EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008XC0301(03)
Summary of Commission Decision of 20 November 2007 relating to a proceeding under Article 81 of the EC Treaty and Article 53 of the EEA Agreement (Case COMP/38.432 — Professional videotapes) (notified under document number C(2007) 5469 final) (Text with EEA relevance)
Is-sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta' Novembru 2007 dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.432 — Videotape professjonali) (Notifikata bid-dokument numru C (2007) 5469 finali) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Is-sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta' Novembru 2007 dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.432 — Videotape professjonali) (Notifikata bid-dokument numru C (2007) 5469 finali) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
OJ C 57, 1.3.2008, p. 10–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 57/10 |
Is-sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-20 ta' Novembru 2007
dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE
(Każ COMP/38.432 — Videotape professjonali)
(Notifikata bid-dokument numru C (2007) 5469 finali)
(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2008/C 57/08)
I. DAĦLA
(1) |
Fl-20 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut tad-Deċiżjoni, inkluż kull multa imposta, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tat-test sħiħ tad-Deċiżjoni sħiħa tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html. |
II. DESKRIZZJONI TAL-KAŻ
1. PROĊEDURA
(2) |
Dan il-każ beda bħala investigazzjoni ex-officio b'raids ma' sbieħ il-jum fit-28 u d-29 ta' Mejju 2002 f'total ta' ħdax-il bini ta' uffiċċji ta' membri tal-gruppi Sony, Fuji u Maxell f'ħames Stati Membri. Kien hemm żewġ inċidenti fl-uffiċċji ta' Sony, wieħed kien il-qerda ta' dokumenti, l-ieħor rifjut li jitwieġbu mistoqsijiet. |
(3) |
Fil-5 ta' Diċembru 2006, Fuji applikat formalment għal tnaqqis tal-multi skond l-Avviż ta' Klemenza ta' l-2002. (2) L-applikazzjoni tagħha għamlet referenza għal informazzjoni li kienet ingħatat lill-Kummissjoni minn Ġunju, 2002 lil hawn. Permezz ta' ittra tat-23 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni infurmat lil Fuji bl-intenzjoni tagħha li tagħti lil Fuji tnaqqis ta' 30 % sa 50 % tal-multa skond l-Avviż ta' Klemenza ta' l-2002. |
(4) |
L-Istqarrija ta' l-Oġġezzjonijiet ġiet adottata fit-8 ta' Marzu 2007 u nnotifikata lill-partijiet kollha sas-16 ta' Marzu 2007. |
(5) |
Fl-10 ta' April 2007, Maxell applikat formalment għal tnaqqis tal-multi skond l-Avviż ta' Klemenza ta' l-2002. L-applikazzjoni tagħha għamlet referenza għal informazzjoni li kienet intgħata lill-Kummissjoni minn Ottubru, 2004 lil hawn. |
(6) |
Smigħ Orali tal-każ sar fit-12 ta' Ġunju 2007. |
2. KSUR FIL-QOSOR
(7) |
Il-klijenti ewlenin ta' videotape professjonali huma stazzjonijiet tat-televiżjoni u producers indipendenti ta' kontenut għat-televiżjoni u films tar-reklamar. Id-Deċiżjoni hija biss dwar il-formati l-aktar popolari ta' videotape professjonali fil-mument tal-ksur. Betacam SP u Digital Betacam, li flimkien iffurmaw 77 % tal-videotape professjonali kollu mibjugħ fiż-ŻEE fl-2001. Il-valur stmat fis-suq fiż-ŻEE għal dawn iż-żewġ formati kien ta' bejn wieħed u ieħor EUR 118 miljun fl-2001. Għal dik is-sena, it-tliet impriżi involuti fil-ksur kellhom sehem fis-suq stmat għal 89 %. |
(8) |
Id-Deċiżjoni tikkonkludi li Sony, Fuji u Maxell bejn it-23 ta' Awwissu 1999 u s-16 ta' Mejju 2002 operaw kartell bil-ħsieb li jiżdiedu jew li jinżammu jew li jiġu stabbilizzati prezzijiet tal-videotape Betacam SP u Digital Betacam fis-suq taż-ŻEE, kif ukoll skambjaw informazzjoni biex jiffaċilitaw u/jew jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom. |
(9) |
Il-kumpaniji organizzaw (b'suċċess) tliet okkażjonijiet ta' żidiet fil-prezzijiet u b'metodi oħra ppruvaw jistabbilizzaw il-prezzijiet. Huma ddiskutew ukoll b'mod regolari offerti pubbliċi sew tal-passat kif ukoll dawk prospettivi, li fil-biċċa l-kbira kienu ta' stazzjonijiet pubbliċi u privati tat-televiżjoni. |
(10) |
Saru 11-il laqgħa bejn rappreżentanti tat-tliet impriżi matul il-perjodu tal-ksur, fejn fihom kollha ddiskutew u laħqu qbil dwar prezzijiet u/jew skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, kif ukoll saru kuntatti kontinwi bejn laqgħa u oħra biex jiddiskutu prezzijiet u klijenti speċifiċi u biex isegwu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kartel. |
(11) |
Id-Deċiżjoni tkompli tikkonkludi li kien ġie stabbilit li l-ftehimiet dwar il-prezzijiet kienu ġew b'mod ġenerali implimentati. |
3. DESTINATARJI
(12) |
Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet ġuridiċi li ġejjin, li huma tat-tliet impriżi parteċipanti (Sony, Fuji u Maxell):
|
(13) |
Ir-responsabbiltà tal-kumpaniji proprjetarji aħħarija hija stabbilita sew minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħhom f'waħda mil-laqgħat tal-kartell, li saret fil-Ġappun, kif ukoll abbażi tal-preżunzjoni ta' l-eżerċizzju ta' influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji li huma għal kollox proprjetà tagħhom, li hija msaħħa minn diversi provi addizzjonali. |
4. RIMEDJI
(14) |
Dan huwa l-ewwel każ ta' kartell li fih ġew applikati l-Linji Gwida ta' l-2006 dwar il-Multi (3). |
4.1. Ammont bażiku tal-multa
(15) |
L-ammont bażiku tal-multa huwa ddeterminat bħala proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-prodott rilevanti li jkun magħmul minn kull impriża fiż-żona ġeografika rilevanti matul l-aħħar sena sħiħa ta' negozju li matulha jkun seħħ il-ksur (“l-ammont varjabbli”), immultiplikat bl-għadd ta' snin li matulhom ikun seħħ il-ksur, kif ukoll ammont addizzjonali, (“il-miżata tad-dħul”), ukoll ikkalkulat bħala proporzjon tal-valur tal-bejgħ, li hu maħsub li jkabbar l-element ta' deterrent fejn jidħlu l-ftehimiet orizzontali dwar arranġament ta' prezzijiet. |
(16) |
Wara li ġew ikkunsidrati diversi fatturi, b'mod partikolari n-natura, is-sehem kombinat fis-suq u l-firxa ġeografika tal-ksur, id-Deċiżjoni f'dan il-każ tapplika ammont varjabbli ta' 18 % u miżata tad-dħul ta' 17 %. |
(17) |
Meta wieħed jikkunsidra li l-ksur dam għaddej għal mill-anqas sentejn u tmien xhur, l-ammont varjabbli huwa mmultiplikat bi 3. |
4.2. Aġġustamenti fl-ammont bażiku
4.2.1. Ċirkustanzi aggravati rifjut ta' kooperazzjoni jew ostruzzjoni
(18) |
Kif ingħad fil-paragrafu (2), fl-uffiċċji ta' Sony seħħew żewġ inċidenti separati meta kienet qed issir l-ispezzjoni. Id-Deċiżjoni tikkonkludi li ż-żewġ inċidenti jikkostitwixxu ostruzzjoni u jiġġustifikaw żieda ta' 30 % fl-ammont bażiku impost fuq Sony. |
4.2.2. Ċirkostanzi mitiganti
(19) |
Il-partijiet ressqu argumenti għall-applikazzjoni ta' serje ta' ċirkostanzi mitiganti, bħal mhu l-waqfien bikri tal-ksur, l-involviment limitat fil-ksur, kooperazzjoni effettiva 'l barra mill-Avviż ta' Klemenza, imġiba iżolata u mhux awtorizzata mingħajr l-għarfien tal-management għoli, u l-introduzzjoni ta' programm ta' konformità wara l-ksur. Dawn it-talbiet inċaħdu kollha. |
4.2.3. Żidiet speċifiċi bħala deterrent
(20) |
Meta wieħed iqis il-ħtieġa ta' garanzija li l-miżati jkollhom effett deterrenti biżżejjed, u meta wieħed iqis id-daqs kbir tal-fattura ta' Sony apparti l-bejgħ ta' prodotti u servizzi marbuta mal-ksur, id-Deċiżjoni żżid b'10 fil-mija l-multa li għandha tkun imposta fuq din l-impriża. |
4.3. Applikazzjoni tal-limitu tal-volum tal-bejgħ ta' 10 %
(21) |
Il-limitu tal-volum tal-bejgħ madwar id-dinja ta' 10 %, stipulat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma jintlaħaqx għar-rigward tal-multa li għandha tiġi imposta fuq xi waħda mill-impriżi. |
4.4. Applikazzjoni tan-Notifika ta' Klemenza ta' l-2002: tnaqqis ta' multi
(22) |
Kif issemma fil-paragrafi (5) u (6) aktar qabel, sew Fuji kif ukoll Maxell ippreżentaw applikazzjonijiet għat-tnaqqis tal-multi skond l-Avviż ta' Klemenza ta' l-2002. |
(23) |
Id-Deċiżjoni tikkonċedi tnaqqis ta' 40 % tal-multa lil Fuji, u 20 % lil Maxell. Dawn il-perċentwali ta' tnaqqis jieħdu f'kunsiderazzjoni l-livell sa liema l-provi li ġew ippreżentati minn kull kumpanija kien jirrappreżenta valur miżjud, kif ukoll iż-żmien li fih dawn il-provi jkunu ġew ippreżentati. |
(24) |
Il-kontribut ta' Sony għal dan il-każ ma kienx aktar minn dak li ma kkontestatx il-biċċa l-kbira tal-fatti wara li rċeviet id-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet. Id-Deċiżjoni tikkonkludi li dan ma jikkostitwixxix valur miżjud sinifikanti skond l-Avviż ta' Klemenza. |
III. DEĊIŻJONI
(25) |
L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi kienu parti, bejn it-23 ta' Awwissu 1999 u s-16 ta' Mejju 2002, f'kumpless ta' arranġamenti u prattiċi miftiehma bil-ħsieb li jżidu u li jżommu jew li jistabbilizzaw il-prezzijiet għal videotape Betacam SP u Digital Betacam fis-suq taż-ŻEE.
|
(26) |
Għall-infrazzjoni li tissemma fil-paragrafu preċedenti, ġew imposti l-multi li ġejjin:
|
(27) |
L-impriżi msemmija hawn fuq huma ordnati li jtemmu immedjatament il-ksur deskritt, sakemm huma mhux diġà għamlu dan, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fil-paragrafu (25), jew xi att jew aġir li jkollu effett jew għan identiku jew simili. |
(2) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell (ĠU C 45, 19.2.2002, p. 3).
(3) Linji gwida dwar il-metodu ta' kif jiġu stabbiliti multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).