EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE1449

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburanti — Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea COM(2006) 845 finali

OJ C 44, 16.2.2008, p. 34–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburanti — Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea”

COM(2006) 845 finali

(2008/C 44/10)

Nhar il-11 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburanti — Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'142 vot favur, 13-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jagħti attenzjoni kbira lill-kwistjonijiet marbutin ma' l-effiċjenza enerġetika, it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u b'mod ġenerali jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tat-8 u d-9 ta' Marzu, fejn ġew ikkonfermati t-tliet pilastri tal-Politika Ewropea għall-Enerġija:

il-garanzija tas-sigurtà tal-provvista,

il-garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezz aċċessibbli,

il-promozzjoni tas-sostenibilità ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.2

Fir-rapport dwar il-progress miksub fil-qasam tal-bijokarburanti, il-Kummissjoni ttenni li fin-nuqqas ta' objettivi obbligatorji, m'huwiex ser ikun possibbli li tintlaħaq kwota sodisfaċenti fl-użu tal-bijokarburanti. Billi rriżulta li l-objettiv li tintlaħaq il-kwota ta' 5.75 % tas-suq sa l-2010 m'huwiex realizzabbli, sabiex jintlaqgħu l-eżiġenzi ddefiniti mill-Kunsill hemm bżonn li jiġi stabbilit objettiv realistiku, li skond il-Kummissjoni għandu jkun kwota ta' 10 % sa l-2020, li jista' jintlaħaq permezz tal-possibbiltà mfissra fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE tal-“klawżola tar-reviżjoni”. B'mod stramb, il-Kummissjoni tispjega l-benefiċċji fuq il-bażi ta' xenarju ta' użu tal-bijokarburanti ta' 14 %, filwaqt li l-objettiv iddikjarat huwa ta' 10 %, u billi tressaq riżultati li m'humiex realistiċi b'xorta ta' “window dressing” tal-komunikazzjoni.

1.3

Il-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni jġibu ħafna problemi u ma jissodisfawx bis-sħiħ l-objettivi Ewropej. Fil-fatt għandhom prezz ta' produzzjoni għoli, prezz ambjentali għoli, jużaw ċereali li jistgħu jintużaw bħala ikel għall-bnedmin u l-annimali, u, kif issostni l-FAO, huma parzjalment responsabbli għaż-żjieda fil-prezz taċ-ċereali fuq is-swieq dinjija.

1.4

Għaldaqstant l-użu tal-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni jġib miegħu problemi etiċi, bħall-kompetizzjoni bejn l-ikel u l-karburant, li l-Kummissjoni tidher li qiegħda timminimizza. Il-Kumitat jenfasizza l-eżiġenza ta' kollaborazzjoni iktar stretta ma' l-istituzzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali li joperaw fis-settur ta' l-agrikoltura u l-ikel, bħall-FAO u d-WFP (World Food Programme).

1.5

Kemm id-dokument tal-Kummissjoni kif ukoll l-istudju ta' l-impatt mehmuż ma jidentifikawx diversi elementi ta' kritika li fir-realtà huma sinifikanti ferm.

Fir-rigward tal-bijodiesel, il-problemi li ġejjin huma partikularment serji:

produttività limitata,

prezz għoli (0.4-0.7 €/L),

problemi ta' stabbiltà (preżenza ta' gruppi ossiġenati), u d-diffikultà tal-ħażna.

Il-problemi tal-bijoetanol huma dawn:

produttività limitata (iżda inqas minn dik tal-bijodiesel),

konsum għoli ta' ilma u fertilizzanti,

ma jistax jiġi trasportat bil-pipelines li attwalment qegħdin jintużaw għall-karburanti mill-petrol (problemi ta' korrożjoni).

1.6

Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġu wkoll ikkunsidrati bir-reqqa l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi, kif ukoll il-problemi tekniċi marbutin ma' l-iżvilupp tal-bijokarburanti. Kwistjoni oħra li jistħoqqilha attenzjoni partikulari hija dik tar-rendiment produttiv tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-bijokarburanti: tunnellata pitravi tagħti madwar 400 litru bijoetanol (madwar 1 500 Mcal). Meta wieħed iqis l-enerġija neċessarja għall-konversjoni tal-bijomassa f'bijokarburanti, il-proporzjon jidher ineffiċjenti u ftit li xejn prattiku. Ikun ħafna iktar prattiku li l-bijomassa tintuża direttament fil-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika, għat-tisħin jew għat-trasport marittimu u dak pubbliku urban.

1.7

Il-Kumitat jinnota li minn perspettiva strettament ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji tad-deforestazzjoni u dawk marbutin mal-ħażna tal-materja prima: għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u b'mod ċar il-problemi bijoloġiċi u bijokimiċi relatati.

1.8

Il-Kumitat jinnota wkoll il-problema ta' “l-etika tax-xjenza”. Il-pjaneta tagħna hija sistema miftuħa li qiegħda togħkos dejjem iktar lejn l-istat ta' ekwilibriju, li ser jikkoinċidi ma' tmiemha. Ir-rwol tax-xjenza huwa li tikkontribwixxi sabiex din it-tendenza 'l isfel isseħħ b'pass inqas imgħaġġel u r-responsabbiltà tal-politika hija li tiffaċilita l-attivitajiet u l-istudji relatati.

1.9

Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir analiżi li tivverifika, fil-qasam tal-kimika tal-kombustjoni b'molekoli oħra minbarra l-idrokarburi, il-formazzjoni u l-iżvilupp possibbli ta' radikali ħielsa li huma responsabbli għall-istress ossidattiv (oxidative stress), li huwa kkunsidrat bħala stat patoloġiku preliminari li jwassal għal mard iktar gravi. Din ir-rakkomandazzjoni hija ġġustifikata min-nuqqas ta' tagħrif disponibbli dwar is-suġġett.

1.10

Il-Kumitat jemmen li huwa indispensabbli li wieħed jagħti attenzjoni partikulari lill-kura u l-ħarsien tal-ħamrija. Għandna nħarsuha għax din tħarisna. It-tnaqqis u d-deterjorament progressiv ta' l-istrata ta' l-ilma huwa kkawżat minn politiki qarrieqa li jisfruttaw u jfaqqru l-art. L-alternar ta' l-uċuh tar-raba' hija essenzjali sabiex tiġi ffavorita r-rivitalizzazjoni tal-ħamrija (soil recovery).

1.11

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha li jikkunsidraw b'mod partikulari l-problema tal-konsum ta' l-ilma fil-produzzjoni tal-bijokarburanti. Fost il-ħafna effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, l-effett tat-tnaqqis tar-riżorsi ta' l-ilma jista' jsir drammatiku, speċjalment f'ċerti reġjuni. Studji reċenti mwettqa mill-IWMI (International Water Management Institute) ikkalkulaw li l-produzzjoni ta' litru ta' bijokarburanti teħtieġ mill-inqas bejn 1 000 u 4 000 litru ilma, skond it-tip ta' prodott u ż-żona ta' produzzjoni.

1.12

Minbarra dawn il-punti ta' tħassib, li jistgħu jonqsu fil-gravità tagħhom bl-adozzjoni ta' miżuri ta' monitoraġġ u ċertifikazzjoni tal-metodi ta' produzzjoni tal-bijokarburanti, u eventwalment permezz ta' sistema ta' traċċabilità tal-prodotti, il-Kumitat jemmen li għandhom ikomplu jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp tal-bijokarburanti tat-tieni u anke tat-tielet ġenerazzjoni bħall-bijobutanol. Il-bijobutanol għandu pressjoni ta' fwar baxxa u tolleranza għat-tniġġis ta' l-ilma fit-taħlit ta' petrol, li jiffaċilitaw l-użu tiegħu fil-kanali eżistenti tat-tiġdid tal-provvista u tad-distribuzzjoni tal-petrol. Il-bijobutanol jista' jitħallat mal-petrol f'konċentrazzjonijiet ogħla minn dawk tal-bijokarburanti eżistenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu mmodifikati l-vetturi. Barra minn hekk, jippermetti li jiġi ffrankat ammont ikbar ta' karburant meta mqabbel mat-taħlit ta' petrol u etanol, u dan itejjeb l-effiċjenza enerġetika tiegħu u jnaqqas il-konsum għal kull litru. Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' karburanti joffru rendiment enerġetiku għoli bi prezz ambjentali żgħir, billi jużaw l-iskart u l-bijokimika sabiex jiffaċilitaw l-proċessi naturali ta' tkissir taċ-ċelluloża, li huma kumplessi u għaljin.

1.13

Il-Kumitat iqis ukoll l-opportunitajiet li jista' jġib miegħu l-iżvilupp tal-bijokarburanti għall-ekonomija Ewropea, li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' l-aġenda ta' Lisbona. Is-Seba' Programm Qafas jipprovdi espliċitament għal azzjoni f'dan is-settur, iżda hemm bżonn ta' sinerġija ikbar bejn id-diversi partijiet interessati: il-produtturi agrikoli, l-industrija ta' l-ipproċessar kif ukoll l-għaqdiet għall-ħarsien ta' l-ambjent u t-territorju, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li huma dejjem iktar ħerqana sabiex jikkombinaw il-kwistjonijiet marbutin ma' l-iżvilupp sostenibbli ma' mudelli iktar avvanzati tar-responsabbiltà soċjali ta' l-intrapriżi.

1.14

L-opportunità li d-dinja agrikola tara fl-iżvilupp tal-bijokarburanti għandha titħeġġeġ bil-kundizzjoni li l-bdiewa wkoll jimpenjaw ruħhom sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tar-riżorsi primarji ambjentali u r-rispett tar-riżorsi komuni bħall-ilma u l-ikel għall-bnedmin u l-annimali. L-għaqdiet agrikoli għandhom ir-responsabbiltà li jżommu lill-komunità rurali informata fir-rigward tar-regoli mfassla mill-komunità internazzjonali għar-regolamentazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-bijokarburanti. It-tixrid tal-prattiki ta' ċertifikazzjoni, traċċabilità u kontroll tal-konformità huma s-suġġetti li l-għaqdiet agrikoli huma mistennija li jagħtu kontribuzzjoni determinanti dwarhom, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livelli nazzjonali u lokali. Il-Kumitat huwa lest li jiżviluppa din il-kwistjoni u kwistjonijiet oħra marbutin ma' l-effiċjenza enerġetika, mat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u mat-tibdil fil-klima, bil-kollaborazzjoni tal-KES nazzjonali: dawn ta' l-aħħar fil-fatt diġà wrew interess konsiderevoli fir-rigward ta' kwistjonijiet bħal dawn u qegħdin jipparteċipaw b'mod attiv fit-tfassil ta' ċerti opinjonijiet tal-KESE dwar dan is-suġġett.

1.15

Fir-rigward tat-trattament fiskali, b'mod partikulari d-dazji fuq il-bijokarburanti, l-għajnuna lill-bdiewa, lill-industrija tal-karrozzi sabiex twettaq ir-riċerka neċessarja, lill-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jimmodifikaw il-karrozzi li m'humiex adattati għall-użu tal-bijokarburanti, u lill-produtturi tal-bijokarburanti stess, huwa ovvju li l-lista ta' kandidati għall-appoġġ finanzjarju hija infinita. Fil-Ġermanja, fejn dan l-aħħar tnaqqsu b'mod konsiderevoli l-inċentivi fiskali, kien hemm tnaqqis immedjat fil-konsum u protesta immedjata min-naħa ta' l-industrija. L-investimenti għandhom bżonn iċ-ċertezza u l-istabbiltà, iżda s-swieq tal-bijokarburanti għadhom prattikament ineżistenti. Madankollu, huwa ovvju li l-għajnuniet eventwali m'għandhomx joħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

1.16

Fir-rigward tas-settur tat-trasport, fil-proposta dan jidher li m'huwiex soġġett għas-sistema tal-kwoti ta' l-emissjonijiet. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltà li testendi s-sistema taċ-ċertifikati ta' l-emissjonijiet għat-trasport. Dawn jistgħu jikkostitwixxu stimolu addizzjonali sabiex tittejjeb l-effiċjenza fit-tfittxija għal soluzzjonijiet ġodda mmirati lejn tnaqqis ta' l-emissjonijiet perikolużi. Il-Kumitat ser jinkludi ipotesi operattiva f'opinjoni esploratorja speċifika mitluba mill-Viċi President Barrot.

1.17

Il-Kumitat jaqbel mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward ta' l-istrateġija dwar il-bijomassa u l-bijokarburanti: f'din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi ċertifikazzjoni obbligatorja u kompluta li tippermetti l-produzzjoni sostenibbli tal-bijokarburanti fil-fażijiet kollha u sabiex tappoġġja l-iżvilupp u l-użu tas-Sistema ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) sabiex l-użu ta' l-art fil-produzzjoni tal-bijoetanol jiġi kkontrollat bil-għan li tiġi impedita l-qerda tal-foresti tropikali u riperkussjonijiet negattivi oħra għall-ambjent.

1.18

Meta jiġu kkunsidrati l-problemi identifikati f'din l-opinjoni, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm il-mira ta' 10 % taħt analiżi kontinwa u sabiex tkun lesta tressaq proposti sabiex tiġi modifikata jekk il-problemi ma jkunux jistgħu jiġu solvuti b'mod sodisfaċenti u sostenibbli.

2.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni tintroduċi r-Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti billi tenfasizza l-fatt li għall-perijodu 2005-2020 huwa mistenni li jkun hemm żjieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (f'dan il-każ CO2 biss) ta' 77 miljun tunnellata fis-sena, jiġifieri iktar minn 60 % taż-żjieda globali fl-emissjonijiet, li hija mistennija li tkun ta' 126 miljun tunnellata fis-sena.

2.2

Fattur kritiku ieħor li ġie enfassizat huwa dak tad-dipendenza kważi totali tas-settur tat-trasport mill-importazzjoni taż-żejt, li huwa r-riżorsa enerġetika li tippreżenta l-ikbar riskju f'termini tas-sigurtà tal-provvista. Bis-saħħa ta' żjieda sinifikanti fl-użu tal-bijokarburanti, din id-dipendenza għandha tonqos.

2.3

Il-benefiċċji ta' l-iżvilupp tal-bijokarburanti f'termini tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra ma jiġux sfruttati meta l-produzzjoni tagħhom tinvolvi l-użu ta' raba' diġà eżistenti jew artijiet li għandhom bijodiversità partikularment varjata, bħall-foresti tropikali.

2.4

Fl-2001, il-kwota tal-bijokarburanti fis-suq kienet ta' 0.3 % u 5 Stati Membri biss kellhom esperjenza fl-użu ta' dan il-karburant. Id-Direttiva 2003/30/KE ma stabbiliet l-ebda obbligazzjoni vinkolanti, iżda stabbiliet objettiv għall-2010 (ta' 5.75 % tas-suq tal-petrol u d-diesel fit-trasport) u objettiv intermedju għall-2005 (ta' 2 %).

2.5

Iżda l-istess Direttiva, bil-klawżola tar-reviżjoni fl-Artikolu 4(2), tippermetti lill-Kummissjoni, f'każ ta' diverġenzi sinifikanti u mhux iġġustifikati mill-objettiv ta' 2 %, li tippreżenta proposta ta' objettivi nazzjonali obbligatorji.

2.6

Il-Politika Agrikola Komuni taqdi rwol fundamentali f'dan il-qasam, b'mod partikulari wara r-riforma ta' l-2003, billi tifred il-ħlasijiet lill-bdiewa mill-prodotti tar-raba' tagħhom. B'hekk ippermettiet li l-artijiet mhux ikkoltivati jintużaw sabiex jitħawlu prodotti li m'humiex ta' l-ikel, li ħafna drabi jintużaw fil-produzzjoni tal-bijokarburanti.

2.7

Fl-2007 ser jingħata kumpens lir-raba' “enerġetika” u għandhom jidħlu fis-seħħ politiki għall- promozzjoni tal-produzzjoni ta' l-enerġija mill-injam u appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli fil-qasam tal-politika ta' l-iżvilupp rurali (1).

2.8

L-użu tal-bijokarburanti żdied b'mod sinifikanti, iżda żewġ pajjiżi biss laħqu l-objettivi. Ir-riżultat ta' dan kien żjieda ta' 1 % fl-2005 — 1.6 % għall-bijodiesel u 0.4 % għall-bijoetanol. Fuq il-bażi ta' dan it-tagħrif, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-objettiv ta' 5.75 % mhux ser jintlaħaq sa l-2010.

2.9

L-esperjenza turi li nkisbu riżultati konkreti kemm permezz ta' politiki ta' inċentivi fiskali mingħajr limiti kwantitattivi fuq iċ-ċifri eliġibbli, kif ukoll permezz ta' obbligazzjonijiet imposti fuq il-provvedituri sabiex perċentwali tal-karburant li jbigħu tkun riservata għall- bijokarburanti. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-obbligazzjonijiet jikkostitwixxu l-iktar metodoloġija effikaċi.

2.10

Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li huwa urġenti u essenzjali li l-Unjoni Ewropea tibgħat sinjal ċar tad-determinazzjoni tagħha li tnaqqas id-dipendenza miż-żejt fis-settur tat-trasport. Hija tqis li l-unika triq prattikabbli hija l-użu tal-bijokarburanti, li jikkostitwixxi “polza ta' assigurazzjoni” kontra l-prezzijiet għoljin taż-żejt.

2.11

Iżda sabiex ikollu piż kredibbli fir-rigward tal-produtturi taż-żejt, li jbigħu 300 miljun tunnellata fis-suq ta' l-UE għas-settur tat-trasport biss, is-sinjal għandu jieħu l-forma ta' objettivi legalment vinkolanti.

2.12

Il-promozzjoni simultanja tar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji fis-27 Stat Membru hija l-istrateġija li għandha l-ikbar probabbiltà li tirnexxi. L-istabbiliment ta' kwota għall-bijokarburanti ta' 10 % tas-suq sa l-2020 huwa objettiv realistiku.

2.13

Qafas legali ċar, b'piż amministrattiv imnaqqas, u l-identifikazzjoni ta' objettivi intermedji, bħal per eżempju l-2015, huma essenzjali sabiex l-intrapriżi tal-karrozzi jkollhom il-possibbiltà li jadattaw il-pjanijiet tagħhom.

2.14

L-analiżi ta' l-impatt ekonomiku u ambjentali tinkludi diversi xenarji ta' ipotesi, li minn banda huma marbutin mal-prezz taż-żejt u ma' l-importazzjoni u l-kompetittività tal-prezzijiet agrikoli, u mill-banda l-oħra ma' l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda li huma kapaċi jippromovu l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni ta' bijokarburanti li għandha l-kapaċità li tnaqqas il-piż fuq l-ambjent.

2.15

F'termini ta' spejjeż, iż-żjieda ipotetika ta' 14 % fl-użu tal-bijokarburanti hija mistennija li tikkawża spejjeż addizzjonali ta' bejn EUR 11.5 u 17.2 biljun sa l-2020 (bil-prezz tal-barmil madwar USD 48) u bejn EUR 5.2 u 11.4 biljun (bil-prezz tal-barmil ta' USD 70). Il-punt ta' bilanċ għall-bijodiesel u l-bijoetanol jintlaħaq meta l-prezzijiet tal-bramel ikunu bejn EUR 69-76 u EUR 63-85 rispettivament (USD 92.76-102.18 u USD 84.76-114.28 għal kull barmil, b'rata ta' kambju fil-25.5.2007 ta' USD 1.3444 għal EUR 1).

2.16

Dejjem skond l-ipotesi ta' kwota ta' bijokarburanti ta' 14 % fl-2020, it-tnaqqis tal-prezz tal-ħażna tar-riservi jista' jwassal sabiex jiġu ffrankati sa EUR 1 biljun (EUR 720 miljun skond l-ipotesi ta' 10 %). L-aqwa soluzzjoni tkun taħlita tal-provvista minn pajjiżi terzi u pajjiżi Komunitarji, flimkien mal-bejgħ mixtieq tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni.

2.17

Dan ix-xenarju jkollu effetti pożittivi fuq l-impjieg, b'żjieda ta' 144 000 ħaddiem (jew 100 000 ħaddiem skond l-ipotesi ta' 10 %) fil-każ li l-produzzjoni ta' bijoetanol tkun prinċipalment interna, kif ukoll fuq il-PGD Komunitarju (żjieda ta' 0.23 %). L-effetti pożittivi tar-riżultati tar-riċerka, b'mod partikulari fil-qasam tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, jistgħu jżommu l-kompetittività fil-qasam ta' l-enerġiji rinnovabbli għolja.

2.18

Il-Kummissjoni tistma, skond il-metodu “mill-bir sar-rota”, li jekk il-bijokarburanti jiġu prodotti bl-aqwa tekniki disponibbli li fl-istess ħin joffru l-ikbar vantaġġi mil-lat ekonomiku, il-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'bejn 35 u 50 %. L-etanol magħmul miz-zokkor tal-kannamieli fil-Brażil inaqqas l-emissjonijiet b'90 % filwaqt li l-bijodiesel prodott miż-żejt tal-palma u s-soja jwassal għal tnaqqis ta' 50 % u 30 % rispettivament. Min-naħa tagħha, il-produzzjoni tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni għandha twassal għal tnaqqis ta' 90 %. Dejjem skond ix-xenarju ta' 14 %, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għandhom iwasslu għal tnaqqis ta' madwar 101/103 miljun tunnellata CO2eq fis-sena (71-75 miljun tunnellata CO2eq skond ix-xenarju ta' 10 %).

2.19

Fir-rigward ta' l-impatt ambjentali, il-komunikazzjoni tistma li kwota ta' bijokarburanti ta' 14 % hija realistika, dejjem jekk il-produzzjoni ma ssirx f'postijiet inadegwati, bħall-foresti tropikali jew ħabitat ta' valur ambjentali għoli.

2.20

Il-Kummissjoni tikkonkludi r-rapport tagħha billi ttenni li l-iżvilupp tal-bijokarburanti għandu jwassal għal benefiċċji konsiderevoli f'termini ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u s-sigurtà tal-provvista. Permezz ta' politika ffokata, ibbażata fuq inċentivi/appoġġ, għandu jitneħħa r-riskju li jintużaw artijiet ta' bijodiversità għolja jew sistemi ta' ħsara għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, u li minflok jiġi ffavorit l-iżvilupp tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni.

2.21

Sabiex jintlaħqu l-objettivi proposti hemm bżonn li:

jiġi rivedut l-istandard dwar id-diesel (EN 590) u probabbilment dak dwar il-petrol (EN 228) sabiex tittejjeb il-possibbiltà ta' taħlit tal-bijokarburanti ma' karburanti ta' oriġini fossili,

isiru xi modifiki (b'infiq baxx) fil-karrozzi l-ġodda,

jiġu żviluppati t-teknoloġiji tal-BTL (biomass to liquid),

tiddaħħal is-silvikultura u t-tkabbir tal-kolza,

jiġi mmonitorjat b'mod kontinwu l-impatt ambjentali.

2.22

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-bijokarburanti, li jiġi stabbilit objettiv minimu ta' 10 % għall-kwota tal-bijokarburanti sa l-2020 u fl-aħħar li jiġi assigurat l-użu ta' bijokarburanti effiċjenti u li jħarsu l-ambjent.

3.   Il-bijokarburanti: xi elementi tekniċi

3.1

Il-bijodiesel isir mit-tagħsir taż-żerriegħa tal-kolza, tas-soja u tal-ġirasol u minn reazzjoni msejħa tat-transeterifikazzjoni, li tiddetermina s-sostituzzjoni ta' komponenti alkolizzati oriġinali (gliċerina) bl-alkoħol metiliku (metanol). Il-bijoetanol huwa alkoħol (etanol u alkoħol etiliku) li jsir permezz ta' proċess ta' fermentazzjoni ta' diversi prodotti agrikoli b'kontenut qawwi ta' karboidrati u zokkor bħaċ-ċereali (qamħirrun, sorgu, qamħ, xgħir), raba' taz-zokkor (pitravi u zokkor tal-kannamieli), frott, patata u karfa ta' l-għeneb magħsur. Jitqiesu wkoll bħala bijokarburanti l-prodotti miksuba bl-għaqda kimika ta' molekoli ta' oriġini bijoloġika ma' molekoli ta' oriġini fossili. L-eżempju ewlieni huwa l-ETBE (ethyl tertiary butyl ether), miksub bir-reazzjoni tal-bijoetanol u l-isobutene.

3.2

L-etanol għandu l-karatteristiki ta' karburant eċċellenti: għandu numru ottan għoli u jista' jitħallat (E5, E10) mingħajr il-bżonn ta' modifiki kbar fil-mutur, anke jekk hemm bżonn ta' muturi speċjali fil-każ ta' użu iktar konsistenti (E85).

3.3

Id-diffikultà ewlenija fir-rigward ta' l-użu ta' l-etanol hija marbuta mat-taħlit tiegħu mal-petrol. Anke għal perċentwali żgħar ta' etanol, fil-fatt, il-pressjoni tal-fwar tiżdied b'mod sinifikattiv (bejn wieħed u ieħor 10 kPa) u b'hekk jiżdiedu l-emissjonijiet evaporattivi. L-affinità ta' l-etanol għall-ilma tista' tikkawża l-problemi fil-kwalità tal-prodott finali. Għandu jiġi evitat it-taħlit ta' petrol idrokarburiku komuni ma' petrol li fih l-etanol. Għal dan ta' l-aħħar għandu jintuża proċess ta' loġistika/distribuzzjoni separat.

3.4

Taħlita ta' bijodiesel u diesel tista' tintuża fil-muturi li jaħdmu bid-diesel. Fil-pajjiżi Ewropej ta' sikwit jitħallat f'perċentwali sa 5 % (B5) fid-diesel ta' kwalità standard. Din ix-xorta ta' taħlita ma tippreżenta l-ebda problema ta' kompatibilità. Diesel b'perċentaġġ għoli ta' bijodiesel (iktar minn 8-10 %) jista' joħloq xi problemi għall-vetturi b'siġilli magħmula minn materjal polimeriku li m'huwiex kompatibbli. L-ikbar problemi jinħolqu għall-filtri għall-partikuli u t-trabijiet irqaq, li jeħtieġu modifiki kbar u għaljin. Għal din ir-raġuni, filwaqt li ċerti manifatturi diġà adattaw il-karatteristiċi tal-vetturi tagħhom, oħrajn jillimitaw iż-żamma tal-garanzija għat-taħlitiet B5. Il-karatteristiċi igroskopiċi u ta' deterġenza u l-istabbiltà mnaqqsa fil-ħażna jistgħu, fil-każ ta' taħlitiet b'perċentaġġi għoljin, jitolbu miżuri partikulari fir-rigward tal-vetturi u s-sistema ta' distribuzzjoni tal-prodott.

3.5

Il-Kummissjoni tressaq argumenti konvinċenti fir-rigward tal-bżonn li l-iżvilupp tal-bijokarburanti jiġi appoġġjat b'determinazzjoni ikbar. Realistikament, hija ma tikkunsidrax li fil-ġejjieni l-produzzjoni attwali tal-petrol (1.2 biljun tunnellata fl-2004 fil-livell globali) tista' tiġi sostitwita għal kollox bil-bijokarburanti (46 miljun tunnellata fl-2005, 3 minnhom fl-UE, hekk kif imfisser fit-tabella li jmiss), iżda timmira lejn l-integrazzjoni fi ftit iktar minn 13-il sena, ta' kwota ta' bijokarburanti ta' mill-inqas 10 % fil-karburanti attwali permezz ta' l-adozzjoni ta' Direttiva u l-istabbiliment ta' objettivi speċifiċi għal kull Stat Membru.

2005

Miljuni ta' litri

l-Istati Uniti ta' l-Amerika

16 130

il-Brażil

15 990

iċ-Ċina

3 800

l-Indja

1 700

l-Unjoni Ewropea

2 900

Oħrajn

5 480

3.6

L-idroġenu, li diġà jintuża — għall-inqas fil-livell esperimentali — bħala sors ta' enerġija minn ċerti manifatturi Ewropej tal-karrozzi, għadu qiegħed jiġi prodott essenzjalment permezz ta' l-elettrolisi jew inkella billi jittieħed mill-gass naturali jew minn karburanti fossili oħrajn. L-użu tiegħu għalhekk ma jwassal għall-ebda tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. Minkejja l-iżvilupp reċenti tar-riċerka fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-idroġenu mill-bijomassa, anke bl-għajnuna tal-bijoteknoloġija, jew minn sorsi rinnovabbli, il-possibbiltà ta' użu u bejgħ kummerċjali fuq firxa wiesgħa tal-karrozzi li jaħdmu bl-idroġenu tkun iddeterminata wkoll mill-ispejjeż għoljin tax-xiri taċ-ċelluli tal-karburant. Sabiex l-idroġenu jsir alternattiva enerġetika ekonomikament prattikabbli hemm bżonn li jitbaxxew l-ispejjeż tal-produzzjoni. Studju li qiegħed jitwettaq attwalment fl-Università ta' New South Wales qiegħed janalizza l-possibbiltà li dan l-objettiv jintlaħaq billi jintużaw pannelli solari speċjali magħmulin minn ċeramiki ta' l-ossidu tat-titanju. It-titanju hwa għażla komuni ħafna fil-qasam ta' l-idroġenu solari minħabba l-fatt li għandu l-karatteristiċi tajbin ta' semikonduttur u huwa resistenti għall-ilma: fl-istat naturali tiegħu, madankollu, jekk ma jiġix immodifikat, m'huwiex effikaċi biżżejjed.

4.   Kummenti ġenerali

Xi diffikultajiet

4.1

Filwaqt li tiddeskrivi l-vantaġġi potenzjali tal-bijokarburanti, il-Kummissjoni tevita li ssemmi l-problemi u d-diffikultajiet marbutin ma' l-iżvilupp tagħhom, anke jekk kultant tinkludi kliem ta' twissija. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi analizzata bir-reqqa u b'attenzjoni kbira, sabiex jiġi evitat li s-soluzzjoni ta' problema twassal għall-ħolqien ta' problemi iktar serji, jew li jissemmew il-vantaġġi biss filwaqt li l-iżvantaġġi jibqgħu moħbija. Hija ħaġa stramba li l-valutazzjoni tal-benefiċċji tal-proposta hija bbażata fuq ipotesi irrealitsika, fi kliem ieħor dik li tintlaħaq kwota ta' 14 % sa l-2020. Fil-każ ta' objettiv ta' 10 %, il-benefiċċji huma oġġettivament iktar modesti.

4.2

Kemm id-dokument tal-Kummissjoni kif ukoll l-istudju ta' l-impatt mehmuż ma jidentifikawx diversi elementi ta' kritika li fir-realtà huma sinifikanti ferm. B'mod ġenerali, per eżempju, il-ġestjoni ta' l-iskart fil-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tiġi mmodernizzata u vvalutata fid-dawl tas-sistemi moderni tal-biofuel cell u tat-teknoloġiji elettroniċi marbutin mal-produzzjoni.

4.3

Fir-rigward tal-bijodiesel, ta' min jinnota b'mod partikulari l-problemi li ġejjin:

produttività limitata,

prezz għoli (0.4-0.7 €/L),

problemi ta' stabbiltà (preżenza ta' gruppi ossiġenati), u d-diffikultà tal-ħażna.

4.4

Il-problemi tal-bijotetanol huma dawn:

produttività limitata (iżda inqas minn dik tal-bijodiesel),

konsum għoli ta' ilma u fertilizzanti,

ma jistax jiġi trasportat permezz tal-pipelines li attwalment qegħdin jintużaw għall-karburanti tal-petrol (problemi ta' korrożjoni).

Il-vantaġġi, min-naħa l-oħra, jinkludu l-possibbiltà li jiżdied iċ-ċiklu tar-raba', billi l-prodotti tar-raba' li jservu ta' ikel għall-bnedmin u l-annimali jiġu alternati permezz ta' prodotti tar-raba' speċifiċi riservati għall-ħolqien ta' bijomassa għall-produzzjoni ta' l-enerġija. Huwa importanti li din is-sistema tiġi żviluppata b'attenzjoni partikulari għall-produzzjoni reġjonali. Il-prodotti tar-raba' Ewropej huma soġġetti għar-regolamenti dwar il-ħarsien ta' l-art u l-użu tal-fertilizzanti.

4.5

Il-bijokarburanti għandhom bżonn ta' prodotti tar-raba' adattati u fi kwantitajiet kbar. Minħabba f'hekk, jiġu ssagrifikati prodotti tar-raba' neċessarji sabiex tiġi sodisfatta l-eżiġenza tal-pajjiżi iktar fqar li jiksbu l-ikel bl-iktar prezz baxx possibbli. L-ipoteżi bbażata fuq l-użu taċ-ċelluloża bħala bażi għall-produzzjoni tal-bijokarburanti hija interessanti, iżda wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-produzzjoni titlob l-ewwel u qabel kollox ġestjoni kimika u fiżika (xorta ta' splużjoni tal-massa) sabiex tkun reattiva għall-proċess ta' bijotrasformazzjoni. Għandha wkoll tissemma l-problema tar-residwi u l-katalizzaturi użati, li jaggravaw il-kwistjoni tal-ġestjoni ta' l-iskart iktar 'il quddiem fi proċessi ta' dan it-tip.

4.6

Għal użu fuq skala kbira wieħed jista' jikkunsidra l-użu tal-gliċerina bħala karburant, fil-forma mhux raffinata, pura jew imħallta ma' karburanti oħra. Fost l-iżvantaġġi ta' din l-alternattiva ta' min isemmi l-prezz tal-gliċerina, jekk tintuża pura, il-prezz tal-proċess jekk tintuża l-gliċerina mhux raffinata, ir-rendiment kalorifiku baxx tagħha u l-bżonn li dejjem jinqerdu s-sustanzi tossiċi li jifformaw ruħhom waqt il-kombustjoni (essenzjalment l-akroleina, magħrufa wkoll bħala l-aldeide akrilika).

4.7

Wieħed jista' jadotta approċċ differenti, ibbażat fuq il-modifikazzjoni ġenetika ta' ċerti organiżmi li huma kapaċi jagħmlu lil ċerti prodotti tar-raba' adegwati għall-proċess tal-bijotrasformazzjoni, b'livelli ta' rendiment ogħla u b'hekk konsum enerġetiku mnaqqas fil-produzzjoni. L-inġinerija ġenetika tista' wkoll tintuża sabiex jiġu mmodifikati organiżmi li huma kapaċi jiffaċilitaw l-użu taċ-ċelluloża.

4.8

Mill-perspettiva teknika, hemm ukoll il-kwistjoni tar-rendiment produttiv tal-materja prima għall-bijokarburanti. Infakkru, per eżempju, li tunnellata pitravi tagħti madwar 400 litru bijoetanol (madwar 1 500 Mcal). Proporzjon bħal dan huwa biżżejjed għal valutazzjoni komplessivament pożittiva, meta wieħed jikkunsidra r-riskji u l-iżvantaġġi potenzjali għall-ambjent li l-adozzjoni ta' din il-forma ta' enerġija tista' tikkawża?

4.9

Punt ieħor li wieħed m'għandux jissottovaluta jirrigwarda l-proċessi estrattivi u s-selettività tagħhom minn banda u dawk fermentattivi minn oħra, li huma relattivament għaljin jekk il-kwalità tal-prodott finali tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha. Mill-banda l-oħra, matul l-użu tal-karburant, il-preżenza eventwali ta' impuritajiet tista' tikkawża ħsara ekonomika li tmur lil hinn mill-vantaġġi tiegħu mill-perspettiva tar-reazzjonijiet sekondarji, il-kwalità tal-karburant miksub u l-karatteristiċi ta' l-iskart u r-residwi.

Il-ħarsien ta' l-ambjent

4.10

Minn perspettiva strettament ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji tad-deforestazzjoni (kif diġà qiegħed jiġri fil-Malasja u l-Indoneżja għall-produzzjoni taż-żejt tal-palm, fil-Malawi u l-Uganda għat-tkabbir tal-jatropha f'żoni ddedikati lill-produzzjoni ta' l-ikel, kif ukoll f'żoni partikularment prezzjużi tal-foresti tropikali) u dawk marbutin mal-ħażna tal-materja prima. Hemm bżonn li jiġu indirizzati bl-ikbar attenzjoni u ċarezza l-problemi bijoloġiċi u bijokimiċi relatati.

4.11

Hemm ukoll aspett “etiku” li għandu jiġi kkunsidrat: il-kompetizzjoni bejn l-ikel u l-karburant. Il-prezz tal-materja prima nobbli bħall-qamħ, il-qamħirrun u r-ross dejjem qiegħed jiżdied minħabba l-fatt li d-domanda tad-“distilleriji” tal-bijokarburanti dejjem qiegħda tikber. (Rapport FAO u PAM 2007). Il-prezz tat-“tortillas” fil-Messiku għola b'60 % u kien kaġun ta' nkwiet u dimostrazzjonijiet ta' protesta. Fiċ-Ċina ż-żjieda fil-prezz tas-soja qiegħed jimbotta il-prezz tal-laħam 'il fuq. Dan ta' l-aħħar għola b'43 % mill-bidu tas-sena. Il-prezz tal-bajd għola b'16 %. Il-qamħirrun għola b'40 %, il-ħafur b'20 %. Fl-Indja ċ-ċereali għolew b'10 % u l-qamħ għola bi 11 %. Anke fl-Istati Uniti, skond id-Dipartiment Amerikan ta' l-Agrikoltura, huwa mistenni li jkun hemm żjieda ta' 10 % fil-prezz tat-tajr, ta' 21 % fil-prezz tal-bajd, u ta' 14 % fil-każ tal-ħalib. Fil-ġejjieni, jekk il-valur taċ-ċereali bħala karburant jaqbeż il-valur tagħhom bħala ikel, is-suq ser ixaqleb għall-ekonomija ta' l-enerġija. Il-prezz ta' l-ikel ser jiżdied hekk kif jiżdied dak taż-żejt, u b'hekk jikber ir-riskju ta' skarsezza ta' l-ikel anke fil-livell Ewropew.

4.12

Iż-żjieda fin-numru ta' impjanti (fl-Istati Uniti biss bħalissa qegħdin jinbnew 79 fabbrika ġdida għal mal-116 li diġà qegħdin jaħdmu) ser twassal għal żjieda konsiderevoli fil-konsum taċ-ċereali li skond l-EPI (Earth Policy Institute) ser tkun ta' 139 miljun tunnellata, id-doppju ta' l-istima tad-Dipartiment Amerikan ta' l-Agrikoltura. Jekk nikkunsidraw li r-rendiment huwa ta' 110 galluni etanol (416.19-il litru, jiġifieri ftit iktar minn erba' tankijiet mimlijin ta' vettura tat-tip SUV) għal kull tunnellata qamħirrun, il-kwistjoni tieħu xeħta tassew inkwetanti.

4.13

Barra minn hekk, f'rapport reċenti, (2) il-Kumitat enfasizza l-eżiġenza li titħares il-bijodiversità, b'mod partikulari l-foresti tropikali, li mhux biss jospitaw fawna li mingħajrhom hija kkundannata li tisparixxi għal dejjem, iżda li huma wkoll, bl-iktar mod assolut, l-uniku pulmun tal-pjaneta. It-tkabbir intensiv taz-zokkor tal-kannamiela fil-Brażil u tal-palma fil-Malasja u l-Indoneżja, li kuljum iwassal sabiex jiġu ssagrifikati mijiet ta' ettari ta' foresta favur il-monokulturi, għandu jitwaqqaf.

4.14

Hemm ukoll il-problema ta' “l-etika tax-xjenza”. Il-pjaneta tagħna hija sistema miftuħa li qiegħda togħkos dejjem iktar lejn l-istat ta' ekwilibriju, li ser jikkoinċidi ma' tmiemha. Ir-rwol tax-xjenza huwa li tikkontribwixxi sabiex din it-tendenza 'l isfel isseħħ iktar bil-mod u r-responsabbiltà tal-politika hija li tiffaċilita l-attivitajiet u l-istudji relatati.

4.15

Il-prezz ta' dan għandu jiġi ċċarat, mhux biss f'termini ekonomiċi, iżda wkoll fir-rigward ta' l-ambjent u s-saħħa. Għandhom isiru sforzi sinifikattivi sabiex l-impatti jkunu vvalutati u studjati aħjar.

4.16

Fir-rigward tal-kimika tal-kombustjoni b'molekoli oħra minbarra l-idrokarburi, għandhom jiġu studjati b'attenzjoni kbira l-formazzjoni u l-iżvilupp possibbli ta' radikali ħielsa minħabba l-istress ossidattiv tal-proċessi (waħda mill-kawżi ewlenin tal-kanċer). Fil-fatt sal-lum għad m'hawnx tagħrif preċiż fir-rigward taż-żjieda potenzjali tagħhom f'rabta mal-produzzjoni tal-bijokarburanti.

4.17

Il-kura u l-ħarsien tal-ħamrija huma fundamentali. Għandna nħarsuha għax din tħarisna. It-tnaqqis u d-deterjorament progressivi ta' l-istrata ta' l-ilma huma kkawżati minn politiki qarrieqa li jisfruttaw u jfaqqru l-ħamrija. Għandu jkun hemm rotazzjoni ta' l-uċuh tar-raba' sabiex tiġi ffavorita r-rivitalizzazzjoni tal-ħamrija.

Is-sigurtà ta' l-ikel

4.18

Fir-rigward tas-sigurtà ta' l-ikel, il-kumitat kompetenti tal-FAO ddedika kapitolu importanti lil din il-kwistjoni matul it-33 sessjoni li nżammet Ruma mis-7 sa l-10 ta' Mejju 2007. Punt 45 tar-rapport tiegħu jgħid li l-bijoenerġija toffri opportunitajiet u riskji għal kull waħda mill-erba' dimensjonijiet tas-sigurtà ta' l-ikel: id-disponibbiltà, l-aċċess, l-istabbiltà u l-użu. L-implikazzjonijiet tal-bijoenerġija għas-sigurtà ta' l-ikel ser ikunu influwenzati mid-daqs u t-tip ta' sistemi kkunsidrati, mill-istruttura tas-swieq ta' l-enerġija u tal-materja prima u mill-għażliet politiċi fl-oqsma ta' l-agrikoltura, l-ambjent u l-kummerċ. Il-bidliet teknoloġiċi fis-settur tal-bijoenerġija qegħdin iseħħu b'pass imgħaġġel u jirrappreżentaw element ta' inċertezza addizzjonali u importanti fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel.

4.19

Fl-istess rapport il-FAO tenfasizza li l-prezz taċ-ċereali għola ħafna fl-2006, b'mod speċjali dak tal-qamħ u tal-qamħirrun, li f'Novembru laħaq livell rekord għal dawn l-aħħar għaxar snin. Ħsad skars fil-pajjiżi produtturi ewlenin u domanda dejjem ikbar għall-produzzjoni tal-bijokarburanti huma l-muturi prinċipali tas-swieq taċ-ċereali. Ir-rapport isostni li anke s-settur tar-ross huwa milqut minn tnaqqis fl-offerta.

4.20

Reċentement, anke iċ-Ċina ħadet xi miżuri sabiex tnaqqas il-produzzjoni ta' l-etanol mill-qamħirrun, skond l-Asia Times Online tal-21 ta' Diċembru 2006. “L-iktar ħaġa importanti għaċ-Ċina hija li titma' l-1.3 biljun abitant tagħha; il-produzzjoni tal-bijokarburanti ser tkun appoġġjata biss ladarba jkun intlaħaq dan l-objettiv”, iddikkjara l-Ministru Ċiniż għall-Agrikoltura, Wang Xiaobing.

4.21

Fl-20 ta' Lulju 2007, il-gazzetta Taljana La Repubblica ppubbikat artikolu intitolat “Il-gwerra bejn il-bijopetrol u l-ispagetti — Żjieda kbira fil-qamħ għall-bijokarburanti u l-għaġin jogħla b'20 %”. Il-prezz tal-qamħ iebes, ingredjent ewlieni ta' l-għaġin Taljan, għola b'iktar minn 30 %, wara li l-bdiewa għaddew għat-tkabbir tal-qamħirrun iddestinat għall-bijoetanol. Il-prezz ta' buxel (27 kg) qamħ fil-Borża ta' Chicago tela' minn $ 3.6404 fit-3 ta' April 2007 għal $ 5.64 fl-14 ta' Ġunju li għadda. It-Taljani huma sensibbli ħafna għal dawn il-varjazzjonijiet fil-prezz billi huma l-ikbar konsumaturi fid-dinja, bi 28 kg per capita fis-sena kif ukoll l-ikbar produtturi bi 3.2 miljun tunnellata.

L-ilma

4.22

Problema oħra li s'issa ġiet ittraskurata hija l-konsum ta' l-ilma neċessarju għall-produzzjoni tal-bijokarburanti. Studji reċenti ta' l-International Water Management Institute (IWMI) ippubblikati fl-10 ta' Mejju 2007 rrevelaw li fis-Sri Lanka per eżempju, għall-produzzjoni ta' litru etanol hemm bżonn bejn 1 000 u 4 000 litru ilma, skond it-tip ta' pjanta u t-tekniki ta' produzzjoni użati. Huwa kkalkulat li l-Brażil juża 2 200 litru ilma għall-produzzjoni ta' litru etanol, filwaqt li l-Indja, fin-nuqqas tax-xita abbondanti tal-Brażil, tirrikorri għall-irrigazzjoni; litru etanol jeħtieġ 3 500 litru ilma mill-irrigazzjoni! Dan it-tagħrif ġie kkonfermat mill-Istitut Internazzjonali ta' Delft UNESCO-IHE Institute for Water Education, imwaqqaf fl-2003, li jikkollabora ma' l-Università lokali, u minn studji reċenti tal-Fakultà Agrarja ta' l-Università ta' Colorado, li qiegħda tħejji tipi ta' qamħirrun speċjali li jitolbu kwantitajiet żgħar ta' ilma. It-tagħrif relatat huwa disponibbli fuq is-sit ta' l-internet www.waterfootprint.org.

4.23

Fl-Ewropa, il-problema ta' l-ilma tolqot b'mod partikulari lir-reġjuni tan-Nofsinhar, li ilhom ħafna snin ibatu bl-iskarsezza ta' l-ilma minħabba ż-żjieda fit-temperatura u l-evaporazzjoni relatata. Dawn ir-reġjuni ser iħabbtu wiċċhom ma' problemi addizzjonali f'dan il-qasam filwaqt li għalissa r-reġjuni tat-Tramuntana m'humiex ser ikunu milquta.

L-ispejjeż

4.24

It-tabella li jmiss (ippreżentata mill-inġinier Mario Marchionna ta' l-ENI f'konferenza reċenti organizzata mill-AIDIC — Għaqda Taljana ta' l-Inġinerija Kimika) tqabbel l-ispejjeż tal-karburanti fossili ma' dawk tal-bijokarburanti, għall-istess ammont ta' enerġija.

Paragun tal-komponenti tal-bijokarburanti

(valur enerġetiku ekwivalenti)

Prezz ta' referenza: Brent = 70 (56) $/bl

Karburant

Ekwivalenti €¢/lt

Petrol  (3)

39 (31)

Bijoetanol

UE

75

Brażil

39

USA

47

Italja

(Val Padana)

70-75

Diesel  (4)

46 (37)

Bijodiesel

UE

78

Malasja

48

USA

60

Italja

78

4.25

Il-Kummissjoni tqis li sabiex l-UE tipproduċi l-kwantità ta' bijokarburanti neċessarja għall-kwota ta' 10 % sa l-2020, għandha bżonn 18-il miljun ettaru koltivabbli, b'mod partikulari:

7 miljun ettaru għelieqi mhux ikkoltivati,

7 miljun ettaru għar-rikonversjoni ta' art użata għaċ-ċereali b'sussidji għall-esportazzjoni.

4 miljun ettaru li għandhom jitneħħew mill-użu agrikolu.

Vantaġġi għall-pajjiżi foqra?

4.26

Il-Kummissjoni tiddikjara li l-iżvilupp ta' l-użu tal-bijokarburanti jista' jġib miegħu benefiċċji konsiderevoli, b'mod partikulari għall-pajjiżi fil-proċess ta' żvilupp, li jistgħu jkabbru l-produzzjoni tagħhom għall-esportazzjoni. Il-bdiewa Afrikani, madankollu, huma mħassba fir-rigward tar-redditu ekonomiku fuq l-investimenti mwettqa s'issa. Il-gazzetta African Agriculture fil-ħarġa ta' Mejju 2007 ppubblikat artikolu dwar il-jatropha (iż-żerriegħa ta' din is-siġra żgħira huma tossiċi għall-bniedem iżda jagħtu bijodiesel ta' kwalità aċċettabbli u ma jeħtieġu l-ebda kura partikulari). L-artikolu, intitolat “L-eċitament dwar il-jatropha huwa miraġġ?”, iqajjem mistoqsijiet serji.

4.27

L-għaqdiet ambjentali Afrikani wkoll semmgħu leħenhom, kif tikteb il-gazzetta The East African Business (gazzetta online ippubblikata mill-grupp editorjali prinċipali tal-Kenja, Nation Media Group) fil-ħarġa tas-7 ta' Mejju 2007. Fl-Uganda d-deforestazzjoni qiegħda tikber bi 2.2 % fis-sena, imqabbla ma' medja dinjija ta' 0.2 %; b'din ir-rata, il-pajjiż qiegħed jirriskja li jkun kompletament iddeforestat sa l-2040. Għal din ir-raġuni, grupp ta' attivisti tas-soċjetà ċivili fformaw koalizzjoni msejħa “Save Mabira”, mill-isem tal-foresta li l-gvern ta' l-Uganda ddeċieda li jagħti lix-Sugar Corporation of Uganda Ltd. sabiex din ikollha iktar art għat-tkabbir taz-zokkor tal-kannamiela ddestinat għall-bijoetanol. Kwart ta' l-ikbar foresta verġni tal-pajjiż, fi kliem ieħor 7 100 ettaru, ser tiġi ssagrifikata sabiex jiġu prodotti ftit tunnellati bijotenal, forsi ddestinati għall-karrozzi tal-linja ekoloġiċi Ewropej!

4.28

Il-Kummissjoni ma tgħid kważi xejn dwar dan. B'mod vag issemmi biss il-fatt li għandu jiġi evitat li jintużaw uċuh tar-raba' ddestinati għall-produzzjoni ta' l-ikel u artijiet li għandhom valur naturali qawwi. Skond il-Kummissjoni, is-soluzzjoni tinsab fil-politiki li jservu ta' deterrent ekonomiku. F'dan il-kuntest huwa diffiċli li wieħed isib xi ħjiel tal-kuraġġ tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jesprimi tħassib kbir fir-rigward ta' dawn ir-riskji ambjentali, li inevitabbilment ser ikunu akkumpanjati minn proliferazzjoni ta' uċuh tar-raba' OĠM (organiżmi ġenetikament immodifikati) li meta użati għal dan l-iskop jistgħu jidhru iktar aċċettabbli. Ir-riskju tat-tixrid ta' l-OĠM huwa reali, u l-opportunitajiet marbutin ma' l-użu tagħhom għandhom jiġu vvalutati biss ladarba r-riċerka xjentifika ddettaljata dwar kemm jistgħu jkunu perikolużi tkun intemmet, u billi tkompla titħares il-bijodiversità li għad fadal fl-UE.

4.29

Il-Kumitat jemmen li huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' għaqdiet internazzjonali li jiġġieldu kontra l-ġuħ fid-dinja bħall-FAO u l-WFP u jiddispjaċih li fil-valutazzjoni ta' l-impatt tagħha, il-Kummissjoni ma kkuntattjatx lil dawn l-aġenziji internazzjonali, li qegħdin jaħdmu b'mod serju fuq dan is-suġġett, mingħajr ma jaħbu d-diffikultajiet u r-riskji marbutin ma' l-iżvilupp tal-bijokarburanti, b'enfasi speċjali fuq il-konsum tar-riżorsi ta' l-ilma.

Il-Kunsill Ewropew

4.30

Il-Kumitat jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa li nżamm fit-8 u d-9 ta' Marzu 2007 li ta attenzjoni speċjali lill-Politika Ewropea ta' l-Enerġija u t-tliet objettivi ewlenin tagħha:

il-garanzija tas-sigurtà tal-provvista,

il-garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezz aċċessibbli,

il-promozzjoni tas-sostenibilità ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.31

Il-Kunsill Ewropew jappoġġja u jadotta l-proposti tal-Kummissjoni għall-enerġija b'mod ġenerali, u b'mod partikulari għall-bijokarburanti, anke jekk kliemu fir-rigward ta' l-obbligazzjoni ta' l-10 % jagħti lok għal ħafna dubji: “L-aspett vinkolanti ta' dan l-objettiv huwa adegwat sakemm il-produzzjoni tkun sostenibbli, il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni jkunu disponibbli fis-suq u d-Direttiva dwar il-kwalità tal-karburanti tiġi modifikata konsegwentement, sabiex il-livelli ta' taħlit ikunu adegwati”.

4.32

Ser ikun importanti ferm li wieħed jifhem kif l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jużaw dawn il-limiti imposti fuq l-obbligazzjoni. B'mod partikulari, ir-referenza għad-disponibbiltà kummerċjali tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni llum tidher oġġettivament problematika. Il-bidla mill-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni għal dawk tat-tieni ġenerazzjoni fl-istabbilimenti industrijali attwali, dawk li l-bini tagħhom jinsab f'fażi ta' kostruzzjoni avvanzata u dawk ippjanati għas-snin li ġejjin, tinvolvi spejjeż kbar ħafna. Dan ifisser li jekk dawn il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni ma jkunux disponibbli, l-aspett vinkolanti tad-deċiżjoni tal-Kunsill jgħosfor. Rigward is-sostenibbiltà, minbarra d-Direttivi eżistenti, hemm bżonn ta' leġislazzjoni Ewropea addizzjonali sabiex jiġi assigurat li l-produzzjoni tal-bijomassa tirrispondi mill-qrib għar-rekwiżiti stabbiliti u li l-uċuh tar-raba' riservati għall-bijokarburanti ma jikkompetux ma' dawk riservati għall-produzzjoni ta' l-ikel għall-bnedmin u għall-annimali. Fir-rigward tal-modifiki tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-karburanti, il-proċedura hija pjuttost kumplessa u ser ikollhom jieħdu ħsiebha l-korpi ta' standardizzazzjoni, b'mod partikulari s-CEN li għandu janalizza l-problemi marbutin mat-tekniki speċifiċi.

Il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni

4.33

Fil-qasam tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni diġà jeżistu xi soluzzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-etanol, kemm permezz ta' proċess bijoloġiku ta' fermentazzjoni u distillazzjoni, kif ukoll permezz ta' proċess termokimiku ta' gassifikazzjoni tal-bijomassa sabiex jinkiseb is-syngas (H2 u CO), li bil-fermentazzjoni jipproduċi l-etanol u jiġġenera l-enerġija b'ċiklu kkumbinat jew bil-koġenerazzjoni. L-ewwel impjant ta' dan it-tip b'kapaċità ta' 180 000 tunnellata fis-sena ser ikun operattiv minn din is-sena 'l quddiem f'Porvoo fil-Finlandja u impjant ieħor huwa ppjanat, dejjem fl-istess post, għall-2008. Iżda proċessi bħal dawn għandhom rendiment enerġetiku baxx ħafna u f'ċerti każijiet saħansitra negattiv. Għalhekk ġiet studjata l-possibbiltà li dawn il-proċessi jsiru permezz tal-fotokimika, billi jintuża d-dawl tax-xemx bħala sors ta' enerġija u jintużaw katalizzaturi adegwati li kapaċi jtejbu l-karatteristiċi tagħhom. Soluzzjoni possibbli għall-bijokarburanti tal-ġenerazzjoni l-ġdida hija dik tal-bijobutanol. Il-bijobutanol għandu pressjoni ta' fwar baxxa u tolleranza għat-tniġġis ta' l-ilma fit-taħlit tal-petrol, li jiffaċilitaw l-użu tiegħu fil-kanali eżistenti tat-tiġdid tal-provvista u tad-distribuzzjoni tal-petrol. Il-bijobutanol jista' jitħallat mal-petrol f'konċentrazzjonijiet ogħla minn dawk tal-bijokarburanti eżistenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu mmodifikati l-vetturi. Barra minn hekk, jippermetti li jiġi ffrankat ammont ikbar ta' karburant meta mqabbel mat-taħlit ta' petrol u etanol, u dan itejjeb l-effiċjenza enerġetika tiegħu u jnaqqas il-konsum għal kull litru. Il-bijobutanol jista' jiġi prodott billi jintużaw il-faċilitajiet u l-impjanti produttivi tal-bijoetanol.

4.34

Is-seba' Programm Qafas alloka riżorsi sostanzjali għall-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji li għandhom karatteristiċi interessanti ħafna u jipproduċu bijokarburanti “nodfa” li:

ma fihomx kubrit, aromatiċi jew poliċikliċi,

huma stabbli,

għandhom livell ta'emissjonijiet baxx ħafna,

għandhom numru ċetan għoli ħafna (85-100),

jaqbżu l-limiti ta' l-użu taħt temperaturi baxxi ta' ċerti tipi ta' bijokarburanti,

jistgħu jitħalltu mad-diesel normali fi proporzjonijiet iktar għoljin (sa 60 %),

għandhom karatteristiċi tekniċi stabbiliti u jinsabu fuq il-lista tal-bijokarburanti ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/30/KE.

Il-KESE jemmen li l-Ewropea trid talloka iktar riżorsi finanzjarji għar-riċerka tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jilqa' l-objettivi tal-Politika Ewropea għall-Enerġija iżda jenfasizza l-fatt li sabiex jintlaħqu hemm bżonn li jiġu pprovduti l-fondi neċessarji għall-investiment, bil-parteċipazzjoni ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.

5.2

Il-Kumitat iqis li huwa neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali lir-riċerka fis-settur tal-bijokarburanti, b'mod partikulari dawk tat-tieni ġenerazzjoni, mingħajr ma jiġu ssagrifikati possibbiltajiet oħra bħall-iżvilupp ta' l-idroġenu solari jew miksub mill-bijomassa.

5.3

Il-Kumitat jirrakkomanda b'mod partikulari r-rispett tal-bijodiversità u l-użu esklussiv ta' l-uċuh tar-raba' mhux alimentari għall-bijokarburanti, sabiex jinqered ir-riskju ta' kompetizzjoni bejn l-ikel u l-karburanti, billi għad hawn miljuni ta' bnedmin li m'għandhomx biżżejjed ikel u li qegħdin imutu bil-ġuħ. Fil-fatt ir-rapport tal-FAO msemmi jiddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu li l-fatt li fid-dinja 854 miljun bniedem għadu mhux mitmugħ biżżejjed huwa prova li l-progress lejn l-objettivi tal-World Food Summit u l-Millennium Development Goals huwa insuffiċjenti. Skond ir-rapport, filwaqt li ħafna pajjiżi, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana, juru li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu n-numru ta' ċittadini tagħhom li qegħdin ibatu bil-ġuħ, din il-possibbiltà hija mhedda miż-żjieda fil-prezzijiet ta' l-ikel, mit-tnaqqis ta' l-offerta fuq is-swieq taċ-ċereali, mill-ġlied, mill-mard u mit-tibdil fil-klima. Ir-riċerkaturi Amerikani Ford Runge u Benjamin Senauer ta' l-Università ta' Minnesota jsostnu, fuq il-bażi ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet taċ-ċereali għall-ikel, li n-numru ta' persuni li jbatu bil-ġuħ fid-dinja mhux biss m'huwiex ser jinżel għal 600 miljuni fl-2025 kif kien mistenni, iżda ser jirdoppja u jilħaq 1 200 miljun!

5.4

Bl-iskop li jitwettqu l-objettivi tal-ħarsien ta' l-ambjent u t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, tat-titjib tal-konsum ta' l-enerġija u l-użu ta' enerġiji alternattivi, ta' l-awtonomija enerġetika u s-sigurtà tal-provvista, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-prodotti li jikkontribwixxu l-iktar lejn dawn l-objettivi jirċievu trattament differenti (inċentivi fiskali, amministrattivi, eċċ.).

5.5

Il-Kumitat iqis li fis-sitwazzjoni attwali t-teknoloġiji eżistenti jitolbu konsum għoli ħafna ta' enerġija, ilma u art (ir-rendiment għal kull ettaru huwa tali li kieku terz ta' l-art Taljana tkun riservata għat-tkabbir tal-kolza, il-kwantità ta' bijodiesel miksuba tkun biżżejjed biss sabiex tissostitwixxi 10 % tal-konsum totali tal-prodotti petroliferi fil-pajjiż u 40 % tal-konsum tad-diesel mis-settur tat-trasport).

5.6

Il-Kumitat jemmen li l-proposta għal direttiva ġdida għandha tkun akkumpanjata minn proċess sinifikanti u wiesa' ta' valutazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali; iqis li, għall-inqas f'din il-fażi, il-proċess ma jidhirx li huwa strutturat kif jixraq.

5.7

Huwa fundamentali li sabiex l-effetti tal-ġlieda kontra t-tniġġis ma jintilfux, il-bijokarburanti jsiru minn prodotti agrikoli nazzjonali ta' “0 kilometri”. M'għandhomx jiġu trasportati minn pajjiż għall-ieħor fuq distanzi twali, bil-konsum konsegwenti ta' karburanti fossili. Il-problema ta' l-irkuprar ta' l-enerġija mir-residwi agroalimentari huwa marbut kemm mat-tixrid wiesa' ta'dawn fuq it-territorju, li jġib miegħu ċaqliq għali lejn ċentri ta' ġestjoni, kif ukoll mal-kwantità kbira ta' ilma li fihom, li tirriżulta fit-trattament ta' volum kbir. Għal dawn ir-raġunijiet, it-trattament ta' dan it-tip ta' bijomassa għandu kemm jista' jkun isir in situ.

5.8

Il-Kumitat jemmen li għandha tiġi appoġġjata r-riċerka fl-ambitu tat-teknoloġiji relatati mal-biofuel cell, fi kliem ieħor iċ-ċelluli b'karburant bijoloġiku li jużaw il-bijokatalizzaturi sabiex jaqilbu l-enerġija kimika fl-elettriku. Proċess bħal dan, immirat lejn il-produzzjoni ta' l-enerġija permezz ta' dawn iċ-ċelluli, jippermetti li jinġabru l-elettroni kollha li l-pjanta li minnha tinġieb il-bijomassa akkumulat fil-proċess tal-fotosintesi (24 elettron għal kull molekola ta' glukosju ossidata għal CO2 u ilma).

5.9

Il-Kumitat jaqbel mal-valutazzjoni tal-Parlament Ewropew li fir-riżoluzzjoni dwar l-istrateġija għall-bijomassa u l-bijokarburanti, approvata fi Strasburgu fl-14 ta' Diċembru 2006 u spjegata fil-konsiderazzjonijiet tal-bidu, li minkejja l-fatt li s-settur tat-trasport huwa responsabbli għal iktar minn 20 % ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, m'huwiex inkluż fil-mekkaniżmu tal-kummerċ ta' l-emissjonijiet. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li teżamina l-possibbiltà li testendi l-applikazzjoni ta' l-iskema taċ-ċertifikati bojod għas-settur tal-karrozzi.

5.10

Fl-istess riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi ċertifikazzjoni obbligatorja u kompluta li tippermetti li jkun hemm produzzjoni sostenibbli ta' bijokarburanti fil-fażijiet kollha tat-tkabbir u ta' l-ipproċessar kif ukoll għall-bilanċ tal-gassijiet b'effett ta' serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, u li tiġi applikata kemm għall-karburanti prodotti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll għal dawk importati; u li tappoġġja l-iżvilupp u l-użu tas-Sistema ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) sabiex tikkontrolla l-użu ta' l-art fil-produzzjoni tal-bijoetanol bl-iskop li timpedixxi l-qerda tal-foresti tropikali u riperkussjonijiet negattivi oħra għall-ambjent. Il-Kumitat jaqbel mal-proposti tal-Parlament Ewropew u jappoġġjahom.

5.11

Il-Kumitat jinnota li f'uħud mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE reċentement, il-flotta tal-vetturi hija partikularment qadima u magħmula minn magni ta' kwalità iktar baxxa minn dawk tas-swieq għonja. Id-dħul per capita f'dawn il-pajjiżi huwa pjuttost baxx, bħalma huwa wkoll dak ta' proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tal-pajjiżi fejn id-dħul per capita huwa ġeneralment iktar għoli. Dan ifisser li l-idea li jinħolqu obbligazzjonijiet u spejjeż għal dawn iċ-ċittadini Ewropej, li għandhom bżonn il-karrozza bħala għodda tax-xogħol indispensabbli, m'hijiex realistika.

5.12

Il-Kumitat jemmen li f'din il-fażi l-bijokarburanti jistgħu jappoġġjaw is-suq tal-karburanti iżda ma jistgħux jirrappreżentaw risposta strutturali għat-talbiet ta' dan is-suq. Jiġri x'jiġri, il-produzzjoni tal-bijokarburanti ser ikollha tiġi kkontrollata mill-qrib sabiex jiġu evitati r-riskji ambjentali u soċjali msemmija f'din l-opinjoni. Meta wieħed iqis il-problemi potenzjali identifikati f'din l-opinjoni, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha żzomm il-mira ta' 10 % taħt analiżi kontinwa u għandha tkun lesta tipproponi modifiki għaliha jekk il-problemi ma jkunux jistgħu jingħelbu b'mod sodisfaċenti u sostenibbli.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  S'issa ċ-ċifri huma l-istess bħal tas-sena l-oħra, mingħajr l-ebda żjieda. Reċentement il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward taż-żamma tal-kumpens fl-2008.

(2)  Rapport ĠU C 97, 28.4.2007 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inwaqqfu t-telf ta' bijodiversità qabel l-2010u lil hinnNappoġġjaw lis-servizzi ta' l-ekosistemi għall-benesseri tal-bniedem.

(3)  Għall-petrol intuża l-Platt's Mediterranean CIF High.

(4)  = Għad-diesel intuża l-Platt's Mediterranean CIF High.


Top