EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XP0345

Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej ***I Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit- 13 ta' Settembru 2012 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (COM(2011)0862 – C7-0489/2011 – 2011/0418(COD))

OJ C 353E, 3.12.2013, p. 255–279 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/255


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej ***I

P7_TA(2012)0345

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-13 ta' Settembru 2012 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (COM(2011)0862 – C7-0489/2011 – 2011/0418(COD)) (1)

2013/C 353 E/49

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

[Emenda Nru 2]

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW (2)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-każ kien riferut lura lill-kumitat responsabbli biex jerġà jiġi kkunsidrat skont it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 57(2) (A7-0194/2012).

(2)  Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
REGOLAMENT (UE) Nru …/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ttrażmettew l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Waqt li l-investituru wkoll qed ifittxu għanijiet soċjali u mhux biss redditi finanzjarji, aktar ma jmur aktar qed jemerġi suq ta’ investiment soċjali fl-Unjoni, magħmul parzjalment minn fondi tal-investiment li jimmiraw lejn impriżi soċjali. Tali fondi ta’ investiment jipprovdu finanzjament għall-impriżi soċjali li jaġixxu bħala muturi tal-bidla soċjali billi joffru soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi soċjali , pereżempju jgħinu biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja u jagħtu kontribut ferm importanti għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(1a)

Dan ir-Regolament huwa parti mill-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali stipulata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2011 intitolata 'Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali - Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni'.

(2)

Huwa neċessarju li jiġi stipulat qafas komuni ta’ regoli dwar l-użu tad-denominazzjoni "Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew", '(EuSEF)', partikolarment dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi li joperaw b'din id-denominazzjoni, il-miri ta’ investiment eliġibbli tagħhom, l-għodod tal-investiment li jużaw u l-kategoriji ta’ investituri li jkunu eliġibbli għall-investiment f'tali fondi minn regoli uniformi tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ qafas komuni bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jadottaw provvedimenti diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u joħolqu ostakli għalih, billi l-fondi li jkunu jixtiequ joperaw lil hinn mill-fruntieri jkunu soġġetti għal regoli differenti fl-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti diverġenti ta’ kwalità dwar il-kompożizzjoni tal-portafolji, il-miri ta’ investiment u l-investituri eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni għall-investitur u jiġġeneraw konfużjoni fir-rigward tal-offerta ta’ investiment assoċjata mal-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew (EuSEF). L-investituri għandhom, barra minn hekk, ikunu kapaċi jikkomparaw l-offerti ta’ investiment ta’ EuSEFs differenti. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli sinifikanti għall-ġbir transfruntier ta’ fondi mill-EuSEFs u li jiġu evitati distorsjonijiet għall-kompetizzjoni bejn dawk il-fondi, u li jiġi pprevenut li fil-futur jokkorru kwalunkwe ostaklu ieħor għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat skont il-każistika konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Jeħtieġ li jiġi adottat Regolament li jistabilixxi regoli uniformi applikabbli għall-EuSEFs u li jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom fl-Istati Membri kollha li jkunu jixtiequ jiġbru l-kapital mill-Unjoni kollha bl-użu tad-denominazzjoni ' EuSEF '. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw il-kunfidenza tal-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu f'tali fondi.

(3a)

Dan ir-Regolament ma japplikax għal skemi nazzjonali eżistenti li jippermettu investiment fin-negozji soċjali u li ma jużawx id-denominazzjoni 'EuSEF'.

(4)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti ta’ kwalità għall-użu tad-denominazzjoni 'EuSEF' fil-forma ta’ Regolament għandha tiżgura li dawk ir-rekwiżiti jkunu direttament applikabbli għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jiġbru fondi bl-użu ta’ din id-denominazzjoni. Dan jiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din id-denominazzjoni bil-prevenzjoni ta’ rekwiżiti nazzjonali diverġenti li jirriżultaw mit-traspożizzjoni ta’ Direttiva. Dan ir-Regolament ifisser li l-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni jkunu jeħtieġu jsegwu l-istess regoli fl-Unjoni kollha, li jqawwi wkoll il-kunfidenza tal-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu f'fondi li jiffokaw fuq impriżi soċjali. Regolament inaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u, għall-maniġer, il-kost tal-konformità ma' regoli nazzjonali spiss diverġenti li jirregolaw tali fondi, speċjalment għal dawk il-maniġers li jkunu jixtiequ jiġbru kapital fuq bażi transfruntiera. Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta' distorsjonijiet kompetittivi.

(4a)

Għandu jkun possibbli għal EuSEF li jkun ġestit b'mod estern jew intern. Fejn il-EuSEF ikun ġestit internament, il-EuSEF ikun ukoll il-maniġer u għalhekk għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-maniġers tal-EuSEFs skont dan ir-Regolament u jkun reġistrat bħala tali. EuSEF ġestit internament madankollu ma jistax ikollu maniġer estern ta' impriżi ta' investiment kollettiv oħra jew UCITS.

(5)

Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u r-regoli ġenerali applikabbli tal-Unjoni dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, huwa neċessarju li jiġi stabilit li dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv għajr l-UCITS skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (4) u li jkunu stabiliti fl-Unjoni u jkunu rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi  (5) sakemm dawk il-maniġers jiġġestixxu portafolji tal- Madankollu, managers tal-EuSEF li jkunu reġistrati skont dan ir-Regolament u li huma maniġers esterni għandhom ikunu jistgħu jiġġestixxu wkoll UCITS suġġetti għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE.

(5a)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament japplika biss għal maniġers ▐ ta' dawk l-impriżi ta' investiment kollettiv li l-assi maniġjati tagħhom f'daqqa ma jaqbżux il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE. Dan ifisser li l-kalkolu tal-limitu għall-finijiet ta' dan ir-Regolament isegwi l-kalkolu tal-limitu tal-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE. Madankollu, il-maniġers tal-EuSEF li huma reġistrati skont dan ir-Regolament u li l-assi tagħhom f'daqqa sussegwentement kibru biex jeċċedu l-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u li għalhekk saru suġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju bi qbil mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva, jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni 'EuSEF' f'rabta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs fl-Unjoni, sakemm huma jikkonformaw mar-rekwiżiti mniżżla f'dik id-Direttiva u jkomplu jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti għall-użu tad-denominazzjoni 'EuSEF' speċifikata f'dan ir-Regolament f'kull żmien fir-rigward tal-EuSEF. Dan japplika kemm għall-EuSEFs eżistenti u kemm għall-EuSEFs stabbiliti wara li jiġi maqbuż il-limitu.

(6)

Dan ir-Regolament ma japplikax f’każijiet fejn il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw l-isem. F’dawk il-każijiet, regoli nazzjonali u regoli ġenerali tal-Unjoni eżistenti għandhom jibqgħu japplikaw.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli uniformi dwar in-natura tal-EuSEFs, notevolment dwar l-impriżi ta' portafoll li fihom l-EuSEFs ikunu permess jinvestu, u l-istrumenti ta' investiment li jintużaw. Dan huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tinġibed linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn EuSEF u fondi ta’ investiment alternattivi oħra li jadottaw strateġiji ta’ investiment oħra anqas speċjalizzati, pereżempju akkwisti, li dan ir-Regolament mhux qed ifittex li jippromovi.

(7a)

B’konformità mal-għan ta’ ċirkoskrizzjoni bi preċiżjoni tal-impriżi ta' investiment kollettiv li se jkunu koperti b'dan ir-Regolament, u sabiex jiġi żgurat enfasi li jipprovdi kapital għal impriżi soċjali, il-EuSEFs għandhom jitqiesu bħala dawk il-fondi li għandu l-ħsieb li jinvesti minimu ta’ 70 fil-mija mill-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat u mhux eżerċitat f'dawn l-impriżi. Ma għandux ikun permess li l-EuSEF jinvesti aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta' kapital impenjat u mhux eżerċitat f'assi oħra ħlief investimenti li jikkwalifikaw. Dan ifisser li fejn 30 % għandu jkun il-limitu massimu f'kull żmien għal investimenti li ma jikkwalifikawx, is-70 % għandhom ikunu riservati għal investimenti li jikkwalifikaw matul il-ħajja tal-EuSEF. Il-limiti msemmija hawn fuq għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha u parteċipazzjonijiet fi flus u ekwivalenti ta’ flus. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi d-dettalji meħtieġa għall-kalkolu tal-limiti ta' investiment imsemmija.

(7b)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza neċessarji, dan ir-Regolament għandu wkoll jistabilixxi kriterji uniformi sabiex jidentifika l-impriżi soċjali bħala impriżi ta’ portafoll kwalifikanti eliġibbli. Impriża soċjali hija operatur fl-ekonomija soċjali li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha. Hi topera billi tipprovdi prodotti u servizzi għas-suq u tuża l-profitti tagħha primarjament biex tilħaq objettivi soċjali. Hija mmaniġġjata b’manjiera responabbli u trasparenti u, b'mod partikolari, tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha.

(7c)

Minħabba impriżi soċjali għandhom il-ksib tal-impatt soċjali pożittiv u mhux li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom ▐, dan ir-Regolament għandu jippromovi biss appoġġ għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li jkollhom il-ksib ta’ impatt soċjali pożittiv u li jista’ jitkejjel bħala l-enfasi tagħhom. Impatt soċjali li jista' jitkejjel u pożittiv jista' jinkludi l-forniment ta' servizzi lil immigranti li normalment huma esklużi, jew billi jintegra mill-ġdid gruppi marġinalizzati fis-suq tax-xogħol billi jipprovdilhom impjieg, appoġġ u taħriġ. Dawn l-impriżi jużaw il-profitti tagħhom sabiex jiksbu l-objettiv primarju tagħhom u jkunu mmaniġjati b’mod responsabbli u trasparenti. Għall-każijiet ġeneralment eċċezzjonali, li fihom impriża ta’ portafoll kwalifikanti tkun tixtieq tqassam profitti lill-azzjonisti u s-sidien, l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti għandu jkollha proċeduri u regoli predefiniti dwar kif jitqassmu l-profitti lill-azzjonisti u lis-sidien. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw li t-tqassim tal-profitti ma jippreġudikax l-objettiv soċjali primarju.

(8)

L-impriżi soċjali jinkludu firxa wiesgħa ta’ impiżi, ta’ forom ġuridiċi varji, li jipprovdu servizzi soċjali jew oġġetti lil persuni vulnerabbli , marġinati , żvantaġġati jew esklużi . Dawn is-servizzi jinkludu aċċess għal abitazzjoni, servizzi ta’ kura tas-saħħa, assistenza għal persuni anzjani jew diżabbli, indukrar tat-tfal, aċċess għall-impjieg u taħriġ kif ukoll maniġjar tad-dipendenzi. L-impriżi soċjali jinkludu wkoll impriżi li jużaw metodu ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi li jinkludi l-objettiv soċjali tagħhom , iżda li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaqgħu barra l-kamp tal-forniment tal-prodotti jew servizzi soċjali. Dawk l-attivitajiet jinkludu l-integrazzjoni soċjali jew professjonali permezz ta’ aċċess għal impjieg għal persuni żvantaġġati b’mod partikolari minħabba kwalifiki nieqsa jew problemi soċjali jew professjonali li jwasslu għall-esklużjoni u l-marġinazzjoni. Dawk l-attivitajiet jistgħu jirrigwardaw ukoll il-protezzjoni ambjentali b'impatt fuq is-soċjetà, bħal miżuri kontra t-tniġġis, ir-riċiklaġġ u l-enerġija rinnovabbli.

(8a)

L-għan ta' dan ir-Regolament hu li jappoġġa t-tkabbir tal-impriżi soċjali fl-Unjoni. L-investimenti f'impriżi ta’ portafoll kwalifikanti stabbiliti f'pajjiżi terzi jistgħu iġibu aktar kapital lill-EuSEFs u b'hekk jibbenefikaw impriżi soċjali fl-Unjoni. Madankollu, taħt l-ebda ċirkustanza l-investimenti m'għandhom isiru f'impriżi ta' portafoll ta' pajjiż terz li jinsabu f'rifuġji fiskali jew f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx.

(8b)

EuSEF m'għandux ikun stabbilit f'rifuġji fiskali jew f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, bħal pajjiżi terzi li b'mod partikolari m'għandhomx taxxi jew għandhom taxxi nominali, b'nuqqas ta' arranġamenti xierqa ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri ta' domiċilju tal-manager ta' EuSEF u l-awtoritajiet ta' kontroll tal-pajjiż terz fejn l-intraprenditorija soċjali hi stabbilita, jew hemm nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa. EuSEF ukoll m'għandux jinvesti f'ġurisdizzjonijiet li għandhom waħda mill-kriterji ta' hawn fuq.

(8c)

Maniġers ta' EuSEFgħandhom ikunu kapaċi jattiraw impenji ta' kapital addizzjonali matul il-ħajja ta' fond. Dawn l-impenji ta' kapital addizzjonali fil-ħajja ta' EuSEF għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi previst l-investiment li jmiss fl-assi minbarra f'assi kwalifikanti. Impenji ta' kapital addizzjonali għandhom ikunu permessi skont il-kriterji u suġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta' EuSEF jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni.

(9)

Meta wieħed iqis il-ħtiġijiet ta’ finanzjament speċifiċi tal-impriżi soċjali, huwa neċessarju li tinkiseb ċarezza rigward it-tipi ta’ strumenti li EuSEF għandu juża għal dawn il-finanzjamenti. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli uniformi dwar strumenti eliġibbli li għandhom jintużaw minn EuSEF meta jagħmel investimenti, li jinkludu strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità , strumenti ta’ dejn , bħal ċedoli u ċertifikati ta’ depożitu , investimenti f’EuSEFs oħrajn , selfiet garantiti jew mhux garantiti, u għotjiet. Madankollu, biex l-investimenti ma jispiċċawx f'impriżi ta' portafoll kwalifikanti, il-EuSEFs għandhom ikunu jistgħu jinvesti f'EuSEFs oħra meta dawk il-EuSEFs l-oħra nfushom ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta' kapital impenjat mhux eżerċitat tagħhom f'EuSEFs oħra.

(9a)

L-attivitajiet ewlenin tal-EuSEFs qed jiggarantixxu finanzjament għal impriżi soċjali permezz ta' investimenti primarji. Il-EuSEFs ma għandhomx jipparteċipaw f’attivitajiet bankarji ta' importanza sistemika barra mill-qafas regolatorju prudenzjali normattiv (l-hekk imsejħa ‘operazzjonijiet bankarji paralleli’). Lanqas ma' għandhom isegwu strateġiji tipiċi ta’ ekwità privata, bħalma huma x-xiri ta’ kapital bid-dejn.

(10)

Sabiex tinżamm il-flessibilità meħtieġa fil-portafoll ta’ investiment tagħhom, il-EuSEFs jistgħu jinvestu ▐ f’assi oħrajn għajr investimenti kwalifikanti sakemm dawn l-investimenti ma jaqbżux il-limiti stabiliti minn dan ir-Regolament għal investimenti nonkwalifikanti. Parteċipazzjonijiet ta' flus u ekwivalenti għal flus ma għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' dan il-limitu minħabba li flus u ekwivalenti għal flus ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti. Il-EuSEFs għandhom jieħdu sehem f'investimenti matul il-portafoll tagħhom li jkunu konsistenti mal-istrateġija etika ta' investiment tagħhom, pereżempju huma ma għandhomx jagħmlu investimenti f'industrija tal-armamenti, li fiha riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew li tista' tinvolvi rimi ta' skart elettroniku.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-isem 'EuSEF' ikun affidabbli u faċilment rikonoxxibbli għall-investituri madwar l-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi li huma biss dawk il-maniġers ta’ EuSEF li jikkonformaw mal-kriterji uniformi ta’ kwalità kif stabiliti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli sabiex jużaw dan l-isem meta jikkummerċjalizzaw l-EuSEFs madwar l-Unjoni.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ikollhom profil distint u identifikabbli li jkun xieraq għall-iskop tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll u dwar it-tekniki ta’ investiment li huma permessi għal fondi bħal dawn.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi, u ▐ li dawn il-fondi jikkonċentraw, fl-attivitajiet ta’ investiment tagħhom, fuq l-appoġġ għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, ma għandux jitħalla l-użu ta' ingranaġġ fil-livell tal-fond. Il-maniġer tal-EuSEF għandu jkun jista' biss jissellef, joħroġ obbligi ta’ dejn jew jipprovdi garanziji, fil-livell tal-EuSEF, sakemm dan is-self, obbligi ta' dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux eżerċitati u b'hekk ma jżidx l-iskopertura tal-fond lil hinn mil-livel tal-impenji kapitali tiegħu. Skont dan l-approċċ pagamenti bil-quddiem minn investituri tal-EuSEF li huma kompletament koperti minn impenji kapitali minn dawk l-investituri ma jżidux l-iskopertura tal-EuSEF u għalhekk għandhom ikunu permessi. Barra minn hekk, sabiex il-fond ikun jista’ jkopri ħtiġijiet straordinarji ta’ likwidità li jistgħu jinqalgħu bejn l-eżerċizju tal-kapital impenjat mill-investituri u meta attwalment jirċievi l-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jitħalla jissellef fuq terminu qasir sakemm ma jeċċedix il-kapital impenjat mhux eżerċitat.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ikunu kummerċjalizzati biss lil investituri li jkollhom ▐ l-esperjenza , il-konoxxenza u l-għarfien espert biex jieħdu d-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom u jivvalutaw sew ir-riskji li dawn il-fondi jġibu magħhom, u sabiex tinżamm il-kunfidenza u l-fiduċja tal-investituri fil-EuSEF, għandhom jiġu stabiliti ċerti salvagwardji speċifiċi. Għaldaqstant, l-EuSEFs għandhom ▐ ikunu kkummerċjalizzati biss lil investituri li huma klijenti professjonali jew li jistgħu jkunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji  (6). Madanakollu, sabiex ikun hemm bażi ta’ investituri wiesgħa biżżejjed għal investimenti fil-EuSEFs ikun tajjeb ukoll li ċerti investituri oħrajn ikollhom aċċess għal dawn il-fondi, inklużi individwi ta’ valur għoli. Għal dawk l-investituri l-oħrajn għandhom jiġu stabiliti salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ikunu kummerċjalizzati biss lil investituri li għandhom profil xieraq sabiex jagħmlu investimenti bħal dawn. Dawn is-salvagwardji jeskludu l-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-użu ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku. Barra minn hekk, l-investimenti li jsiru minn membri eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta' maniġer ta' EuSEF għandhom ikunu possibbli meta jinvestu fil-EuSEF li huma jiġġestixxu, minħabba li dawn l-individwi huma kapaċi biżżejjed biex jipparteċipaw f'investimenti bħal dawn.

(15)

Sabiex jiġi żgurat li jkunu biss dawk il-maniġers ta’ EuSEF li jissodisfaw kriterji tal-kwalità uniformi fir-rigward tal-imġiba tagħhom fis-suq li jużaw id-denominazzjoni ' EuSEF ', dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet u r-relazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF mal-investituri tiegħu. Għall-istess raġuni, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi wkoll kundizzjonijiet uniformi rigward il-maniġġ tal-kunflitti ta’ interess minn maniġers bħal dawn. Dawn ir-regoli għandhom ukoll jeħtieġu li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi fis-seħħ sabiex jiżgura maniġġ xieraq tal-kunflitti ta’ interess.

(15a)

Fejn maniġer ta’ EuSEF ikollu l-ħsieb li jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, ir-responsabilità tal-maniġer lejn il-EuSEF u l-investituri tiegħu m’għandhiex tiġi affettwata mid-delega ta' funzjonijiet mill-maniġer tal-EuSEF lil parti terza. Barra minn hekk, il-maniġer tal-EuSEF m’għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer tal-EuSEF u jkun sar entità tal-kaxxa tal-ittri. Il-maniġer tal-EuSEF għandu jibqa’ responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet delegati u għall-konformità ma' dan ir-Regolament f'kull mument. id-delega ta’ funzjonijiet ma għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer tal-EuSEF, u, b’mod partikolari ma għandhiex tipprevjeni lill-maniġer tal-EuSEF milli jaġixxi, jew lill-EuSEF milli jiġi mmaniġġjat, fl-aħjar interessi tal-investituri tiegħu;

(16)

Il-ħolqien ta’ impatti soċjali pożittivi flimkien mal-ġenerazzjoni tar-redditi finanzjarji għall-investituri huwa karatteristika prinċipali tal-fondi ta’ investiment li fil-mira tagħhom għandhom l-impriżi soċjali, tali li jiddistingwihom minn tipi oħrajn ta’ fondi ta’ investiment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ li l-maniġer ta’ EuSEF idaħħal fis-seħħ proċeduri ▐ għat-tkejjil tal-impatti soċjali pożittivi biex jinlaħqu permezz ta’ investiment fl-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti.

(16a)

Attwalment, il-fondi li qed jittrattaw l-effetti jew l-impatti soċjali tipikament jivvalutaw u jiġbru informazzjoni dwar kemm l-impriżi soċjali qed jilħqu r-riżultati li huma qed jimmiraw għalihom. Hemm firxa wiesgħa ta' tipi differenti ta' effetti u impatti soċjali li impriża soċjali tista' tipprova tilħaq. Għalhekk ġew żviluppati modi differenti li jidentifikaw l-impatti soċjali u li jkejluhom. Pereżempju, kumpanija li qed tfittex li tgħin persuni żvantaġġati tista' tagħmel rapport dwar in-numru ta' persuni megħjuna, pereżempju impjegati li kieku ma kienux isibu impjieg. Jew, kumpanija li qed tfittex li ttejjeb ir-riħabilitazzjoni fis-soċjetà ta' priġunieri wara li tispiċċa s-sentenza tagħhom tista' tivvaluta l-prestazzjoni tagħha f'termini ta' reċidività. Il-fondi jgħinu lill-impriżi fit-tħejjija u l-provvediment ta' informazzjoni dwar l-għanijiet u l-kisbiet tagħhom, u fil-ġbir ta' dan għall-investituri. Filwaqt li informazzjoni dwar l-impatti soċjali hi ferm importanti għall-investituri, hu diffiċli li tqabbel bejn impriżi soċjali differenti u fondi differenti kemm minħabba d-differenzi fl-effetti soċjali li jkunu fil-mira u kemm minħabba l-varjetà ta' approċċi attwali. Sabiex tkun imħeġġa l-konsistenza u l-kumparabilità fuq terminu twil ta' żmien f'din l-informazzjoni u l-akbar effiċjenza fil-proċeduri biex tinkiseb l-informazzjoni, hu mixtieq li jiġu żviluppati atti delegati f'dan il-qasam. Dawn l-atti delegati għandhom ukoll jiżguraw ċarezza akbar għall-kontrolluri, il-EuSEFs u l-impriżi soċjali.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-isem 'EuSEF' , dan ir-Regolament għandu jkun fih ukoll kriterji dwar il-kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ maniġer ta’ EuSEF. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-ħtieġa li jibqa’ jkun hemm riżorsi tekniċi u umani ▐.

(17a)

Sabiex tkun żgurata ġestjoni xierqa tal-EuSEF u l-kapaċità tal-maniġer li jkopri riskji potenzjali li jiġu mill-attivitajiet tiegħu dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-maniġer ta' EuSEF biex iżomm fondi proprji suffiċjenti. L-ammont ta' dawn il-fondi proprji għandu jkun biżżejjed biex jiżgura l-kontinwità u l-ġestjoni xierqa tal-EuSEF.

(18)

Huwa neċessarju għall-finijiet tal-protezzjoni għall-investitur li jiġi żgurat li l-assi tal-EuSEFs ikunu valwati kif xieraq. Għalhekk ir-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-EuSEF għandu jkun fihom regoli dwar il-valwazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura l-integrità u t-trasparenza tal-valwazzjoni.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-maniġers ta’ EuSEF li jużaw l-isem 'EuSEF' jagħtu biżżejjed rendikont tal-attivitajiet tagħhom, għandhom jiġu stabiliti regoli uniformi dwar ir-rapporti annwali.

(20)

Biex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni ' EuSEF ' f’għajnejn l-investituri huwa neċessarju li d-denominazzjoni tintuża biss minn maniġers ta’ fondi li jkunu kompletament trasparenti fir-rigward tal-politika u l-miri tagħhom tal-investiment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli uniformi dwar rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fid-dmir tal-maniġer ta’ EuSEF fir-rigward tal-investituri tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu dawk l-elementi li huma speċifiċi għall-investimenti fl-impriżi soċjali, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu konsistenza u komparabilità akbar ta’ dan it-tagħrif. Dawn jinkludu tagħrif dwar il-kriterji u l-proċeduri li jintużaw sabiex jintgħażlu impriżi ta’ portafoll kwalifikanti partikolari bħala miri tal-investiment. Din tinkludi wkoll tagħrif dwar l-impatt soċjali pożittiv miksub mill-politika tal-investiment u dwar kif dan l-eżitu għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat. Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenza u l-fiduċja neċessarji tal-investituri f’dawn it-tipi ta’ investimenti, tkun inkluża anki l-informazzjoni dwar l-assi tal-EuSEF għajr dawk investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dwar kif dawn jintgħażlu.

(21)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effikaċi tar-rekwiżiti uniformi li jinstabu f’dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandha tissupervizza l-konformità tal-maniġer ta’ EuSEF mar-rekwiżiti uniformi stabiliti f'dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-maniġer ta’ EuSEF li jixtieq jikkumerċjalizza l-fondi tiegħu bl-isem ' EuSEF ' għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu b’din l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-maniġer ta’ fond jekk ikun ġie pprovdut it-tagħrif meħtieġ kollu u jekk ikun hemm fis-seħħ biżżejjed arranġamenti sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Din ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida madwar l-Unjoni sħiħa.

(21a)

Sabiex tkun faċilitata kummerċjalizzazzjoni transkonfinali effiċjenti tal-EuSEF, ir-reġistrazzjoni tal-maniġer għandha ssir malajr kemm jista' jkun.

(21b)

Filwaqt li f'dan ir-Regolament hemm inklużi salvagwardji li jaċċertaw li l-fondi jintużaw b'mod xieraq, l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu viġilanti biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma' dawk is-salvagwardji.

(22)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effikaċi tal-konformità mal-kriterji uniformi stabiliti, dan ir-Regolament għandu jkun fih regoli dwar iċ-ċirkustanzi li fihom it-tagħrif ipprovdut lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tkun teħtieġ aġġornament.

(23)

Għas-superviżjoni effikaċi tar-rekwiżiti stipulati, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi wkoll proċess għan-notifiki transfruntieri bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji, li għandhom jinbdew mar-reġistrazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF fl-Istat Membru domiċiljari tiegħu.

(24)

Sabiex jinżammu kundizzjonijiet trasparenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ maniġers ta’ EuSEF fl-Unjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea ( l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ) (AETS) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għandha tiġi fdata bir-responsabilità ta’ bażi ta’ dejta ċentrali li telenka l-maniġers ta' EuSEF u l-EuSEFs li jiġġestixxu li jkunu rreġistrati skont dan ir-Regolament.

(24a)

Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u li jistgħu jiġu ppruvati biex temmen li maniġer ta' EuSEF jaġixxi b'mod li jikser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, li għandha tieħu miżuri xierqa.

(24b)

Jekk, minkejja l-miżurui meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, jew il-maniġer ta' EuSEF ikompli jaġixxi b'mod li jkun ċar li jinsab f'konflitt ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista', wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluż il-possibilità li żżomm il-maniġer ikkonċernat milli jkompli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-EuSEFs fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

(25)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-kriterji uniformi stabiliti, dan ir-Regolament għandu jkun fih lista ta’ setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

(26)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq, dan ir-Regolament għandu jkun fih sanzjonijiet amministrattivi u miżuri għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ewlenin tiegħu, jiġifieri, ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri eliġibbli, u dwar l-użu tal-isem ' EuSEF ' minn maniġers ta’ EuSEF reġistrati biss. Għandu jiġi stabilit li ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin jirriżulta fi projbizzjoni tal-użu tal-isem u t-tneħħija tal-maniġer tal-fond mir-reġistru.

(27)

L-informazzjoni superviżorja għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri domiċiljari u ospitanti u l-AETS.

(28)

Kooperazzjoni regolatorja effettiva fost l-entitajiet inkarigati mis-supeviżjoni tal-konformità mal-kriterji uniformi stabiliti f’dan ir-Regolament teħtieġ li livell għoli ta’ segretezza professjonali għandu japplika għall-awtoritajiet nazzjonali relevanti kollha u għall-AETS.

(28a)

Il-kontribut tal-EuSEFs għat-tkabbir ta' suq Ewropew għal investimenti soċjali se jiddependi fuq il-ħatra ta' maniġers tal-fond, ir-rikonoxximent tal-ħatra mill-investituri u l-iżvilupp ta' sistema ekoloġika b'saħħitha għal impriżi soċjali fl-Unjoni kollha li tgħin lil dawk impriżi li jużaw l-għażliet ta' finanzjament provduti. Għal dan l-għan, il-partijiet interessati kollha, inklużi l-operaturi tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u entitajiet relevanti oħra fl-Unjoni, għandhom jiżguraw livell għoli ta' għarfien tal-possibilitajiet ippreżentati minn dan ir-Regolament.

(29)

L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’ superviżjoni madwar l-Unjoni. Bħala korp b’kompetenzi ferm speċjalizzati, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi inkarigata mill-elaborazzjoni tal-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fejn dawn ma jinvolvux għażliet ta' politika, għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni.

(30)

Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 ▐. L-AETS għandha tiġi inkarigata mill-abbozzar tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format ▐ ta' notifika msemmija f'dan ir-Regolament .

(31)

Sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tat-tipi ta’ oġġetti u servizzi jew metodi ta’ produzzjoni tal-oġġetti u s-servizzi li jinkorporaw objettiv soċjali u s-sitwazzjonijiet li fihom il-profitti jistgħu jitqassmu lill-proprjetarji u lill-investituri, it-tipi ta' kunflitti ta' interess li l-maniġers ta' EuSEF jeħtieġu jevitaw u l-passi li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward, id-dettalji tal-proċeduri sabiex jitkejlu l-impatti soċjali li għandhom jinkisbu mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, u l-kontenut u l-proċedura għall-għoti ta' informazzjoni lill-investituri . Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa, matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki flimkien ma’ esperti, billi jitqiesu l-inizjattivi awtoregolatorji u l-kodiċi ta’ kondotta . Il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni matul ix-xogħol preparatorju fir-rigward tal-atti delegati dwar id-dettalji tal-proċeduri li jkejlu l-impatti soċjali li jridu jinkisbu mill-impriżi ta' portafoll kwalifikanti għandu jinvolvi partijiet interessati relevanti u l-AETS. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33)

Mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament jsir applikabbli, għandu jsir rieżami ta’ dan ir-Regolament sabiex jittieħed f’kunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-suq tal-EuSEFs. Ir-rieżami għandu jinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tar-rieżami, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ proposti leġiżlattivi, jekk ikun hemm.

(33a)

Barra minn hekk, sat-22 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta' investiment kollettiv u tal-maniġers tagħhom, speċjalment dawk tad-Direttiva 2011/61/UE. B'mod partikolari, din ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament filwaqt li tevalwa jekk hux meħtieġ li testendi l-kamp ta' applikazzjoni għal maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv akbar biex jużaw id-denominazzjoni EuSEF. Fuq il-bażi tar-rieżami, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ proposti leġiżlattivi, jekk ikun hemm.

(33b)

Fil-kuntest ta' din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa kull ostaklu li seta' impedixxa investituri milli jutilizzaw il-fondi, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta' regolamentazzjoni oħra ta' natura prudenzjali, kif dan jista' japplika għalihom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġbor data biex tevalwa l-kontribut tal-EuSEFs għal programmi oħra tal-Unjoni bħal Orizzont 2020 li wkoll ifittxu li jappoġġaw l-innovazzjoni fl-Unjoni.

(33c)

Fir-rigward tal-eżami tal-Kummissjoni dwar ostakli għat-taxxi f'investimenti f'fondi ta' kapital ta' riskju transkonfinali kif previst mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 intitolata 'Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs' u fil-kuntest tar-reviżjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis li twettaq eżami ekwivalenti ta' ostakli tat-taxxa possibbli għal fondi ta' intraprenditorija soċjali u tevalwa inċentivi ta' taxxa possibbli bl-għan li tinkoraġġixxi intraprenditorija soċjali fl-Unjoni.

(33d)

L-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġijiet tal-persunal u r-riżorsi tagħha li jirriżultaw mill-mument meta tassumi s-setgħat u d-dmirijiet tagħha b'konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(34)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-libertà ta’ intrapriża.

(35)

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (8) tirregola l-ipproċessar ta’ dejta personali mwettqa fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti magħżula mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali (9) mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(36)

Billi l-objettiv ta' dan ir-Regolament, l-aktar l-iżvilupp ta’ Suq Intern għall-EuSEFs billi jistabilixxi qafas għar-reġistrazzjoni ta’ maniġers ta’ EuSEF sabiex tiġi faċilitata l-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk jista' , minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li neċessarju sabiex jikseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabilixxi rekwiżiti uniformi u kundizzjonijiet għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettivi li jkunu jixtiequ jużaw id-denominazzjoni 'EuSEF' fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEF fl-Unjoni, u għaldaqstant, jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern.

Dan ir-Regolament jistabilixxi wkoll regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni ▐ ta’ EuSEF lil investituri eliġibbli madwar l-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ EuSEFs, għal strumenti u tekniki ta’ investiment eliġibbli, kif ukoll l-organizzazzjoni, it-trasparenza u l-kondotta ta’ maniġers ta’ EuSEF li jikkummerċjalizzaw EuSEFs madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fl-Artikolu 3 (1) (b) , li l-assi ġestiti b'mod totali ma jeċċedux il-limitu minimu imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE, li jkunu stabiliti fl-Unjoni u jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont il-punt (a) tal-Artikolu 3 (3) tad-Direttiva 2011/61/UE, sakemm dawn il-maniġers jimmaniġjaw portafolji tal-EuSEFs ▐.

1a.     Il-maniġers tal-EuSEF li huma reġistrati skont dan ir-Regolament bi qbil mal-Artikolu 14,u li l-assi tagħhom f'daqqa sussegwentement kibru biex jeċċedu l-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u li għalhekk saru suġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju bi qbil mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva, jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni 'EuSEF' f'rabta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs fl-Unjoni, sakemm huma jikkonformaw mar-rekwiżiti mniżżla fid-Direttiva 2011/61/UE u jkomplu jikkonformaw mal-Artikoli 3, 5, 9, 12(2), 13(1) (c), (d) u (e) ta' dan ir-Regolament f'kull żmien fir-rigward tal-EuSEFs.

3a.     Maniġers ta' EuSEF li huma reġistrati bi qbil ma' dan ir-Regolament jistgħu wkoll jiiġġestixxu UCITS bil-kundizzjoni li jiksbu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE sakemm ikunu maniġers esterni.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew’ (EuSEF) tfisser impriża ta’ investiment kollettiv li :

(i)

għandha l-ħsieb li tinvesti minimu ta’ 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux eżerċitat tagħha f’assi li huma investimenti kwalifikanti fi żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-EuSEF;

(ii)

qatt ma tuża aktar minn 30 % tal-fond tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux eżerċitat għall-akkwist ta' assi għajr investimenti kwalifikanti;

(iii)

hi stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru, jew f'pajjiż terz sakemm dak il-pajjiż terz:

ma jkollux miżuri tat-taxxa li fihom ma jkunx hemm taxxi jew ikun hemm taxxi nomimali jew fejn ikunu mogħtija vantaġġi mingħajr ebda attività ekonomika reali u preżenza ekonomika sostanzjali fil-pajjiż terz li joffri dawn il-vantaġġi tax-taxxa;

għandu arranġamenti ta' kooperazzjoni xierqa mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-EuSEF li fihom hemm assigurat skambju effettiv ta' informazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament li jippermetti l-awtoritajiet kompetenti jwettqu d-dmirijiet tagħhom bi qbil ma' dan ir-Regolament;

mhux imniżżel fil-lista ta' Pajjiż u Territorju Non-Kooperattiv mill-FATF;

ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-EuSEF u ma' kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-EuSEF, sabiex ikun assigurat li l-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OKŻE u li jiżgura skambju ta' informazzjoni effikaċi fil-kwestjonijiet fiskali, inklużi kwalunkwe ftehimiet fiskali multilaterali.

Il-limiti msemmija fil-punti (i) u (ii) għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha u parteċipazzjonijiet fi flus u ekwivalenti ta’ flus;

(aa)

"spejjeż relevanti" tfisser id-drittijiet, il-kosti u l-ispejjeż li jiġu mġarrba direttament jew indirettament mill-investituri u li jkun sar qbil dwarhom bejn il-maniġer tal-EuSEFs u dawk li jinvestu fihom;

(b)

‘impriża ta’ investiment kollettiv’ tfisser AIF kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE ;

(c)

‘investimenti kwalifikanti’ tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:

(i)

strumenti ta' ekwità jew kważi ekwità li huma :

maħruġ minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti u mixtri direttament mill-EuSEF mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew ,

maħruġ minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti bi tpartit ma’ titolu ta’ ekwità maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew

maħruġ minn impriża li l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti tagħha tkun sussidjarja ta’ sjieda maġġoritarja u li tkun akkwiżita mill-EuSEF bi tpartit ma’ strument ta’ ekwità maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(ii)

strumenti ta’ dejn garantiti u mhux garantiti, maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(iii)

unitajiet jew ishma ta’ EuSEF wieħed jew bosta EuSEFs oħrajn , sakemm dawk il-EuSEFs ma jkunux huma stess li investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati jew ta' kapital impenjat mhux eżerċitat fil-EuSEFs ;

(iv)

selfiet garantiti u mhux garantiti mogħtija mill-EuSEF lil impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(v)

kwalunkwe tip ieħor ta’ parteċipazzjoni f’impriża ta’ portafoll kwalifikanti.

(d)

"impriża ta’ portafoll kwalifikanti" tfisser impriża li, fil-mument tal-investiment mill-EuSEF, ma tkunx aċċettata li tinnegozja f’suq regolat jew f'faċilità ta' kummerċ multilaterali (MTF) kif iddefinit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 2004/39/KE u li :

(-i)

hi stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru, jew f'pajjiż terz sakemm dak il-pajjiż terz:

ma jkollux miżuri tat-taxxa li fihom ma jkunx hemm taxxi jew ikun hemm taxxi nomimali jew fejn ikunu mogħtija vantaġġi mingħajr ebda attività ekonomika reali u preżenza ekonomika sostanzjali fil-pajjiż terz li joffri dawn il-vantaġġi tax-taxxa;

mhux imniżżel fil-lista ta' Pajjiż u Territorju Non-Kooperattiv mill-FATF;

ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-EuSEF u ma' kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-EuSEF, sabiex ikun assigurat li l-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OKŻE u li jiżgura skambju ta' informazzjoni effikaċi fil-kwestjonijiet fiskali, inklużi kwalunkwe ftehimiet fiskali multilaterali;

(i)

tkun kisbet impatti soċjali pożittivi kalkolabbli bħala l-objettiv primarju tagħha skont l-artikoli ta’ stabiliment u l-istatuti tagħha jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta' inkorporazzjoni oħra li jistabilixxu n-negozju; fejn l-impriża:

▐ tipprovdi servizzi jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, emarġinati , żvantaġġjati jew esklużi ; ▐

▐ timpjega metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettivi soċjali tagħha; jew

tipprovdi appoġġ finanzjarju esklużivament għal impriżi soċjali kif definit fl-ewwel żewġ inċiżi;

(ii)

tuża l-profitti tagħha l-ewwel u qabel kollox sabiex tikseb l-objettiv primarju soċjali tagħha skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatuti tagħha jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta' inkorporazzjoni oħra li jistabilixxu n-negozju . Dawk ir-regoli jew strumenti ta' inkorporazzjoni għandu jkollha fis-seħħ proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza li fihom jitqassmu l-profitti lill-azzjonisti jew lis-sidien biex jiżguraw li kull distribuzzjoni ta' profitti bħal din ma ddgħajjifx l-objettiv primarju tagħha ; kif ukoll

(iii)

tkun immaniġjata b’mod responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, klijenti u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha.

(e)

‘ekwità’ tfisser interess ta’ sjieda f’impriża, rappreżentat mill-ishma jew minn forom oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital ta’ impriża ta’ portafoll kwalifikanti maħruġ lill-investituri;

(ea)

'kważi ekwità' tinkludi kwalunkwe tip ta' strument ta' finanzjament, li hu kumbinazzjoni ta' ekwità u dejn, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew mat-telf tal-impriżi tal-portafoll li jikkwalifika, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' default ma jkunx assigurat b'mod sħiħ.

(f)

‘kummerċjalizzazzjoni’ tfisser offerta jew pjazzament diretti jew indirietti fuq l-inizjattiva tal-maniġer ta’ EuSEF jew f’isem dak il-maniġer ta’ unitajiet jew ishma ta’ EuSEF li jimmaniġja għal jew flimkien mal-investituri domiċiljati jew ma’ uffiċċju reġistrat fl-Unjoni;

(g)

‘kapital impenjat’ tfisser kwalunkwe impenn li skontu investitur hu obbligat, fil-limitu ta' żmien imniżżel fir-regoli jew fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-EuSEF, li jikseb interess fil-EuSEF jew jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali lill-EuSEF;

(h)

‘maniġer ta’ EuSEF’ tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha huwa l-immaniġjar tal-inqas ta’ EuSEF wieħed;

(i)

‘Stat Membru domiċiljari’ tfisser l-Istat Membru fejn il-maniġer ta’ EuSEF huwa stabilit u hu suġġett għal reġistrazzjuoni mal-awtoritajiet kompetenti bi qbil mal-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE ;

(j)

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru, li mhuwiex l-Istat Membru domiċiljari, fejn il-maniġer ta’ EuSEF jikkumerċjalizza EuSEFs skont dan ir-Regolament.

(k)

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità nazzjonali li l-Istati Membri domiċiljari jaħtar, b'liġi jew regolament, biex tkun inkarigata mir-reġistrazzjoni tal-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettivi kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1).

(ka)

'UCITS' tfisser impriża għal investiment kollettiv f'titoli trasferibbli awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, meta l-forma ġuridika tal-EuSEF tippermetti mmaniġġjar intern u l-korp ta' tmexxija tal-fond jagħżel li ma jaħtarx maniġer estern, il-EuSEF innifsu għandu jiġi reġistrat bħala maniġer ta' EuSEF. EuSEF li hu reġistrat bħala maniġer intern ta' EuSEF ma jistax ikun reġistrat bħala maniġer ta' EuSEF estern ta' impriżi ta' investiment kollettiv oħra.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika t-tipi ta’ servizzi jew oġġetti u l-metodi ta’ produzzjoni tas-servizzi jew oġġetti li jinkorporaw objettiv soċjali msemmi fil-punt (i) tal-paragrafu 1 (d) ta’ dan l-Artikolu u jitqiesu t-tipi differenti ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dawk iċ-ċirkostanzi fejn il-profitti jkunu jistgħu jitqassmu lis-sidien u lill-investituri.

KAPITOLU II

KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAL-ISEM 'EuSEF'

Artikolu 4

Il-maniġers ta’ EuSEFs li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabiliti f’dan il-Kapitolu jkunu intitolati jużaw l-isem ' EuSEF ' fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ EuSEFs madwar l-Unjoni.

Artikolu 5

1.   Il-maniġers ta’ EuSEFs jiżguraw li, meta jakkwiżixxu assi għajr investimenti kwalifikanti, mhux aktar minn 30 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tal-EuSEF u l-kapital impenjat mhux eżerċitat tiegħu jkun intuża għall-akkwiżizzjoni ta’ assi għajr investimenti kwalifikanti; it-30 % għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' ammont investibbli wara t-tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha; parteċipazzjonijiet ta’ terminu qasir fi flus u ekwivalenti ta’ flus ma jittieħdux f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-limitu minħabba li flus u ekwivalenti għal flus ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti.

2.    Il-maniġer ta’ EuSEFs ma jistax juża ▐ fil-livell tal-EuSEF, ▐ xi metodu ▐ li minħabba fih l-iskopertura tal-fond tikber lil hinn mill-livell ta' kapital impenjat , kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus jew titoli, l-attività f’pożizzjonijiet ta’ derivat jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor.

2a.     Il-maniġer ta' EuSEF jista' biss jissellef, joħroġ obbligi ta' dejn jew jipprovdi garanziji, fil-livell tal-EuSEF, meta dan is-self, obbligi ta' dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux eżerċitati.

Artikolu 6

1.    Il-maniġers ta’ EuSEFs jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-EuSEFs maniġjati esklużivament lil investituri li jkunu meqjusa bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew, fuq talba, jistgħu jiġu ttrattati bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħrajn fejn:

(a)

dawn l-investituri l-oħrajn jieħdu l-impenn li jinvestu minimu ta’ EUR 100 000; kif ukoll

(b)

dawn l-investituri l-oħrajn jiddikkjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt li jkun konkluż għall-impenn ta’ investiment, li jkunu konxji bir-riskji assoċjati mal-impenn previst;

1a.     Il-paragrafu 1 ma japplikax għal investimenti li jsiru minn persunal eżekuttiv, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni tal-maniġer ta' EuSEF meta jinvestu fil-EuSEFs li huma jimmaniġġjaw.

Artikolu 7

Fir-rigward tal-EuSEF li jimmaniġjaw, il-maniġers ta’ EuSEFs:

(a)

jaġixxu onestament, bil-ħila, ir-reqqa u d-diliġenza dovuti u b’mod ġust fit-twettiq ta' attivitajiethom;

(b)

japplikaw politiki u proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta' prattiki ħżiena li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;

(c)

iwettqu l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom sabiex jippromwovu l-impatt soċjali pożittiv tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li jkunu investew fihom, l-aqwa interessi tal-EuSEFs li jimmaniġjaw, l-investituri f’dawk il-EuSEFs u l-integrità tas-suq;

(d)

japplikaw livell għoli ta’ diliġenza fis-selezzjoni u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti fl-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt soċjali pożittiv ta' dawk l-impriżi ;

(e)

jipposjedu għarfien u fehim adegwat tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom jinvestu ;

(ea)

jittrattaw lill-investituri tagħhom b’mod ġust;

(eb)

jiżguraw li l-ebda investitur ma jikseb trattament preferenzjali, sakemm tali trattament preferenzjali ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-EuSEF.

Artikolu 7a

1.     Fejn il-maniġer tal-EuSEF għandu l-ħsieb jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, ir-responsabilità tal-maniġer lejn il-EuSEF u l-investituri tiegħu m'għandhiex tkun affettwata mill-fatt li l-maniġer ikun iddelega funzjonijiet lil parti terza, lanqas m'għandu l-maniġer jiddelega sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer tal-EuSEF u sal-punt li jkun sar entità tal-kaxxa tal-ittri.

2.     Id-delega ta’ funzjonijiet ma għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer tal-EuSEF, u, b’mod partikolari, ma għandhiex tipprevjeni lill-maniġer tal-EuSEF milli jaġixxi, jew lill-EuSEF milli jiġi mmaniġġjat, fl-aħjar interessi tal-investituri tiegħu.

Artikolu 8

1.   Il-maniġers ta’ EuSEFs jidentifikaw u jevitaw kunflitti ta’ interess u, fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu evitati, jimmaniġjaw u jimmonitorjaw u, skont il-paragrafu 4, jiddivulgaw immedjatament , dawn il-kunflitti ta’ interess sabiex jipprevjenuhom milli jaffettwaw l-interess tal-EuSEFs u tal-investituri tagħhom u sabiex jiżguraw li l-EuSEFs li jimmaniġjaw jiġu ttrattati ġustament.

2.   Il-maniġers ta’ EuSEFs jidentifikaw speċjalment dawk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bejn

(a)

il-maniġers ta’ EuSEFs, dawn il-persuni li effettivament imexxu l-operat tal-maniġer ta’ EuSEF, l-impjegati jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kontrollati mill-maniġer ta’ EuSEF, u l-EuSEF maniġjat mill-maniġer ta’ EuSEF jew l-investituri f’dawk il-EuSEFs;

(b)

EuSEF jew l-investitur f'dak il-EuSEF, u kwalunkwe EuSEF maniġjat minn dak il-maniġer ta’ EuSEF, jew l-investituri f'dak il-EuSEF l-ieħor.

(ba)

il-EuSEF jew l-investituri f'dak il-EuSEF, u impriża ta' investiment kollettiv jew UCITS ġestiti mill-istess maniġer ta' EuSEF jew l-investituri f'dik l-impriża ta' investiment kollettiv jew UCITS.

3.   Il-maniġers ta’ EuSEFs iżommu u jħaddmu arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi effikaċi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabiliti fil-paragrafu 1 u 2.

4.   Jiġu pprovduti divulgazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1, fejn arranġamenti organizzazzjonali li jsiru mill-maniġer ta’ EuSEF sabiex jiġu identifikati, prevenuti, immaniġjati u mmonitorjati kunflitti ta’ interess mhumiex biżżejjed sabiex jiżguraw, b’ċertezza raġonevoli, li se jiġu pprevenuti r-riskji ta’ dannu għall-interessi tal-investituri. Il-maniġers ta’ EuSEFs jiddivulgaw b’mod ċar in-natura ġenerali jew is-sorsi ta’ kunflitti ta’ interess lill-investituri qabel ma jidħlu f'operazzjonijiet f’isimhom.

5.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika:

(a)

it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

f’termini ta’ strutturi u proċeduri organizzazzjonali u amministrattivi, il-passi li l-maniġers ta’ EuSEFs għandhom jieħdu, sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmaniġjaw, jimmonitorjaw u jiddivulgaw kunflitti ta’ interess.

Artikolu 9

1.   Għal kull EuSEF li jimmaniġjaw, il-maniġers ta’ EuSEFs jużaw proċeduri sabiex ikejlu ▐ sa fejn l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, li fihom il-EuSEF jinvesti, jiksbu l-impatt soċjali pożittiv li huma impenjati għalihom. Il-maniġers għandhom jiżguraw li dawn il-proċeduri jkunu ċari u trasparenti u jinkludu indikaturi li jistgħu, jiddependi mill-objettiv soċjali u n-natura tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti, jinkludu wieħed jew aktar mis-suġġetti li ġejjin:

(a)

is-swieq tal-impjiegi u tax-xogħol;

(b)

l-istandards u d-drittijiet relatati mal-kwalità tal-impjiegi;

(c)

l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta’ gruppi partikolari; l-ugwaljanza tat-trattament u tal-opportunitajiet u n-nondiskriminazzjoni;

(d)

is-saħħa u s-sikurezza pubbliċi;

(e)

l-aċċess għas-sistemi tal-ħarsien soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni u l-effetti fuqhom.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika d-dettalji tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b'rabta ma' impriżi ta’ portafoll kwalifikanti differenti.

Artikolu 10

F'kull waqt, il-maniġers ta’ EuSEFs ikollhom biżżejjed fondi proprji u jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u xierqa kif inhu meħtieġ għall-immaniġjar xieraq ta’ EuSEFs.

Għandha tkun ir-responsabilità tal-maniġers tal-EuSEF, f'kull żmien, li jiżguraw li jkunu jistgħu jiġġustifikaw li l-fondi tagħhom huma suffiċjenti biex iżommu kontinwità operattiva u jiddivulgaw ir-raġunament tagħhom li juri dwar kif dawn il-fondi huma biżżejjed kif speċifikat fl-Artikolu 13.

Artikolu 11

1.    Ir-regoli għall-valwazzjoni tal-assi jiġu stabiliti fir-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-EuSEF u għandhom jiżguraw proċess ta' valutazzjoni tajjeb u trasparenti .

1a.     Il-proċeduri ta' valutazzjoni użati għandhom jiżguraw li l-assi jingħataw valur xieraq, u li l-valur tal-assi jkun ikkalkulat għall-inqas darba kull sena.

1b.     Sabiex tkun assigurata l-konsistenza fil-valutazzjoni ta' impriżi ta' portafoll kwalifikanti, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida li jistabbilixxu prinċipji komuni dwar it-trattament tal-investimenti f'dawn l-impriżi filwaqt li jqisu l-objettiv primarju li jintlaħqu impatti soċjali pożittivi u li jistgħu jitkejlu u li l-profitti tagħhom, l-ewwel u qabel kollox, jintużaw biex jintlaħaq dan l-impatt.

Artikolu 12

1.   Il-maniġers ta’ EuSEFs iqiegħdu rapport annwali għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għal kull EuSEF maniġjat mhux aktar tard minn 6 xhur wara tmiem is-sena finanzjarja. Ir-rapport jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-EuSEF u l-attivitajiet tas-sena ta’ qabel. Għandu jinkludi wkoll divulgazzjoni tal-profitti tal-EuSEF sa tmiem il-ħajja tiegħu u, fejn applikabbli, divulgazzjoni tal-profitti mqassma matul il-ħajja tiegħu. Ikun fih il-kontijiet finanzjarji awditjati għall-EuSEF. L-awditjar għandu jikkonferma li l-flus u l-assi huma miżmuma f’isem il-fond u li l-maniġer tal-EuSEF ikun stabbilixxa u żamm aġġornati reġistri u kontrolli adegwati fir-rigward tal-użu ta’ kwalunkwe mandat jew kontroll fuq il-flus u l-assi tal-EuSEF u tal-investituri tiegħu u għandu jsir għall-inqas darba fis-sena. Ir-rapport annwali għandu jiġi pprovdut skont l-istandards ta’ rapportar eżistenti u t-termini miftiehma bejn il-maniġer ta’ EuSEF u l-investituri. Il-maniġers ta’ EuSEFs fuq talba jipprovdu r-rapport lill-investituri. Il-maniġers ta’ EuSEFs u l-investituri jistgħu jaqblu dwar divulgazzjonijiet addizzjonali bejniethom.

2.   Bħala minimu, ir-rapport annwali jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dettalji, kif ikun xieraq, dwar l-eżiti soċjali globali miksuba mill-politika ta’ investiment u l-metodu użat għat-tkejjil ta’ dawn l-eżiti;

(b)

dikjarazzjoni dwar kwalunkwe ċessjoni li tkun seħħet fir-rigward tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(c)

deskrizzjoni dwar jekk iċ-ċessjonijiet fir-rigward tal-assi l-oħra tal-EuSEF li ma jkunux investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti seħħewx fuq il-bażi tal-kriterji kif imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 13 (1);

(d)

sommarju tal-attivitajiet li l-maniġer ta’ EuSEF impenja ruħu fihom fir-rigward tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 13(1).

(da)

tagħrif dwar in-natura u l-għan tal-investimenti għajr investimenti ta’ portafoll kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 4(1).

3.   Fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun meħtieġ irendi pubbliku rapport finanzjarju pubbliku skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat  (10) fir-rigward tal-EuSEF, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi pprovdut jew b’mod separat jew inkella bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.

Artikolu 13

1.   Il-maniġers ta’ EuSEFs , fir-rigward tal-EuSEFs li jimmaniġjaw, jgħarrfu lill-investituri tagħhom , b'mod ċar u li jinftiehem, tal-inqas dwar l-elementi li ġejjin qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ investiment :

(a)

l-identità tal-maniġer ta’ EuSEF u ta’ kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħrajn li ngħataw kuntratt mill-maniġer ta’ EuSEF fir-rigward tal-immaniġjar tagħhom u deskrizzjoni ta’ dmirijiethom;

(aa)

l-ammont ta' fondi proprji disponibbli għall-maniġer tal-EuSEF, kif ukoll dikjarazzjoni dettaljata dwar kif il-maniġer tal-EuSEF iqis dawn il-fondi proprji bħala suffiċjenti biex iżomm ir-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għall-immaniġjar xieraq tal-EuSEF tiegħu;

(b)

deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi ta’ investiment tal-EuSEF, inkluża :

(i)

it-tipi tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom għandu l-ħsieb li jinvesti;

(ii)

kwalunkwe EuSEF li fih għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iii)

it-tipi ta' impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fih kwalunkwe EuSEF ieħor, kif imsemmi fil-punt (ii), għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iv)

investimenti mhux kwalifikanti li għandu l-ħsieb li jagħmel;

(v)

▐ it-tekniki li għandu l-ħsieb li jħaddem u

(vi)

kwalunkwe restrizzjoni ta’ investiment applikabbli;

(c)

l-impatt soċjali pożittiv fil-mira tal-politika ta’ investiment tal-EuSEF, inklużi, fejn dawn ikunu relevanti, projjezzjonijiet ta’ dawn l-eżiti skont kif ikun xieraq, u tagħrif dwar prestazzjoni fl-imgħoddi f’dan il-qasam;

(d)

il-metodoloġiji li se jintużaw sabiex jitkejlu l-impatti soċjali;

(e)

deskrizzjoni tal-assi li ma jkunux impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għas-selezzjoni ta’ dawn l-assi, sakemm ma jkunux flus jew inkella ekwivalenti ta’ flus;

(f)

deskrizzjoni tal-profil ta’ riskju tal-EuSEF u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom il-fond jista’ jinvesti jew it-tekniki ta’ investiment li jistgħu jitħaddmu;

(g)

deskrizzjoni tal-proċedura ta’ valwazzjoni tal-EuSEF u tal-metodoloġija ta’ pprezzar għall-valwazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi mħaddma għall-valwazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(h)

deskrizzjoni tal-ispejjeż kollha relevanti u tal-ammonti massimi tagħhom ▐;

(i)

deskrizzjoni ta’ kif tkun ikkalkolata r-remunerazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF;

(j)

fejn din tkun disponibbli, il-prestazzjoni finanzjarja storika tal-EuSEF;

(k)

is-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji u l-attivitajiet ta’ appoġġ l-oħrajn li l-maniġer ta’ EuSEF qed jipprovdi jew iforni permezz ta’ partijiet terzi sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tkabbir jew b’xi mod ieħor l-operazzjonijiet kurrenti tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom il-EuSEF jinvesti jew inkella, fejn dawn is-servizzi jew l-attivitajiet ma jkunux ipprovduti, spjegazzjoni dwar dak il-fatt;

(l)

deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-EuSEF jista’ jibdel l-istrateġija ta’ investiment jew il-politika ta’ investiment tiegħu, jew it-tnejn li huma.

2.   It-tagħrif kollu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Jinżamm aġġornat u jiġi revedut b’mod regolari fejn relevanti .

3.   Fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun meħtieġ jippubblika prospectus skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ  (11) jew skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tal-EuSEF, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi pprovdut jew b’mod separat jew inkella bħala parti mill-prospectus.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika:

(a)

il-kontenut tat-tagħrif imsemmi fil-punti (b) sa (e) u (k) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

kif it-tagħrif kif imsemmi fil-punti (b) sa (e) u (k) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi ppreżentat b’mod uniformi sabiex jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ komparabilità.

KAPITOLU III

SUPERVIŻJONI U KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 14

1.   Il-maniġers ta’ EuSEFs li beħsiebhom jużaw l-isem ' EuSEF ' għall-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEF tagħhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom b’din l-intenzjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej:

(a)

l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju ta-EuSEFs li jimmaniġjaw;

(b)

l-identità tal-EuSEFs li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom jiġu kummerċjalizzati u l-istrateġiji ta’ investiment tagħhom;

(c)

tagħrif dwar l-arranġamenti li saru għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun beħsiebu jikkummerċjalizza kull EuSEF ;

(da)

lista ta' Stati Membri u pajjiżi terzi fejn il-maniġer tal-EuSEF waqqaf, jew għandu l-ħsieb li jwaqqaf, EuSEFs.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tirreġistra lill-maniġer ta’ EuSEF biss jekk tkun sodisfatta li jintlaħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(-a)

il-persuni li jmexxu effettivament in-negozju ta' maniġment ta' EuSEF ikunu ta' reputazzjoni tajba biżżejjed u esperjenzati biżżejjed ukoll fir-rigward tat-tip ta' strateġiji ta' investiment li qed juża l-maniġer tal-EuSEF.

(a)

it-tagħrif meħtieġ fil-paragrafu 1 ikun sħiħ;

(b)

l-arranġamenti notifikati skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 ikunu xierqa sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II.

(ba)

il-lista notifikata skont il-punt (da) tal-paragrafu 1 turi li l-EuSEFs kollha huma stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 3(1)(a)(iii) ta' dan ir-Regolament.

3.   Ir-reġistrazzjoni tkun valida fit-territorju sħiħ tal-Unjoni u tippermetti lill-maniġers ta’ EuSEFs sabiex jikkummerċjalizzaw EuSEFs bl-isem ' EuSEF ' madwar l-Unjoni.

Artikolu 15

Il-maniġer ta’ EuSEF jaġġorna t-tagħrif ipprovdut lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun beħsiebu:

(a)

jikkummerċjalizza EuSEF ġdid;

(b)

jikkummerċjalizza EuSEF eżistenti fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1).

Artikolu 16

1.   Minnufih wara r-reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ EuSEF, iż-żieda ta' EuSEF ġdid, iż-żieda ta' domiċilju ġdid għat-twaqqif ta' EuSEF jew iż-żieda ta' Stat Membru ġdid fejn il-maniġer ta' EuSEF għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza EuSEFs, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tinnotifika dan lill-Istati Membri indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 14 (1) ▐ u mal-AETS.

2.   L-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 14 (1) ta’ dan ir-Regolament ma jimponux, fuq il-maniġer ta’ EuSEF irreġistrat skont l-Artikolu 14, xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs tiegħu, u lanqas ma jeħtieġu xi approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni qabel il-bidu tagħha.

3.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-format tan-notifika.

4.   L-AETS tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa … (12).

5.   Tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 17

L-AETS żżomm aġġornata bażi ta’ dejta ċentrali, aċċessibbli b’mod pubbliku fuq l-internet, li telenka kull maniġer tal-EuSEF irreġistrat fl-Unjoni skont dan ir-Regolament kif ukoll il-EuSEFs li jikkummerċjalizzaw kif ukoll il-pajjiżi li fihom ikunu kkummerċjalizzati .

Artikolu 18

1.    L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tissupervizza l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

1a.     Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u li jistgħu jiġu ppruvati biex temmen li maniġer ta' EuSEF jaġixxi b'mod li jikser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju b'dan, li għandha tieħu miżuri xierqa.

1b.     Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, jew il-maniġer ta' EuSEF ikompli jaġixxi b'mod li jkun ċar li jinsab f'konflitt ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista', bħala konsegwenza u wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluż il-possibilità li żżomm il-maniġer ikkonċernat milli jkompli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-EuSEFs fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 19

B’konformità mad-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, jkollhom is-setgħa li:

(a)

jitolbu aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u sabiex jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b)

jeħtieġu li l-maniġers ta’ EuSEF jipprovdu tagħrif minnufih;

(c)

jeħtieġu tagħrif minn kwalunkwe persuna relatat mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ EuSEF jew tal-EuSEF;

(d)

iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b’avviż minn qabel jew mingħajr;

(e)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li maniġer ta’ EuSEF ikompli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(f)

joħorġu ordni sabiex jiżguraw li maniġer ta’ EuSEF jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u joqgħod lura milli jerġa’ jieħu azzjoni li tista’ twassal għal ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 20

1.   L-Istati Membri jistabilixxu r-regoli dwar s-sanzjonijiet u l-miżuri ▐ amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn huma implimentati. Is-sanzjonijiet u l-miżuri ▐ speċifikati jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Sa … (13) l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-AETS. Jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS minnufih dwar kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.

Artikolu 21

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari , filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, tieħu l-provvedimenti xierqa msemmija fil-paragrafu 2 fejn maniger ta’ EuSEF:

(a)

jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)

jikkummerċjalizza, bi ksur tal-Artikolu 6, l-unitajiet u l-ishma ta' EuSEF lil investituri mhux eliġibbli ▐;

(c)

juża d-denominazzjoni ' EuSEF ' mingħajr ma jkun irreġistrat mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu skont l-Artikolu 14.

(ca)

juża d-denominazzjoni 'EuSEF' biex jikkummerċjalizza fondi li mhumiex stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 3(1)(a)(iii) ta' dan ir-Regolament;

(cb)

jakkwista reġistrazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet foloz jew b'xi mod irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 14;

(cc)

jonqos milli jaġixxi onestament, bil-ħila, ir-reqqa u d-diliġenza dovuti u b’mod ġust fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu bi ksur tal-Artikolu 7(a);

(cd)

jonqos milli japplika politiki u proċeduri xierqa biex jevita prattiki ħżiena bi ksur tal-Artikolu 7(b);

(ce)

repetutament jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 12 dwar ir-rapport annwali;

(cf)

repetutament jonqos milli jikkonforma mal-obbligu li jinforma lill-investituri bi qbil mal-Artikolu 13;

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tieħu l-provvedimenti li ġejjin, skont kif xieraq:

(-a)

tieħu l-miżuri li jiżguraw li l-maniġer ta' EuSEF jikkonforma mal-Artikoli 3(1)(a)(iii), 5, 6, 7(a), 7(b), 12, 13 u 14 ta' dan ir-Regolament;

(a)

tipprojbixxi l-użu tal-isem ' EuSEF ' u tneħħi lill-maniġer tal-EuSEF mir-reġistru.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 14 (1) u l-AETS mingħajr dewmien bit-tneħħija tal-maniġer ta’ EuSEF mir-reġistru msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-jedd li jiġi kkummerċjalizzat EuSEF wieħed jew aktar bid-denominazzjoni ' EuSEF ' fl-Unjoni jiskadi b’effett immedjat mid-data ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

Artikolu 22

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jikkooperaw flimkien kull meta dan ikun meħtieġ għal finijiet ta’ twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom f’dan ir-Regolament bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 .

2.    L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jiskambjaw it-tagħrif u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b'mod partikolari sabiex jiġi identifikat u rimedjat il-ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22a

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar xi valutazzjoni, azzjoni jew omissjoni ta' xi waħda mill-awtorità kompetenti f'oqsma fejn dan ir-Regolament jitlob kooperazzjoni jew koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AETS, li tista' taġixxi bi qbil mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, sakemm dan in-nuqqas ta' qbil ma jkunx relatat mal-Artikolu 3(1)(a)(iii) jew l-Artikolu 3(1)(d)(-i) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 23

1.   Kull persuna li taħdem jew li ħadmet għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-AETS, kif ukoll awdituri u esperti magħżula mill-awtoritajiet kompetenti u l-AETS, huma marbuta bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda tagħrif kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul dmirijiethom ma jiġi ddivulgat lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sintetika jew aggregata b’tali mod li l-maniġers ta’ EuSEFs u l-EuSEFs ma jkunux jistgħu jiġu identifikati b’mod individwali, mingħajr ħsara għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali u proċeduri skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS ma jiġux pprevenuti milli jiskambjaw tagħrif skont dan ir-Regolament jew liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għal maniġers ta’ EuSEFs u EuSEFs.

3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jirċievu tagħrif kunfidenzjali skont il-paragrafu 1, dawn jistgħu jużaw dak it-tagħrif biss matul il-kors tad-dmirijiet tagħhom u għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 24

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa msemmija fl-Artikoli ▐ 3 (2), 8 (5), 9 (2) u 13 (4) tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta' erba' snin mid-data … (14) Il-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' erba' snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli ▐ 3 (2), 8 (5), 9 (2) u 13 (4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkew mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Tidħol fis-seħħ fid-data wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma taffettwax il-validità ta’ kwalunkwe atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifika b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jesprimu oġġezzjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

1.   Mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament. Ir-rieżami jinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:

(a)

il-punt sa fejn intuża l-isem ' EuSEF ' mill-maniġers ta’ EuSEFs fi Stati Membri differenti, kemm fuq bażi domestika jew inkella transfruntiera;

(aa)

il-pożizzjoni ġeografika tal-EuSEFs u jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali li jiżguraw li l-EuSEFs huma stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 3(1)(a)(iii);

(ab)

id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-investimenti li saru mill-EuSEFs;

(b)

l-użu tal-investimenti kwalifikanti differenti mill-EuSEFs u x’impatt dan ħalla fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni;

(ba)

kemm hu xieraq li tiġi stabbilita tikketta Ewropea għal 'impriżi soċjali';

(bb)

il-possibilità li l-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs tkun estiża għal investituri bl-imnut;

(c)

l-applikazzjoni prattika tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt ta’ din fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni u l-impatt soċjali pożittiv tagħhom ;

(ca)

analiżi tal-proċeduri implimentati mill-maniġers tal-EuSEF sabiex jitkejjel l-impatt soċjali pożittiv iġġenerat mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 9 u valutazzjoni dwar il-fattibilità li jiġu introdotti standards armonizzati biex jitqabbel l-impatt soċjali fil-livell tal-Unjoni b'mod konsistenti mal-politika soċjali tal-Unjoni;

(cb)

kemm hu xieraq li dan ir-Regolament ikun kumplimentat b'reġim depożitarju;

(cd)

kemm hu xieraq li l-EuSEFs ikunu inklużi bħala assi eliġibbli skont id-Direttiva 2009/65/KE;

(ce)

kemm hu xieraq li r-rekwiżiti tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13, b'mod partikolari jekk dawn humiex suffiċjenti biex jippermettu li l-investituri jieħdu deċizjoni infurmata dwar investiment;

(cf)

eżami tal-ostakli tat-taxxa possibbli għal fondi ta' intraprenditorija soċjali u valutazzjoni tal-inċentivi ta' taxxa possibbli bl-għan li tiġi nkoraġġita intraprenditorija soċjali fl-Unjoni;

(cg)

valutazzjoni ta' kwalunikwe ostaklu li jista' jimpedixxi li investituri jutilizzaw il-fondi, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta' leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni ta' natura prudenzjali.

2.    Wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 25a

1.     Sat-22 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta' investiment kollettiv u tal-maniġers tagħhom, speċjalment dawk tad-Direttiva 2011/61/UE. Din ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għandha tiġbor data biex tivvaluta jekk hux meħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni jiġi estiż biex jippermetti li l-maniġers li jimmaniġjaw EuSEFs li l-assi totali tagħhom jeċċedu l-limitu minimu provdut fl-Artikolu 2(1) isiru maniġers ta' EuSEF.

2.     Wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 26

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, għajr l-Artikoli ▐ 3 (2), 8 (5), 9 (2) u 13 (4), li japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 175, 19.6.2012, p. 11,

(2)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55,

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' …

(4)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(5)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995 p. 31.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(11)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(12)  Disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(13)  24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(14)  Tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


Top