdid u jġedded fl-ogħla livell l-impenn politiku lejn l-ORs u l-bżonn ta' progress ta' malajr li jrid isir fl-istrateġija Komunitarja għal dawn ir-reġjuni;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

46.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli tibni fuq l-istrateġija ta' l-OR għall-2004, timplimenta l-miżuri mħabbra fil-komunikazzjoni tagħha u tħeġġeġ għal aktar koerenza u koordinazzjoni eqreb bejn il-politiki Komunitarji differenti biex tiżgura li l-fażi l-ġdida ta' din l-istrateġija tkun tassew globali u koerenti;

47.

jappella lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' nofs iż-żmien li ser tgħin biex tkejjel l-impatt ta' l-istrateġija fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-ORs li abbandunaw l-objettiv ta' “konverġenza”, u l-impatt tal-fondi Ewropej fuq il-proċess ta' konverġenza attwali għall-bqija ta' l-ORs;

48.

jitlob lill-Kummissjoni, li darba li tkun evalwat l-impatt tar-riformi tal-POSEI li ser twettaq fl-2009, tipproponi miżuri rilevanti biex jiggrantixxu appoġġ adegwat għas-setturi tradizzjonali fl-ORs, li huma essenzjali għall-vijabbiltà ekonomika tagħhom;

49.

jappella sabiex il-Kummissjoni tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK li jmiss u f' riformi oħra mnedija fil-futur, iż-żamma ta' l-eċċezzjonjiet tagħhom f'termini ta' separazzjoni u modulazzjoni, u l-iżgurar li riżorsi baġitarji adegwati jitwarrbu għall-attivitajiet agrikoli tagħhom;

50.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura protezzjoni akbar tal-prodotti ta' l-agrikoltura mill-ibgħad reġjuni minħabba fit-theddid serju kkawżat mil-liberalizzazzjoni gradwali ta' l-importazzjonijiet mill-UE, bl-adozzjoni ta' miżuri li jżommu l-biedja milli tiġi mdgħajfa f'dawn ir-reġjuni minħabba l-ftuħ tas-suq Komunitarju;

51.

jitlob lill-Kummissjoni, sabiex fil-perijodi ta' programmazzjoni li jmiss, tfassal politiki speċifiċi ta' żvilupp rurali għall-ORs u tipprovdilhom riżorsi baġitarji adegwati;

52.

jappella lill-Kummissjoni ħalli tqis mingħajr dewmien, il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs fl-inizjattivi attwali, fir-rigward ta' l-erba' kwistjonijiet miftuħa għad-diskussjoni fil-komunikazzjoni;

53.

ifakkar li l-ibgħad reġjuni jagħtu lill-Unjoni Ewropea dimensjoni marittima dinjija ċara, u jirrappreżentaw laboratorji naturali għall-istudju tax-xjenza marittima. Għal dawn ir-raġunijiet, iqis li għandhom jitħejjew kemm jista' jkun malajr azzjonijiet prijoritarji f'dawn ir-reġjuni bil-għan li dan il-potenzjal jitħares u jingħata valur.

54.

jitlob lill-Kummissjoni tadotta b'urġenza miżuri speċifiċi sabiex jikkumpensaw l-effetti ħżiena ta' l-inklużjoni tat-trasport bl-ajru fil-kwoti ta' skambju ta' emissjonijiet, sabiex titqies is-sitwazzjoni speċifika ta' l-ORs;

55.

itenni li l-ORs huma kompletament dipendenti fuq it-trasport bl-ajru għal konnessjonijiet kemm mal-bqija tad-dinja kif ukoll bejn il-gżejjer, minħabba li m'hemmx alternattivi u l-kwantità ta' emissjonijiet ta' CO2 fuq ir-rotot li jservu l-ORs huma negliġibbli meta mqabbla ma' l-emissjonjiet totali ta' l-UE;

56.

jappella lill-Kummissjoni biex tindirizza separatament il-kwistjonijiet tal-bidla demografika u l-flussi migratorji. Il-Kumitat jixtieq jagħmilha ċara li dawn iż-żewġ problemi distinti u kumplessi jaffettwaw l-ORs b'mod partikolarment qawwi u li kull waħda minnhom għandha bżonn ta' l-akbar attenzjoni;

57.

jeżiġi azzjoni urġenti u speċifika biex ittaffi s-sitwazzjoni traġika li qiegħda tiżviluppa bil-wasla ta' immigranti taħt l-età mhux akkumpanjati. F'dan il-kuntest jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ġestjoni ta' dan il-fenomenu u fit-tqassim tal-piż finanzjarju;

58.

jitlob lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' impatt ta' l-erba' kwistjonijiet imsemmija qabel u kopruti mid-diskussjoni dwar it-tliet elementi ta' l-istrateġija Komunitarja ta' l-ORs;

59.

jappella lill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk dawn l-erba' kwistjonijiet jistgħux ikollhom impatt fuq l-koeżjoni ekonomika u soċjali ta' l-ORs, meta jitqies li l-politika ekonomika u soċjali hi l-istrument ewlieni fil-bażi ta' l-istrateġija Komunitarja għal dawn ir-reġjuni.

Brussell, id-9 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top