EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE0982

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona)

OJ C 256, 27.10.2007, p. 8–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona)”

(2007/C 256/03)

Nhar l-14 ta' Settembru 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 31 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jinkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tħejjurapport ta' informazzjoni dwar Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona).

Fis-sessjoni plenarja ta' l-14 u l-15 ta' Marzu 2007, ġie deċiż li r-rapport ta' informazzjoni jiġi trasformat f'opinjoni fuq inizjattiva proprja (Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Faes.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tat-12 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'123 voti favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Marzu 2006 jitolbu għal rapporti sommarji mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b'appoġġ għall-Isħubija għat-Tkabbir u l-Impjieg kmieni fl-2008.

1.2

B'żieda ma' dan, il-Kunsill Ewropew ippropona oqsma speċifiċi għall-azzjonijiet ta' prijorità għall-perijodu 2005-2008:

i.

investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni

ii.

il-potenzjal tal-kummerċ, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona)

iii.

l-użu ta' kategoriji ta' prijorità (…)

iv.

id-definizzjoni ta' Politika ta' Enerġija għall-Ewropa (…)

v.

il-miżuri li għandhom jittieħdu f'kull livell sabiex jinżamm il-momentum taħt il-pilastri kollha ta' l-Isħubija għat-tkabbir u l-impjieg (…).

2.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

2.1

Minkejja li l-Istrateġija ta' Lisbona pproduċiet riżultati pożittivi, s'issa għadha ma tatx riżultati kompluti, b'mod partikulari, fl-oqsma tat-tkabbir ekonomiku u industrijali u l-ħolqien ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar. F'termini ta' kompetizzjoni globali, l-Ewropa qiegħda tiffaċċja sfidi minn kompetituri tradizzjonali u iktar riċenti li ma tistax tittratta magħhom b'mod adegwat.

2.2

L-intrapriżi ta' l-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw suq uniku mhux komplut fejn jistgħu joperaw, speċjalment fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' taxxa, l-implimentazzjoni wisq bil-mod tad-direttivi mill-Istati Membri, il-piż amministrattiv li fadal, in-nuqqas ta' mobilità tax-xogħol. L-SMEs, b'mod partikulari għandhom diffikultajiet sabiex jegħlbu dawn l-ostakli.

2.3

Sfidi oħra li jridu jingħelbu huma n-nuqqas ta' intraprenditorija, ix-xjuħija tal-popolazzjoni u l-effet tagħħa fuq l-intraprenditorija, il-provvista tax-xogħol u ħtieġa ikbar għal enfasi fuq it-trasferiment ta' l-intrapriża, l-aċċess għall-finanzi fil-fażi tal-bidu u t-tkabbir, l-aċċess għar-riżultati tar-riċerka u l-opportunitajiet ta' innovazzjoni li dawn joħolqu.

2.4

L-Intrapriżi ż-Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs) jaqdu rwol ewlieni fil-ksib ta' l-għanijiet ta' Lisbona. Madankollu, il-kontribuzzjoni neċessarja tagħhom ġiet ittraskurata fl-ewwel snin ta' l-implimentazzjoni. B'mod speċjali l-involviment ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs fl-evalwazzjoni tal-progress għandu jiġi żviluppat aħjar kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta' l-SMEs fil-livelli kollha tal-politika. Fl-okkażjoni tar-reviżjoni li jmiss tal-linji ta' gwida integrati għat-tkabbir u l-impjieg għas-snin 2008-2010, il-KESE jsejjaħ għal linji ta' gwida għall-SMEs li jkunu indirizzatiaħjar u aktar effettivi, speċjalment fir-rigward tal-kapitolu dwar ir-riformi mikro-ekonomiċi. Sabiex jiġu implimentati bis-sħiħ fil-proċess, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jagħti bażi legali lill-Karta għall-Intrapriżi ż-Żgħar — kif mitlub mill-Parlament — sabiex tissaħħaħ il-bażi għal azzjoni addizzjonali. Il-linji u azzjonijiet ta' politika li ġejjin huma meqjusa bħala kruċjali sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal intraprenditorjali ta' l-SMEs.

2.4.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jagħmlu kull sforz sabiex jikkontribwixxu lejn il-prinċipju “L-Ewwel Aħseb fiċ-Ċokon”, prinċipju ewlieni fil-leġislazzjoni kollha rilevanti.

2.4.2

Il-KESE jsejjaħ għal “Sena ta' l-Intraprenditur” fl-2009 sabiex jiġi enfasizzat ir-rwol ewlieni li jaqdu l-intraprendituri għat-tkabbir u l-benesseri u sabiex jistimola liż-żgħażagħ u oħrajn sabiex jikkunsidraw l-intraprenditorija bħala karriera.

2.4.3

Il-KESE jsejjaħ għal sforzi sabiex jiġi assigurat Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni effettiv, li jipprovdi appoġġ effiċjenti u aċċess faċli lill-SMEs; isejjaħ ukoll sabiex is-7 Programm ta' Qafas għall-Iżvilupp u r-Riċerka u l-Fondi Strutturali jiffaċilitaw l-aċċess għall-SMEs. L-effikaċja u l-aċċessibilità ta' dawn il-programmi kif ukoll JEREMIE għandhom ikunu sorveljati b'mod strett.

2.4.4

Il-beni l-iktar prezzjuż ta' kumpanija huwa l-kapital uman. Strutturi adegwati ta' appoġġ, offerti ta' taħriġ magħmula apposta u inċentivi finanzjarji ddisinjati tajjeb għandhom jgħinu lill-SMEs sabiex itejbu l-kompetenzi u l-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll ta' l-intraprendituri billi jinvestu fit-taħriġ kontinwu.

2.4.5

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi ta' l-involviment ta' l-SMEs fil-programmi komunitarji. Jekk il-parteċipazzjoni m'hijiex meqjusa bħala suffiċjenti, persentaġġ minimu għandu jkun obbligatorju.

2.4.6

L-akkwist pubbliku huwa strument importanti li jgħin lill-SMEs sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom. L-involviment ta' l-SMEs għandu jkun sorveljat b'mod strett, u l-miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-Akkwist Pubbliku għandhom jiġu żviluppati. L-iskambju ta' l-aħjar prassi għalhekk għandu jkun imħeġġeġ.

2.4.7

Għandha tinħoloq struttura ta' koordinazzjoni fil-livell tal-Kummissjoni għal politika ta' l-SMEs li hija reali, effiċjenti u effettiva fil-programmi, azzjonijiet u miżuri leġislattivi kollha.

2.4.8

Huwa meħtieġ li jitfasslu miżuri speċjali għall-promozzjoni u t-tijib ta' l-aħjar prassi marbuta ma' l-SMEs u t-tkabbir tal-kompetittività, speċjalment f'dawk ir-reġjuni b'livell baxx ta' żvilupp Ewropew. Dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati permezz ta' organizzazzjonijiet għall-SMEs.

3.   Ġenerali

3.1

L-Istrateġija ta' Lisbona hija magħrufa l-aħjar, b'manjiera riduttiva, bħala impenn sabiex l-Ewropa ssir l-iktar ekonomija dinamika, kompetittiva, ibbażata fuq l-għarfien fid-dinja sas-sena 2010. Minbarra l-punti prinċipali, il-Kunsill adotta wkoll il-Karta ta' L-intrapriżi ż-Żgħar f'Ġunju 2000 f'Santa Maria da Feira.

3.2

Il-Kumitat ifakkar li mill-bidu nett, il-mandat ta' Lisbona ta' l-24 ta' Marzu 2000:

enfasizza l-ħtieġa għall-involviment attiv ta' l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fl-istrateġija, bl-użu ta' forom varjabbli ta' l-isħubija;

speċifika li s-suċċess tagħha jiddependi primarjament fuq is-settur privat u l-isħubiji pubbliċi-privati u fuq l-involviment kemm ta' l-Istati Membri kif ukoll ta' l-Unjoni;

immira lejn żvilupp bilanċat tat-tliet elementi tiegħu, jiġifieri t-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibilità ambjentali, billi jiġu stimolati l-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta' l-impjieg filwaqt li fl-istess ħin isir żvilupp tal-politiki ambjentali adattati.

3.3

Fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa f'Marzu 2005, il-Kunsill ipproċeda għar-reviżjoni ta' nofs it-term ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u ddeċieda li jniedi l-proċess mill-ġdid billi jerġa' jiffoka fuq it-tkabbir u l-impjieg bħala l-prijoritajiet politiċi ewlenin. Intlaħaq ftehim fuq il-linji ta' gwida integrati għat-tkabbir u l-impjieg (1) li għandhom irawmu l-koerenza tal-miżuri tar-riforma u jipprovdu pjan ta' direzzjoni għad-disinn ta' programmi nazzjonali għar-riforma.

3.4

Fl-evoluzzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, it-tfittxija għall-kompetittività u t-tkabbir hija karatteristika essenzjali għat-twettiq ta' benesseri ekonomiku mtejjeb, il-ħolqien ta' l-impjieg, il-ħarsien tal-kwalità ta' l-istil ta' ħajja kif ukoll fit-titjib tagħhom. Mill-banda l-oħra, kwalità aħjar tal-ħajja, titjib soċjali u sostenibilità ambjentali jistgħu joħolqu t-tkabbir ukoll. L-oqsma fejn l-Istrateġija ta' Lisbona s'issa għadha ma pproduċietx riżultati, huma t-tkabbir ekonomiku u industrijali u l-ħolqien ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar. F'termini ta' kompetizzjoni globali, l-Ewropa qiegħda tiffaċċja d-diffikultajiet. Mit-tnedija tal-proċess ta' Lisbona, l-UE għaddiet minn tkabbir kbir minn 15 sa 25 imbagħad 27 Stat Membru.

3.5

Il-Kumitat l-ewwel jixtieq jinnota li l-Istrateġija ta' Lisbona diġà ppermettiet numru ta' żviluppi pożittivi inklużi:

għarfien tal-bżonn għar-riforma li tmur lilhinn mid-diviżjonijiet tradizzjonali;

espansjoni aċċelerata tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-proċessi ta' l-innovazzjoni;

appoġġ miżjud għat-tnedija ta' intrapriżi u l-iffinanzjar ta' SMEs;

preokkupazzjoni akbar għal żvilupp sostenibbli li jkun ddisinjat sabiex inaqqas id-defiċits pubbliċi, jerġa' jrodd lura l-istabilità fil-baġit tal-ħarsien soċjali u jħares lill-ambjent;

inizjattivi min-naħa ta' l-imsieħba soċjali fir-riforma soċjali;

miżuri li jissemplifikaw il-proċeduri legali u amministrattivi, minkejja l-impatt limitat li kien hemm s'issa.

3.6

Minkejja dawn il-punti pożittivi, l-osservazzjoni ewlenija hija li l-Ewropa, maqbuda bejn il-kompetituri l-kbar industrijalizzati tagħha u ekonomiji ġodda bi spiża baxxa ta' produzzjoni li qegħdin jagħmlu użu ikbar mit-teknoloġiji l-ġodda, qiegħda tiffaċċja sfidi kompetittivi li kulma jmur qegħdin dejjem jikbru. Bosta indikaturi jagħtu lok għat-tħassib, per eżempju:

domanda domestika aktar dgħajfa, investiment imnaqqas, rati ta' produttività u tkabbir fl-Unjoni Ewropea, li jġagħluha titlef meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħha u swieq promettenti;

il-globalizzazzjoni li qiegħda twassal għall-integrazzjoni ta' pajjiżi ġodda fis-sistema ekonomika internazzjonali;

in-nuqqas li jinkisbu l-objettivi fir-rigward ta' l-impjieg;

il-kontinwazzjoni ta' defiċits pubbliċi f'bosta Stati Membri, minkejja li m'humiex dejjem l-istess;

id-differenza vasta bejn ir-regoli tat-tassazzjoni u r-rati tat-taxxa għall-intrapriżi;

il-piż amministrattiv li għad fadal fuq l-intrapriżi u l-implimentazzjoni bil-mod tad-direttivi fl-Istati Membri;

ix-xjuħija tal-poplazzjoni ta' l-Ewropa li ser tkun ta' strapazz enormi fuq il-finanzi pubbliċi u l-provvista tax-xogħol;

it-theddida tas-skarsezza tar-riżorsi li qiegħda tiżdied jew il-volatilità tal-prezzijiet, il-bidla klimatika u t-telf tal-bijodiversità;

in-nuqqas ta' mobilità tax-xogħol li huwa kruċjali għat-twettiq tas-suq intern;

iċ-ċaqliq ta' kumpaniji fl-Ewropa lejn swieq ġodda u li qegħdin jikbru b'pass mgħaġġel;

l-interess biered taċ-ċittadini Ewropej fl-Unjoni Ewropea.

3.7

Fl-istess ħin, ir-riformi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għadhom lura:

3.7.1

Fil-livell Ewropew, l-Istati Membri ddeċidew li s-suq uniku kellu jiġi komplut f'bosta oqsma (l-enerġija, is-servizzi, l-akkwist pubbliku, in-netwerks trans-Ewropej, l-adattament tas-servizzi pubbliċi), iżda jinqgħu lura milli jimplimentawil-miżuri neċessarji fil-ħin stipulat.

3.7.1.1

Fil-livell Ewropew, mis-snin 90 il-Kummissjoni ħadet ammont kbir ta' inizjattivi sabiex l-ewwelnett tifhem aħjar il-ħtiġijiet u l-ħidma ta' l-SMEs u t-tieninett sabiex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom u tgħinhom jisfruttaw aħjar il-potenzjal tagħhom li joħolqu l-impjiegi. Dawn l-azzjonijiet ġew rinfurzati f'dawn l-aħħar snin bin-nomina ta' Rappreżentant Speċjali (envoy) għall-SMEs, il-pjan ta' azzjoni għall-intraprenditorija adottat fl-2004, u l-isforzi għal leġislazzjoni aħjar, aċċess aħjar għall-finanzi (FEI u BEI), il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP).

3.7.2

Fil-livell nazzjonali, ir-riżultati jvarjaw, u l-insuffiċjenzi jikkonċernaw l-iktar:

il-kumplessità strutturali tar-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi;

ir-rati għolja tal-qgħad, speċjalment għal xi gruppi identifikati;

ir-rata għolja ta' l-irtirar bikri, minkejja l-impenji li ttieħdu;

sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li ma jkunux ġew adattati, speċjalment fejn jidħlu l-ħiliet intraprenditorjali u ta' l-ICT;

il-provvista insuffiċjenti tal-possibilitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja;

l-infiq fuq ir-riċerka li naqas b'mod ġenerali, minflok ma jiżdied bil-għan li jilħaq ir-rata ta' Lisbona li ġiet stabbilita għal 3 % tal-Prodott Gross Domestiku;

in-nuqqas ta' innovazzjoni, minkejja li t-tabella ta' valutazzjoni l-iktar riċenti dwar l-innovazzjoni turi riżultati aħjar;

in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzi għall-SMEs, flimkien ma' nuqqas ta' għarfien dwar il-possibilitajiet, saħansitra fil-livell Ewropew;

il-kontinwazzjoni tad-defiċits baġitarji minkejja li m'humiex dejjem fl-istess pajjiżi.

3.7.3

L-Istati Membri l-ġodda ta' sikwit ikollhom jegħlbu ostakli addizzjonali minħabba f'differenza fl-iżvilupp, per eżempju fl-impjieg, it-teknoloġiji jew l-ambjent, minkejja li dawn l-ostakli xi kultant jiġu kumpensati b'miżuri ta' tiġdid li huma iktar radikali minn dawk fl-UE-15.

3.8

Nirreferi għar-rapport imħejji mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) b'talba mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005, li jippreżenta r-riżultati tal-konsultazzjoni tal-KESE ma' l-imsieħba tiegħu, fl-Istati Membri kollha u fil-livell Ewropew, dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u r-rwol ta' l-imsieħba soċjali u l-komponenti oħra tas-soċjeta ċivili organizzata (2). Numru ta' rapporti dwar l-Istrateġija ta' Lisbona u aspetti speċifiċi tagħha ġew ippubblikati mill-Kumitat f'dawn l-aħħar snin (3).

4.   It-titjib fil-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs

4.1   L-importanza ta' l-SMEs fl-ekonomija Ewropea

4.1.1

Il-maġġoranza l-kbira ta' l-intrapriżi (99.8 %) fl-Ewropa huma SMEs. Il-kumpanija tipika Ewropea hija mikro-kumpanija (91 %); 7 % huma intrapriżi żgħar. Mhux talli l-biċċa l-kbira ta' l-intrapriżi fl-Ewropa huma żgħar, iżda jsarrfu wkoll f'ammont sinifikanti ta' l-esperjenza Ewropea tax-xogħol (żewġ terzi ta' l-impjiegi fis-settur privat) u attività ekonomika (57 % tal-Prodott Gross Nazzjonali) (4).

4.1.2

Sabiex jitjieb il-monitoraġġ tal-prestazzjonijiet ta' l-SMEs, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tniedi mill-ġdid l-attivitajiet ta' l-Osservatorju Ewropew għall-SMEs.

4.1.3

L-SMEs huma l-muturi ewlenin li jiġġeneraw l-impjiegi, li jirrappreżentaw wieħed mis-sorsi prinċipali ta' dħul għall-baġit nazzjonali (taxxi, VAT, eċċ.), li joffru l-opportunità ta' suċċess professjonali u soċjali għal parti mdaqqsa tal-popolazzjoni, speċjalment fl-iktar settur attiv u innovattiv tiegħu, li jmexxi l-ekonomija 'l quddiem. Barra minn hekk, dawn jassiguraw il-komponent ewlieni ta' sfond ekonomiku favorevoli għall-ekonomija tas-suq, karatterizzata mill-flessibilità, l-innovazzjoni u d-dinamiżmu, u li jirrappreżentaw iż-żerriegħa tal-kumpaniji l-kbar tal-ġejjieni speċjalment f'setturi ekonomiċi ġodda bbażati fuq teknoloġiji kumplessi.

4.2   Il-Kompetittività

4.2.1

L-enfasi fuq il-kompetittività tirrikonoxxi l-ħtieġa li tinkiseb kompetittività sostenibbli f'ekonomija miftuħa u globali permezz tat-titjib fl-użu tagħna tat-teknoloġiji ġodda, l-identifikazzjoni ta' taħriġ vokazzjonali aktar effettiv, l-assigurazzjoni li l-impjegati huma kkwalifikati tajjeb u t-titjib fil-produttività. Il-kunċett ta' kwalità (kwalità ta' merkanzija, servizzi, regolamentzzjoni, gvernanza, impjieg, relazzjonijiet soċjali u l-ambjent) huwa ċentrali għall-istrateġija.

4.2.2

Sabiex tiġi assigurata l-istabilità ekonomika, l-Istati Membri għandhom iżommu l-objettivi baġitarji ta' nofs it-term tul iċ-ċiklu ekonomiku jew jieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji. Soġġett għal dan, l-Istati Membri għandhom jevitaw il-politiki fiskali pro-ċikliki. L-Istati Membri li qegħdin jippreżentaw defiċits tal-kont kurrenti li qegħdin fir-riskju li ma jkunux sostenibbli għandhom jaħdmu sabiex jikkoreġuhom billi jimplimentaw ir-riformi strutturali sabiex isaħħu l-kompetittività esterna u sabiex jikkontribwixxu lejn il-korrezzjoni tagħhom permezz ta' politiki vijabbli. Dawn il-miżuri jirrappreżentaw il-minimu minħabba x-xjuħija tal-popolazzjoni Ewropea.

4.2.3

Il-KESE huwa tal-fehma li ser ikun possibbli li jiġu eliminati l-ostakoli fl-Ewropa li qegħdin jonħqu rkupru ekonomiku sostenibbli u aktar wiesa' biss jekk ikun hemm bidla radikali fil-politiki ekonomiċi u b'mod partikulari l-politiki makro-ekonomiċi. L-UE għandha taġġixxi minn ġewwa jekk ser tmexxi lill-ekonomija Ewropea lura għat-triq tat-tkabbir u l-okkupazzjoni sħiħa. Dan ser jeħtieġ politika makro-ekonomika bilanċjata bl-għan iddikjarat li: jinkisbu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, partikularment l-okkupazzjoni sħiħa; it-tisħiħ tal-kompetittività; u li tingħata kunsiderazzjoni reali lill-obbligazzjoni li jissegwa l-iżvilupp sostenibbli, b'konformità mal-konklużjonijiet tas-Samit ta' Göteborg.

4.2.4

Il-KESE jfakkar li l-għan tal-politika monetarja għandu jkun li toħloq bilanċ bejn l-istabilità tal-prezzijiet, it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg. Jagħmel sens li l-BĊE jiġi mħeġġeġ jidentifika l-istabilità f'sens usa', jiġifieri mhux biss l-istabilità tal-prezzijiet iżda wkoll l-istabilità f'termini tat-tkabbir, l-okkupazzjoni sħiħa u l-koeżjoni soċjali (5). Sabiex jinkisbu r-riżultati huwa importanti li l-baġits nazzjonali jikkonformaw mal-politiki tal-BĊE u jirrispettaw Il-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir.

4.2.5

Barraminhekk, il-KESE jenfasizza r-rilevanza speċjali tas-servizzi relatati ma' l-intrapriża bħala parti mill-SMEs għas-suċċess tal-proċess ta' Lisbona u l-kompetittività ta' l-UE. B'segwitu tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-suġġett (6), il-KESE jenfasizza l-ħtieġa tal-ħolqien ta' ambjent regolatorju li fih l-SMEs ikkonċernati jkunu jistgħu jwettqu r-rikjesti tas-soċjetà.

4.2.6

Il-KESE jappoġġja wkoll l-analiżi wiesa' tal-miżuri ta' appoġġ neċessarji f'27 settur ta' l-industrija tal-manifattura fid-dokument tal-Kummissjoni dwar politika industrijali integrata iżda jinsisti fuq l-implimentazzjoni reali tal-politika b'koordinazzjoni ma' l-Istati Membri (7).

4.3   Regolamentazzjoni Aħjar (8)

4.3.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta reċenti tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji b'25 % sa l-2012 (9). Dan jista' jwassal għal żieda fil-Prodott Gross Domestiku ta' l-UE ta' 1.5 %. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq Strateġija ċara għas-semplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju komplut sabiex jiġi evitat li ma jkunx hemm riżultat (10).

4.3.2

It-tnaqqis tal-piż amministrattiv jista' jagħti spinta lid-dinamiżmu ekonomiku. Il-kontroll tal-piż ta' l-obbligazzjonijiet legali u regolatorji jeħtieġ approċċ globali mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll mill-Unjoni Ewropea. Huwa essenzjali li r-regolamenti jkunu ddisinjati tajjeb u b'mod proporzjonali.

4.3.3

Il-ħolqien tal-Bord għall-Evalwazzjoni ta' l-Impatt (għall-Intrapriżi), imħabbar mill-Kummissjoni fid-deskrizzjoni strateġika tagħha dwar “Leġislazzjoni Aħjar” (11) u mmirat lejn it-tisħiħ fil-kwalità u l-effiċjenza ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt, għandui l-appoġġ tal-KESE. Madankollu, m'għandux jillimita ruħu biss għall-koordinazzjoni sempliċi, iżda għandu wkoll jikkunsidra l-kwalità tax-xogħol relatat ma' l-SMEs u l-analiżi tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-proposti regolatorji. Regolamenti ġodda fil-livell nazzjonali u Komunitarju għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa sabiex jiġi evalwat l-impatt tagħhom fuq l-SMEs.

4.3.4

L-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' regolamenti ġodda jew riveduti għandhom jiġu evalwati bir-reqqa sabiex jiġu identifikati l-kumpensi potenzjali u s-sinerġiji bejn l-objettivi differenti ta' politika. Barraminhekk, ir-regolamentazzjoni eżistenti qiegħda tiġi eżaminata bir-reqqa sabiex tiġi evalwata l-possibilità ta' semplifikazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-kompetittività qiegħed jiġi valutat. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-evalwazzjonijiet ta' l-impatt indipendenti għall-intrapriżi, inkluża mira speċifika lejn intrapriżi żgħar, ta' kull proposta leġislattiva u regolattiva mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar, approċċ komuni għall-kejl ta' l-ispejjeż amministrattivi ta' leġislazzjoni ġdida u eżistenti qiegħda tiġi żviluppata. Il-prinċipju ta “L-Ewwel Aħseb fiċ-Ċokon” għandu jkun il-prinċipju ewlieni fir-reviżjoni tal-leġislazzjoni eżistenti u t-tfassil ta' waħda ġdida. Dan ifisser li l-leġislazzjoni għandha tikkunsidra l-partikularitajiet ta' l-SMEs.

4.3.5

Il-KESE jenfasizza li t-titjib huwa importanti speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li s-soltu għandhom riżorsi limitati biss sabiex jittrattaw ma' l-amminstrazzjoni imposta kemm mil-leġislazzjoni Komunitarja kif ukoll nazzjonali.

4.3.6

Għandhom jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jassiguraw li l-Istati Membri kollha jimplimentaw id-direttivi kollha fil-ħin u b'livell ta' kwalità għoli, u jikkonvinċu lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali u l-leġislaturi sabiex jibdew il-proġetti tagħhom stess għas-semplifikazzjoni, u dawn għandhom jiffokaw b'mod partikulari fuq ir-regolamentazzjoni li, permezz ta' l-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea, ġiet “mgħobbija” b'eżiġenzi eċċessivi (il-fenomenu msejjaħ “gold-plating”).

4.3.7

Il-biċċa l-kbira ta' l-atturi tal-politika fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej ma jafux biżżejjed dwar ir-realtà fl-intrapriżi ż-żgħar u l-ħtiġijiet veri tagħhom. L-involviment imtejjeb ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-SME (12) fil-livelli kollha huwa prerekwiżit sabiex titjieb il-kwalità tal-politika ta' l-SMEs fl-Ewropa. It-tisħiħ ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-intrapriżi ż-żgħar hija waħda mill-elementi ewlenin tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar (2000). Assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta' l-SMEs għandhom ikunu involuti bħala partijiet interessati importanti fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.3.8

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar li wriet kemm hija għodda tajba għall-monitoraġġ tal-progress u sabiex il-problemi ta' l-SMEs jiġu identifikati, kif ukoll sabiex jiġi assigurat li l-Istati Membri jieħdu passi sabiex itejbu l-koordinazzjoni tal-politiki kummerċjali fl-Ewropa kollha. Huwa importanti lil jinżamm ritmu sostnut fil-proċess ta' l-integrazzjoni tar-rapporti ta' l-implimentazzjoni tal-Karta fir-rapporti annwali ta' l-Aġenda ta' Lisbona. Huwa essenzjali li din tiġi aġġornata kontinwament u li ssir kompluta fir-rigward ta' l-Istrateġija riveduta ta' Lisbona u l-proċess ewlieni tat-tkabbir ta' l-UE.

4.4   Il-Kultura intraprenditorjali u l-iStart-ups (13)

4.4.1

L-intraprenditorija hija fenomenu kumpless li jikkostitwixxi elementi ta' sens ta' inizjattiva, teħid ta' riskji u innovazzjoni. Kumpaniji żgħar u ġodda jiġġeneraw l-innovazzjonijiet, jimlew swieq speċjalizzati, joħolqu l-impjieg u jżidu l-kompetizzjoni u b'hekk tiġi promossa l-effiċjenza ekonomika.

4.4.2

L-Unjoni Ewropea kollha qiegħda ssofri minn nuqqas ta' attività intraprenditorjali inizjali. L-aħħar rapport tal-GEM (Global Entrepreneurship Monitor) ma jpoġġi l-ebda Stat Membru Ewropew fl-ewwel 10 pajjiżi (14). Għall-kuntrarju, 8 Stati Membri jinsabu fost l-aħħar 10 livelli ta' parteċipazzjoni (15).

4.4.3

L-intraprenditorija hija importanti għas-soċjetà kollha. Sabiex tiġi promossa u titqajjem kuxjenza dwar il-kultura ta' ħsieb intraprenditorjali, kif ukoll sabiex ikun hemm fehim ta' l-importanza ta' l-intraprenditorija għall-iżvilupp ġenerali tal-pajjiż, il-Kumitat jipproponi li l-2009 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea ta' l-Intraprenditorija. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jinnota li r-reviżjoni ta' nofs it-term ta' bosta programmi Komunitarji rilevanti ser issir fl-2010. Attitudnijiet pubbliċi pożittivi dwar l-intraprenditorija għandhom jiġu stabbiliti. Is-Sena tista' tipprovdi wkoll opportunità sabiex jiġu kkonsolidati u rinfurzati skambji eżistenti ta' l-aħjar prassi.

4.4.4

Teżisti ħtieġa kbira fl-UE għal bidliet fil-curricula ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ — b'mod partikulari fil-livell ogħla ta' l-edukazzjoni — sabiex ikun hemm enfasi akbar fuq l-edukazzjoni avvanzata dwar l-intraprenditorija, il-valur strateġiku tal-ġestjoni ta' l-informazzjoni u l-ICT u n-netwerking. Ir-rwol ta' l-iskejjel u l-universitajiet huwa fattur essenzjali fit-trawwim ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ. Il-parteċipazzjoni attiva ta' rappreżentanti tal-kumpaniji fl-edukazzjoni, per eżempju, hija rrakkomandata kif ukoll l-involviment minn organizzazzjonijiet ta' l-intrapriżi. L-attivitajiet fil-midja u l-immaġni li dawn jikkomunikaw huma importanti.

4.4.5

Il-politiki li jassistu lill-intrapriżi sabiex jibdew u jiżviluppaw għandhom jiġu intensifikati u dan għandu jinkludi fost affarijiet oħra, li l-istart-ups ikunu jistgħu jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom b'aktar ħeffa u bi spejjeż inqas, miżuri sabiex itejbu l-aċċess għall-kapital riskjuż, iktar programmi għat-taħriġ intraprenditorjali, mizuri li jtejbu l-aċċess għan-netwerks u s-servizzi pubbliċi u netwerk iktar intensiv tas-servizzi ta' appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar. Barra minn hekk huma meħtieġa deċiżjonijiet politiċi fid-dawl tar-riforma tas-sistemi tat-tassazzjoni, regolamentazzjoni, aċċess għas-suq, proċeduri ta' salvataġġ u ristrutturar kif ukoll liġi tal-wirt. Tinħtieġ bidla kulturali fir-rigward ta' l-attitudnijiet dwar il-falliment.

4.4.6

Id-disponibilità ta' finanzjar fi stadju bikri hija kwistjoni kruċjali. Fil-Belġju, ittieħdu inizjattivi mill-gvern immirati lejn it-tnaqqis fid-differenza fl-ekwità. Eżempju wieħed huwa l-fond ARKimedes li ġabar EUR 110 miljun fil-forma ta' ishma jew bonds, garantiti mill-gvern reġjonali Fjaming.

4.4.7

Daqstant essenzjali hija l-provvista ta' informazzjoni u servizzi għall-appoġġ lill-intrapriżi, notevolment għall-intraprendituri ż-żgħar. Programmi ta' konsulenza fir-reġjun Fjaming (il-Belġju) taw prova tal-valur tagħhom.

4.4.8

Il-biża' tal-falliment għandha impatt negattiv qawwi fuq l-istart-ups potenzjali. Qafas soċjali adegwat irid jiġi adottat għan-nies li jaħdmu għal rashom. Dawn għandhom jingħataw it-tieni opportunità iktar faċilment.

4.5   Is-suq intern (16)

4.5.1

Il-potenzjal tas-Suq Uniku għandu jiġi lliberalizzat. L-Unjoni Ewropea issa għandha jkollha l-vantaġġi ta' suq li huwa ikbar minn dak ta' l-Istati Uniti jew iċ-Ċina iżda

hemm wisq direttivi li għadhom ma ġewx trasposti fil-leġislazzjoni nazzjonali;

sar progress inadegwat fl-assigurazzjoni ta' l-istandardizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku għall-provvista tas-servizzi;

kien hemm dewmien fil-liberalizzazzjoni tas-swieq, inkluż dak fis-settur pubbliku;

inħolqu diffikultajiet fil-qbil fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali Ewropej;

id-distorsjonijiet jinħolqu minn forom ta' differenzi fiskali.

4.5.2

L-attrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea bħala lok ta' investiment tiddependi fuq id-daqs u l-ftuħ tas-swieq tagħha, l-ambjent regolatorju tagħha u l-kwalità ta' l-infrastruttura tagħha. Iż-żieda fl-investiment ser jagħmel lill-Ewropa iżjed produttiva għax il-livelli tal-produttività jiddependu fuq l-investiment fil-kapital uman u fiżiku kif ukoll fl-għarfien u l-infrastruttura.

4.5.3

Il-ħila tal-produtturi Ewropej li jikkompetu u li jibqgħu joperaw fis-suq intern huwa essenzjali għas-saħħa kompetittiva tagħhom fis-swieq globali. Filwaqt li s-suq intern għall-merkanzija huwa integrat relattivament tajjeb, is-suq tas-servizzi jibqa', legalment jew fir-realtà, pjuttost frammentat. Sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-impjieg u sabiex tissaħħaħ il-kompetittività, is-suq intern tas-servizzi għandu jopera bis-sħiħ filwaqt li jħares il-mudell soċjali Ewropew. L-eliminazzjoni ta' l-ostakli fiskali għall-attivitajiet transkonfinali u t-tneħħija ta' impedimenti li fadal għall-mobilità tal-ħaddiema ser iġibu wkoll qligħ importanti fl-effiċjenza. Fl-aħħar, l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji tista' tgħolli l-livell tal-produzzjoni u l-impjieg billi tippermetti allokazzjoni iktar effiċjenti tal-kapital u toħloq kondizzjonijiet aħjar għall-iffinanzjar ta' l-intrapriżi.

4.5.4

Għall-SMEs, speċjalment fis-settur tas-servizzi, is-suq intern għadu m'huwiex irrealizzat kompletament. Il-piż amministrattiv għoli ta' l-operazzjonijiet transkonfinali u standards Ewropew mhux adattati qegħdin iżommu lill-intrapriżi ż-żgħar milli jipprofittaw minn suq ikbar.

4.5.5

L-istandards jaqdu rwol kbir fl-aċċess għas-swieq. Proċessi attwali ta' standardizzazzjoni ma jqisux biżżejjed il-ħtiġijiet individwali ta' l-artiġjanat u l-SMEs. L-intrapriżi ż-żgħar għandhom ikunu involuti aħjar fit-tfassil ta' l-istandards Ewropej u internazzjonali. Minkejja l-appoġġ qawwi li l-Kummissjoni tagħti lil strutturi bħal NORMAPME (17), sforzi addizzjonali favur l-SMEs huma meħtieġa, b'mod partikulari għall-produzzjoni f'serje żgħar u personalizzata, għat-tnaqqis fl-spejjeż marbuta ma' l-istandardizzazzjoni, għar-rappreżentazzjoni iktar ibbilanċjata fil-kumitati tekniċi, għas-semplifikazzjoni ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni.

4.5.6

Hemm skop konsiderevoli għal titjib addizzjonali fil-prassi ta' l-akkwist pubbliku. Titjib ta' dan it-tip jista' jiġi riflett b'żieda fis-sehem ta' l-akkwist pubbliku mxandar pubblikament. Għandha ssir enfasi fuq il-possibilitajiet għall-SMEs sabiex jipparteċipaw fil-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku. Il-KESE jappoġġja t-tħejjija mill-Kummissjoni ta' kompendju ta' prassi tajba li huma reġistrati f'dan il-qasam mill-Istati Membri ta' l-UE iżda wkoll mill-Istati Uniti u l-Ġappun u li kellhom l-effett li wessgħu l-aċċess ta' l-SMEs għas-swieq pubbliċi.

4.5.7

L-SMEs fl-Ewropa iridu jiffaċċjaw 27 sistema tat-taxxa differenti, li jikkawżaw spejjeż ta' konformità li huma projbittivi u joħolqu xkiel serju għas-suq intern. L-ispejjeż ta' konformità għall-kumpaniji ż-żgħar huma ħafna iktar ogħla minn dawk għall-intrapriżi l-kbar (18). Is-semplifikazzjoni favur l-SMEs, b'mod partikulari, hija mistennija.

4.6   Il-kapital uman, l-iżvilupp tal-kompetenzi u d-djalogu soċjali

4.6.1

F'kuntest ta' ekonomija globalizzata u bażata fuq l-għarfien, il-kumpaniji għandhom jadattaw għall-bidla b'mod kostanti. Intraprendituri ta' suċċess għandhom bżonn iktar minn qatt qabel bażi soda ta' l-għarfien u kwalifiki sabiex jiffaċċjaw il-kompetizzjoni miżjuda u sabiex jirbħu t-tellieqa ta' l-innovazzjoni. Barra minn hekk l-iżviluppi teknoloġiċi jeħtieġu l-iżvilupp kontinwu ta' kompetenzi ġodda, speċjalment fil-qasam ta' l-ICT u l-akkwist ta' ħiliet aġġornati għall-intraprendituri u l-ħaddiema ndaqs (19).

4.6.2

Mis-sena 2000, bl-Istrateġija ta' Lisbona, l-objettivi tat-taħriġ u l-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja kollha ġew rinfurzati b'mod ċar fl-Ewropa, iżda jeħtieġu titjib addizzjonali kif imsemmi fir-rapport ta' evalwazzjoni ta' 2006 tal-“Qafas ta' azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja kollha tal-kompetenzi u kwalifiki” li qablu fuqu l-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC, BusinessEurope, CEEP, UEAPME), fl-2002. F'dan il-kuntest, il-“Programm integrat ta' azzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja kollha” tal-Komunità għandu jipparteċipa wkoll f'dan l-isforz peress li l-għan uffiċjali tiegħu huwa li jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' l-għanijiet ta' Lisbona li huma “l-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea bħala soċjetà ta' l-għarfien avanzata, bi żvilupp ekonomiku sostenibbli, iżjed u aħjar impjiegi u koeżjoni soċjali aħjar”.

4.6.3

Kif enfasizza il-KESE bir-raġun (20), “il-programmi edukattivi ta' l-Unjoni huma fost il-ftit azzjonijiet komunitarji indirizzati direttament lejn iċ-ċittadini tagħha. Il-programm il-ġdid għandu għalhekk jimmira li jippromovi d-demokrazija bażata fuq il-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva” u “li tippromovi l-impjieg u suq tax-xogħol versatili”. Peress li jintegra wkoll il-programmi Ewropej ewlenin tal-mobilità, li huma Leonardo da Vinci għall-apprendisti u ż-żgħażagħ fit-taħriġ vokazzjonali inizjali u ħaddiema żgħażagħ, kif ukoll Erasmus għall-istudenti, għandhom ikunu aċċessibli aktar faċilment għall-mobilità individwali. It-tagħlim u x-xogħol barra għal ċertu perijodu ta' żmien mhux biss jarrikkixxu l-ħiliet u l-għarfien ta' l-individwu, iżda żżid ukoll il-fehim ta' l-Ewropa u ċ-ċittadinanza Ewropea. Jgħinu wkoll sabiex l-individwu jsir pro-attiv u iktar miftuħ li jieħu r-responsabilità huwa stess gġall-abilità tiegħu li jsib impjieg tul il-ħajja tax-xogħol.

4.6.4

Barra minn hekk, il-KESE enfasizza l-“importanza partikulari tal-possibilità li l-SMEs ikollhom aċċess għall-programm” u “jipproponi approċċ speċjali għall-SMEs, li jissemplifika l-proċeduri rilevanti sabiex jagħmel il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi kemm possibbli kif ukoll effettiva”. F'ekonomija mmexxija mis-servizzi, l-ass l-iktar prezzjuż ta' kumpanija huwa l-kapital uman. Sabiex l-intrapriżi, b'mod partikulari l-SMEs, ikunu jistgħu jsegwu strateġija għall-iżvilupp tal-ħiliet, inizjattivi ta' appoġġ speċjalizzati għandhom jitfasslu sabiex jgħinuhom jinvestu fit-taħriġ kontinwu bħall-offerti għat-taħriġ speċifiku, l-appoġġ finanzjarju u l-inċentivi fiskali.

4.6.5

Id-djalogu soċjali huwa għodda importanti sabiex jingħelbu l-isfidi ekonomiċi u soċjali. Wieħed mis-suċċessi ewlenin tiegħu huwa t-titjib fil-ħidma tas-suq tax-xogħol u l-antiċipazzjoni tal-bidla. B'żieda ma' dan, id-djalogu soċjali jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta' klima tal-kunfidenza fil-kumpaniji. Jista' jipprovdi wkoll tweġibiet speċifiċi għall-intrapriżi ż-żgħar sal-punt fejn iqis l-ispeċifiċità u l-kwalità ta' l-ambjent tax-xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol kif ukoll is-sitwazzjoni partikulari li fiha qegħdin jaħdmu u jiżviluppaw l-intrapriżi ż-żgħar u ta' l-artiġjanat.

4.7   L-innovazzjoni

4.7.1

L-Aġenda ta' Lisbona immirat lejn targit ta' 3 % għar-Riċerka u l-Iżvilupp relatata mal-Prodott Gross Domestiku (PGD) li minnhom żewġ terzi jridu jiġu mis-settur privat. Attwalment dan qiegħed jikkontribwixxi biss 56 %. Sfortunatament ikollna ninnotaw li l-Ewropa tiddedika sehem ħafna inqas tal-PGD tagħha lir-Riċerka u l-Iżvilupp mill-Istati Uniti u l-Ġappun (1,93 % meta mqabbel mat-2,59 % fl-Istati Uniti u 3,15 % fil-Ġappun). B'żieda ma' dan, iċ-Ċina tinsab fit-triq it-tajba li tilħaq l-intensità tar-riċerka ta' l-UE sa l-2010. Ir-riċerka u l-iżvilupp: fl-2002, is-settur privat nefaq EUR 100 biljun iktar fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-Istati Uniti milli nefaq fl-Ewropa.

4.7.2

L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija tal-ġejjieni, li l-għan tiegħu huwa li jilħaq l-ogħla livell possibbli fl-eċċellenza ta' l-integrazzjoni ta' l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, għandu jagħraf u jivvalorizza b'mod qawwi l-potenzjal ta' l-SMEs. Il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka u l-intrapriżi, b'mod partikulari l-intrapriżi ż-żgħar, għandhom jissaħħu. Ir-riċerkaturi għandhom jitħeġġu sabiex ikollhom kuntatti ma' l-intrapriżi. L-importanza tal-promozzjoni tat-trasferimenti tat-teknoloġija permezz taċ-ċentri tat-teknoloġija u l-inkubaturi ma tistax tiġi stimata ż-żejjed. Miżuri sabiex isostnu lill-provvedituri tas-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni, il-clusters u n-netwerks għandhom jiġu previsti wkoll fil-Qafas ġdid għall-Ġħajnuna Statali għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni Ir-riċerkaturi Ewropej għandhom jingħataw iktar opportunitajiet f'kull wieħed mis-27 Stat Membru ta' l-UE. Promozzjoni aħjar u tixrid tar-riżultati tar-riċerka huwa essenzjali sabiex jitjieb l-aċċess għal dawn ir-riżultati għall-intrapriża u l-impatt ekonomiku tiegħu.

4.7.3

L-Ewropa għandha tipprovdi ambjent regolatorju armonizzat favur l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha. Inizjattivi ġodda għall-Brevett Komunitarju Ewropew huma meħtieġa sabiex tkun imħarsa l-innovazzjoni u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi Ewropej. Sistema bħal din għandha tipprevedi tnaqqis ta' l-ispejjeż għall-SMEs u struttura adattata għall-assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż ta' proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-privattivi.

4.7.4

Fl-aħħar komunikazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-ħtieġa għall-espansjoni tad-definizzjoni ta' l-innovazzjoni sabiex tagħti attenzjoni partikulari lill-SMEs u tikkunsidra l-innovazzjoni mhux teknika fis-setturi ekonomiċi kollha. Dan l-approċċ ġdid issa jrid jiġi implimentat fl-oqsma kollha tal-politika sabiex isir utli għall-intrapriżi ż-żgħar.

4.7.5

Huwa essenzjali għall-SMEs li jtejbu l-kapital uman tagħhom attwali u li jintroduċu forza tax-xogħol akkademika fil-produzzjoni u l-innovazzjoni. Is-7 Programm ta' Qafas għandu jagħti appoġġ lill-SMEs għall-introduzzjoni ta' teknika avanzata fir-riċerka u l-produzzjoni teknoloġika.

4.7.6

Ir-riżorsi neċessarji fil-livell Ewropew ser jiġu mill-programm CIP, il-programm ta' Qafas għar-riċerka, il-Fondi Strutturali, u l-programmi edukattivi, fost l-iktar importanti. Il-koordinazzjoni tal-politiki, inklużi r-riżorsi, ser tkun kompitu diffiċli u delikat, partikularment billi r-riżorsi finanzjarji Ewropej li huma disponibbli huma relattivament limitati fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-eżiġenzi. Sabiex jiġu assigurati l-mezzi ta' l-iffinanzjar mill-fondi strutturali li jikkofinanzjaw il-programmi għall-SMEs innovattivi, l-i startups u t-trasferimenti ta' l-intrapriżi (jiġifieri permezz tal-Fondi Ewropej għall-Investiment — JEREMIE), għandhom jiġu adottati miżuri adattati fil-livell ta' l-Istat Membru u l-effikaċja u l-aċċessibilità tagħhom għandhom ikunu sorveljati strettament.

4.7.7

L-introduzzjoni ta' metodi u makkinarji ta' produzzjoni ġodda, partikularment fl-SMEs ser jeħtieġu kreditu b'kondizzjonijiet favorevoli. Il-BEI u l-FEI għandhom ikunu involuti mill-qrib fix-xogħol tal-gruppi ta' l-ippjanar settorjali u inter-settorjali.

4.7.8

L-SMEs iridu jiġu ggwidati iktar lejn l-applikazzjonijiet ta' l-ICT, li jistgħu jnaqqsu l-ispejjż tagħhom, iżidu l-produttività tagħhom u jtejbu l-kompetittività tagħhom.

4.8   It-Trasferiment ta' l-Intrapriża (21)

4.8.1

Studji Ewropej juru li madwar terz ta' l-intraprendituri Ewropej, l-iktar sidien ta' intrapriżi tal-familja, ser jitilqu fl-għaxar snin li ġejjin. Huwa stimat li dan ser jolqot xi 690 000 intrapriża, li jipprovdu 2.8 miljun impjieg. It-trasferimenti għandhom jiġu promossi bħala alternattivi ta' valur minflok it-tnedija ta' intrapriża ġdida.

4.8.2

Għall-kuntrarju tal-passat, iktar u iktar trasferimenti ta' l-intrapriżi qegħdin iseħħu 'l barra mill-familja, lil partijiet terzi. Hemm ukoll interess li qiegħed jikber fit-teħid ta' kumpanija stabbilita, minflok it-tnedija ta' intrapriża mill-bidu nett. Ir-riċerka turi li 96 % tat-trasferimenti ta' l-intrapriża jkomplu joperaw fl-ewwel ħames snin meta mqabbla ma' 75 % ta' l-i startups.

4.8.3

B'hekk l-ewwel sfida hija li titwaqqaf pjattaforma u li jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta' xerrejja u bejjiegħa potenzjali ta' l-intrapriżi. Dan is-suq għandu jkun trasparenti sabiex tiżdied il-possibilità tal-kuntatti u tiġi assigurata l-kontinwità ta' intrapriżi eżistenti li huma vijabbli. Kwalità għolja tas-servizzi inklużi t-tqabbil, il-konsulenza u kunfidenzjalità huma essenzjali. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej hemm swieq tat-trasferiment ta' l-intrapriża li huma governattivi jew appoġjati mill-gvern (22). Dawn l-inizjattivi għandhom jiġu żviluppati fl-Istati Membri kollha ta' l-UE.

4.9   Aċċess għall-finanzi

4.9.1

SMEs u speċjalment startups, trasferimenti ta' l-intrapriżi u kumpaniji innovattivi għandhom ikollhom aċċess aħjar għall-finanzi sabiex jirrealizzaw b'mod sħiħ il-potenzjal tagħhom u joħolqu tkabbir ekonomiku u iżjed impjiegi fl-Ewropa … Mudelli tal-qsim tar-riskju bħall-iskemi ta' garanzija reċiproka u pubblika taw prova li kienu strumenti effettivi ħafna u għandhom jiġu promossi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll ta' l-Istat Membru.

4.9.2

Id-disponibilità tal-kapital bi spejjeż raġonevoli għal intrapriżi ġodda, l-SMEs u intrapriżi li jikbru b'rata mgħaġġla: din teħtieġ iż-żamma tar-rati ta' l-interessi u l-primjums għar-riskju f'livelli raġonevoli kif ukoll ir-razzjonalizzazzjoni ta' skemi ta' għajnuna mill-gvern.

4.9.3

Il-konsulenza lill-SMEs mill-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs għandha tissaħħaħ u tiġi appoġġjata. Huwa neċessarju wkoll li jitpoġġew strumenti adattati għall-ħtiġijiet u l-mezzi ta' l-intrapriżi ż-żgħar. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u l-BEI/FEI sabiex jiffinanzja l-innovazzjoni fl-intrapriża ż-żgħira fil-form ta' skemi ta' kapital riskjuż u garanzija.

4.9.4

L-investituri ta' kapital riskjuż u l-business angels huma mezzi importanti ta' l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. L-istimolazzjoni tan-netwerking bejn l-investituri ta' kapital riskjuż u l-business angels fuq naħa u l-intraprendituri (li għadhom jibdew) fuq oħra hija importanti sabiex tonqos id-differenza żgħira fl-ekwità.

4.9.5

Is-sistemi ta' garanzija taw prova li huma mezz effettiv u effiċjenti ħafna mil-lat ta' riżorsi sabiex jappoġġaw l-intrapriżi ż-żġħar. Il-Caisse Mutuelle de Garantie de la Mécanique (CMGM) fi Franza għandha iktar minn 45 sena ta' esperjenza f'dan il-qasam. Il-Caisse toffri garanziji bankarji għall-krediti kważi kollha (krediti ta' investiment, trasferiment ta' l-intrapriża, garanziji bankarji (bank warrants), krediti ta' flus) li jagħtu lil kumpaniji. Il-kumpaniji jabbonaw mal-fond tal-kapital u l-garanzija tagħha. Din is-sistema tippermetti t-tnaqqis tal-garanziji privati (private warrants) mitluba mill-intraprendituri, tagħmel disponibbli krediti akbar u toffri sistema ta' sigurtà għall-intraprenditur fil-konfront tal-bankier tiegħu. Għandhom jitħeġġu l-iskambji ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri ta' l-UE, fir-rigward ta' l-aċċess għal finanzi u l-garanzija ta' fondi għall-SMEs.

4.10   L-internazzjonalizzazzjoni

4.10.1

L-UE għandha taħtaf l-opportunitajiet ipprovduti mill-ftuħ ta' swieq li qegħdin jikbru malajr fl-Ażja, bħaċ-Ċina u l-Indja. Fl-istess ħin l-UE għandha tindirizza d-diviżjoni l-ġdida internazzjonali tax-xogħol li tinħoloq, partikularment fi żmien meta ċ-Ċina qiegħda tibda tispeċjalizza iktar fi prodotti ta' valur miżjud għoli u meta l-Indja qiegħda tiżviluppa f'ċentru globali għall-esternalizzazzjoni (outsourcing). Il-KESE jenfasizza li approċċ komuni fit-trattament ta' pajjiżi terzi huwa essenzjali sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet ta' l-aċċess tas-suq għall-kumpaniji ta' l-UE.

4.10.2

Minkejja li s-suq uniku ilu fis-seħħ għal iktar minn 14-il sena, bosta kumpaniji għadhom joperaw fil-pajjiż tagħhom biss. Barrieri ta' lingwa, id-differenzi leġislattivi u regolatorji li fadal, u n-nuqqas ta' għarfien dwar swieq oħra huma l-ostakli ewlenin. Il-KESE jilqa' l-ħolqien ta' servizzi ta' appoġġ qrib ta' l-intraprendituri, li jistgħu jitqabblu mal-Passaport għall-esportazzjoni fir-Renju Unit (23). Aċċess għall-akkwist pubbliku għall-SMEs għandu jiġi mħeġġeġ ukoll.

4.10.3

Sistemi ta' appoġġ adegwati għandhom jiġu żviluppati sabiex jistimolaw attivitajiet transkonfinali kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fi swieq oħra.

4.10.4

Il-KESE jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs fid-dokumenti tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kummerċ (Strateġija għall-Aċċess, Strumenti ta' Difiża, Ewropa Globali).

Brussell, 12 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005 dwar il-Linji ta' Gwida għall-politiki ta' l-impjieg ta' l-Istati Membru (2005/600/KE), ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(2)  Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Rapport sommarju għall-Kunsill Ewropew.

(3)  ĠU C 185, 8.8.2006 + CCMI/032.

(4)  Data disponibbli għall-2003. Eurostat's Pocket book 2006.

(5)  Il-KESE stess talab f'bosta okkażjonijiet li l-politika monetarja għandha tħabrek sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-okkupazzjoni sħiħa u t-tkabbir.

(6)  “Il-kompetittività tas-servizzi relatati ma' l-intrapriża u l-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-prestazzjoni ta' l-intrapriżi Ewropej” [COM(2003) 747 finali)] ta' l-4 ta' Diċembru 2003.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona: Politika ta' Qafas sabiex tissaħħaħ il-manifattura ta' l-UE — lejn approġġ iktar integrat għall-politika industrijali (COM(2005) 474 finali) u Politika Industrijali Moderna.

(8)  Il-KESE dan l-aħħar ippubblika bosta opinjonijiet dwar is-Semplifikazzjoni, Leġislazzjoni Aħjar.

 

ĠU C 24, 31.1.2006, Leġislazzjoni Aħjar, opinjoni esploratorja dwar it-talba mill-Presidenza Ingliża, rapporteur is-Sur Retureau.

 

ĠU C 24 31.1.2006, Kif ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni ta' l-UE, opinjoni fuq inizjattiva proprja, rapporteur is-Sur van Iersel.

 

ĠU C 112, 30.4.2004, Opinjoni dwar l-Aġġornament u s-semplifikazzjoni ta' l-acquis communautaire COM(2003 71 finali) rapporteur is-Sur Retureau.

(9)  COM(2006) 689, 690, u 691 ta' l-14 ta' Novembru 2006.

(10)  Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis fil-Piż Amministrattiv fl-Unjoni Ewropea. COM(2007) 23 finali ta' l-24.1.2007.

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta' l-14 ta' Novembru 2006.

(12)  B'organizzazzjonijiet ta' l-SMEs qegħdin nirreferu għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs (definizzjoni Ewropea) fl-oqsma differenti ta' azzjoni: l-artiġjanat, l-industrija, is-servizzi, il-kummerċ u l-professjonijiet liberali. Hemm referenza għal organizzazzjonijiet multisettorjali kif ukoll għal organizzazzjonijiet relatati.

(13)  ĠU C 309, 12.12.2006, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona : Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim COM(2006) 33 finali.

(14)  L-Irlanda qiegħda fil-ħdax-il post.

(15)  L-Ungerija, il-Belġju, l-Isvezja, is-Slovenja, l-Olanda, id-Danimarka, l-Italja u l-Finlandja.

(16)  Opinjoni esploratorja dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku. ĠU C 93, 27.4.2007.

(17)  NORMAPME: l-Uffiċju Ewropew ta' l-Artiġjanat, il-Kummerċ u l-SMEs għall-Istandardizzazzjoni.

www.normapme.com.

(18)  Dan jirreferi għall-ispejjeż tal-konformità ta' tassazzjoni għal attivitajiet transkonfinali.

(19)  Saħansitra professjonijiet tradizzjonali bħall-plamers u l-mastrudaxxi għandhom iqisu t-teknika ta' l-iffrankar ta' l-enerġija.

(20)  ĠU C 221, 8.9.2005.

(21)  L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. It-Trasferimenti ta' l-Intrapriżi — il-Kontinwità permezz ta' bidu ġdid. COM(2006) 117 final, 14.3.2006.

(22)  Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Belġju (li għandu bażi ta' data separata għal kull reġjun). Ir-rata ta' suċċess għal dawn il-pajjiżi hija ta' madwar 25 %, jiġifieri waħda minn kull erba' intrapriżi fil-bażi tad-data sabet suċċessur.

(23)  Għal dettalji dwar is-suq uniku ara Flash Barometer 180 — TNS Sofres/EOS Gallup Group Europe, Opinjonijiet Internal Market Opinions and Experiences of Businesses in EU-15, ippubblikat f'Ġunju 2006.

Għal dettalji dwar il-Passaport għall-Esportazzjoni, programm mill-UK Trade and Investment sabiex jappoġġjaw lill-esportaturi Ingliżi jegħelbu d-dgħjufiji tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, ara l-Karta għall-Intrapriżi ż-Żgħar — Għażla ta' prassi tajba 2006 p.9.


Top