EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AE0850

Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistipula l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2005-2010 — COM(2004) 102 final - 2004/0032 (CNS)

OJ C 241, 28.9.2004, p. 27–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

28.9.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 241/27


Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistipula l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2005-2010

COM(2004) 102 final - 2004/0032 (CNS)

(2004/C 241/10)

Fit-23 ta' Frar 2004 il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, skond l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistipula l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2005 u l-2010

It-Taqsima għall-Impjieg, Affarijiet Soċjali u Ċittadinanza, li kienet responsabbli għat-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fil-5 ta' Mejju 2004. Ir-rapporteur kienet is-Sinjorina Cassina.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu numru 409 (laqgħa tat-2 ta' Ġunju 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li ġejja b'184 vot favur, tlieta kontra u tnax –il astensjoni.

1.   Introduzzjoni

1.1

Fit-28 ta' Settembru 2000, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru 2000/596 li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2000 u l-2005 (ERF I). Ingħatalu budget ta' 36 miljun Ewro għal matul il-perjodu ta' ħames snin. Il-programm irrapreżenta l-ewwel pass fir-razzjonalizzazjoni neċessarja u l-istrutturar ta' azzjonijiet li suċċessivament kienu bbażati f'kategoriji tal-budget annwali mill-1997, b'mod partikolari fuq ordni tal-Parlament Ewropew (1). Il-KESE laqgħa l-proposta għal deċiżjoni dak iż-żmien (2).

1.2

Ftit wara sena minn meta għalaq iż-żmien nhar il-31 ta' Diċembru 2004 (tmiem il-perjodu kopert minn ERF I), il-Kummissjoni analizzat l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri u mill-Komunità taħt ERF I, organizzat konferenza ta' reviżjoni (3), u kellha stima b'impatt (4) imtella' bi tħejjija għall-proposta għal stadju ġdid fil-programm. Ir-reviżjoni ikkunsidrat ukoll l-effetti ta' programmi u azzjonijiet oħra tal-Komunità u s-sinerġiji magħhom. (5).

1.3

Fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, fit-12 ta' Frar 2004 il-Kummissjoni ippubblikat Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2005 u l-2010, is-suġġett ta' din l-opinjoni

2.   Kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni tipproponi l-istabbiliment ta' fond (ERF II) b'budget ta' 687 miljun Ewro fuq perjodu ta' sitt snin biex tappoġġja l-azzjoni ta' l-Istati Membri għall-ilqugħ, l-integrazzjoni u r-rimpatriazzjoni volontarja ta' ċittadini tat-tielet pajjiżi jew ta' persuni mingħajr stat li jkollhom status ta' refuġjati (6), li għandhom bżonn ta' protezzjoni internazzjonali (fil-qafas ta' l-iskema ta' ssetiljar mill-ġdid), li jgawdu minn forma ta' protezzjoni sussidjarja, li jkunu applikaw għal waħda mill-forom ta' protezzjoni hawn fuq imsemmija jew li jgawdu minn protezzjoni temporanja (7).

2.2

Azzjonijiet eliġibbli. L-azzjonijiet eliġibbli għal ko-finanzjament ta' ERF II fl-Istati Membri jkopru firxa wiesa' relatata ma' skemi ta' lqugħ, integrazzjoni u rimpatriazzjoni volontarja. Il-ko-finanzjament jista' jkun disponibbli b'mod aktar speċifiku għal: infrastruttura ta' ilqugħ, għajnuna materjali u kura medika u psikoloġika; assistenza soċjali u amministrattiva; assistenza lingwistika, edukazzjoni u taħriġ kif ukoll għajnuna biex jinstab xogħol, titjib fil-proċeduri ta' l-ilqugħ; divulgazzjoni tal-valuri li jinsabu fil-Lista ta' l-UE tad-Drittijiet Fundamentali; promozzjoni ta' taħriġ għall-popolazzjoni lokali li tilqa' u sehem tal-benefiċjarji fil-ħajja ċivili u kulturali; promozzjoni ta' l-awto-suffiċjenza fil-benefiċjarji; azzjonijiet biex jiġi promoss l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali, ONG u l-pubbliku ġenerali, informazzjoni u parir dwar ir-rimpatriazzjoni u għajnuna għal integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini.

2.2.1

Miżuri ta' emerġenza fil-każ ta' implimentazzjoni ta' mekkaniżmi temporanji ta' protezzjoni wkoll jistgħu jkunu ko-finanzjati (sa 80 % ta' l-ispiża) għall-ilqugħ, l-akkomodazzjoni, sussistenza, għajnuna medika u psikoloġika, spejjeż ta' ħaddiema u amministrazzjoni u spejjeż loġistiċi u ta' trasport.

2.2.2

10 % tal-budget ERF II jitqiegħed fil-ġenb għal azzjonijiet tal-Komunità, meħuda direttament mill-Kummissjoni u maħsuba biex jiffinanzjaw il-kooperazzjoni tal-Komunità, l-għoti ta' l-esperjenza, proġetti ta' pilotaġġ innovattivi, riċerka u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għal refuġjati u l-immaniġġjar ta' azzjonijiet marbuta magħhom.

2.3

Implimentazzjoni ta' ERF II. L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli flimkien għall-implimentazzjoni ta' ERF II. .

2.3.1

Il-Kummissjoni timplimenta linji ta' gwida għal programmi multinazzjonali, tiżgura li s-sistemi ta' mmaniġġjar u kontroll jinsabu fl-Istati Membri u li joperaw kif suppost, u timplimenta l-miżuri tal-Komunità. Il-Kummissjoni hi mgħejuna minn kumitat skond it-termini tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

2.3.2

L-Istati Membri huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet nazzjonali, mit-tfassil ta' “Awtorità Responsabbli” b'personalità legali u kapaċità ta' tmexxija; l-ewwelnett huma responsabbli għall-kontroll finanzjarju ta' l-azzjonijiet, u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fil-ġbir ta' l-istatistiċi.

2.3.3

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jiżguraw li r-riżultati huma mferrxa, it-trasparenza hi garantita u l-azzjonijiet jaqblu u jkunu kumplimentari ma' strumenti u inizjattivi oħra.

2.4

Programmi. Żewġ programmi multiannwali huma ppjanati (2005-2007 u 2008-2010). L-Istati Membri jissottomettu l-abbozz tal-programm ta' tliet snin lill-Kummissjoni, li tapprovah fi żmien tliet xhur, wara li tiċċekkja l-kompatibilità mal-linji tal-gwida permezz tal-proċedura tal-kumitat. Il-programmi multiannwali huma implimentati permezz ta' programmi ta' xogħol annwali.

2.5

Tqassim ta' riżorsi. Kull Stat Membru jirċievi ammont fiss annwali ta' 300,000 Ewro; għall-Istati Membri l-ġodda is-somma hi ta' 500,000 Ewro għall-ewwel tliet snin.

2.5.1

Il-bqija tar-riżorsi disponibbli annwali hu mqassam fost l-Istati Membri kif ġej: 35 % skond in-numru ta' persuni li, matul it-tliet snin ta' qabel, ikunu ibbenefikaw mill-istatus ta' refuġjati, protezzjoni internazzjonali taħt l-iskema ta' ssetiljar mill-ġdid jew protezzjoniji sussidjarja; 65 % skond in-numru ta' persuni li, matul it-tliet snin ta' qabel, ikunu talbu kenn jew gawdew minn protezzjoni temporanja. Parti mill-allokazzjoni annwali tista' tintuża għal assistenza teknika u ammnistrattiva. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond tieħu l-forma ta' għotja li ma tingħatax lura; madankollu, jekk tinstab xi irregolarità, il-ħlas għal xi nuqqas ikun mitlub lura bl-interess bir-rata applikata mill-BĊE plus 3.5 %. Sabiex jinkisbu partijiet oħra ta' ko-finanzjament tal-programm wara l-ewwel parti, l-Istat Membru għandu jissottometti rapport u dikjarazzjonijiet ta' infieq iċċertifikati minn servizz indipendenti mill-awtorità responsabbli.

2.5.2

Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għal azzjonijiet ta' Stat Membru ma tistax taqbeż 50 % ta' l-ispiża totali; tista' titla għal 60 % għal azzjonijiet innovattivi jew transnazzjonali u sa 75 % għal Stati Membri koperti mill-Fond ta' Koeżjoni.

2.6

Evalwazzjoni. Il-Kummissjoni se tissottometti l-ewwel rapport intermedjarju sat-30 ta' April 2007, u t-tieni rapport intermedjarju sal-31 ta' Diċembru 2009. Fl-aħħar, se jkun hemm rapport ta' wara l-evalwazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2012.

3.   Kummenti

3.1

L-istima ġenerali tal-KESE għall-proposta tal-Kummissjoni hi pożittiva ħafna, peress li jaraha bħala pass potenzjalment sinjifikanti lejn it-tqegħid fil-prattika kemm tal-parti tat-Titlu IV tat-Trattat rigward id-dritt għar-refuġju kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta' Tampere u ta' Kunsilli Ewropej oħra li stipulaw linji ta' gwida u metodi ta' implimentazzjoni għal visa, refuġju u politika ta' immigrazzjoni. In-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet jew ftehim milħuqa mill-Kunsill dwar punti li jdagħjfu l-proposta oriġinali u li jagħtu lok għal diskrepanzi leġislattivi kbar bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri sabiex ikun hemm persistenza probabbilment inaqqas l-effettività tal-Fond. Il-KESE hu diżappuntat bil-fatt li l-kontenut tad-direttiva dwar l-istatus ta' refuġjati, kif adottata dan l-aħħar mill-Kunsill (8), tonqos kemm mill-proposti tal-Kummissjoni (9) kif ukoll minn dak li kien issuġġerixxa l-KESE fl-opinjoni tiegħu (10).

3.1.1

L-importanza tal-programm tidher weħidha, purament in vista tal-fatt li hemm madwar 400,000 persuna ġdida li tfittex refuġju fis-sena (11); iġibu magħhom toqol ta' tbatija umana li għandha tintlaqa' b'solidarjetà, appoġġ materjali, morali u psikoloġiku, kondizzjonijiet ta' ilqugħ deċenti, servizzi tajba, proċeduri trasparenti u effiċjenti, opportunità għal integrazzjoni attiva fil-komunità permezz ta' xogħol jew attività soċjalment orjentati u, fil-każ ta' xewqa għal ritorn espressa liberament, rimpatriazzjoni mingħajr riskji.

3.2

Il-budget (687 miljun Ewro fuq sitt snin kontra 36 miljun Ewro fuq il-ħames snin tal-programm ta' qabel) jidher sostanzjali, iżda l-KESE jinnota li r-riżorsi ta' ERF I kienu limitati ħafna meta mqabbla mal-bżonnijiet reali tar-refuġjati. Hu jilqa' l-fatt li bil-proposta għall-perspettivi finanzjarji ta' l-2007-2013, qiegħda tingħata priorità lill-kapitlu li jikkonċerna s-sigurtà, il-ġustizzja, il-migrazzjoni u r-refuġju, u li riżorsi dejjem akbar għandhom ikunu allokati lil dan il-qasam. Il-budget għal ERF II hu konsistenti ma' dan il-ħsieb.

3.2.1

ERF II l-ewwel jirrapreżenta l-isforz neċessarju miż-żewġ naħat biex titwettaq politika importanti u t-tieni, hu juri li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jafu sew li l-problemi marbuta mat-Titlu IV tat-Trattat ma jistgħux jiġu solvuti mingħajr bidla kbira lejn ir-responsabilità maqsuma fost dawk kollha li jieħdu sehem: azzjonijiet li huma maħsuba tajjeb strateġikament, implimentati b'mod effiċjenti u appoġġjati mis-soċjetà ċivili u mill-amministrazzjoni lokali wkoll għandhom effett fuq il-konsolidazzjoni tad-drittijiet, ta' strumenti u ta' mekkaniżmi mħaddma biex tiġi implimentata politika komuni dwar ir-refuġju. Il-KESE jinnota li l-effett ta' ERF II għandu jkun komplet u jsaħħaħ miżuri nazzjonali eżistenti; ma jistax ikun sostitut għal dak li nkiseb s'issa. B'mod partikolari, l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili m'għandux jitnaqqas; bil-kontra, għandu jikber u jittejjeb.

3.2.2

Is-sehem tar-riżorsi tal-budget assenjat għal azzjonijiet tal-Komunità jitla' minn 5 % ta' ERF I għal 10 % ta' ERF II. Il-KESE jinnota li fl-opinjoni tiegħu dwar ERF I, hu talab sabiex 10 % jkunu mwarrba għal azzjonijiet tal-Komunità. Hu jisħaq il-bżonn li wieħed iżomm ma' dan il-persentaġġ, jekk l-azzjonijiet meħuda jridu jilħqu żewġ għanijiet essenzjali: l-appoġġ ta' l-iżvilupp ta' inizjattivi transnazzjonali u innovattivi (inkluż mis-soċjetà ċivili organizatta); u l-għoti ta' appoġġ finanzjarju għal studji, riċerka u qsim ta' l-esperjenza fost l-Istati Membri kollha.

3.3

It-tqassim tar-riżorsi fost id-diversi azzjonijiet (ilqugħ, integrazzjoni u rimpatriazzjoni volontarja) ukoll hu bbilanċjat u jirrifletti kemm iċ-ċirkostanzi ta' bħalissa fl-Istati Membri kif ukoll l-ammonti ta' persuni li fil-futur se jfittxu refuġju jew ta' oħrajn li se jkunu eliġibbli għal diversi forom ta' protezzjoni. Parti mill-ko-finanzjament hi stipulata bi qbil mal-ħames gruppi ta' individwi maħsuba apposta, u tirrifletti s-sitwazzjoni preżenti fl-Istati Membri, filwaqt li programmi multiannwali, imqassma f'perjodi ta' tmexxija annwali, se jagħtu lok għal tibdil li jkollu jsir fil-każ ta' żviluppi mhux mistennija. Il-proċedura tal-kumitat se tipprovdi wkoll monitoraġġ kollettiv għall-proċess ta' implimentazzjoni, u se tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tal-prattiċi tajba u ta' azzjonijiet innovattivi. Il-KESE jikkunsidra li parti sostanzjali tar-riżorsi għandha tgħaddi direttament għal xogħol ta' lqugħ u integrazzjoni, u tispera li l-Istati Membri ma jagħmlux enfażi eċċessiva, fi ħdan il-programmi multiannwali, fuq sforzi għal rimpatriazzjoni.

3.3.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-għajnuna biex jinstab impjieg tinstab inkluża fost il-miżuri ta' integrazzjoni, peress li l-abilità biex wieħed jaħseb għal bżonnijiet tiegħ stess- jew għall-anqas jagħmel l-aħjar li jista' biex dan isir- ikabbar il-kunfidenza u l-fatt li wieħed iħoss li għandu postu f'soċjetà. Dan jgħin ukoll biex jiġu evitati perjodi twal ta' qgħad u riżorsi baxxi li jimbuttaw iż-żgħażagħ f'attivitajiet marġinali jew possibilment illegali. Il-KESE, madankollu, jenfasizza l-bżonn li jiġu offruti kondizzjonijiet ta' xogħol li jagħtu ċans lil benefiċjarji aħħarija ta' ERF II biex ikollhom sehem attiv fil-proċeduri u l-attivitajiet li jikkonċernawhom. Il-KESE jesprimi d-diżappunt tiegħu li d-deċiżjoni riċenti tal-Kunsill dwar l-istatus ta' refuġjati tħalli f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk ir-refuġjati jistgħux jaħdmu jew le, u jfakkar li fl-opinjonijiet tiegħu (12), hu dejjem saħaq l-importanza biex jiġi faċilitat it-tħaddim tagħhom: il-KESE jqis ix-xogħol bħala dritt li ma jaċċetta l-ebda forma ta' diskriminazzjoni.

3.3.2

Il-KESE jissuġerixxi wkoll li jingħata grad ta' priorità għat-taħriġ kulturali u ta' għarfien psikoloġiku għal uffiċjali amministrattivi jew tal-pulizija li jkollhom kuntatt ma' refuġjati, persuni li jfittxu r-refuġju u nies li jgawdi minn forom oħra ta' protezzjoni. Dan hu bżonnjuż ukoll sabiex tiġi opposta l-immaġini spiss negattiva u sterjotipata tar-refuġjati mogħtija lilhom mill-istampa u mill-media. Inizjattivi sabiex jiġi promoss id-djalogu u l-ftehim fuq iż-żewġ naħat bejn il-kulturi ta' tali persuni u ċ-ċittadini tal-pajjiż li jilqa' wkoll jirrappreżentaw kontribuzzjoni kbira għall-integrazzjoni u l-kunsens soċjali bżonnjuż jekk ERF II irid ikun effettiv fil-prattika.

3.4

Il-KESE jaqbel ma' l-approċ strateġiku totali għall-implimentazzjoni tal-programm permezz tal-linji ta' gwida, programmi multiannwali mħaddma sena b'sena, żewġ rapporti intermedji tal-Kummissjoni u rapport li jsir wara: dan l-approċ jirrifletti l-ħsieb wara mekkaniżmi oħra ta' implimentazzjoni li qabel kienu mħaddma mill-Istati Membri u mill-Komunità, li juru l-effettività ta' metodu li jiffaċilita t-tqassim xieraq tar-responsabilitajiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà miftiehem bħala responsabilità maqsuma. ERF II għandu jkun aktar minn sempliċi strument biex jiġu mqassma r-riżorsi fost l-Istati Membri; bħalma ingħad fil-punt 3.1, hu għandhu jfittex li jieħu pass fid-direzzjoni ta' politika ta' refuġju komuni. Peress li mhux l-istrumenti kollha proposti sabiex tinħoloq tali politika ġew adottati, l-implimentazzjoni ta' ERF II jista' jgħin ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu d-deċiżjonijiet importanti b'aktar għarfien u kjarezza.

3.4.1

Il-ħolqien ta' awtorità responsabbli f'kull Stat Membru se jikkontribwixxi bil-kbir għaż-żieda fl-unità u l-għaqda tal-programmi nazzjonali, u jiżgura li l-implimentazzjoni tagħhom tkun trasparenti u xierqa, u tieħu ħsieb il-kollegamenti neċessarji mal-pubbliku ġenerali u s-soċjetà ċivili. Il-KESE jisħaq dwar l-importanza li l-proposta tagħti lill-konsultazzjoni, lis-sehem u lir-responsabilità konġunta ta' l-atturi relevanti mill-bidu nett, meta l-programmi multiannwali jkunu mħejjija. Dan l-aċċent fuq l-involviment ta' l-organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-awtoritajiet lokali hu kruċjali jekk għandha tittieħed il-konsiderazzjoni neċessarja ta' l-esperjenza miksuba f'dan il-qasam, jekk għandu jinżamm dibattitu soċjali, u jekk il-konsensus u t-tmexxija konsegwenzjali f'din l-isfera għandhom jinkisbu. Dan hu aspett li l-KESE spiss saħaq fl-opinjonijiet tiegħu, u jinsab kuntent li dan jidher fit-test tal-Kummissjoni.

3.4.1.1

Il-Kumitat jikkunsidra bħala partikolarment importanti l-fatt li l-ONG għandu jkollhom aċċess faċli għaċ-ċentri ta' ilqugħ u transitu sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna fil-ħin tal-wasla inizzjali. L-iskop tax-xogħol tagħhom f'dan ir-rigward jista' jittejjeb sew billi jiġi inkluż taħt azzjoni speċifika tal-Komunità.

3.4.2

L-eperjenza miksuba fl-Istati Membri kollha matul is-snin turi b'mod ċar l-effettività tas-sħubija bejn awtoritajiet nazzjonali u lokali fuq naħa, u organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq in-naħa l-oħra. Il-KESE jittama li din ir-rikkezza ta' kooperazzjoni ma tinħeliex meta ERF II jiġi implimentat iżda tingħatalha għodda ġodda u maħsuba aħjar.

3.5

ERF II jindirizza l-problema taċ-ċirkostanzi differenti fid-diversi Stati Membri u jiddefendi l-kriterji ċentrali għat-tqassim tar-riżorsi skond in-numru ta' persuni fil-gruppi maħsuba apposta fl-Istati Membri. Il-KESE jinnota li se jkollha tingħata attenzjoni speċjali għal dawn iż-żewġ differenzi- speċjalment id-diversi stadji ta' żvilupp tal-policies ta' l-Istat Membru relevanti- meta jiġu proposti l-linji ta' gwida għall-programmi multiannwali.

3.5.1

Il-fatt li l-ammonti fissi annwali allokati lill-Istati Membri ġodda għall-ewwel tliet snin tal-programm huma akbar minn dawk riservati għall-15 –il membru eżistenti ta' l-UE hu mill-anqas ta' sinjifikat simboliku. Hu veru li dawn il-pajjiżi għadhom ma bnewx esperjenza kbira f'dan il-qasam, u xi wħud minnhom se jkunu jinsabu fil-fruntieri esterni ta' l-UE. B'hekk se jkun kruċjali l-fatt li huma jidħlu fil-policies ġenerali dwar ir-refuġju tal-15 –il Stat Membru, u li jkunu abbli biex jużaw l-istrumenti relevanti tal-Komunità. Se jkun importanti b'mod partikolari li l-esperjenza tal-15 –il Stat eżistenti ta' l-UE titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri ġodda u li jingħatlhom appoġġ speċjali, anke billi tingħata priorità għall-azzjonijiet tal-Komunità maħsuba biex jgħinuhom fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet amministrattivi u maniġerjali mitluba b'konnessjoni mar-refuġju.

3.6

Il-KESE jinnota b'mod partikolari l-bżonn biex il-proċeduri ta' implimentazzjoni finanzjarja ta' ERF II ikunu kemm jista' jkun sempliċi u effiċjenti u biex ikun hemm prevenzjoni tal-ħolqien ta' irregolaritajiet li jitqajmu minn proċeduri kumplessi u mhux ċari; organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mar-refuġjati u dawk li jirċievu diversi tipi ta' protezzjoni m'għandhomx ikunu mtaqqla minn proċeduri li huma kumplikati u/jew diffiċli biex jitwettqu. Dan japplika kemm għall-azzjonijiet tal-Komunità kif ukoll għal dak ta' l-Istati Membri. ONG, li madankollu hi suġġetta, kif xieraq, għal kondizzjonijiet stretti ta' trasparenza, għandha metodu operattiv u kondizzjonijiet ta' flessibilità differenti mhux ħażin minn dawk ta' kumpanijja tal-kostruzzjoni li tirbaħ tender biex tibni ċentru ta' ilqugħ. Il-KESE hu inkwetat dwar il-kuntratti ffirmati mill-awtoritajiet responsabbli ma' l-organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili peress li dawn jistgħu ma jippreżentawx l-obbligazzjonijiet u r-responsabilitajiet b'mod ċar biżżejjed, li jwasslu biex l-organizzazjonijiet jiffukaw aktar fuq dettalji amministrattivi u ċertifikazzjoni ta' l-infieq milli fuq l-effettività ta' l-azzjoni fl-iċċertar li l-d-drittijiet tal-grupp maħsuba jkunu rrispettati u li l-bżonnijiet tiegħu jkunu moqdija.

3.6.1

Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-interess applikat għal somom li jkunu diġà tħallsu li għandu jinġabar fil-każ ta' użu mhux xieraq għandu jkun purament simboliku sabiex jiġi evitat il-periklu li Stati Membri, sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom, jimponu proċeduri eċċessivament restrittivi fuq is-sejħiet għall-offerti, dejjem għad-detriment ta' l-effiċjenza u l-involviment ta' ONG. Il-KESE jinnota li l-politika dwar ir-refuġju mhi imħaddma minn entitajiet pubbliċi biss fl-ebda pajjiż, u li f'xi wħud minnhom ir-refuġjati u persuni protetti oħra jkunu jinsabu f'sitwazzjoni prekarja kieku ma kienx hemm l-azzjoni u l-assistenza ta' l-ONG. Il-KESE għalhekk isejjaħ għad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' ERF II biex jirriflettu dawn il-ħsibijiet.

3.7

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tinsisti ma' l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu kriterja komuni għall-ġbir ta' l-informazzjoni. L-aspett kwantitattiv ta' ERF II hu importanti daqs dak kwalitattiv, peress li r-riżorsi ta' ko-finanzjament ta' ERF II huma determinati mill-figuri għall-kategoriji differenti ta' persuni li għandhom status ta' refuġjati, li jgawdi minn xi forma ta' protezzjoni jew li qiegħdin ifittxuha.

3.8

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mill-ONG u lill-imsieħba soċjali meta jagħmlu evalwazzjonijiet skond l-Artikolu 26(2).

4.   Konklużjonijiet

4.1

Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal Fond Ewropew għar-Refuġjati (ERF) għall-perjodu bejn l-2005 u l-2010 hi ġustifikata, hi mgħammra b'riżorsi sinjifikanti u hi organizzata b'tali mod sabiex tiffaċilita r-responsabilità konġunta ta' l-Istati Membri u l-Komunità. Hu jisħaq ukoll li l-ilqugħ u l-integrazzjoni għandhom jibqgħu jitqiesu bħala bażi għal politika ta' refuġju b'saħħitha.

4.2

Il-KESE japprezza l-fatt li, skond il-proposta, l-Istati Membri u l-awtoritajiet responsabbli għandhom jistipulaw min se jkollu d-dmir biex jinvolvi l-atturi kollha relevanti fi sħubija effettiva aktar minn qatt qabel, speċjalment organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali u reġjonali. Madankollu, hu jisħaq li dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' ERFII għandhom jiżguraw azzjoni effettiva u proċeduri sempliċi u trasparenti għal atturi li mhumiex l-Istati Membri.

4.3

Il-KESE jisħaq dwar il-bżonn li tiġi definita l-kriterja komuni biex tinstab informazzjoni dwar ir-refuġjati, anke sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-azzjonijiet meħuda f'pajjiżi differenti u t-tqabbil bejniethom, u jħajjar li l-azzjonijiet tal-Komunità jiffukaw l-ewwel u qabel kollox fuq it-titjib u l-appoġġ tal-kapaċitajiet amministrattivi u maniġerjali ta' l-Istati Membri ġodda.

4.4

Il-KESE jittama li deċiżjoni dwar il-proposta ta' ERF II tittiħed mingħajr dewmien u tkun sostunta minn dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni xierqa u trasparenti.

Brussel, 2 ta' Ġunju 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  Rapporteur: Is-Sur Gérard Deprez.

(2)  ĠU C 168 of 16.6.2000 (rapporteur: Is-Sinjura zu Eulenburg).

(3)  30 u 31 ta' Ottubru 2003.

(4)  SEC(2004) 161 tat-12 ta' Frar 2004, Staff Working Paper tal-Kummissjoni : Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2005 u l-2010- Stima ta' Impatt Estiża {COM(2004) 102 final}.

(5)  Bl-aktar mod partikolari : il-kategoriji tal-budget li fl-2003 u fl-2004 taw fondi għal proġetti ta' integrazzjoni importanti ; il-proposta ta' stabbiliment ta' aġenzija biex tmexxi l-fruntieri esterni ta' l-UE ; l-użu tal-programm EQUAL biex dawk li jkunu qiegħdin jitolbu refuġju jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, eċċ.

(6)  Status definit mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra fit-28 ta' Lulju 1951 kif emendata mill-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967.

(7)  Fis-sens tad-Direttiva 2001/55/KE.

(8)  Adottata fid-29 ta' April 2004

(9)  Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-livelli minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istatus ta' ċittadini ta' terzi pajjiżi u persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li b'xi mod jeħtieġu protezzjoni internazzjoni, fil-ĠU OJ C 51 E ta' 26.2.2002.

(10)  Opinjoni tal-KESE fil-ĠU C 221 ta' 17.9.2002 (rapporteur: Is-Sinjorina Le Nouail-Marlière).

(11)  Il-wasliet naqsu matul dawn l-aħħar sentejn iżda, ovvjament, il-possibilità ta' wasla kbira qatt ma tista' tiġi eskluża. Għandu jitfakkar li minħabba li l-andamenti huma identifikati fuq il-bażi ta' statistiċi nazzjonali mhux armonizzati, huma jistgħu jkunu influwenzati sew minn diversi policies applikati mill-Istati Membri u minn kif huma jiġu implimentati fil-prattika.

(12)  L-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistipula l-livelli minimi għall-ilqugħ ta' applikanti għal refuġju fl-Istati Membri, punt 4.3, f'ĠU C 48 ta' 21.2.2002 (rapporteur: Is-Sur Mengozzi), u l-opinjoni dwar il-proposta hawn fuq imsemmija dwar l-istatus ta' refuġjati, punt 3.7.1, f'ĠU C 221 ta' 17.9.2002 (rapporteur: Is-Sinjorina Le Nouail-Marlière).


Top